Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), korp konsultattiv tal-UE bbażat fi Brussell. Tistabbilixxi l-bażi legali tal-KESE, imbagħad tiddeskrivi l-membri tiegħu, kif jinħatru u kif is-siġġijiet jinqasmu fost il-pajjiżi tal-UE. Tispjega wkoll kif inhu organizzat il-KESE, kif iħejji l-opinjonijiet u meta l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jew jistgħu jikkonsultawh. L-iskeda informattiva tintemm billi tħares lejn il-kooperazzjoni tal-KESE mal-Parlament Ewropew u r-rwol tiegħu biex jinkludi lill-impjegaturi, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): l-Artikolu 13(4) jipprevedi li Kumitat Ekonomiku u Soċjali jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (“il-Kunsill”) u lill-Kummissjoni Ewropea fil-ħidma tagħhom, filwaqt li jaġixxi f’kapaċità konsultattiva.
  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (it-TFUE): l-Artikoli 300-304 jistabbilixxu dispożizzjonijiet ġenerali dwar kif jaħdem il-KESE.
  • Id-deċiżjoni tal-2019 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-KESE (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853) tistabbilixxi kemm għandu membri tal-KESE kull pajjiż tal-UE.
  • Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-ħatra tal-membri tal-KESE: il-Kunsill jadotta deċiżjonijiet li jaħtru membri għall-KESE, fuq proposta tal-Istati Membri – deċiżjonijiet reċenti jinkludu d-deċiżjoni li taħtar membri tal-KESE għall-perjodu mill-21 ta’ Settembru 2025 sal-20 ta’ Settembru 2030 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1911) u d-deċiżjoni li taħtar membri tal-KESE għall-perjodu mid-29 ta’ Settembru 2025 sal-20 ta’ Settembru 2030 (Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/2044).
  • X’inhu l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) huwa korp konsultattiv tal-Unjoni Ewropea, ibbażat fi Brussell. Huwa magħmul minn 329 membru. L-opinjonijiet tiegħu huma meħtieġa abbażi ta’ konsultazzjoni obbligatorja fl-oqsma stabbiliti mit-Trattati jew ta’ konsultazzjoni volontarja mill-Kummissjoni, mill-Kunsill jew mill-Parlament. Il-Kumitat jista’ wkoll joħroġ opinjonijiet fuq l-inizjattiva tiegħu stess. Il-membri tiegħu mhuma marbutin bl-ebda istruzzjoni. Jeħtiġilhom jaqdu dmirijiethom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-UE.

    Il-kompożizzjoni

    A. In-numru u l-allokazzjoni nazzjonali tas-siġġijiet (l-Artikolu 301 tat-TFUE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 li tiddetermina l-kompożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew).

    Il-KESE bħalissa għandu 329 membru, maqsumin bejn l-Istati Membri kif ġej:

    • 24 kull wieħed għall-Ġermanja, Franza u l-Italja;
    • 21 kull wieħed għall-Polonja u Spanja;
    • 15 għar-Rumanija;
    • 12 kull wieħed għall-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja;
    • 9 kull wieħed għall-Kroazja, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Litwanja u s-Slovakkja;
    • 7 kull wieħed għall-Estonja, il-Latvja u s-Slovenja;
    • 6 kull wieħed għal-Lussemburgu u Ċipru;
    • 5 għal Malta.
    • Globalment, id-daqs tal-KESE tnaqqas minn 350 membru għal 329 membru b’effett mill-1 ta’ Frar 2020 (wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE).

      B. Il-metodu ta’ ħatra (l-Artikolu 302 tat-TFUE)

      Il-membri tal-KESE jinħatru mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata, abbażi ta’ proposti mill-Istati Membri. Il-Kunsill jikkonsulta lill-Kummissjoni dwar dawn in-nomini (l-Artikolu 302(2) tat-TFUE). L-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li d-diversi kategoriji ta’ attività ekonomika u soċjali jkunu rappreżentati b’mod adegwat. Fil-prattika, terz tas-siġġijiet imur għal min iħaddem, terz għall-impjegati u t-terz l-ieħor għal gruppi oħra (bdiewa, bejjiegħa bl-imnut, professjonisti liberi, konsumaturi, eċċ.).

      In-numru massimu ta’ membri tal-KESE skont it-Trattat ta’ Liżbona huwa 350 (l-Artikolu 301 tat-TFUE). Għal ftit żmien dan il-limitu nqabeż bejn Lulju 2013 u Settembru 2015 minħabba l-adeżjoni tal-Kroazja fl-1 ta’ Lulju 2013. Wara li żdiedu disa’ siġġijiet ġodda għall-Istat Membru l-ġdid, in-numru totali ta’ membri żdied għal 353 (minn 344). Deċiżjoni tal-2015 adattat il-kompożizzjoni tal-KESE wara l-adeżjoni tal-Kroazja: in-numru ta’ membri għall-Estonja, Ċipru u l-Lussemburgu tnaqqas b’wieħed kull wieħed sabiex tiġi indirizzata d-diskrepanza bejn in-numru massimu ta’ membri tal-KESE stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 301 tat-TFUE u n-numru ta’ membri b’segwitu għall-adeżjoni tal-Kroazja. Għalhekk, in-numru ta’ membri għal-Lussemburgu u għal Ċipru naqas minn sitta għal ħamsa kull wieħed, u n-numru ta’ membri għall-Estonja minn sebgħa għal sitta. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/853 iddeterminat il-kompożizzjoni finali tal-KESE f’konformità mat-tqassim tas-siġġijiet fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li wkoll għandu 329 membru, u fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li rriżulta f’24 siġġu vakanti. B’riżultat ta’ dan, in-numru ta’ membri għal-Lussemburgu u għal Ċipru għal darb’oħra żdied minn ħamsa għal sitta, u n-numru ta’ membri għall-Estonja żdied minn sitta għal sebgħa.

