Toroq aktar sikuri: x'inhuma l-miżuri tal-UE biex jitnaqqsu l-inċidenti tat-traffiku?

L-UE trid li jkollha ebda mwiet fit-toroq sal-2050. Skopri liema miżuri adotta l-Parlament matul dawn l-aħħar snin biex inaqqas l-inċidenti tat-traffiku.

Ritratt ta' karrozza mgħaffġa wara inċident tat-traffiku
L-UE trid ittejjeb is-sikurezza fit-toroq ©AP ritratt/Unjoni Ewropea-PE

It-toroq tal-UE huma l-aktar sikuri fid-dinja b’medja ta’ 44 mewta fit-toroq għal kull miljun abitant, filwaqt li hemm 174 mewta għal kull miljun abitant globalment. L-imwiet fit-toroq fl-UE naqsu b’aktar min-nofs f’dawn l-aħħar għoxrin sena.

 

Madankollu, l-Unjoni Ewropea tkompli taħdem biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq. Dan l-aħħar, il-Parlament Ewropew wasal biex jivvota dwar liġi ġdida biex jiżgura li s-sewwieqa li jiksru regoli importanti tat-traffiku barra mill-pajjiż ikunu jistgħu jitilfu l-liċenzja tas-sewqan tagħhom f’pajjiżhom.

 

Imwiet f'inċidenti tat-traffiku fl-UE - statistika ewlenija

 

Iċ-ċifri tal-imwiet fit-toroq disponibbli għall-UE juru li:

 

  • madwar 19,800 persuna nqatlu fit-toroq fl-2024
  • kull sena, madwar 100,000 persuna jweġġgħu serjament f'inċidenti tat-traffiku
  • madwar 52 % tal-inċidenti li jikkawżaw il-mewt fl-UE seħħew fit-toroq rurali, 38 % fiż-żoni urbani u 9 % fl-awtostradi fl-2023
  • madwar tliet kwarti tal-persuni maqtula f’inċidenti tat-traffiku fl-2023 kienu rġiel.

L-għan aħħari: ebda mwiet fit-toroq fl-UE sal-2050

 

Fl-2018, l-UE stabbiliet għaliha nnifisha mira ta’ tnaqqis ta’ 50 % għall-imwiet u l-korrimenti serji fit-toroq sal-2030. Dan ġie stabbilit fil-Pjan ta’ Azzjoni Strateġiku tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza fit-Toroq u fil-qafas ta’ politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2021-2030, li stabbilixxa wkoll pjanijiet għas-sikurezza fit-toroq li għandhom l-għan li sal-2050 ma jkunx hemm mwiet fit-toroq (“Viżjoni Żero”).

 

Iċ-ċifri tas-sikurezza fit-toroq għall-2024 juru li l-fatalitajiet qed jonqsu gradwalment madwar l-UE, iżda l-progress għadu miexi bil-mod. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE mhumiex fit-triq it-tajba biex jilħqu l-għanijiet ta’ tnaqqis tal-UE. Huwa ċar li huma meħtieġa aktar sforzi biex tittejjeb is-sikurezza fit-toroq u jiġu salvati l-ħajjiet.

 

F’Marzu 2023, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ tliet proposti li jindirizzaw is-sikurezza fit-toroq. Minn dak iż-żmien ’l hawn f’Ottubru 2025 ġew adottati d-direttiva riveduta dwar l-infurzar transfruntier tar-regoli tat-traffiku, u dik dwar l-iskwalifiki tas-sewqan u l-liċenzji tas-sewqan.

 

F’April 2025, il-Kummissjoni ħarġet proposta ġdida biex tnaqqas l-għadd ta’ vetturi mhux sikuri fit-toroq tal-UE.

 

Il-miżuri reċenti tal-UE għal toroq aktar sikuri spjegati

 

Skwalifiki tal-liċenzji tas-sewqan fl-UE kollha


Meta l-awtoritajiet f’pajjiż tal-UE jneħħu l-liċenzja tas-sewqan ta’ xi ħadd minħabba reat serju tat-triq, il-piena normalment tapplika biss fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat. Ma tistax tiġi infurzata fil-pajjiż li jkun ħareġ il-liċenzja jew fi Stati Membri oħra tal-UE.

 

Id-direttiva l-ġdida dwar l-iskwalifika tas-sewqan tiżgura li s-sewwieqa imprudenti ma jitħallewx jibqgħu jsuqu fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Meta pajjiż jiddeċiedi li jneħħi l-liċenzja ta’ xi ħadd, irid jinforma malajr lill-pajjiż li jkun ħareġ il-liċenzja sabiex ikun jista’ jinforza l-penali u jiżgura li din tiġi segwita madwar l-UE.

 

Ir-regoli jiffukaw fuq l-iskwalifika tal-liċenzja għal reati serji ħafna bħas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, il-veloċità eċċessiva (pereżempju, il-qbiż tal-limitu ta’ 50 km/h), jew l-ikkawżar ta’ inċident fatali.

