Statistika dwar l-imwiet fit-toroq fl-UE (infografika)

L-UE magħrufa għas-sikurezza fit-toroq, iżda li tmut persuna waħda f’inċident tat-traffiku diġà hija wisq. Skopri ċ-ċifri tal-fatalitajiet fit-toroq skont il-pajjiż, l-età u l-ġeneru.

Il-fatalitajiet fit-toroq fl-UE

 

L-evoluzzjoni tal-imwiet fit-toroq matul is-snin

 

Kull sena eluf ta' nies jitilfu ħajjithom jew iweġġgħu serjament f'inċidenti fit-toroq tal-UE. Fl-2024 kien hemm madwar 19,800 mewta fit-toroq, tnaqqis ta’ 2 % fuq is-sena ta’ qabel. Matul dawn l-aħħar 10 snin kien hemm tnaqqis gradwali fl-imwiet minn livell għoli ta’ 24 358 fl-2015.

 

Fl-2020, l-għadd ta’ fatalitajiet naqas drastikament għal 18,830 fatalità. Dan ġie attribwit għar-restrizzjonijiet fuq il-mobbiltà tal-COVID-19 li affettwaw it-trasport tal-passiġġieri. Għalkemm il-fatalitajiet żdiedu fl-2021 u fl-2022, dawn ma reġgħux lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.

 

Imwiet fit-toroq skont il-pajjiż tal-UE

 

It-toroq huma l-aktar sikuri fl-Iżvezja (20 mewta għal kull miljun abitant) u fid-Danimarka (24/miljun), filwaqt li l-Bulgarija (74/miljun) u r-Rumanija (78/miljun) irrapportaw l-ogħla rati ta’ fatalità fl-2024. Dik is-sena, Malta kellha l-ekwivalenti ta’ 21 mewta fit-toroq għal kull miljun abitant*.

 

Il-medja tal-UE kienet ta’ 45 mewta fit-toroq għal kull miljun abitant.

 

*Iċ-ċifra hija maħduma b’dan il-mod biex tippermetti tqabbil bejn il-pajjiżi kollha tal-UE.

Imwiet fit-toroq skont il-ġeneru u l-età

 

L-irġiel ammontaw għal aktar minn tliet kwarti tal-imwiet kollha fit-toroq (77 %) fl-2023.

 

L-anzjani, li għandhom aktar minn 65 sena, huma fost l-aktar gruppi vulnerabbli peress li kienu jirrappreżentaw 31 % tal-imwiet kollha fit-toroq fl-2023 (żieda minn 28 % fl-2019) filwaqt li jirrappreżentaw 21 % tal-popolazzjoni.

 

Bl-istess mod, iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-24 sena ammontaw għal 12 % tal-imwiet fit-toroq filwaqt li kienu jammontaw biss għal 7 % tal-popolazzjoni.

X'qed tagħmel l-UE biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq

 

F’Marzu 2023, il-Kummissjoni ppreżentat proposti biex timmodernizza r-regoli tal-liċenzji tas-sewqan u tintroduċi skwalifika tas-sewqan fl-UE kollha jekk pajjiż wieħed tal-UE jiddeċiedi li jiskwalifika sewwieq wara reat serju.

 

Il-Parlament adotta r-regoli f’Ottubru 2025.

F'Ottubru 2021, il-Parlament approva regoli dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur li jipproteġu aħjar lill-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku madwar l-UE.

 

Il-Membri tal-PE adottaw ukoll riżoluzzjoni f'Ottubru 2021 dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq, li fiha stabbilew il-passi ewlenin meħtieġa biex jintlaħaq l-għan ta' ebda mwiet fit-toroq Ewropej sal-2050. Dawk jinkludu limiti ta’ veloċità sikuri (30 km/h f’żoni residenzjali), tolleranza żero għas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb u aktar karatteristiċi ta’ sikurezza fl-infrastruttura u fil-vetturi. Dan huwa b’reazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal politika tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq għall-2021-2030.

 

F'April 2019, il-Membri tal-PE adottaw regoli biex 30 karatteristika ta' sikurezza avvanzata jsiru obbligatorji, bħall-assistenza intelliġenti tal-veloċità, it-twissija tad-distrazzjoni tas-sewwieq u s-sistema ta' bbrejkjar ta' emerġenza.

 

It-teknoloġiji obbligatorji tas-sikurezza jistgħu jgħinu biex jiġu salvati aktar minn 25,000 ħajja u jiġu evitati mill-inqas 140,000 korriment serju sal-2038, hekk kif l-iżball uman huwa involut f’madwar 95 % tal-inċidenti kollha tat-traffiku fit-toroq.

 

Biex it-toroq isiru aktar sikuri, l-UE saħħet ukoll ir-regoli dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura u qed taħdem biex tiżgura regoli komuni għall-vetturi awtonomi.