Din l-iskeda informattiva tispjega kif l-UE tappoġġja l-isport billi tippromwovi r-rwol soċjali, edukattiv u ekonomiku tiegħu, filwaqt li tenfasizza l-pjan ta’ ħidma tal-UE għall-isport 2024–2027 u inizjattivi ewlenin bħall-Erasmus+ Sport u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Tiddeskrivi l-bażi legali u l-objettivi wara l-politika tal-UE dwar l-isport u l-kontributi tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrità fl-isport, ir-rikonoxximent tal-isport elettroniku u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest ta’ avvenimenti sportivi kbar.

Il-bażi legali

Il-Kummissjoni lestiet il-pedamenti għal politika tal-UE dwar l-isport permezz tal-White Paper tal-2007 dwar l-Isport u l-pjan ta’ azzjoni Pierre de Coubertin.

Skont it-Trattat ta’ Liżbona, l-UE kisbet kompetenza speċifika fil-qasam tal-isport, li ġiet stabbilita fl-artikoli li ġejjin tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

  • L-Artikolu 6(e) tat-TFUE jagħti lill-UE l-kompetenza li tappoġġja jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-isport.
  • L-Artikolu 165(1) tat-TFUE jistabbilixxi d-dettalji ta’ politika għall-isport, u jiddikjara li “l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet Ewropej tal-isport, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu”.
  • L-Artikolu 165(2) tat-TFUE jirreferi għall-“iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom”.
  • L-Artikolu 165(3) tat-TFUE jiddikjara li “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-edukazzjoni u l-isport, partikolarment il-Kunsill tal-Ewropa”.
  • L-objettivi

    L-UE għandha l-għan li:

    • tippromwovi l-ġustizzja, il-ftuħ u l-integrità fil-kompetizzjonijiet sportivi;
    • tappoġġja l-isport sabiex jittejbu l-benessri ġenerali u jiġu miġġielda r-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri;
    • tipproteġi u tavvanza l-benefiċċji ekonomiċi sinifikanti li l-isport jipprovdi fl-UE;
    • tuża l-isport biex issaħħaħ ir-relazzjonijiet esterni.
    • Kull wieħed minn dawn il-punti huwa relatat mar-rwol soċjetali tal-isport, id-dimensjoni ekonomika tiegħu u l-qafas politiku u legali tas-settur tal-isport.

      Il-kisbiet

      A. L-evoluzzjoni tal-politika

      1. Il-White Paper dwar l-Isport u l-pjan ta’ azzjoni Pierre de Coubertin

      Il-White Paper tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-Isport, akkumpanjata mill-pjan ta’ azzjoni Pierre de Coubertin, li ressaq proposti konkreti għal aktar azzjoni tal-UE, kienet l-ewwel “inizjattiva komprensiva” dwar l-isport introdotta mill-UE. Permezz tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet proposti, il-Kummissjoni ġabret evidenza utli rigward il-kwistjonijiet li kellhom jiġu indirizzati fil-ġejjieni. Il-White Paper u l-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivu diversi objettivi, inklużi dawn li ġejjin:

      • li jsaħħu r-rwol soċjetali tal-isport;
      • li jippromwovu s-saħħa pubblika permezz tal-attività fiżika;
      • li jsaħħu l-attivitajiet ta’ volontarjat;
      • li jsaħħu d-dimensjoni ekonomika tal-isport u l-moviment liberu tal-plejers;
      • li jiġġieldu kontra d-doping, il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus; kif ukoll
      • li jirregolawid-drittijiet tal-media.
      • 2. Il-komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport

        Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona fl-2009 wittew it-triq għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Jannar 2011 bit-titolu “L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport”. Din il-komunikazzjoni indirizzat ir-rwol ġenerali tal-isport, b’mod partikolari biex titjieb l-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali u s-saħħa pubblika. Iffokat ukoll fuq aspetti relatati ma’ avvenimenti sportivi internazzjonali, inkluż l-iffirmar tal-Konvenzjoni Kontra d-Doping tal-Kunsill tal-Ewropa, arranġamenti u rekwiżiti ta’ sikurezza għal avvenimenti sportivi, kif ukoll standards għall-aċċessibbiltà ta’ avvenimenti sportivi u postijiet għal persuni b’diżabbiltà. Fl-aħħar nett, tat ħarsa wkoll lejn kwistjonijiet ekonomiċi relatati mal-isport, inkluż il-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-media, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-finanzjament trasparenti u sostenibbli tal-isport u l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fl-isport.

        3. Il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport

        Il-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport huwa wieħed mill-aktar dokumenti importanti tal-UE dwar il-politika dwar l-isport. Dan jiffoka fuq l-attivitajiet ewlenin tal-Unjoni fil-qasam u jaġixxi bħala strument ta’ gwida għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tal-isport. 