 

Il-Parlament Ewropew adotta dawn ir-regoli l-ġodda f’Ottubru 2025.

 

Perjodu ta’ prova għal sewwieqa ġodda

 

Regoli separati dwar il-liċenzji tas-sewqan jintroduċu perjodu ta’ prova ta’ mill-inqas sentejn għal sewwieqa ġodda. Il-Membri tal-PE insistew matul in-negozjati mal-gvernijiet tal-UE li matul dan il-perjodu sewwieqa ġodda se jkunu soġġetti għal regoli u sanzjonijiet aktar stretti għas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol u li ma jużawx ċinturini tas-sikurezza jew sistemi ta' trażżin għat-tfal waqt is-sewqan.

 

Dawn ir-regoli ġew adottati wkoll mill-Parlament f’Ottubru 2025.

 

Infurzar aħjar tar-regoli tat-traffiku fit-toroq bejn il-fruntieri

 

Fl-2019, madwar 40 % tar-reati transfruntiera ma ġewx ikkastigati, jew minħabba li t-trasgressur ma ġiex identifikat jew minħabba li l-ħlas tal-multa ma ġiex infurzat. Fl-2024, l-UE tejbet ir-regoli eżistenti biex tgħin lill-pajjiżi jikkooperaw aħjar meta xi ħadd jikser il-liġijiet tat-traffiku waqt li jsuq f’pajjiż ieħor tal-UE.

 

Pereżempju, wara l-aġġornamenti tal-2024, meta jseħħ reat tat-traffiku, il-pajjiż fejn tkun irreġistrata l-karozza jrid jgħin biex jinstab min kien qed isuq fi żmien xahrejn wara li jkun kiseb id-dettalji kollha meħtieġa. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, il-pajjiż fejn seħħ ir-reat jista’ jitlob lill-pajjiż ta’ oriġini tas-sewwieq biex jiġbor il-multa.

 

Barra minn hekk, dawn ir-regoli issa jkopru aktar tipi ta’ reati tat-traffiku, mhux biss is-sewqan b’veloċità eċċessiva jew is-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb. Dawn jinkludu wkoll parkeġġ perikoluż, qbiż mhux sikur, qsim ta’ linji solidi, injorar tar-restrizzjonijiet tal-vetturi, ksur tar-regoli fil-qsim tal-ferroviji, sewqan fit-triq il-ħażina, vetturi mgħobbija żżejjed, u aċċidenti ta’ hit-and-run.

Teknoloġiji obbligatorji li jsalvaw il-ħajja f’vetturi tat-triq ġodda

 

Il-leġiżlazzjoni ġiet adottata fl-2019. Din tqis sfidi ġodda għas-sikurezza fit-toroq bħal popolazzjoni li qed tixjieħ, l-użu ta’ apparat elettroniku waqt is-sewqan u l-għadd dejjem jikber ta’ ċiklisti u persuni bil-mixi fit-toroq tal-UE.

 

Bis-saħħa ta’ dan ir-regolament, il-vetturi l-ġodda kollha mibjugħa fis-suq tal-UE jridu jinkludu madwar 30 teknoloġija li jsalvaw il-ħajja. Fosthom:

 

  • Assistenza intelliġenti tal-veloċità biex is-sewwieq isir konxju meta jaqbeż il-limitu tal-veloċità
  • Twissija avvanzata ta’ distrazzjoni tas-sewwieq biex tgħin iżżomm l-attenzjoni fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku
  • Sinjal ta’ waqfien ta’ emerġenza fil-forma ta’ dawl, li jindika lill-utenti tat-triq wara l-vettura li s-sewwieq qed jibbrejkja f’daqqa
  • Sistema ta’ detezzjoni tar-riversjar biex jiġu evitati kolliżjonijiet ma’ persuni u oġġetti wara l-vettura, bl-għajnuna ta’ kamera jew monitor
  • Sistema ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers li twissi lis-sewwieq meta jseħħ telf ta’ pressjoni
  • Reġistratur tad-data f’każ ta’ avveniment biex jirreġistra d-data rilevanti ftit qabel, matul u immedjatament wara inċident tat-traffiku

 

Għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief, huwa obbligatorju li jkun hemm sistema ta' bbrejkjar ta' emerġenza - diġà obbligatorja għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja - kif ukoll sistema ta' emerġenza għaż-żamma tal-karreġġata.

 

It-trakkijiet u l-karozzi tal-linja huma meħtieġa jinkludu karatteristiċi ta’ viżjoni diretta, li jippermettu lis-sewwieq jara utenti vulnerabbli tat-triq, u sistemi ta’ twissija li jidentifikaw il-preżenza ta’ ċiklisti u persuni bil-mixi fil-viċinanza immedjata tal-vettura.

 

Il-karatteristiċi obbligatorji tas-sikurezza huma mistennija li jnaqqsu l-għadd ta’ fatalitajiet fit-toroq, minħabba li l-iżball uman huwa involut f’madwar 95 % tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq.