Il-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea

Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika marittima integrata tal-UE, approċċ komprensiv u kkoordinat għall-ġestjoni tal-attivitajiet marittimi tal-UE. Imnedija fl-2007, il-politika marittima integrata (PMI) tippromwovi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija blu – li tkopri t-trasport fuq l-ilma, is-sajd, it-turiżmu, l-enerġija lil hinn mill-kosta u r-riċerka tal-baħar – filwaqt li tipproteġi l-ambjent tal-baħar. L-iskeda informattiva tiddeskrivi l-għodod ta’ politika ewlenin li żviluppat l-UE u r-rwol tal-Parlament fit-tiswir tagħhom.

Il-bażi legali

It-Trattati ma jagħtux b’mod espliċitu setgħat leġiżlattivi lill-UE fil-qasam tal-politika marittima. Madankollu, ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ((UE) Nru 508/2014) jelenka l-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata (PMI) tal-UE bħala wieħed mill-objettivi tiegħu u jipprovdi l-qafas legali għaliha. Dan, u kull azzjoni oħra tal-UE dwar il-politika marittima, huma bbażati fuq l-Artikoli li ġejjin tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

  • l-Artikolu 42, li jippermetti li tingħata għajnuna lill-impriżi tas-sajd żvantaġġati minħabba kundizzjonijiet naturali jew strutturali, jew skont politiki ta’ żvilupp;
  • l-Artikolu 91(1), li jippermetti lill-UE tistabbilixxi regoli komuni għat-trasportaturi internazzjonali tat-trasport li jidħlu, jaqsmu jew joħorġu mit-territorju tal-UE;
  • l-Artikolu 100(2), li jippermetti lill-UE tistabbilixxi liġijiet dwar it-trasport bil-baħar;
  • l-Artikoli 174 u 175, li jobbligaw lill-UE u lill-Istati Membri jnaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni, li speċifikament jinkludu r-reġjuni insulari;
  • l-azzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 191 dwar il-politika ambjentali, l-Artikolu 194 dwar il-politika tal-enerġija, u l-Artikolu 195 dwar it-turiżmu jista’ jkollhom effett ukoll fuq il-PMI.

    Il-liġijiet relatati mal-politika marittima integrata jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea wara proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Din tissejjaħ il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    X’inhi l-politika marittima integrata u għaliex hija meħtieġa?

    Il-PMI għandha l-għan li tibni qafas ta’ politika koerenti li jkopri l-firxa sħiħa ta’ attivitajiet u setturi ekonomiċi bbażati fuq il-baħar, u ttemm it-teħid ta’ deċiżjonijiet kompartimentalizzat. Din hija risposta għar-rikonoxximent li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-oċeani u l-ibħra tal-Ewropa huma interkonnessi.

    Il-Kummissjoni Ewropea identifikat għall-ewwel darba l-ħtieġa għal PMI fl-objettivi strateġiċi tagħha għall-2005–2009. Irrikonoxxiet il-valur ambjentali u ekonomiku tal-oċeani u l-ibħra u l-potenzjal tagħhom li jappoġġjaw ekonomija marittima b’saħħitha u sostenibbli. Il-Kummissjoni nediet uffiċjalment il-PMI fl-2007.

    L-Objettivi tal-PMI

    Il-PMI għandha ħames objettivi ewlenin, kull wieħed appoġġjat minn azzjonijiet li jkopru firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet marittimi li jeħtieġu politika u teħid ta’ deċiżjonijiet ikkoordinati.

    L-ewwel objettiv: il-kisba tal-aqwa użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra possibbli

    • L-azzjonijiet ikopru s-sajd, it-trasport marittimu, il-portijiet u l-loġistika, il-kompetittività tas-settur marittimu, l-impjiegi, it-turiżmu sostenibbli, iż-żarmar tal-bastimenti, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima.
    • It-tieni objettiv: il-bini ta’ bażi ta’ għarfien u innovazzjoni għall-politika marittima

      • L-azzjonijiet jinkludu l-iżvilupp u l-adozzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE), li tipprovdi strateġija Ewropea komprensiva għar-riċerka tal-baħar u dik marittima.
      • It-tielet objettiv: il-garanzija tal-aħjar kwalità tal-ħajja fir-reġjuni tal-kosta

        • L-azzjonijiet jinkludu l-promozzjoni tat-turiżmu kostali u marittimu, il-ġbir ta’ data soċjoekonomika dwar ir-reġjuni kostali u s-setturi marittimi, l-iżvilupp ta’ strateġiji għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ diżastri għar-reġjuni kostali u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-potenzjal marittimu tar-reġjuni ultraperiferiċi u tal-gżejjer.
        • Ir-raba’ objettiv: il-promozzjoni tat-tmexxija tal-UE fl-affarijiet marittimi internazzjonali