        L-ewwel pjan ta’ ħidma għall-isport (2011-2014) ġie adottat mill-Kunsill fl-2011. Il-ħames pjan ta’ ħidma tal-UE għall-isport (2024-2027) ġie adottat formalment mill-Kunsill fl-14 ta’ Mejju 2024. Fih qafas strateġiku aġġornat bi tliet prijoritajiet ewlenin:

        • l-integrità u l-valuri fl-isport;
        • l-aspett soċjoekonomiku u dak ambjentali fl-isport;
        • il-parteċipazzjoni fl-isport u attività fiżika li ttejjeb is-saħħa.
        • Il-pjan ta’ ħidma jintroduċi attenzjoni akbar għall-isfidi transsettorjali bħas-sostenibbiltà, is-saħħa mentali, l-innovazzjoni diġitali fl-isport, u l-infrastruttura aċċessibbli. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-moviment tal-isport organizzat (inklużi l-organizzazzjonijiet, il-federazzjonijiet, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet tal-isport) huma mistiedna jikkooperaw fl-implimentazzjoni tiegħu permezz ta’ djalogu strutturat, monitoraġġ, u gruppi ta’ ħidma tematiċi.

          B. L-azzjonijiet

          1. Erasmus+

          L-isport huwa parti integrali minn Erasmus+, il-programm għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Il-programm attwali għall-2021-2027 jalloka 1.9% tal-baġit globali tiegħu lill-isport.

          Erasmus+ jippromwovi l-mobbiltà għat-tagħlim għall-persunal tal-isport, u sħubijiet għall-kooperazzjoni biex jittejbu l-kwalità, l-inklużjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni fl-isport u fl-organizzazzjonijiet sportivi. Fost l-azzjonijiet, huma inklużi possibbiltajiet ta’ tagħlim virtwali, il-ħolqien ta’ sħubijiet għall-kooperazzjoni u l-iskambji tal-aħjar prattiki, u l-appoġġ għal avvenimenti mingħajr skop ta’ qligħ li jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-isport tal-massa.

          Fl-2025, is-sejħiet relatati mal-isport f’Erasmus+ attiraw interess akbar, b’madwar 2,390 proposta riċevuti — żieda ta’ 34% meta mqabbla mal-2024. B’kollox, intgħażlu 350 proġett għall-finanzjament, b’baġit ta’ aktar minn EUR 67 miljun.

          2. Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport

          Il-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Frar 2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport, għall-ewwel darba ppropona li ssir “Ġurnata Ewropea tal-Isport” mal-UE kollha. F’Settembru 2015, tnediet il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport bil-għan li tippromwovi l-isport u l-attività fiżika madwar l-Ewropa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jibnu stil ta’ ħajja aħjar u aktar san. Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-isport u l-attività fiżika bejn April u Mejju tal-2022, 62% tal-Ewropej rari jew qatt ma jipprattikaw eżerċizzju jew jipparteċipaw f’xi sport. Dan iħalli konsegwenzi negattivi kemm fuq is-saħħa tal-individwu kif ukoll fuq l-ekonomija, għax dan iwassal għal spejjeż tas-saħħa akbar, produttività mnaqqsa u impjegabbiltà aktar baxxa.

          Mill-2015, l-Istati Membri u l-pajjiżi sħab organizzaw kull sena firxa wiesgħa ta’ attivitajiet u avvenimenti biex jimmarkaw il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Fl-2025, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport iċċelebrat l-10 anniversarju tagħha bit-tema “#BeActive – Then. Now. Always” (Kun Attiv - Qabel. Illum. Dejjem.) Enfasizzat l-attività fiżika li tieħu post il-ħin imqatta’ quddiem skrin, għal saħħa mentali aħjar u fuq it-twessigħ tal-aċċess għall-isport sabiex tiġi promossa l-inklużjoni fost l-etajiet u l-isfondi kollha.

          Matul dawn l-aħħar 10 snin, l-inizjattiva ispirat aktar minn 103 miljun parteċipant biex jieħdu sehem f’aktar minn 353,000 avveniment li saru fi 42 pajjiż u reġjun.

          3. Il-premjijiet

          Mill-2022, il-Kummissjoni tat il-Premjijiet tal-Isports tal-UE #BeActiveu #BeInclusive bil-għan li tirrikonoxxi l-kisbiet f’ħames kategoriji: l-attività fiżika; l-inklużjoni; il-volontarjat; l-attivitajiet interġenerazzjonali; u l-paċi. Il-premjijiet jenfasizzaw kemm proġetti b’viżibbiltà għolja kif ukoll inizjattivi fil-livell lokali, li jippremjaw ideat innovattivi żviluppati minn individwi u organizzazzjonijiet li jippromwovu l-isport u l-attivitajiet fiżiċi. B’mod partikolari, jappoġġjaw l-isforzi biex jitneħħew l-ostakli soċjali permezz tal-isport, u biex titrawwem il-koeżjoni komunitarja, l-inklużjoni tal-migranti u sens kondiviż ta’ identità Ewropea.

          Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

          Fil-Parlament, l-iżvilupp tal-politika Ewropea dwar l-isport huwa kompetenza tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT). Fid-19 ta’ Mejju 2021, il-Kumitat CULT ingħaqad mas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) biex jiddiskuti d-drittijiet tal-bniedem f’avvenimenti sportivi kbar.

          Fit-23 ta’ Novembru 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni bit-titolu “Il-politika tal-UE dwar l-isport:valutazzjoni u toroq possibbli ’l quddiem”. Ir-riżoluzzjoni tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet biex:

          • jiżdied il-finanzjament għall-isport għad-dilettanti;
          • jiġi regolat aħjar it-trasferiment tal-plejers;
          • tingħata paga ugwali u viżibbiltà akbar għan-nisa fl-isport;
          • jiġu stabbiliti protezzjonijiet aktar b’saħħithom għat-tfal fl-isport; kif ukoll
          • jiżdied il-ħin allokat għall-attività fiżika fl-iskejjel.
          • Huwa ssuġġerixxa wkoll il-ħolqien ta’ “koordinatur tal-isport tal-UE” li jingħata l-kompitu li jżid il-kooperazzjoni transsettorjali.

            Fid-9 ta’ Lulju 2022, grupp ta’ Membri tal-PE ltaqa’ ma’ uffiċjali tal-FIFA biex jiddiskutu r-riforma tas-sistema ta’ trasferimenti, kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-futbol, l-iżvilupp tal-futbol tan-nisa u l-protezzjoni tat-tfal fl-isport.

            Fl-10 ta’ Novembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-isport elettroniku u l-video games, li rrikonoxxiet l-isport elettroniku (jiġifieri “sport elettroniku”, li jikkonsisti f’avvenimenti organizzati u kompetittivi tal-video games) bħala settur distint mill-isport tradizzjonali. Din ir-riżoluzzjoni stiednet lill-Kummissjoni tfassal karta sabiex tippromwovi l-valuri Ewropej fil-kompetizzjonijiet tal-isport elettroniku u sabiex tikkunsidra l-ħolqien ta’ viża għall-persunal tal-isport elettroniku (inkluż għal min jilgħab). Il-Parlament irrikonoxxa l-potenzjal tal-video games sportivi u tal-isport virtwali għall-esplorazzjoni ta’ forom ġodda ta’ involviment tal-partitarji u ż-żieda fil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet fiżiċi, iżda rrikonoxxa l-ħtieġa li l-isport elettroniku jiġi ssalvagwardjat mix-xiri tal-logħob u mil-logħob tal-azzard illegali. Appoġġja approċċ responsabbli fil-livell tal-UE għall-video games u l-isport elettroniku billi jiġu promossi bħala parti minn stil ta’ ħajja san li jinkludi l-attività fiżika, l-interazzjoni soċjali wiċċ imb wiċċ u l-involviment f’attivitajiet kulturali.

            Fis-7 ta’ Ottubru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Appellat għal:

            • il-protezzjoni tal-isport għad-dilettanti;
            • il-promozzjoni tas-sigurtà u l-inklużjoni; kif ukoll
            • il-konformità tal-organizzazzjonijiet sportivi mal-liġi tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni u tax-xogħol.
            • Ir-riżoluzzjoni tappoġġja wkoll l-idea ta’ atleti bħala ħaddiema u ssaħħaħ is-sejħa għal governanza tajba, trasparenza u solidarjetà finanzjarja fl-isport mil-livell professjonali sa dak tad-dilettanti.

              Fit-3 ta’ Diċembru 2024, il-Kumitat CULT kellu skambju ta’ fehmiet mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar miżuri ta’ politika għall-prevenzjoni u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-isport, u fit-2 ta’ Diċembru 2025, kellhom skambju ta’ fehmiet dwar modi kif l-isport jista’ jkun għodda biex tingħata s-setgħa lill-persuni b’diżabbiltà.

              Fil-21 ta’ Jannar 2026, il-Parlament kellu dibattitu dwar il-piraterija online tal-isport u avvenimenti diretti oħra, u wettaq evalwazzjoni tal-ħsara kkawżata minn dan il-fenomenu u l-miżuri li l-Kummissjoni ħadet s’issa biex tiġġieled kontrih. Id-dibattitu żvela li filwaqt li dawn il-miżuri kienu kisbu riżultati pożittivi fuq il-pjattaformi, ma kinux ta’ suċċess mal-intermedjarji. Il-Parlament u l-Kummissjoni qablu li jeħtieġ li l-isforzi jiġu intensifikati u li l-miżuri jiġu applikati b’mod aktar konsistenti.

              Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet taċ-Ċittadini, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Kostituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni.

               

              LÉANE EMMA CLARA COSTES / Denise CHIRCOP