Il-ħarsien tal-valuri tal-Artikolu 2 tat-TUE fl-UE

Din l-iskeda informattiva tispjega l-proċedura għall-protezzjoni tal-valuri tal-UE stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Tiddeskrivi l-ħtieġa dejjem tikber li jiġu protetti l-valuri u d-drittijiet fundamentali fl-UE, kif ukoll l-istrumenti użati biex jipproteġuhom. Tispjega l-Artikolu 7 tat-TUE, li jipprevedi mekkaniżmu tal-UE li jiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tal-valuri tal-UE minn Stat Membru u possibbilment jissanzjonah. Tispjega wkoll politiki oħra mmirati lejn it-tisħiħ tal-għodod disponibbli fl-UE biex jiġġieldu kontra r-rigress demokratiku u jipproteġu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u l-minoranzi fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-iskeda tixħet dawl fuq ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-promozzjoni, il-monitoraġġ u l-infurzar tal-protezzjoni tal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE.

Unjoni bbażata fuq il-valuri

A. Il-kodifikazzjoni tal-valuri tal-UE

Tul iż-żminijiet, l-UE kompliet tespandi l-kompetenzi tagħha għall-politiki li għandhom impatt dirett fuq id-drittijiet fundamentali bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, li mbagħad evolvew fi spazju komplut ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fil-fatt, it-Trattati nbidlu biex il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiġi ankrata b’mod sod fl-UE.

It-Trattat ta’ Maastricht (1993) inkluda referenzi għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB)) u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE. It-Trattat ta’ Amsterdam (1999) afferma l-prinċipji Ewropej li fuqhom hija msejsa l-UE u ħoloq proċedura biex jiġu sospiżi d-drittijiet previsti mit-Trattati f’każijiet fejn Stat Membru jikkommetti ksur serju u persistenti tad-drittijiet fundamentali. Fit-Trattat ta’ Liżbona (2009), dawn il-prinċipji saru valuri, kif elenkati fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dawn il-valuri jinkludu r-rispett:

  • għad-dinjità tal-bniedem;
  • għal-libertà;
  • għad-demokrazija;
  • għall-ugwaljanza;
  • għall-istat tad-dritt;
  • għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem il-Karta) tirrappreżenta l-aħħar żvilupp fil-proċess ta’ kodifikazzjoni mmirat biex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE.

    B. Il-protezzjoni tal-valuri permezz tal-ġurisprudenza

    Il-Komunitajiet Ewropej, issa l-Unjoni Ewropea, inħolqu bħala tliet organizzazzjonijiet internazzjonali ċċentrati madwar il-kooperazzjoni ekonomika. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda perċezzjoni dwar ħtieġa ta’ regoli espliċiti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali. Dawn id-drittijiet kienu meqjusa ggarantiti mill-KEDB, li għaliha l-Istati Membri kienu firmatarji.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) kienet affermat, fl-aħħar tal-ħamsinijiet u fil-bidu tas-sittinijiet, il-prinċipji tal-effett dirett u s-supremazija tal-liġi Komunitarja (issa “il-liġi tal-UE”), u rrifjutat li teżamina l-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet Komunitarji mal-liġi nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istati Membri. Wara dawn id-deċiżjonjiet, ċerti qrati nazzjonali bdew jesprimu tħassib dwar l-effetti li ġurisprudenza bħal din jista’ jkollha fuq il-ħarsien ta’ valuri kostituzzjonali bħad-drittijiet fundamentali. Jekk il-liġi Komunitarja tipprevali fuq il-liġi kostituzzjonali nazzjonali, kienet se tinħoloq il-possibbiltà li l-liġi Komunitarja tikser id-drittijiet fundamentali protetti fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri.

    Biex jindirizzaw dan ir-riskju perċepit, il-qrati kostituzzjonali Ġermaniżi u Taljani adottaw sentenzi li fihom affermaw is-setgħa tagħhom li jirrieżaminaw il-liġi tal-UE biex jiżguraw il-konsistenza tagħha mad-drittijiet kostituzzjonali. Dan wassal biex il-QĠUE affermat, permezz tal-ġurisprudenza tagħha, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet fundamentali, billi ddikjarat li d-drittijiet fundamentali huma minquxa fil-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja mħarsa mill-QĠUE.

    L-istrumenti Ewropej għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

    A. Il-ftehimiet esterni għall-UE, il-KEDB

    Il-KEDB hija l-istrument ewlieni għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa, li l-Istati Membri kollha aderew magħha. Madankollu, l-UE nnifisha bħalissa mhijiex parti għall-Konvenzjoni.