      C. It-tip ta’ mandat (l-Artikolu 301 tat-TFUE)

      Il-membri tal-Kumitat huma nominati mill-gvernijiet nazzjonali u jinħatru mill-Kunsill għal mandat ta’ ħames snin li jista’ jiġġedded (l-Artikolu 302 tat-TFUE). Dawn ġejjin minn gruppi b’interess ekonomiku u soċjali fl-Ewropa. L-aħħar tiġdid sar f’Ottubru 2025 għall-mandat 2025-2030.

      Dawn jagħmlu parti minn wieħed minn dawn it-tliet gruppi:

      • il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE (Grupp I);
      • il-Grupp tal-Ħaddiema tal-KESE (Grupp II);
      • l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili tal-KESE (Grupp III).
      • Il-membri jeħtiġilhom jaqdu dmirijiethom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-UE (l-Artikolu 300(4) tat-TFUE). Kull darba li siġġu ta’ membru jew membru supplenti fil-KESE jsir vakanti wara t-tmiem tal-mandat tiegħu, tkun meħtieġa deċiżjoni separata tal-Kunsill biex dak il-membru jiġi sostitwit.

        L-organizzazzjoni u l-proċeduri

        Il-KESE mhuwiex fost l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13(1) tat-TUE. Madankollu, l-Artikolu 13(4) jiddikjara li l-KESE jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea billi jwettaq attivitajiet konsultattivi.

        • Il-KESE jaħtar il-President u l-Bureau tiegħu minn fost il-membri tiegħu. Kull wieħed għandu mandat ta’ sentejn u nofs.
        • Il-KESE jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
        • Jista’ jiltaqa’ fuq l-inizjattiva tiegħu stess, iżda normalment jiltaqa’ fuq talba tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.
        • Għat-tħejjija tal-opinjonijiet tiegħu, għandu s-sitt sezzjonijiet speċjalizzati li ġejjin għad-diversi oqsma ta’ attività tal-UE (u jista’ jwaqqaf sottokumitati biex jittrattaw suġġetti speċifiċi):
          • is-sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent (NAT);
          • is-sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (ECO);
          • is-sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza (SOC);
          • is-sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni (REX);
          • is-sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum (INT);
          • is-sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni (TEN).
          • Il-KESE huwa assistit minn segretarjat ġenerali, immexxi minn Segretarju Ġenerali li jirrapporta lill-President. Is-segretarjat ġenerali jipprovdi lill-membri tal-KESE b’appoġġ għall-politiki, appoġġ komunikattiv, organizzattiv, lingwistiku u materjali. Is-segretarjat ġenerali huwa magħmul minn madwar 700 membru tal-persunal. Sabiex il-baġit tal-UE allokat lilu jiġi ġestit b’mod effiċjenti, il-KESE dejjem jikkoopera mill-qrib mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar kwistjonijiet amministrattivi permezz ta’ ftehimiet suċċessivi ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Dawn il-ftehimiet ipprovdew il-kondiviżjoni tas-servizzi tas-segretarjat permanenti tiegħu fi Brussell mas-segretarjat tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-kooperazzjoni amministrattiva, li jippermettu l-ġbir flimkien tar-riżorsi umani u finanzjarji fl-oqsma tal-loġistika (inklużi l-bini, is-sigurtà u l-istamperija), it-teknoloġija tal-informazzjoni u t-traduzzjoni.

            Fl-1 ta’ Novembru 2021, daħal fis-seħħ ftehim ta’ kooperazzjoni ġdid ta’ ħames snin bejn il-KESE u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ibbażat fuq servizzi konġunti. Il-ftehim il-ġdid jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet konġunti billi jinkludi s-servizzi ta’ lqugħ u ta’ distribuzzjoni tal-posta stampata fis-servizzi konġunti. Kważi nofs il-persunal tal-KESE jaħdem fis-servizzi konġunti.

            Il-KESE għandu baġit amministrattiv annwali – inkluż fit-taqsima VI tal-baġit tal-UE bħala “istituzzjoni oħra” – ta’ EUR 179.6 miljun fl-2026, meta mqabbel ma’ EUR 173.7 miljun fl-2025.