          • L-azzjonijietjinkludu l-promozzjoni tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi tat-Tkabbir u tal-Viċinat Ewropew dwar il-politika marittima u l-ġestjoni tal-ibħra kondiviżi, u l-ħidma ma’ sħab internazzjonali oħra biex jittejbu s-sikurezza u s-sigurtà marittima, jitnaqqas it-tniġġis tal-bastimenti, jiġu miġġielda l-attivitajiet illegali fuq il-baħar u tiġi protetta l-bijodiversità tal-baħar.
          • Il-ħames objettiv: iż-żieda tal-viżibbiltà tal-Ewropa marittima

            • L-azzjonijietjinkludu l-ħolqien tal-applikazzjoni tal-internet tal-Atlas Ewropew tal-Ibħra, bħala għodda edukattiva u mezz biex jiġi enfasizzat il-wirt marittimu Ewropew komuni, u l-għażla tal-20 ta’ Mejju bħala l-Jum Marittimu Ewropew annwali.
            • Il-kisbiet tal-PMI

              A. It-tkabbir blu u l-ekonomija blu

              Il-Kummissjoni Ewropea l-ewwel stabbiliet strateġija għal dak li sejħet “opportunitajiet ta’ tkabbir blu” f’komunikazzjoni ppubblikata fl-2012. Bl-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal ekonomiku tal-ibħra u ż-żoni kostali tal-Ewropa, hija identifikat ħames oqsma li fihom l-azzjoni fl-ambitu tal-PMI tista’ twassal għal tkabbir sostenibbli u ħolqien tal-impjiegi: l-enerġija blu, l-akkwakultura, it-turiżmu, il-minerali u l-bijoteknoloġija.

              Wara l-preżentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – l-istrateġija biex l-UE ssir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 – f’Diċembru 2019, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li minn “tkabbir blu” tiffoka minflok fuq il-bini ta’ ekonomija blu sostenibbli. F’komunikazzjoni tal-2021 dwar approċċ ġdid għal ekonomija blu sostenibbli fl-UE, il-Kummissjoni fasslet l-ekonomija blu bħala mod kif jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ sostenibbiltà. Ħeġġet lill-pajjiżi tal-UE biex jagħmlu l-ekonomiji blu tagħhom aktar sostenibbli billi:

              • jiżviluppaw teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-bastimenti tas-sajd;
              • iħeġġu lis-sajjieda jkollhom rwol attiv fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-baħar billi jiġbru l-iskart fil-baħar waqt li jkunu fuq il-baħar u jużaw materjali tas-sajd riċiklabbli;
              • jimplimentaw ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda biex titwassal enerġija nadifa, tiġi protetta u ppreservata l-bijodiversità tal-baħar u tingħata ċertezza lill-atturi ekonomiċi;
              • jedukaw u jinvolvu lill-pubbliku fil-litteriżmu dwar l-oċeani; kif ukoll
              • jiffaċilitaw il-ftehimiet internazzjonali biex jiġi żgurat li l-ekonomija blu sostenibbli tikber ukoll f’pajjiżi mhux tal-UE.
              • B. Id-data dwar it-trasport marittimu

                Kull darba li bastiment jidħol jew joħroġ minn port tal-UE, l-operatur tiegħu għandu jirrapporta ċerta informazzjoni. Ir-regoli tal-UE adottati fl-2019 issimplifikaw u armonizzaw dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar, u r-rapportar kollu għal waqfa f’port issa jista’ jsir fi spazju diġitali wieħed imsejjaħ it-tieqa unika marittima Ewropea. Il-pajjiżi kollha tal-UE issa jużaw l-istess sistema ta’ rapportar u jiġbru l-istess data fl-istess format. Dan jiffaċilita l-użu u l-kondiviżjoni ta’ dik l-informazzjoni għall-awtoritajiet, u jfisser li l-operaturi tal-bastimenti ma jkollhomx għalfejn jittrattaw ma’ sistemi nazzjonali differenti.

                C. Ir-riċerka, id-data u l-għarfien dwar il-baħar

                L-għarfien huwa essenzjali għat-twassil ta’ tkabbir intelliġenti u sostenibbli f’attivitajiet ibbażati fuq il-baħar, il-valutazzjoni tas-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar u l-protezzjoni tal-komunitajiet kostali. Il-ħolqien tal-għarfien dwar il-baħar jibda bl-osservazzjoni tal-baħar u l-oċeani, li ħafna drabi titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali.

                Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-istrateġija Ewropea għar-riċerka tal-baħar u dik marittima, li toffri miżuri konkreti biex tittejjeb ir-riċerka tal-baħar u dik marittima. Filwaqt li tibni fuq dan, fl-istrateġija tagħha dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020, ippubblikata fl-2010, il-Kummissjoni indirizzat il-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat għall-ġbir, l-assemblaġġ u l-ifformattjar tad-data minn osservazzjonijiet tal-baħar, biex din tkun tista’ tinstab u tintuża.

                D. L-ippjanar tal-ispazju marittimu

                L-ippjanar tal-ispazju marittimu jgħin biex jibbilanċja l-eżiġenzi konkorrenti tas-setturi u l-attivitajiet ekonomiċi bħas-sajd, it-trasport, il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konservazzjoni tal-ekosistema. Id-Direttiva dwar l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu tal-2014 tfittex li tippromwovi l-ġestjoni koordinata tal-ispazju marittimu bħala lieva ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli. Għandha wkoll l-għan li tevita u timmaniġġja l-kunflitti spazjali u li tisfrutta l-benefiċċji ta’ kombinazzjonijiet ta’ attivitajiet. Dan qed isir dejjem aktar importanti hekk kif id-domanda għall-ispazju marittimu qed tikber u l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ibħra u l-oċeani qed isir dejjem aktar evidenti.

                E. Is-sorveljanza marittima integrata

                Is-sikurezza u s-sigurtà tal-ambjent tal-baħar huma essenzjali wkoll għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi tal-baħar. Is-sorveljanza marittima integrata għandha l-għan li tipprovdi modi komuni għall-iskambju ta’ informazzjoni u data fost l-awtoritajiet involuti f’aspetti differenti ta’ sorveljanza, pereżempju l-kontroll tal-fruntieri, it-tniġġis marittimu u l-ambjent tal-baħar, il-kontroll tas-sajd, l-infurzar ġenerali tal-liġi, u d-difiża.

                Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-prinċipji gwida għall-iżvilupp ta’ ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni (CISE) għad-dominju marittimu tal-UE u fl-2010 ppreżentat pjan direzzjonali biex jiġi stabbilit is-CISE. L-għan tiegħu huwa li tittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja meta mqabbla mal-ispejjeż tas-sorveljanza marittima billi jkun jista’ jsir qsim ta’ data adegwat, leġittimu, sikur u effiċjenti bejn is-setturi u l-fruntieri kollha tal-UE.

                Aktar tard, fl-2014, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar il-passi li jmiss għas-CISE, u s-CISE sar operattiv fl-2024.

                Fl-2023, il-Kunsill tal-UE afferma mill-ġdid is-CISE bħala pedament tal-istrateġija tal-UE għas-sigurtà marittima (3.4.11).

                F. Il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-migrazzjoni

                L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ġiet stabbilita f’Novembru 2019 biex tiżgura l-ġestjoni integrata tal-fruntieri esterni tal-UE, timmaniġġja l-qsim tal-fruntieri b’mod effiċjenti u tagħmel il-politika tal-UE dwar ir-ritorn tal-migranti aktar effettiva. Topera missjonijiet ta’ sorveljanza madwar il-fruntieri tal-UE biex tidentifika l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u s-sajd illegali, u biex tiġġieled il-kriminalità internazzjonali serja.

                G. Il-promozzjoni tal-PMI fuq livell internazzjonali

                Minħabba n-natura transfruntiera tal-ekosistemi tal-baħar u tal-attivitajiet marittimi, hija meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali robusta biex jintlaħqu l-objettivi tal-PMI. Fl-2009, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tad-dimensjoni internazzjonali tal-PMI, li enfasizzat il-ħtieġa għal governanza globali u reġjonali tal-oċeani u impenjat lill-UE biex issaħħaħ ir-rwol tagħha fil-fora internazzjonali.

                Fl-2016, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppubblikaw il-komunikazzjoni konġunta tagħhom dwar aġenda ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani għall-futur tal-oċeani. Din tinkludi 50 azzjoni favur is-sikurezza, is-sigurtà u l-indafa ta’ oċeani ġestiti b’mod sostenibbli; dawn l-azzjonijiet qed jiġu implimentati mad-dinja kollha.

                H. L-istrateġiji tal-baċiri tal-baħar u l-kooperazzjoni makroreġjonali

                Kull baċir tal-baħar huwa differenti, bil-kundizzjonijiet, l-opportunitajiet u l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi tiegħu. L-ibħra huma kondiviżi fost pajjiżi differenti u għalhekk il-kooperazzjoni reġjonali, inkluż ma’ pajjiżi mhux tal-UE, hija importanti.

                Filwaqt li tirrikonoxxi dan, il-Kummissjoni Ewropea ħadet approċċ immirat għall-applikazzjoni tal-PMI fil-baċiri tal-baħar differenti tal-UE.

                • Żviluppat tliet strateġiji tal-baċiri tal-baħar li jkopru l-Oċean Atlantiku, ir-reġjun tal-Punent tal-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.
                • Hija involuta mill-qrib f’żewġ strateġiji makroreġjonali b’karattru marittimu qawwi, fil-Baħar Baltiku u fir-Reġjun Adrijatiku u Joniku.
                • Tappoġġja lir-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp tal-istrateġiji tal-ekonomija blu tagħhom stess.
                • Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                  Sa mill-bidu tal-PMI, il-Parlament Ewropew appoġġja b’mod attiv l-inizjattivi differenti li għandhom l-għan li jagħmluha realtà.

                  A. L-impjiegi u t-tkabbir blu

                  F’Lulju 2013, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-tkabbir blu, fejn esprima l-appoġġ tiegħu għall-istrateġija biex tingħata spinta lill-ekonomija blu. Il-membri tal-PE enfasizzaw l-importanza li jiġu ppreservati l-ekosistemi tal-baħar u appellaw għal azzjoni aktar koordinata tal-UE biex jiġu promossi l-professjonijiet marittimi u biex jinbnew il-ħiliet meħtieġa biex wieħed jaħdem f’dawn il-professjonijiet. F’Settembru 2015, il-Parlament adotta riżoluzzjoni oħra dwar il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-ekonomija blu permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni.

                  Il-Parlament appoġġja wkoll leġiżlazzjoni dwar livelli minimi ta’ taħriġ għall-baħħara, bl-għan li tittejjeb is-sikurezza marittima u jitnaqqas it-tniġġis fil-baħar permezz ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni, u liġi dwar it-tnaqqis tal-impatt tal-prodotti tal-plastik fuq l-ambjent billi s-sajjieda jintalbu jirriċiklaw l-irkaptu tas-sajd tal-plastik tagħhom jew jikkunsidraw li jużaw materjali alternattivi.

                  Il-Parlament adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar is-sajd u l-akkwakultura f’dawn l-aħħar snin. Ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-sajjieda għall-futur, adottata f’Settembru 2021, tiffoka fuq l-attrazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ ħaddiema lejn l-industrija tas-sajd u l-ħolqien ta’ impjiegi fiż-żoni kostali. Ir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Mejju 2022 dwar ir-rwol tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura f’ekonomija blu sostenibbli tenfasizza l-importanza ta’ dawn is-setturi għas-sigurtà tal-ikel u tappella għal pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura u appoġġ finanzjarju mtejjeb għall-ekonomija blu.

                  F’riżoluzzjoni dwar l-impatt tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta u ta’ sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli fuq is-settur tas-sajd, adottata f’Lulju 2021, il-Parlament enfasizza li l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta se tkun sostenibbli biss jekk ma jkollha l-ebda impatt negattiv fuq l-ambjent, l-ekonomija jew l-impjiegi, speċjalment ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd.

                  F’ Jannar 2024, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u l-prospettivi futuri. Din kellha l-għan li tipprovdi gwida politika dwar rieżamijiet futuri tal-politika komuni tas-sajd, filwaqt li tiffoka fuq jekk l-objettivi u l-għodod tal-politika attwali għadhomx rilevanti biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali u futuri u jekk ċerti aspetti għandhomx jiġu riformati, rieżaminati, adattati jew imtejba.

                  B. Il-governanza tal-oċeani

                  Fis-16 ta’ Jannar 2018, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030. Hija enfasizzat li l-isforzi fil-governanza tal-oċeani għandhom ikopru l-attivitajiet marittimi u tal-baħar kollha, kemm tradizzjonali kif ukoll ġodda, inkluż is-sajd, kif ukoll kwistjonijiet relatati mat-tniġġis u t-tibdil fil-klima.

                  Il-Parlament adotta riżoluzzjoni qabel il-konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-tibdil fil-klima f’Madrid (COP 25), li fiha fakkar li t-tibdil fil-klima huwa waħda mill-aktar sfidi importanti li qed tiffaċċja l-umanità u enfasizza li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għaliha.

                  Fil-15 ta’ Jannar 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Huwa appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, li l-mira globali vinkolanti biex il-bijodiversità tiġi protetta u terġa’ tinkiseb, tiġi stabbilita fil-konferenza dwar il-bijodiversità tan-NU f’Ottubru 2020. Ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tagħti “dimensjoni blu” lill-Patt Ekoloġiku u biex tinkludi bis-sħiħ l-oċeani bħala element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku billi tiżviluppa “Pjan ta’ Azzjoni għall-Oċeani u l-Akkwakultura”, fost azzjonijiet oħra.

                  Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Koeżjoni, l-Agrikoltura u l-Politiki Soċjali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għas-Sajd.

                   

                  Marcus Ernst Gerhard Breuer