Moda mgħaġġla: Liġijiet tal-UE għall-konsum sostenibbli tat-tessuti

Bil-moda mgħaġġla, il-kwantità ta’ ħwejjeġ maħduma u mormija splodiet. Skopri aktar dwar l-impatt ambjentali u x'qed tagħmel l-UE dwar dan.

Il-konsum tat-tessuti fl-UE żdied minn 17-il kilo kull persuna fl-2019 għal 19-il kilo kull persuna fl-2022 – biżżejjed biex timla bagalja kbira b’tessuti ġodda. Fl-istess ħin, madwar 12-il kilo ta’ ħwejjeġ kull persuna jintremew kull sena fl-UE.

 

L-Unjoni Ewropea qed tadotta leġiżlazzjoni biex tnaqqas l-iskart tat-tessuti u żżid iċ-ċiklu ta’ ħajja u r-riċiklaġġ tagħhom. It-titjib tas-sostenibbiltà tal-industrija tal-moda huwa parti mill-pjan biex tintlaħaq ekonomija ċirkolari sal-2050.

X’inhi l-moda mgħaġġla?

 

Il-moda mgħaġġla tfisser il-provvista kontinwa ta’ stili ġodda bi prezzijiet baxxi ħafna.

 

It-tkabbir tagħha kien essenzjali biex jiżdied il-konsum tal-ilbies, parzjalment imqanqal mill-midja soċjali u mill-industrija li twassal ix-xejriet tal-moda għand aktar konsumaturi b’pass aktar mgħaġġel minn qabel. Dan wassal għal żidiet kbar fil-produzzjoni u fl-iskart tat-tessuti.

 

L-istrateġiji l-ġodda biex jindirizzaw din il-problema jinkludu żvilupp ta’ mudelli ta’ negozju ġodda għall-kiri tal-ħwejjeġ, disinn ta’ prodotti li jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ (moda ċirkolari), konvinzjoni lin-nies biex jixtru ħwejjeġ ta’ kwalità aħjar li jdumu aktar (moda bil-mod), u ġeneralment tmexxija tal-imġiba tal-konsumatur lejn għażliet ta’ moda aktar sostenibbli.

 

L-impatt tal-moda mgħaġġla fuq l-ambjent – statistika ewlenija

Il-konsum eċċessiv tar-riżorsi naturali

 

Hemm bżonn ta’ ħafna ilma biex jiġi prodott it-tessut, kif ukoll art biex jikber il-qoton u fibri oħra. Biex isir flokk wieħed tal-qoton, huwa meħtieġ 2,700 litru ta' ilma frisk, biżżejjed biex jilqa’ l-bżonnijiet ta’ persuna waħda tax-xorb għal sentejn u nofs.

 

Is-settur tat-tessuti kien it-tielet l-akbar sors ta’ deterjorazzjoni tal-ilma u użu tal-art fl-2020, skont rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

 

Fl-2022, il-konsum tat-tessuti għal kull persuna fl-UE rrikjeda medja ta’:

 

  • 323 metru kwadru ta’ art

  • 12-il metru kubu ta’ ilma

  • 523 kilo ta’ materja prima

 

It-tniġġis tal-ilma u mikroplastiċi

 

Il-produzzjoni tat-tessuti hija stmata li hija responsabbli għal madwar 20% tat-tniġġis tal-ilma nadif globalment, l-aktar minħabba l-proċess tal-kolorazzjoni.

 

Ħasla waħda ta’ tagħbija ta’ ħwejjeġ tal-poliester tista’ tirrilaxxa 700,000 fibra tal-mikroplastik li jistgħu jispiċċaw fil-katina tal-ikel.

 

Il-maġġoranza tal-mikroplastik minn tessuti jinħelsu matul l-ewwel ftit ħasliet. Il-moda mgħaġġla, ibbażata fuq produzzjoni tal-massa, prezzijiet baxxi u volum għoli ta’ bejgħ, tippromwovi ħafna ħasliet inizjali.

 

Il-ħasil ta’ drappijiet sintetiċi jwassal għall-akkumulazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun tunnellata ta’ mikroplastik fil-qiegħ tal-oċeani kull sena. Barra minn hekk, it-tniġġis tal-ilma ġġenerat mill-produzzjoni tal-ilbies għandu impatt devastanti fuq is-saħħa tan-nies lokali, l-annimali u l-ekosistemi fejn jinsabu l-fabbriki.

L-emissjonijiet tal-karbonju

 

Il-produzzjoni u l-konsum tat-tessuti jikkontribwixxu wkoll għall-kriżi klimatika. Skont rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-prodotti tat-tessuti kkunsmati fl-UE fl-2022 ġġeneraw madwar 355 kilo ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull persuna, l-ekwivalenti ta’ vjaġġ ta’ 1,800 km b’karozza tal-petrol standard.