            Is-setgħat

            Il-KESE ġie stabbilit permezz tat-Trattati ta’ Ruma tal-1957 bil-għan li jinvolvi lil gruppi b’interess ekonomiku u soċjali fl-istabbiliment tas-suq komuni u li jipprovdi mekkaniżmi istituzzjonali sabiex il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Ministri jkunu mgħarrfa dwar kwistjonijiet Ewropej. L-Att Uniku Ewropew (1986) u t-Trattat ta’ Maastricht (1992) wessgħu l-firxa ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu riferuti lill-KESE. It-Trattat ta’ Amsterdam kompla wessa’ l-oqsma ta’ riferiment għall-KESE u ppermettielu li jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew. Bħala medja, il-KESE jipproduċi fis-sena 170 dokument ta’ konsultazzjoni u opinjoni (li minnhom madwar 15% joħroġhom fuq inizjattiva tiegħu). L-opinjonijiet huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-Kumitat għandu wkoll funzjoni konsultattiva (l-Artikolu 300 tat-TFUE). L-iskop tiegħu huwa li jinforma lill-istituzzjonijiet responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE bl-opinjonijiet tar-rappreżentanti tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali.

            A. L-opinjonijiet maħruġa fuq talba tal-istituzzjonijiet tal-UE

            1. Il-konsultazzjoni obbligatorja

            F’ċerti oqsma msemmija speċifikament, it-TFUE jistabbilixxi li deċiżjoni tista’ tittieħed biss wara li l-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea jkunu kkonsultaw lill-KESE. Dawn l-oqsma huma:

            • il-politika agrikola (l-Artikolu 43);
            • il-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi (l-Artikoli 46, 50 u 59);
            • il-politika tat-trasport (l-Artikoli 91, 95 u 100);
            • l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni indiretta (l-Artikolu 113);
            • l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar is-suq uniku (l-Artikoli 114 u 115);
            • il-politika tal-impjiegi (l-Artikoli 148, 149 u 153);
            • il-politika soċjali, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ (l-Artikoli 156, 165 u 166);
            • is-saħħa pubblika (l-Artikolu 168);
            • il-protezzjoni tal-konsumatur (l-Artikolu 169);
            • in-networks trans-Ewropej (l-Artikolu 172);
            • il-politika industrijali (l-Artikolu 173);
            • il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (l-Artikolu 175);
            • ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju (l-Artikoli 182 u 188);
            • l-ambjent (l-Artikolu 192).
            • 2. Il-konsultazzjoni volontarja

              Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill jistgħu jikkonsultaw ukoll lill-KESE dwar kwalunkwe kwistjoni oħra kif jidhrilhom xieraq. Meta dawn l-istituzzjonijiet jikkonsultaw lill-KESE, kemm jekk fuq bażi obbligatorja kif ukoll fuq bażi volontarja, jistgħu jistabbilixxu żmien definit (ta’ mill-anqas xahar), u jekk ikun hemm nuqqas ta’ opinjoni wara tali żmien, dan ma jistax jimpedihom milli jieħdu azzjoni ulterjuri (l-Artikolu 304 tat-TFUE).

              B. Il-ħruġ ta’ opinjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess

              Il-KESE jista’ jiddeċiedi li joħroġ opinjoni kull meta jidhirlu li huwa xieraq.

              Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

              Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-KESE ġie sostitwit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2024. Madankollu, xi dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2014 jibqgħu fis-seħħ – jiġifieri ċerti dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-KESE.

              Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2024 għandu l-għan li jsaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-UE billi jinvolvi aktar mill-qrib lill-partijiet ikkonċernati u lis-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. B’mod speċifiku, il-Parlament Ewropew u l-KESE qablu dwar dan li ġej.

              • Ir-rappreżentanti mill-KESE u mill-Parlament jiltaqgħu regolarment f’livelli differenti – pereżempju, il-presidenti tal-kumitati parlamentari u l-presidenti tas-sezzjonijiet tal-KESE jagħmlu ħilithom biex jiltaqgħu mill-anqas darba fis-sena biex jiddiskutu oqsma ta’ interess reċiproku. Ir-rapporteurs tal-Parlament jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tas-sezzjonijiet tal-KESE u viċi versa.
              • Matul iċ-ċiklu leġiżlattiv, il-KESE jipprovdi pariri lill-Parlament permezz ta’ opinjonijiet esploratorji fil-fażi ta’ qabel il-leġiżlazzjoni, permezz ta’ riferimenti bbażati fuq it-Trattati fil-fażi tal-leġiżlazzjoni u permezz ta’ evalwazzjonijiet ex post tal-leġiżlazzjoni fil-fażi ta’ wara l-leġiżlazzjoni (li jieħdu l-forma ta’ opinjonijiet jew rapporti ta’ evalwazzjoni).
              • Il-KESE u l-Parlament Ewropew jimpenjaw ruħhom li jiddiskutu dwar il-mod kif għandhom jaħdmu flimkien biex jippromovu konsultazzjoni strutturata mas-soċjetà ċivili organizzata billi jorganizzaw seduti ta’ smigħ, seminars, żjarat fil-pajjiżi u konferenzi.
              • Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

                 

                Katharina MASSAY-KOSUBEK