Il-mikroplastik: sorsi, effetti u s-soluzzjonijiet tal-UE

Minn fejn ġej il-mikroplastik u x'inhuma l-effetti tiegħu? Skopri fatti ewlenin dwar il-mikroplastik u sir af x'soluzzjonijiet qed taħdem fuqhom l-UE.

Sal-2030, l-UE għandha l-għan li tnaqqas ir-rilaxx tal-mikroplastik fl-ambjent bi 30 %, bħala parti minn pjan usa’ biex jitrażżan it-tniġġis u jiġu promossi ekosistemi b’saħħithom. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Parlament Ewropew appoġġa firxa ta' miżuri biex jiġu indirizzati kemm sorsi miżjuda intenzjonalment kif ukoll sorsi mhux intenzjonati ta' mikroplastik.

X'inhu l-mikroplastik u minn fejn hu ġej? 

 

Il-mikroplastik jikkonsisti minn biċċiet żgħar ħafna ta' materjal tal-plastik tipikament iżgħar minn ħames millimetri. Jista' jinqasam f'żewġ kategoriji ewlenin skont is-sors tiegħu:

Mikroplastik primarju

  • Rilaxxat direttament fl-ambjent bħala partikoli żgħar
  • Huwa stmat li jirrappreżenta bejn 15 u 31% tal-mikroplastik fl-oċeani
  • Sorsi ewlenin: ħasil ta' ħwejjeġ sintetiċi (35% tal-mikroplastik primarju); brix ta' tajers minħabba s-sewqan (28%); mikroplastik miżjud intenzjonalment fi prodotti tal-kura personali, pereżempju mikrożibeġ fi scrubs tal-wiċċ (2%)

Mikroplastik sekondarju

  • Joriġina minn degradazzjoni ta' oġġetti tal-plastik akbar, bħal boroż tal-plastik, fliexken jew xbieki tas-sajd
  • Jirrappreżenta bejn 69 u 81% tal-mikroplastik li nsibu fl-oċeani

X'inhuma l-effetti tal-mikroplastik?

  

Il-mikroplastik jinsab fi kwantitajiet dejjem akbar fl-oċean. Skont in-Nazzjonijiet Uniti, hemm mhux anqas minn 51 triljun partiċella ta' mikroplastik fl-ibħra, 500 darba aktar milli hemm kwiekeb fil-galassja tagħna.

 

Il-mikroplastik li jinsab fil-baħar jista' jinbela' mill-annimali tal-baħar. Il-plastik imbagħad jakkumula u jista' jispiċċa fil-bnedmin permezz tal-katina tal-ikel.

 

Instab fl-ikel u fix-xorb, inkluż fil-birra, fl-għasel u fl-ilma tal-vit. Mhijiex ħaġa tal-għaġeb li partiċelli tal-plastik dan l-aħħar ġew skoperti wkoll fl-ippurgar tal-bnedmin.

 

S'issa, l-effett fuq is-saħħa tal-bniedem għadu mhux magħruf, iżda l-plastik ta' spiss ikun fih addittivi, bħal stabilizzaturi jew ritardanti tal-fjammi, u sustanzi kimiċi oħra possibbilment tossiċi li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-annimali jew il-bnedmin li jibilgħuhom.

Microplastic illustration image
Mikroplastik

Soluzzjonijiet: azzjonijiet tal-UE biex jitnaqqsu l-mikroplastiċi

 

Il-Parlament appoġġa b'mod konsistenti l-azzjoni tal-UE biex tindirizza l-mikroplastik f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. L-enfasi hija fuq il-prevenzjoni tat-tniġġis fis-sors tiegħu u l-iżgurar li l-industriji jieħdu r-responsabbiltà għall-impronta ambjentali tagħhom

 

It-tnaqqis tal-mikroplastiċi fil-prodotti

 

F'Settembru 2018, il-Membri tal-PE approvaw strateġija dwar il-plastik li għandha l-għan li żżid ir-rata ta' riċiklaġġ tal-iskart tal-plastik fl-UE, u talbu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu miżuri biex timminimizza r-rilaxx tal-mikroplastik mit-tessuti, mit-tajers, miż-żebgħa u mill-fdalijiet tas-sigaretti.

 

L-UE adottat restrizzjonijiet li jipprojbixxu l-mikroplastik miżjud intenzjonalment fi prodotti bħall-kożmetiċi, id-deterġenti, il-fertilizzanti jew il-materjali użati fuq artijiet sportivi artifiċjali. Il-miżura tkopri wkoll prodotti bħall-glitter u l-mikrożibeġ. Skont il-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea, ir-regoli għandhom jipprevjenu r-rilaxx fl-ambjent ta’ madwar nofs miljun tunnellata ta’ mikroplastik.

 

Il-limitazzjoni tal-plastik li jintuża darba biss u skart ieħor tal-plastik

 

F'Ottubru 2018, il-Parlament appoġġja projbizzjoni tal-UE fuq ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinsabu b'mod wiesa' fl-ibħra u li diġà għandhom sostituti mhux tal-plastik disponibbli. Il-Membri tal-PE żiedu l-plastik ossodegradabbli mal-lista ta' oġġetti li għandhom jiġu pprojbiti. Il-plastik ossodegradabbli huwa plastik konvenzjonali li jinqasam faċilment f’biċċiet żgħar minħabba addittivi u jikkontribwixxi għat-tniġġis mill-mikroplastik fl-oċeani.

 

Fl-2015, il-Parlament ivvota favur restrizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief fl-UE.

 

Regoli ġodda tal-UE dwar il-pellets tal-plastik

Fl-2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli biex tipprevjeni t-telf ta’ pellets tal-plastik - il-materja prima industrijali użata biex isiru prodotti tal-plastik - li jirrappreżentaw wieħed mill-akbar tliet sorsi ta’ tniġġis mhux intenzjonat tal-mikroplastik fl-UE.

 

Il-Membri tal-PE adottaw ir-regoli l-ġodda f'Ottubru 2025. Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi rekwiżiti vinkolanti għall-kumpaniji biex jimmaniġġjaw, jittrasportaw u jaħżnu l-pellets b’mod sikur, bl-għan li jiġi evitat aħjar it-tniġġis mill-mikroplastik tul il-katina tal-provvista.