    Il-Kummissjoni insistiet għall-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej mal-ECHR fis-snin 1980 u 1990. Madankollu, fl-Opinjoni tal-1996 tagħha (l-Opinjoni 2/94), il-QĠUE sabet li t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ dak iż-żmien ma kellux kompetenza biex il-Komunitajiet Ewropej jippromulgaw regoli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew biex jikkonkludu konvenzjonijiet internazzjonali f’dan il-qasam, u b’hekk l-adeżjoni kienet legalment impossibbli.

    Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, l-Artikolu 6(2) tat-TUE għamel l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB obbligatorja. Dan l-arranġament, madankollu, jagħmel lill-UE responsabbli lejn awtorità legali esterna — il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) — fi kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem. Konsegwentement, individwi fl-UE jistgħu jressqu kontestazzjonijiet legali kontra atti tal-UE direttament quddiem il-QEDB, abbażi tal-KEDB.

    Għalkemm l-UE fetħet negozjati mal-Kunsill tal-Ewropa dwar abbozz ta’ ftehim ta’ adeżjoni fl-2010 (iffinalizzat f’April 2013), f’Diċembru 2014, il-QĠUE ħarġet opinjoni negattiva li tiddikjara li l-abbozz ta’ ftehim seta’ jaffettwa b’mod negattiv il-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija tal-liġi tal-UE (l-Opinjoni 2/13). Din l-opinjoni waqqfet il-proċess ta’ adeżjoni għalkollox. Fl-2019, wara riflessjonijiet dwar kif jistgħu jingħelbu dawn l-inkompatibbiltajiet, l-UE u l-Kunsill tal-Ewropa reġgħu bdew in-negozjati.

    B. Il-protezzjoni interna permezz tal-Karta

    Flimkien mal-mekkaniżmu ta’ skrutinju “estern” maħluq mill-adeżjoni tal-UE għall-KEDB, kien se jkun hemm bżonn ukoll mekkaniżmu “intern” fil-livell tal-UE li jippermetti lill-QĠUE twettaq rieżamijiet ġudizzjarji preliminari u awtonomi. Biex isir dan, kienet meħtieġa karta ta’ drittijiet speċifika għall-UE, u l-Kunsill Ewropew tal-1999 f’Cologne stabbilixxa konvenzjoni biex tiġi abbozzata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    Il-Karta ġiet ipproklamata solennement mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni f’Nizza fis-sena 2000. Wara li ġiet emendata, ġiet ipproklamata mill-ġdid fl-2007. Daħlet fis-seħħ direttament biss bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, u minn dak iż-żmien ’l hawn hija meqjusa bħala sors vinkolanti tal-liġi primarja, hekk kif previst fl-Artikolu 6(1) TUE.

    Il-Karta, filwaqt li hija bbażata fuq il-KEDB u strumenti oħra Ewropej u internazzjonali, tkopri d-drittijiet u l-libertajiet taħt sitt kapitoli tematiċi:

    • id-dinjità;
    • il-libertajiet;
    • l-ugwaljanza;
    • is-solidarjetà;
    • id-drittijiet taċ-ċittadini;
    • il-ġustizzja.
    • Tkopri, fost kwistjonijiet oħra, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali bħala motivi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti, u tistabbilixxi fermament l-aċċess għad-dokumenti, il-protezzjoni tad-data u l-amministrazzjoni tajba bħala drittijiet fundamentali.

      Filwaqt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa wiesa’ ħafna, billi l-biċċa l-kbira tad-drittijiet li tirrikonoxxi huma mogħtija lil “kulħadd”, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus, l-Artikolu 51 tal-Karta jillimita l-applikazzjoni tagħha għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.

      L-istrumenti għall-protezzjoni tal-valuri tal-UE

      A. Il-mekkaniżmu ta’ sanzjoni skont l-Artikolu 7 tat-TUE

      Fl-1999, żdied mekkaniżmu ġdid ta’ sanzjoni mat-Trattati biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali, kif ukoll prinċipji u valuri oħra tal-UE bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza u l-protezzjoni tal-minoranzi jiġu rispettati mill-Istati Membri lil hinn mil-limiti legali imposti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-UE. Dan il-mekkaniżmu jagħti lill-UE s-setgħa li tintervjeni f’oqsma li altrimenti jitħallew f’idejn l-Istati Membri, f’sitwazzjonijiet ta’ “ksur serju u persistenti” ta’ dawn il-valuri. Żdiedet fażi preventiva permezz tat-Trattat ta’ Nizza fl-2003 għal-każijiet li jinvolvu “riskju ċar ta’ ksur serju” tal-valuri tal-UE fi Stat Membru. L-għan ta’ dan kien li jiżgura li l-protezzjoni tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, li huma inklużi wkoll fil-kriterji ta’ Copenhagen għall-adeżjoni mal-UE, tibqa’ mħarsa b’mod effettiv wara l-adeżjoni.

      1. Il-fażi preventiva skont l-Artikolu 7(1) TUE

      Fil-każ ta’ “riskju ċar ta’ ksur serju” tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE minn Stat Membru, tista’ tinbeda proċedura kontrihom. Biex isir dan, trid issir proposta motivata:

      • minn terz tal-Istati Membri;
      • mill-Parlament;
      • mill-Kummissjoni.
      • Il-Kunsill imbagħad jiddetermina b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa jekk hemmx “riskju ċar ta’ ksur serju” mill-Istat Membru kkonċernat tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE. Qabel ma tittieħed deċiżjoni, l-Istat Membru inkwistjoni jrid jinstema’ u jista’ jkun li jsirulu xi rakkomandazzjonijiet. Il-Parlament irid ukoll jagħti l-approvazzjoni tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa u b’maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu (jiġifieri 361 minn 720 membru).

        Għalkemm din il-proċedura ġiet attivata darbtejn minn meta nħolqot, il-Kunsill imblokka ż-żewġ tentattivi, u ma adotta l-ebda rakkomandazzjoni jew deċiżjoni:

        • kontra l-Polonja f’Diċembru 2017 — fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni — il-Kummissjoni pproponiet li tagħlaq il-proċedimenti f’Mejju 2024;
        • kontra l-Ungerija f’Settembru 2018 — fuq l-inizjattiva tal-Parlament.
        • 2. Il-mekkaniżmu ta’ sanzjoni skont l-Artikolu 7(2) u (3) TUE

          Fil-każ ta’ “ksur serju u persistenti” tal-valuri tal-UE, jista’ jiġi skattat “mekkaniżmu ta’ sanzjoni” wara li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan jista’ jiġi skattat:

          • minn terz tal-Istati Membri;
          • mill-Kummissjoni.
          • Importanti li wieħed jinnota li l-Parlament ma jistax jiskatta dan il-mekkaniżmu.

            Il-Kunsill Ewropew (separatament mill-Kunsill) (ara 1.3.6) jiddetermina l-eżistenza tal-ksur b’unanimità, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa u maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu.

            Il-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jissospendi wħud mid-drittijiet tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż id-dritt tal-vot tiegħu fil-Kunsill. Kwalunkwe modifika jew revoka tas-sanzjonijiet tiġi deċiża wkoll mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata. L-Istat Membru kkonċernat ma jiħux sehem fil-votazzjonijiet fil-Kunsill jew fil-Kunsill Ewropew.

            B. Il-qafas u l-mekkaniżmu tal-istat tad-dritt tal-Kummissjoni

            Fl-2014, il-Kummissjoni nediet qafas tal-UE biex issaħħaħ l-istat tad-dritt. Dan il-qafas għandu l-għan li jiżgura l-protezzjoni effettiva u koerenti tal-istat tad-dritt, bħala prerekwiżit biex jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija f’sitwazzjonijiet fejn ikunu taħt theddida sistemika. Il-qafas huwa maħsub biex jippreċedi u jikkomplementa l-Artikolu 7 tat-TUE, u jipprevedi tliet fażijiet:

            • valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-forma ta’ djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, segwita, jekk ikun meħtieġ, minn opinjoni dwar l-istat tad-dritt;
            • rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt;
            • segwitu għar-rakkomandazzjoni mill-Istat Membru.
            • F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni:pjan ta’ azzjoni u nediet mekkaniżmu tal-istat tad-dritt. Dan jikkonsisti f’ċiklu ta’ rieżami annwali bbażat fuq rapport dwar l-istat tad-dritt li filwaqt li jimmonitorja s-sitwazzjoni fl-Istati Membri jifforma l-bażi ta’ djalogu interistituzzjonali. L-ewwel rapport ġie ppubblikat f’Settembru 2020, akkumpanjat minn 27 kapitolu tal-pajjiżi, u kopra:

              • is-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tagħha;
              • il-qafas kontra l-korruzzjoni – l-istruttura legali u istituzzjonali tiegħu, kif ukoll il-prevenzjoni u l-miżuri ripressivi;
              • il-pluraliżmu tal-media, inkluż l-eżistenza ta’ korpi regolatorji, it-trasparenza tas-sjieda u l-interferenza governattiva u l-protezzjoni tal-ġurnalisti;
              • kwistjonijiet istituzzjonali oħra relatati mas-sistema tal-kontrokontrolli, bħall-proċess leġiżlattiv, l-awtoritajiet indipendenti, l-aċċessibbiltà, ir-rieżami ġudizzjarju, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
              • Ir-rapport isaħħaħ b’mod sostanzjali l-monitoraġġ tal-UE, meta mqabbel mat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE u strumenti oħra ta’ monitoraġġ u rappurtar, billi jinkludi:

                • il-ġustizzja ċivili, kriminali u amministrattiva;
                • l-indipendenza ġudizzjarja;
                • il-korruzzjoni;
                • il-pluraliżmu tal-media;
                • is-separazzjoni tal-poteri;
                • l-ispazju tas-soċjetà ċivili.
                • Ġie stabbilit network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali biex tinġabar l-informazzjoni u jiġi żgurat djalogu mal-Istati Membri. Ġie promoss ukoll djalogu mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-entitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, networks ġudizzjarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

                  Mill-2022, ir-rapporti annwali dwar l-istat tad-dritt għamlu rakkomandazzjonijiet lil kull Stat Membru, u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imbagħad tiġi evalwata fir-rapport tas-sena sussegwenti. Għall-ewwel darba, ir-rapport tal-2024 jinkludi wkoll kapitoli tal-pajjiżi dwar erba’ pajjiżi tat-tkabbir (l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja). L-inklużjoni tagħhom se tappoġġja l-isforzi ta’ riforma ta’ dawn il-pajjiżi biex jiksbu progress irriversibbli fir-rigward tad-demokrazija u l-istat tad-dritt qabel l-adeżjoni, u biex jiggarantixxu li l-istandards għoljin ikomplu wara l-adeżjoni.

                  C. Strumenti oħra għall-ħarsien tal-valuri tal-UE

                  Il-proċedimenti ta’ ksur huma strument importanti biex jiġi ssanzjonat il-ksur tal-valuri fl-UE, u l-QĠUE qed tkompli tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam. Jistgħu jitnedew proċedimenti ta’ ksur f’każijiet fejn liġi nazzjonali tkun inkompatibbli mal-liġi tal-UE u mal-valuri tal-UE f’każijiet individwali u speċifiċi, u l-QĠUE tista’ timponi penali finanzjarji għal nuqqas ta’ konformità mal-ordnijiet jew mas-sentenzi tagħha.

                  Meta tipproponi inizjattiva leġiżlattiva ġdida, il-Kummissjoni tindirizza l-kompatibbiltà tagħha mad-drittijiet fundamentali permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt, dokument li sussegwentement jiġi eżaminat mill-Kunsill u mill-Parlament.

                  Il-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta, li jiġi eżaminat u diskuss mill-Kunsill u mill-Parlament. F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni nediet strateġija ġdida biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta, inkluż fir-rigward tal-fondi tal-UE permezz tal-“kundizzjoni abilitanti” speċifika għall-Karta li ġiet introdotta fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-2021.

                  Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità tal-Istat tad-Dritt f’Diċembru 2020, il-fondi jistgħu jiġu ffriżati biex il-baġit tal-UE jiġi protett kontra ġestjoni finanzjarja ħażina reali jew potenzjali li tirriżulta minn ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fi Stat Membru.

                  Fl-2023, il-Kummissjoni ddiskutiet l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) ma’ diversi gvernijiet tal-Istati Membri u qed timmonitorja jekk humiex qed jilħqu l-istadji importanti u l-miri miftiehma, li huma prerekwiżit għall-iżborż tal-fondi RRF. Id-diskussjonijiet kellhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi identifikati fis-Semestru Ewropew u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-2023, li indirizzaw l-isfidi identifikati fir-rapporti dwar l-istat tad-dritt u r-rakkomandazzjonijiet relatati maħruġa mill-Kummissjoni, kif ukoll fil-proċeduri tal-Artikolu 7 kontra l-Polonja u l-Ungerija.

                  Il-Kunsill ilu mill-2014 jorganizza djalogu annwali fost l-Istati Membri kollha fi ħdan il-Kunsill għall-promozzjoni u s-salvagwardja tal-istat tad-dritt. Mit-tieni nofs tal-2020, il-Kunsill iddeċieda li jiffoka fuq l-eżami tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’ħames Stati Membri kull sitt xhur, abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt.

                  L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), li ġiet stabbilita fl-2007 u hija bbażata fi Vjenna, taqdi rwol importanti fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Il-FRA għandha l-kompitu li tiġbor, tanalizza, ixxerred u tevalwa l-informazzjoni u d-data relatati mad-drittijiet fundamentali. Twettaq ukoll riċerka u stħarriġ xjentifiku, u tippubblika rapporti annwali u tematiċi dwar id-drittijiet fundamentali.

