Nagħrfu d-diżinformazzjoni: Sitt tattiċi użati biex iqarqu bina (filmati)
Ara kif tagħraf t-tattiċi differenti tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni, id-diżinformazzjoni u l-aħbarijiet foloz b’dawn is-sitt filmati.
Id-diżinformazzjoni tista’ ddgħajjef id-demokrazija, tnaqqas il-fiduċja fl-elezzjonijiet, fl-istituzzjonijiet, fil-konverżazzjoni pubblika, u fost iċ-ċittadini - dan kollu minn taħt.
Il-filmati ta’ hawn taħt jesploraw sitt tekniki ta’ diżinformazzjoni, il-perikli li joħolqu, u passi prattiċi biex tirreżisti l-manipulazzjoni.
Logħob bl-emozzjonijiet
Il-manipulaturi jużaw kontenut emozzjonalment niggieżi li jipprovoka rabja jew biża' biex jinvolvu l-ispettaturi, peress li huwa aktar konvinċenti minn fatti xotti.
Kontenut bħal dan iħeġġiġna nikklikkjaw, nikkummentaw, jew naqsmuh mingħajr ma naħsbu.
X'tista' tagħmel? Aħseb darbtejn dwar stqarrijiet magħmula online hekk kif tagħmel wiċċ imb wiċċ — ieqaf, ivverifika l-fatti, u rreżisti reazzjonijiet impulsivi għal skattaturi emozzjonali.
Il-polarizzazzjoni
Il-polarizzazzjoni hija tattika li tamplifika l-aktar perspettivi estremi filwaqt li trażżan opinjonijiet moderati jew sottili.
L-għan tagħha hu li tinżera’ l-firda, tibdel liċ-ċittadini minn aħwa għal għedewwa u, f’każijiet estremi, tinċita kunflitt fiżiku.
Biex tiġġieled kontra dan, tista’ tirrifletti dwar dibattiti ddominati minn estremitajiet aggressivi u tirreaġġixxi billi tfittex djalogu u bażi komuni b’moħħ miftuħ.
Flooding tal-ispazju tal-informazzjoni
L-għan tat-tattika ta’ diżinformazzjoni magħrufa bħala “flooding” huwa li tegħleb lin-nies b’verżjonijiet kontradittorji ta’ storja.
Dawn il-verżjonijiet konfliġġenti għandhom l-għan li jġiegħlu lin-nies joqogħdu lura milli jinteraġixxx jew jieqfu jfittxu l-fatti għalkollox minħabba l-konfużjoni u d-dubju tagħhom. Dan jista’ jdgħajjef il-fiduċja fil-midja u fl-istituzzjonijiet demokratiċi u jwassal għal apatija u rifjut tar-realtà oġġettiva.
Biex tiġġieled lura, tista' toqgħod fuq sorsi ta' kwalità għolja u li għandhom fatti vverifikati, u tipprijoritizza li tirċievi informazzjoni preċiża milli informazzjoni ta' malajr.
Sfruttament tal-preġudizzju tal-konferma
Aħna għandna t-tendenza li nafdaw informazzjoni li taqbel mat-twemmin tagħna, fenomenu magħruf bħala preġudizzju ta'konferma.
Dawk li jxerrdu d-diżinformazzjoni jużaw dan biex jappellaw għall-fehmiet preeżistenti ta’ udjenzi speċifiċi.
Biex tevita l-manipulazzjoni, aħseb fil-punti fejn inti nnifsek suxxettibbli, ieqaf biex tevalwa b’mod kritiku l-informazzjoni li tħossha tivvalidak u ċċekkja għal darba tnejn qabel ma taqsamha.
Il-manipulazzjoni tal-kuntest
Id-diżinformazzjoni spiss tkun dwar il-preżentazzjoni ta’ fatti, ritratti jew dikjarazzjonijiet reali barra mill-kuntest biex iqarrqu, aktar milli joħolqu stejjer kompletament foloz. Il-fatti jistgħu jidhru kredibbli iżda jistgħu jintużaw b’mod qarrieqi.
Eżempji jinkludu l-użu ta’ ritratt antik daqslikieku huwa attwali, ir-rappreżentazzjoni ħażina ta’ dikjarazzjoni, jew l-attribuzzjoni tal-opinjoni ta’ persuna lil grupp sħiħ.
Biex tevita li taqa'fin-nassa, aħseb fil-kuntest li fih saret id-dikjarazzjoni jew l-immaġni, iċċekkja għal inkonsistenzi, iċċekkja għal darba tnejn ma' sorsi uffiċjali, u żgura li l-messaġġ jirrifletti l-grupp kollu, mhux membru wieħed biss.
L-attakk u t-tiskit ta' lħna kritiċi
It-tattiċi tat-tiskit jinkludu l-flooding tal-midja soċjali b’attakki personali, l-użu ta’ trolls jew deepfakes li jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali biex jintimidaw, jagħtu fastidju, jew jirrappreżentaw b'mod skorrettlill-individwi, bl-għan li jinfurzaw l-awtoċensura u jrażżnu d-dissens.
Biex tiġġieled dan, appoġġa individwi fil-mira, tinvolvix ruħek f’attakki personali, insisti fuq nuqqas ta’ qbil rispettuż, u rrappurta diskors ta’ mibegħda u theddid.