L-Unjoni Ewropea u l-foresti
Din l-iskeda informattiva tispjega l-aspetti ewlenin tal-politika tal-UE dwar il-foresti u l-forestrija. Tiddeskrivi wkoll l-istrateġija tal-UE għall-foresti u l-inizjattivi l-oħra ta’ appoġġ li għandhom impatt sinifikanti fuq il-foresti fl-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE.
Il-bażi legali tal-politika tal-forestrija fl-UE
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) ma fih l-ebda dispożizzjoni espliċita dwar il-foresti. B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda politika komuni tal-UE dwar il-forestrija, u r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-foresti tibqa’ primarjament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, l-UE żviluppat strateġija tal-UE għall-foresti u tappoġġja firxa wiesgħa ta’ miżuri li għandhom impatti sinifikanti fuq il-foresti, kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE.
X’inhi foresta?
Għal din il-mistoqsija, li tidher sempliċi, ma teżistix definizzjoni waħda kondiviża mill-Istati Membri kollha. Għall-finijiet tal-istatistika internazzjonali dwar il-foresti, il-Eurostat isegwi skema ta’ klassifikazzjoni stabbilita mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u japplika d-definizzjoni li ġejja: foresta hija art b’kopertura ta’ qċaċet tas-siġar (jew livell ekwivalenti ta’ ħżin) ta’ aktar minn 10% u żona ta’ aktar minn 0.5 ettari. Is-siġar għandhom ikunu jistgħu jilħqu għoli minimu ta’ 5 metri meta jimmaturaw in situ.
Il-pajsaġġ forestali tal-UE: mużajk fil-biċċa l-kbira tiegħu ffurmat mill-bniedem
Definiti b’dan il-mod, il-foresti fl-UE jinfirxu fuq 160 miljun ettaru li jammontaw għal 4% tal-erja forestali dinjija. B’kollox, il-foresti jkopru 39% tas-superfiċje tal-UE u s-sitt Stati Membri bl-akbar erja forestali – l-Iżvezja, il-Finlandja, Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja – jirrappreżentaw żewġ terzi tal-erja forestali tal-UE. Il-kopertura forestali tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li l-foresti fil-Finlandja, fl-Iżvezja u fis-Slovenja jkopru kważi 60% tal-pajjiż, dawn ikopru biss madwar 10% tal-art fin-Netherlands.
L-UE għandha diversi tipi ta’ foresti, li jirrifletti d-diversità ġeoklimatika tagħha, inkluż il-foresti boreali, il-foresti alpini bil-koniferi u oħrajn. It-tip ta’ foresta li tikber f’post jiddependi fuq il-klima, il-ħamrija, l-altitudni u t-topografija ta’ żona partikolari. Huwa stmat li madwar 2% sa 4% biss taż-żoni forestali fl-UE jitqiesu bħala foresti “primordjali” jew “antiki”, li jfisser li ma ġewx modifikati minn intervent mill-bniedem. Sehem żgħir ieħor tal-foresti tal-UE jikkonsisti fi pjantaġġuni, filwaqt li aktar minn 90% huma foresti “seminaturali”. Li jfisser li dawn il-foresti la huma disturbati minn intervent uman u lanqas mhuma pjantaġġuni, iżda għandhom xi karatteristiċi ta’ ekosistemi naturali. Madwar 60% tal-foresti Ewropej huma proprjetà privata, u l-40% biss li jifdal huma proprjetà pubblika.
Iż-żona tal-art koperta mill-foresti fl-UE espandiet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar deċennji, għalkemm ix-xejriet reċenti juru li din iż-żieda qed tonqos. Skont l-istatistika tal-Eurostat dwar il-foresti, il-forestrija u l-qtugħ tas-siġar għall-injam, il-kopertura tal-foresti baqgħet stabbli f’dawn l-aħħar snin. Dan huwa dovut għaż-żieda fiż-żona forestali li tirriżulta mill-afforestazzjoni ta’ art agrikola jew abbandunata, l-espansjoni tal-foresti naturali u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-art għall-użu tal-foresti, kif ukoll it-tnaqqis fil-konverżjoni tal-art forestali għal użi oħra tal-art, l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-bidliet fil-klassifikazzjoni tal-użu tal-art. Barra minn hekk, ħafna foresti huma ġestiti jew imħawla aktar milli naturali. Il-briefing tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2023 dwar l-istat tal-foresti Ewropej innota li, bis-saħħa tal-prattiki ta’ ġestjoni reċenti, 42% tal-foresti kienu qed juru titjib fil-volum tal-injam mejjet, fiż-żona tal-foresti, fil-volum tal-bijomassa u fil-produttività. Il-valutazzjoni globali tar-riżorsi tal-foresti tal-2020 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti indikat li l-biċċa l-kbira tal-foresti fl-Ewropa kellhom pjanijiet ta’ ġestjoni.
Minkejja dawn ix-xejriet pożittivi, it-theddid bħan-nirien fis-selvaġġ, l-organiżmi ta' ħsara u t-tibdil fil-klima qed jiżdied. In-nirien fis-selvaġġ affettwaw madwar 9,000 km² ta’ foresti fl-UE fl-2022, u kkontribwew għal tnaqqis fir-reżiljenza tal-foresti u affettwaw b’mod negattiv il-kwalità tal-arja u tal-ilma, kif ukoll il-klima. L-inċidenza annwali tan-nirien baqgħet taħt l-1,000 każ sal-2016, qabel ma żdiedet b’mod sinifikanti u laħqet il-quċċata tagħha fl-2022. Għalkemm ġie osservat tnaqqis fl-2023 u fl-2024, il-livelli baqgħu ogħla minn 5,000 każ fis-sena.
Data bażika dwar il-foresti tal-UE (UE-27, 2020)
| Stat MembruUE-27 | Foresti/Żona ta’ art imsaġġra(1,000 ettaru, 2020) | Sehem tal-foresti fiż-żona totali (%) (2020) | Valur Miżjud Gross/żona tal-foresti (EUR/ettaru) (2020) |
Persuni impjegati fil-forestrija (1,000 Unità tax-Xogħol Annwali) (2020) |
|---|---|---|---|---|
| l-Awstrija | 3,889.6 | 46.4 | 194 | 21.1 |
| il-Belġju | 689.3 | 22.5 | 136 | 2.2 |
| il-Bulgarija | 3,896.00 | 35.1 | 51 | 21.9 |
| il-Kroazja | 1,940.00 | 34.3 | 116 | 14.4 |
| Ċipru | 172.64 | 18.6 | 13 | 0.5 |
| iċ-Ċekja | 2,677.09 | 33.9 | 341 | 21.2 |
| id-Danimarka | 689.3 | 16.1 | 340 | 6.0 |
| l-Estonja | 2,438.4 | 53.8 | 110 | 6.2 |
| il-Finlandja | 22,409.0 | 66.2 | 181 | 21.2 |
| Franza | 17,421.9 | 31.7 | 166 | 29.0 |
| il-Ġermanja | 11,468.00 | 32.1 | 107 | 39.0 |
| il-Greċja | 3,901.8 | 29.6 | 15 | 9.2 |
| l-Ungerija | 2,053.01 | 22.1 | 116 | 18.5 |
| l-Irlanda | 799.14 | 11.4 | 48 | 2.8 |
| l-Italja | 9,566.13 | 31.7 | 221 | 38.0 |
| il-Latvja | 3,410.79 | 52.8 | 144 | 17.8 |
| il-Litwanja | 2,202.19 | 33.7 | 96 | 8.6 |
| il-Lussemburgu | 88.70 | 34.2 | 94 | 0.3 |
| Malta | 0.46 | 1.5 | 0.0 | 0.0 |
| in-Netherlands | 369.50 | 9.9 | 457 | 3.0 |
| il-Polonja | 9,464.20 | 30.3 | 181 | 71.8 |
| il-Portugall | 3,340.71 | 36.2 | 245 | 15.0 |
| ir-Rumanija | 6,981.62 | 29.3 | 223 | 52.4 |
| is-Slovakkja | 1,951.49 | 39.8 | 256 | 24.6 |
| is-Slovenja | 1,185.13 | 58.5 | 228 | 6.2 |
| Spanja | 18,572.17 | 36.7 | 54 | 11.0 |
| l-Iżvezja | 27,980.0 | 62.5 | 110 | 41.0 |
| UE-27 | 159,558.29 | 38.6 | 146 | 502.6 |
Sors: Eurostat u d-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni
Il-politiki u l-inizjattivi dwar il-forestrija fl-UE: l-isfida tal-koerenza
A. L-istrateġiji għall-bijodiversità u l-foresti tal-UE għall-2030
Fl-2021, il-Kummissjoni adottat strateġija ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030, li hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tibni fuq l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.