                  Il-Kummissjoni qed issaħħaħ ukoll l-ugwaljanza u l-protezzjoni tal-minoranzi – tnejn mill-pilastri tal-Artikolu 2 tat-TUE – permezz ta’ strateġiji, proposti u azzjonijiet speċifiċi li għandhom l-għan li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġġieldu kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u l-vjolenza domestika, ir-razziżmu, id-diskors ta’ mibegħda, ir-reati ta’ mibegħda u l-antisemitiżmu, u jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, ir-Rom, il-persuni b’diżabbiltà u t-tfal, fil-qafas tal-kunċett ġenerali ta’ “Unjoni tal-Ugwaljanza”. Fl-2024, l-UE adottat żewġ direttivi li jistabbilixxu standards komuni għall-korpi tal-ugwaljanza sabiex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jkopru r-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati fl-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, rispettivament.

                  Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                  Il-Parlament minn dejjem appoġġja t-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-UE u l-ħarsien tagħhom. Sa mill-1977, huwa adotta, flimkien mal-Kunsill u mal-Kummissjoni, Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, li fiha t-tliet istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Fl-1979, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li fiha ppromwova l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-KEDB.

                  L-abbozz ta’ Trattat li jistabbilixxi l-UE, propost mill-Parlament fl-1984, speċifika li l-UE jeħtiġilha tħares id-dinjità tal-individwu u biex tirrikonoxxi fil-konfront ta’ kull persuna li taqa’ fil-ġuriżdizzjoni tagħha, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali li joħorġu mill-prinċipji komuni tal-kostituzzjonijiet nazzjonali u tal-KEDB. Huwa ppreveda wkoll l-adeżjoni tal-UE mal-KEDB. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 1989, il-Parlament adotta d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali.

                  Kull sena mill-1963 ’l hawn, il-Parlament organizza dibattitu u adotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, abbażi ta’ rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu. Barra minn hekk, adotta għadd dejjem jikber ta’ riżoluzzjonijiet li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi marbuta mal-ħarsien tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE fl-Istati Membri.

                  Il-Parlament dejjem appoġġja lill-UE f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ karta tad-drittijiet tagħha stess, u talab li l-Karta tkun legalment vinkolanti.

                  Il-Parlament esprima kemm-il darba tħassib serju dwar l-erożjoni gradwali tal-istandards previsti fl-Artikolu 2 tat-TUE f’xi Stati Membri. Biex jindirizza din il-problema, għamel diversi suġġerimenti biex isaħħaħ il-protezzjoni fl-UE mhux biss tad-drittijiet fundamentali, iżda wkoll tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, u b’mod usa’, tal-valuri kollha tal-UE koperti mill-Artikolu 2 tat-TUE, billi ppropona mekkaniżmi u proċeduri ġodda biex jimtlew diskrepanzi eżistenti. F’riżoluzzjonijiet varji mill-2012, il-Parlament appella għall-ħolqien ta’ “Kummissjoni ta’ Copenhagen”, kif ukoll ta’ ċiklu ta’ politika Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali, mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, proċedura ta’ ffriżar tal-assi u t-tisħiħ tal-FRA.

                  Fl-2016, il-Parlament ikkonsolida l-proposti preċedenti tiegħu f’riżoluzzjoni storika dwar mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament talab li l-Kummissjoni tippreżenta ftehim interistituzzjonali biex tistabbilixxi dak il-mekkaniżmu, abbażi ta’ Patt tal-Unjoni mal-Kummissjoni u mal-Kunsill. Il-mekkaniżmu jinkludi ċiklu ta’ politika annwali bbażat fuq rapport li jimmonitorja r-rispett tal-valuri tal-UE fl-UE, abbozzat mill-Kummissjoni u minn bord ta’ esperti, segwit minn dibattitu parlamentari u akkumpanjat minn arranġamenti biex jiġu indirizzati r-riskji jew il-ksur.

                  F’riżoluzzjoni tal-2020 dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-UE għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, il-Parlament ippropona t-test għal ftehim interistituzzjonali dwar it-tisħiħ tal-valuri tal-UE, filwaqt li elabora fuq il-proposti preċedenti u żied possibbiltà għal rapporti urġenti u l-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma interistituzzjonali. F’riżoluzzjoni tal-2021 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, il-Parlament stieden ukoll lill-Kummissjoni biex twessa’ r-rapport annwali tagħha biex ikopri l-valuri kollha stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u jinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

                  Ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament dwar il-proċedimenti tal-Artikolu 7 tat-TUE jinkludu: