Il-Ġimgħa Ewropea għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri
3 – 9 ta’ Novembru 2025
Il-Ġimgħa għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri: immexxu d-drittijiet tan-nisa ’l quddiem
Il-Parlament Ewropew jiddefendi d-drittijiet tan-nisa madwar l-UE. L-isforzi tiegħu biex jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq il-post tax-xogħol, fil-politika u f’oqsma oħra wasslu għal leġiżlazzjoni importanti. Miżuri ġodda legalment vinkolanti jkopru varjetà kbira ta’ kwistjonijiet: jgħinu biex tintemm paga mhux ugwali, jeliminaw id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, jagħtu spinta lill-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet korporattivi u jiġġieldu il-vjolenza kontra n-nisa.
Kull sena l-Parlament jorganizza Ġimgħa għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri biex jieħu kont tal-kisbiet u jidentifika miżuri ġodda biex javvanza d-drittijiet tal-bniet u tan-nisa u jiżgura l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-avvenimenti jiġu organizzati mill-kumitati, id-delegazzjonijiet, il-gruppi politiċi u l-amministrazzjoni tal-Parlament. L-ewwel edizzjoni saret fl-2020, fuq l-inizjattiva tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.
Fl-2025, il-Ġimgħa Ewropea għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri se tiffoka fuq it-talent. L-avveniment ewlieni se jospita diskussjoni dwar kif jista’ jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jaċċessaw l-istess opportunitajiet bħall-irġiel sabiex ikunu jistgħu jużaw it-talenti tagħhom.
Il-Parlament jixtieq jenfasizza li l-ħolqien tal-kundizzjonijiet biex in-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-forza tax-xogħol u fil-ħajja pubblika mhuwiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja, iżda jġib miegħu wkoll benefiċċji ekonomiċi u soċjali.
“Meta n-nisa jirnexxu, jiġġeneraw it-tkabbir, jittrasformaw il-komunitajiet, u jispiraw il-ġenerazzjoni li jmiss.”
Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew
“Il-futur tal-Ewropa jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li nrawmu t-talent: mill-klassijiet sas-swali tal-konferenzi, mil-laboratorji sal-parlamenti, l-Ewropa trid issir post fejn kull talent jista’ jiffjorixxi. Il-kompitu tagħna huwa li neliminaw dawk l-ostakli kollha li ma għandhomx jibqgħu jeżistu.”
Antonella Sberna, Viċi President tal-Parlament Ewropew għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri
“It-talent huwa mifrux b'mod ugwali, l-opportunitajiet mhumiex. Ejjew nisfidawha din. Żmien l-ugwaljanza qiegħed magħna.”
Lina Gálvez, President tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Parlament