 

L-iskart tal-ilbies fil-landfills u r-rata ta’ riċiklaġġ baxxa

 

Bejn 4% u 9% tal-prodotti kollha tat-tessuti mqiegħda fis-suq Ewropew jinqerdu mingħajr ma qatt intużaw. Ħwejjeġ użati jistgħu jiġu esportati barra mill-UE iżda l-maġġoranza (87%) jinħarqu jew jintremew f’miżbliet.

 

Il-mod kif in-nies jeħilsu minn ħwejjeġ mhux mixtieqa nbidel, b’aktar oġġetti jintremew minflok jiġu donati. Inqas minn nofs l-ilbies użat jinġabar għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ, u 1% tal-ħwejjeġ użati biss jiġu riċiklati f’ilbies ġdid, peress li teknoloġiji li jippermettu r-riċiklaġġ f’fibra verġni għadhom kif qed jidhru.

1% biss

tal-ħwejjeġ użati jiġu riċiklati fi ħwejjeġ ġodda

Leġiżlazzjoni tal-UE għal aktar sostenibbiltà fil-moda

 

L-istrateġija tal-UE għat-tessuti sostenibbli u ċirkolari

 

Bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat fl-2022 strateġija ġdida biex tagħmel it-tessuti aktar durabbli, li jistgħu jissewwew, jerġgħu jintużaw u jiġu riċiklati, tindirizza l-moda mgħaġġla u tistimula l-innovazzjoni fis-settur.

 

Ibbażat fuq din l-istrateġija Ewropea, ġew adottati diversi atti leġiżlattivi ġodda.

 

Is-soluzzjonijiet tal-UE biex jiġi indirizzat l-iskart tat-tessuti

 

F’Settembru 2025, il-Parlament Ewropew approva regoli ġodda li skonthom il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu skemi li jiżguraw li l-produtturi ta’ ħwejjeġ, aċċessorji, kpiepel, żraben, kutri, lożor, purtieri u, b’mod fakultattiv, sodod, ikopru l-ispejjeż tal-ġbir, l-issortjar u r-riċiklaġġ tal-prodotti tagħhom.

 

Dawn l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għandhom ikopru wkoll prodotti mibjugħa online jew minn produtturi reġistrati barra mill-UE. Il-mikrointrapriżi jingħataw sena żejda biex jikkonformaw mar-rekwiżiti.

 

Dawn ir-regoli jemendaw id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Skont dan it-test, il-pajjiżi tal-UE huma mitluba minn Jannar 2025 jiġbru t-tessuti separatament għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ.

 

Ir-regolament dwar l-ekodisinn


Fl-2024, il-Parlament approva regolament ġdid dwar l-ekodisinn. L-ekodisinn ifisser l-integrazzjoni ta’ konsiderazzjonijiet ambjentali fl-iżvilupp tal-prodotti, bl-għan li jinħolqu prodotti bl-inqas impatt ambjentali possibbli matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom.

 

Il-liġi l-ġdida tapplika għal diversi industriji, inkluż l-industrija tal-moda. Hija tintroduċi rekwiżiti u standards minimi għall-ħajja fit-tul, is-sewwi, l-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll għar-riċiklaġġ tal-prodotti.

Il-projbizzjoni fuq il-qerda ta’ ħwejjeġ mhux mibjugħa

 

Ir-regolament l-ġdid dwar l-ekodisinn jobbliga wkoll lill-kumpaniji kbar jirrapportaw in-numru ta’ prodotti mhux mibjugħa li jitwarrbu kull sena u r-raġunijiet għalfejn dan kien meħtieġ. Mill-2026, il-qerda ta’ ħwejjeġ, żraben u aċċessorji mhux mibjugħa se tkun ipprojbita fl-UE.

 

Il-projbizzjoni fuq il-greenwashing

 

Il-greenwashing huwa l-prattika ta’ marketing li tagħti impressjoni falza tal-impatt ambjentali jew tal-benefiċċji ta’ prodott. Fl-2024, il-Membri tal-PE adottaw liġi li tipprojbixxi stqarrijiet ambjentali ġeneriċi dwar prodotti mingħajr prova.

L-Ecolabel tal-UE, ċertifikazzjoni ekoloġika

 

L-Ecolabel tal-UE huwa ċertifikat li l-produtturi jistgħu japplikaw għalih jekk il-prodotti tagħhom jissodisfaw kriterji ekoloġiċi stretti. Dan jagħti aktar viżibbiltà lill-prodotti li jinkludu inqas sustanzi ħżiena u jikkawżaw inqas tniġġis tal-ilma u tal-arja.