X’inhu l-euro diġitali, u għaliex teħtieġu l-UE?

X’inhu l-euro diġitali? Kif se jaħdem? Se jissostitwixxi l-flus kontanti? U kif jista’ jagħmel lill-UE anqas dipendenti fuq pajjiżi mhux tal-UE?

Viżitatur jgħaddi minn quddiem sinjal kbir tal-euro ġewwa l-kwartieri ġenerali tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fi Frankfurt am Main, fil-Punent tal-Ġermanja, fil-11 ta’ Ġunju 2026.
L-euro diġitali jista’ jagħti lill-Ewropa l-għażla ta’ pagament diġitali pubbliku tagħha stess, indipendentament mill-Istati Uniti.

L-euro diġitali se jkun mod ġdid għalik biex tħallas bl-euro b’mod elettroniku, fil-ħwienet u online u biex tagħmel pagamenti lil persuni oħra. Dan se jkun jeżisti flimkien ma’ flus kontanti fiżiċi, u se jimla lakuna fl-ekonomija diġitali tal-UE.

Din l-għażla ta’ pagament Ewropea se tnaqqas ukoll id-dipendenza tagħna fuq sistemi ta’ pagament ikkontrollati minn barra mill-Ewropa, u b’hekk se żżid is-sovranità diġitali u monetarja tal-UE.

L-euro diġitali għadu fil-fażi ta’ tħejjija. Il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi tal-UE (il-Kunsill) bħalissa qed jinnegozjaw il-qafas legali li jagħmel din il-forma ġdida ta’ flus possibbli.

Kompli aqra biex issir taf aktar dwar l-euro diġitali, kif se jaħdem, xi jfisser għalik u għall-ekonomija Ewropea, u meta jaf jitnieda.

X’inhu l-euro diġitali u kif se jaħdem?

L-euro diġitali se jkun forma elettronika ġdida ta’ flus kontanti, maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Dan se jkun jeżisti flimkien ma’ flus kontanti fiżiċi (karti tal-flus u muniti) u jista’ jintuża minn kull min jixtieq jagħmel pagamenti, kemm online kif ukoll offline, fiż-żona tal-euro.

L-euro diġitali jista’ jsir disponibbli wkoll fil-pajjiżi tal-UE li għadhom ma jużawx l-euro, taħt ċerti kundizzjonijiet.

L-euro diġitali se jkun fil-forma ta’ flus pubbliċi, maħruġa mill-Bank Ċentrali Ewropew. Illum, tista’ tuża l-flus tal-bank ċentrali direttament biss fil-forma ta’ flus kontanti fiżiċi: il-karti tal-flus u l-muniti.

B’kuntrast ma’ dan, il-flus li normalment tara fil-kont tal-bank tiegħek huma flus tal-bank kummerċjali. Dawn il-flus huma dawk li tuża meta tħallas bil-kard jew tagħmel trasferiment bankarju. Meta tiġbed il-flus mill-kont tal-bank tiegħek, tkun qed tikkonverti l-flus tal-bank kummerċjali fi flus tal-bank ċentrali. Meta tiddepożita l-flus kontanti, tkun qed tagħmel l-oppost.

L-euro diġitali kif se jkun differenti mill-flus kontanti u mill-flus tal-bank?

  • L-euro diġitali se jkun forma ta’ flus kontanti diġitali u mhux forma fiżika.
  • L-euro diġitali se jkun munita pubblika u mhux munita tal-bank kummerċjali.
  • L-euro diġitali jinħareġ mill-BĊE u dejjem ikollu l-istess valur tal-flus kontanti: euro diġitali wieħed se jammonta għal euro wieħed.

L-euro diġitali jissostitwixxi l-flus kontanti jew metodi ta’ pagament eżistenti oħra?

Le. L-euro diġitali mhux se jissostitwixxi l-flus kontanti jew iġiegħel lin-nies iħallsu b’mod diġitali. Dan se jagħti għażla lin-nies ta’ pagament alternattiv flimkien ma’ flus kontanti, kards, apps bankarji u metodi eżistenti oħra. L-utenti se jibqgħu kompletament liberi li jagħżlu kif jixtiequ jħallsu.

Il-pajjiżi taż-żona tal-euro se jkunu obbligati bil-liġi li jżommu flus kontanti fiżiċi disponibbli. Inti se tibqa’ liberu li tuża l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro, u r-regoli tal-UE se jkomplu jipproteġu l-aċċess għall-flus kontanti u li dawn jiġu aċċettati. Bħala regola ġenerali, in-negozji mhux se jkunu jistgħu jirrifjutaw flus kontanti, b’eċċezzjonijiet limitati, pereżempju xi distributuri awtomatiċi jew punti oħra ta’ pagament mingħajr persunal.

Il-pajjiżi tal-UE se jkollhom bżonn jimmonitorjaw l-inklużjoni finanzjarja u jiżguraw li n-nies xorta jkunu jistgħu jaċċessaw flus kontanti fiżiċi. Dan jinkludi dawk il-persuni li jiddependu l-aktar fuq il-flus kontanti, bħal persuni akbar fl-età u persuni mingħajr aċċess faċli għas-servizzi bankarji.

Kif se jkun differenti l-ħlas bl-euro diġitali mill-ħlas bil-kard?

Illum, meta tħallas bil-kard jew bl-app bankarja, tkun qed tuża l-flus li jinżammu f’kont ma’ bank kummerċjali, u l-pagament jista’ jgħaddi minn network ta’ pagament privat bħal Visa jew Mastercard. Bl-euro diġitali, tkun qed tħallas bl-użu ta’ flus pubbliċi maħruġa mill-BĊE.

Għall-utenti, din l-esperjenza jaf tidher pjuttost simili: l-euro diġitali jista’ jiġi aċċessat permezz ta’ app jew kartiera diġitali u jintuża’ biex tħallas fi ħwienet, online jew lil persuni oħra. Id-differenza ewlenija tkun f’dak li jkun qed jiġri waqt li qed iseħħ il-pagament.

L-euro diġitali huwa kriptovaluta? Tista’ tinvesti fih?

Le. Għall-kuntrarju tal-kriptovaluti, il-valur tal-euro diġitali ma jvarjax. Euro diġitali wieħed dejjem se jkun jiswa eżattament euro wieħed, bħall-munita tal-euro jew euro f’kont bankarju. L-euro diġitali se jkun imfassal għall-pagamenti, mhux bħala investiment. Għaldaqstant mhux se jħallas imgħax.

Kif se jaħdem l-euro diġitali fil-ħajja ta’ kuljum?

L-euro diġitali se jkun mod ieħor kif tħallas f’ħanut, tixtri xi ħaġa online jew tibgħat flus lil persuna oħra, b’livell ta’ privatezza ekwivalenti għall-pagament bi flus kontanti fiżiċi. Il-limitu eżatt fuq kemm jista’ jkollha euro persuna waħda f’salt għad irid jiġi deċiż.

L-euro diġitali fil-prattika

L-euro diġitali tiegħek se żżommhom f’kont iddedikat mal-bank tiegħek, jew f’bank ieħor magħżul għal dan l-għan, jew ma’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament. Dawn l-entitajiet se jkollhom jiġu awtorizzati biex jipprovdu dan is-servizz.

Il-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ pagament, inklużi l-banek, il-fornituri tal-flus elettroniċi, l-uffiċċji postali, u l-fornituri regolati tal-kriptoassi, se jkunu jistgħu jqassmu l-euro diġitali madwar l-UE.

Se tkun tista’ tuża l-euro diġitali permezz ta’ app jew kartiera diġitali, pereżempju fuq smartphone. Tista’ tagħmel ukoll ċerti pagamenti offline, mingħajr konnessjoni tal-internet. Id-dettalji preċiżi ta’ dawn l-aspetti prattiċi għadhom qed jitfasslu u se jiġu ttestjati qabel it-tnedija tal-euro diġitali.

Skont ir-regoli proposti, il-biċċa l-kbira tan-negozji fiż-żona tal-euro se jkollhom jaċċettaw pagamenti bl-euro diġitali, għalkemm japplikaw xi eċċezzjonijiet. Pereżempju, xi negozji żgħar li ma jaċċettawx pagamenti diġitali oħra jistgħu jiġu eżentati.

Fil-prattika, tista’ tuża l-euro diġitali biex tħallas f’ħanut, tixtri xi ħaġa online jew tibgħat flus lil persuna oħra.

L-euro diġitali se jipproteġi l-privatezza u d-data personali tiegħi?

Il-privatezza hija maħsuba li tkun waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-euro diġitali. Il-BĊE mhux se jkun jista’ jorbot direttament il-pagamenti individwali ma’ utenti speċifiċi, u se jiġu inkorporati salvagwardji biex jiġu vverifikati t-tranżazzjonijiet mingħajr ma tiġi esposta data personali. Se tiġi pproċessata biss id-data personali meħtieġa biex jiġu pproċessati l-pagamenti.

Peress li l-euro diġitali se jkun ġestit fl-UE minn istituzzjoni pubblika (il-BĊE) aktar milli minn fornituri privati b’interess kummerċjali fil-monetizzazzjoni tad-data, dan se joffri privatezza akbar mill-metodi attwali ta’ pagament bil-kard. Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data se japplikaw bis-sħiħ.

Għall-pagamenti offline bl-euro diġitali, dak li jħallas u dak li jirċievi biss se jkunu jafu d-dettalji tat-tranżazzjoni, u dan se joffri livell ta’ privatezza simili ħafna għall-flus kontanti.

Se jkun hemm limiti ta’ ħlas?

Se jkun hemm limitu fuq kemm persuna waħda jista’ jkollha euro diġitali f’salt. L-għan huwa li jiġu evitati trasferimenti kbar ta’ flus minn kontijiet bankarji li jistgħu jiddestabbilizzaw il-banek. Il-limitu eżatt għadu ma ġiex deċiż.

L-euro diġitali idea tajba?

L-euro diġitali jimla lakuna fl-ekonomija diġitali tal-Ewropa billi jippermetti lin-nies jużaw il-flus kontanti online. Apparti li ma jiswiex aktar mis-sistemi ta’ pagament attwali, dan inaqqas ukoll id-dipendenza tal-UE fuq sistemi ta’ pagament ikkontrollati minn barra l-Ewropa, u b’hekk jiggarantixxi l-awtonomija strateġika minn pajjiżi terzi.

Mod diġitali kif jintużaw il-flus kontanti għall-pagamenti kemm online kif ukoll offline

Bħalissa ma tistax tuża l-flus kontanti (flus tal-BĊE f’forma fiżika) online. L-euro diġitali jimla din il-lakuna. Mhux se jkollok bżonn konnessjoni tal-internet, u l-pagamenti offline tal-individwi privati se jkunu b’xejn.

Anqas tariffi għall-intrapriżi

Is-servizzi bażiċi tal-euro diġitali għall-individwi privati se jkunu b’xejn. Dan jinkludi meta tiftaħ u tuża’ kont tal-euro diġitali, iżżomm l-euro diġitali f’kartiera, u tagħmel pagamenti bażiċi.

In-negozji diġà jħallsu tariffi meta l-klijenti jużaw il-kards. Skont ir-regoli proposti, it-tariffi tas-servizz tagħhom se jkunu limitati u għandhom ikunu aktar baxxi mit-tariffi applikati bħalissa. Il-livell ta’ dawn it-tariffi se jiġi deċiż fl-UE, b’kuntrast mas-sitwazzjoni bħalissa.

Alternattiva Ewropea għal servizzi ta’ pagament mhux tal-UE

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi taż-żona tal-euro bħalissa jiddependu ħafna fuq sistemi internazzjonali ta’ pagament bil-kard, b’mod partikolari n-networks tal-Visa u tal-Mastercard ibbażati fl-Istati Uniti. Dan ifisser li l-flussi kollha ta’ pagamenti mhux bi flus kontanti u d-data u t-tariffi personali assoċjati jiġu ttrattati barra mill-UE.

Din is-sitwazzjoni diġà rriżultat f’każijiet fejn ċittadini Ewropej ġew imċaħħda mill-aċċess għall-kontijiet bankarji tagħhom fl-UE, minn pajjiżi barra mill-UE. Pereżempju, f’Awwissu 2025, l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq iċ-ċittadin Franċiż Nicolas Guillou, imħallef fil-Qorti Kriminali Internazzjonali, minħabba r-rwol tiegħu fil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest għal Benjamin Netanyahu. B’hekk, Guillou u l-familja tiegħu ġew imċaħħda mill-aċċess għal servizzi ta’ pagament ewlenin marbuta mal-Istati Uniti, bħal Visa u Mastercard. Peress li dawn in-networks huma integrati sew fl-infrastruttura tal-pagamenti tal-Ewropa, dan illimita wkoll l-aċċess tiegħu għal ħafna servizzi ta’ pagament fl-Ewropa wkoll.

L-euro diġitali, peress li se jkun maħruġ u ttrattat fl-UE, se jgħin biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-UE minn sitwazzjonijiet bħal dawn.

Dan se jagħti lin-nies fiż-żona tal-euro, aċċess għal għażla ta’ pagament Ewropea u jnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq sistemi ta’ pagament ikkontrollati minn barra mill-Ewropa.

Meta se jasal l-euro diġitali?

L-euro diġitali għadu fil-fażi ta’ tħejjija. Qabel ma jkun jista’ jiġi introdott, il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi tal-UE jeħtieġ li jaqblu dwar il-leġiżlazzjoni u jadottawha.

Sadanittant, il-BĊE jeħtieġ li jiffinalizza t-tħejjijiet mil-lat tekniku. Il-BĊE indika li l-euro diġitali jista’ jkun qed jopera sal-2029, skont meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni.

L-adozzjoni tar-Regolament dwar l-euro diġitali

Bħalissa, il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi tal-UE qed jinnegozjaw id-dettalji finali tal-leġiżlazzjoni dwar l-euro diġitali.

Il-Parlament irid li l-euro diġitali jkun sigur, jipproteġi l-privatezza tal-utenti u li l-użu bażiku tiegħu minn individwi privati jkun b’xejn. Il-Membri tal-PE jridu limiti ċari dwar kemm jista’ jkollha euro diġitali persuna waħda. Iridu wkoll li l-euro diġitali jiġi ttestjat bir-reqqa qabel it-tnedija u li l-pubbliku jingħata informazzjoni ċara.

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom l-għan li jilħqu ftehim dwar il-leġiżlazzjoni u dwar iż-żmien għall-introduzzjoni possibbli tal-euro diġitali sal-aħħar tal-2026. Anke wara li tiġi adottata l-leġiżlazzjoni, il-BĊE xorta jkollu jiddeċiedi meta se joħroġ l-euro diġitali.

L-Ewropa m’għandhiex għalfejn tagħżel bejn l-euro diġitali u soluzzjonijiet effiċjenti ta’ pagamenti privati. Jeħtieġ li t-tnejn jaħdmu flimkien (...) l-istandards u l-infrastruttura eżistenti għandhom jerġgħu jintużaw kull fejn ikun possibbli. Dan se jippermetti li s-soluzzjonijiet ta’ pagament Ewropej ikunu konnessi ma’ infrastruttura aċċettata b’mod komuni u jsiru interoperabbli bejn il-fruntieri.
Fernando Navarrete Rojas (PPE, Spanja), li qed imexxi l-ħidma fuq l-euro diġitali fil-Parlament Ewropew

It-tħejjijiet tekniċi tal-Bank Ċentrali Ewropew

Qabel kwalunkwe tnedija, il-BĊE jrid ilesti l-ħidma tiegħu fuq il-pjattaforma tal-euro diġitali, iwettaq testijiet pilota f’kundizzjonijiet reali u jiffinalizza l-ġabra ta’ regoli tal-euro diġitali li tistabbilixxi eżattament kif se jaħdem.

Ladarba titlesta l-fażi ta’ tħejjija, il-banek, il-fornituri ta’ pagament u n-negozji se jkollhom sentejn biex jippreparaw qabel ma l-euro diġitali jsir disponibbli b’mod wiesa’ fl-Istati Membri tal-UE.

Il-BĊE qal li l-euro diġitali jista’ jkun qed jopera sal-2029, skont meta tiġi adottata l-leġiżlazzjoni.