L-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030 għandha l-għan li tadatta l-foresti tal-Ewropa għall-kundizzjonijiet il-ġodda, l-avvenimenti ta’ temp estrem u l-inċertezza konsiderevoli kkawżata mit-tibdil fil-klima. Dan huwa meħtieġ biex il-foresti jkomplu jissodisfaw il-funzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi tagħhom. L-Istrateġija għall-foresti se tikkontribwixxi għall-ksib tal-miri tal-bijodiversità tal-UE, li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-anqas 55% sal-2030 u tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. L-Istrateġija tirrikonoxxi r-rwol ċentrali u multifunzjonali tal-foresti, kif ukoll il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur tal-forestrija u tal-katina tal-valur ibbażata fuq il-foresti kollha kemm hi għall-ksib ta’ ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima sal-2050 kif ukoll għall-preservazzjoni ta’ komunitajiet rurali vibranti u prosperi.
L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 tipprevedi l-espansjoni taż-żoni protetti, bl-għan li minimu ta’ 30% taż-żoni kollha tal-art u tal-baħar fl-UE jiġu protetti sal-2030, b’10% li għandhom jiġu protetti b’mod strett. Dan għandu jespandi l-protezzjoni tal-foresti fl-UE u jinkludi t-tħawwil ta’ 3 biljun siġra. Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, ir-Regolament dwar ir-restawr tan-natura ((EU) 2024/1991) jistabbilixxi miri vinkolanti biex isir restawr tal-ekosistemi degradati, b’mod partikolari dawk bl-akbar potenzjal li jaqbdu u jaħżnu l-karbonju u biex ikun evitat u jonqos l-impatt tad-diżastri naturali.
L-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030 tappella għal prattiki li jiffavorixxu l-bijodiversità. Sabiex jgħin fl-iżvilupp ta’ tali prattiki l-programm tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika (LIFE 2021–2027, ir-Regolament (UE) 2021/783) jappoġġja proġetti dwar prattiki “tal-forestrija eqreb lejn in-natura”, jiġifieri prattiki li jippruvaw jiksbu objettivi ta’ ġestjoni bl-intervent uman minimu meħtieġ u jikkombinaw il-konservazzjoni mal-objettivi tal-produttività.
Minbarra l-inizjattivi li jirriżultaw mill-istrateġiji tal-UE għall-bijodiversità u għall-foresti, ta’ min isemmi li 23% tal-foresti Ewropej huma parti min-network Natura 2000 li jħares in-natura, li jirrappreżenta madwar 50% taż-żona tas-siti ta’ Natura 2000 stabbiliti skont il-politika ambjentali tal-UE.
B. Il-politika agrikola komuni (PAK): is-sors prinċipali ta’ finanzjamenti tal-UE għall-foresti
Madwar 90% tal-fondi tal-UE għall-foresti jiġu mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (3.2.2).
Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013, madwar EUR 5.4 biljun ġew allokati mill-baġit tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jikkofinanzjaw miżuri tal-forestrija. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-PAK (2014-2020), madwar EUR 8.2 biljun ta’ spejjeż pubbliċi ġew allokati għal miżuri bħal dawn: 27% għar-riforestazzjoni, 18% għat-titjib tar-reżiljenza tal-foresti u 18% għall-prevenzjoni tal-ħsara. Miżura speċifika waħda biss kienet tinkludi t-tipi kollha ta’ appoġġ għall-investiment fil-foresti (investiment fl-iżvilupp taż-żoni tal-foresti u titjib tal-vijabbiltà tagħhom). Miżura oħra kellha l-għan li toffri ħlas għas-servizzi tal-foresti, ambjentali u dawk relatati mal-klima u l-konservazzjoni tal-foresti, filwaqt li ġew previsti miżuri oħra mhux speċifiċi għall-forestrija (il-pagamenti skont Natura 2000 u skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, pereżempju). Evalwazzjoni tal-miżuri tal-forestrija tal-2019 tinnota valur miżjud sinifikanti tal-UE fil-baġit għall-forestrija magħmul disponibbli minn tali miżuri, li kieku ma kinux jeżistu.
Għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali tal-PAK (2023-2027), l-interventi fil-foresti huma inklużi fil-pjanijiet strateġiċi li ġew ippreżentati mill-Istati Membri skont ir-Regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK ((UE) 2021/2115). Is-sommarju tal-2023 tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tal-Kummissjoni jirrimarka li l-pjanijiet nazzjonali jirrikonoxxu r-rwol tal-ġestjoni multifunzjonali u sostenibbli tal-foresti, iżda l-appoġġ għall-forestrija mhuwiex fil-qalba tagħhom. L-appoġġ finanzjarju ddedikat huwa ta’ EUR 4.2 biljun biss, minħabba li l-Istati Membri għandhom it-tendenza li jindirizzaw is-settur tal-forestrija permezz ta’ mezzi oħra bħall-għajnuna mill-Istat u l-fondi nazzjonali tal-foresti, u xi pjanijiet mhumiex espliċiti dwar l-appoġġ.
C. Miżuri oħra tal-UE b’appoġġ għall-foresti
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal riproduttiv tal-foresti kienet irregolata fil-livell tal-UE bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/105/KE sal-2026, meta ġie adottat regolament ġdid bl-għan li l-foresti tal-Ewropa jsiru aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima, l-organiżmi ta' ħsara u l-mard, u li jiġu appoġġjati l-bijodiversità, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi. Il-materjal riproduttiv tal-foresti jirreferi b’mod aktar speċifiku għaż-żrieragħ, il-pjanti u l-partijiet ta’ pjanti tal-ispeċijiet tas-siġar użati fil-foresti ġodda u tipi oħra ta’ tħawwil tas-siġar. Għalhekk, huwa essenzjali għar-riġenerazzjoni tal-foresti, inklużi r-riforestazzjoni u l-afforestazzjoni madwar l-UE.
Il-liġi tal-UE dwar is-Saħħa tal-Pjanti ġiet adottata fl-2016 u riveduta l-aħħar fl-2024 permezz tar-Regolament (UE) 2024/3115. Tipprovdi miżuri effettivi għall-protezzjoni tat-territorju tal-UE u l-pjanti tagħha. Għandha wkoll l-għan li tiżgura kummerċ sikur, kif ukoll li tnaqqas l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq is-saħħa tal-għelejjel u tal-foresti. Barra minn hekk, l-UE tgħin tiffinanzja r-riċerka forestali, b’mod partikolari fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa.
Fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija, l-UE stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv legalment vinkolanti li l-parti tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum totali ta’ enerġija għandha tiżdied għal 32% sal-2030, li jżid l-importanza tal-bijomassa tal-forestrija (id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2018/2018/UE)). Id-Direttiva emendatorja EU/2023/2413 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2023. Tistabbilixxi mira vinkolanti ġenerali ta’ mill-anqas 42.5% ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE sal-2030, iżda timmira għal 45%. Barra minn hekk, taħt il-politika ta’ koeżjoni, proġetti tal-forestrija jistgħu wkoll jiġu kkofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (b’mod partikolari l-prevenzjoni tan-nirien, il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, it-tħejjija għat-tibdil fil-klima, eċċ.). Il-Fond ta’ Solidarjetà ifittex li jgħin lill-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma’ diżastri naturali kbar, bħat-tempesti u n-nirien forestali. Fil-frattemp il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jista’ jiġi attivat f’każ li kriżi tkun ferm akbar mill-kapaċità tal-Istat Membru, bħalma ġara b’xi nirien forestali u tempesti.
Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien Forestali timmonitorja n-nirien forestali. L-UE tinkoraġġixxi wkoll sejħiet għall-offerti ekoloġiċi, li jistgħu jippromwovu d-domanda għall-injam prodott b’mod sostenibbli, u l-Ekotikketta tal-UE tingħata għall-pavimenti tal-injam, l-għamara u l-karta. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ fis-settur forestali jipprevedi ftehimiet ta’ sħubija volontarji ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam u regolament li jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ injam maħsud illegalment.
D. L-inizjattivi internazzjonali
L-UE tipparteċipa wkoll f’bosta attivitajiet internazzjonali relatati mal-foresti: b’mod partikolari l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.
Forest Europe, il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa, għadha l-inizjattiva politika ewlenija fil-qasam tal-foresti fil-livell pan-Ewropew. Hija tiżviluppa strateġiji komuni għall-45 firmatarju tagħha (44 pajjiż Ewropew u l-UE) dwar kif għandhom jiġu protetti u ġestiti b’mod sostenibbli l-foresti tagħhom.
Fil-qafas tal-politika tagħha dwar it-tibdil fil-klima, minbarra l-parteċipazzjoni tagħha fin-negozjati globali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-UE ħadet l-ewwel passi lejn l-integrazzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija fil-politika tagħha dwar il-klima permezz tar-Regolament (UE) 2018/841 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. F’April 2023, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw regolament ġdid li jemenda r-regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija ((UE) 2023/839) biex tiġi ddeterminata mira ġdida għall-2030 f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’mod partikolari, għandu l-għan li jespandi l-bjar tal-karbonju tal-UE bi 15%, li jikkorrispondi għal 310 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2.
Barra minn hekk, l-UE stabbiliet l-objettiv li twaqqaf it-tnaqqis tal-kopertura forestali tal-pjaneta sa mhux aktar tard mill-2030 u li tnaqqas id-deforestazzjoni tropikali b’mill-anqas 50% sal-2020. Ir-Regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni ((UE) 2023/1115) għandu l-għan li jiggarantixxi li l-prodotti li jikkunsmaw iċ-ċittadini tal-UE ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni jew għad-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew influwenza ħafna punti ta’ leġiżlazzjoni b’impatt fuq il-foresti. Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu, il-Parlament ilu jappella għal aktar koordinazzjoni u koerenza tal-istrumenti li għandhom impatt fuq il-foresti Ewropej. L-ewwel strateġija tal-UE għall-foresti ġiet adottata fil-15 ta’ Diċembru 1998 bis-saħħa tar-riżoluzzjoni dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-forestrija tal-Parlament, li stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal strateġija tal-UE għall-foresti.
F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni bit-titolu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja”. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Parlament laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza d-deforestazzjoni globali u talabha żżid l-azzjonijiet tagħha u tippreżenta strateġija ġdida u ambizzjuża tal-UE għall-foresti biex tagħti rikonoxximent xieraq lir-rwol ewlieni li għandhom il-foresti Ewropej, is-settur tal-forestrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità. B’dan il-ħsieb, il-Parlament iddeċieda li jfassal żewġ riżoluzzjonijiet: waħda dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-UE fil-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja, u l-oħra dwar l-Istrateġija Ewropea l-ġdida għall-Foresti – It-Triq ’il Quddiem. B’rabta ma’ mal-ewwel riżoluzzjoni, il-Parlament adotta wkoll riżoluzzjoni dwar id-deforestazzjoni globali b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa’ lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha. Fit-13 ta’ Settembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti għall-2030 – Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti fl-Ewropa, li twieġeb għall-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030, adottata mill-Kummissjoni fl-2021.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Agrikoltura u s-Sajd. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.
Sarah Madeleine Régine Pierrette Costes / Rachele Rossi