Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni

Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. Din il-politika kellha bżonn tadatta għal żviluppi sinifikanti, bħall-wasla bla preċedent ta’ rifuġjati u migranti irregolari u, mill-2015 ’il hawn, ħarġet fid-dieher sensiela ta’ nuqqasijiet fil-politiki tal-UE dwar il-fruntieri esterni u l-migrazzjoni. L-isfidi marbuta maż-żieda fil-flussi migratorji mħallta lejn l-UE u tħassib akbar dwar is-sigurtà skattaw perjodu ġdid ta’ attività fil-qasam tal-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirreferi għar-rabta bejn miżuri xierqa rigward il-kontrolli fil-fruntieri esterni u l-moviment liberu tal-persuni;
  • l-Artikoli 67 u 77 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirreferu għall-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni.
  • L-objettivi

    Żona unika mingħajr verifiki fuq il-fruntieri interni – iż-żona Schengen – tirrikjedi wkoll politika komuni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. L-Artikolu 3(2) tat-TUE jitlob li jkun hemm “miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontroll tal-fruntieri esterni”. Għaldaqstant, l-UE għandha l-għan li tistabbilixxi standards komuni għall-kontrolli fil-fruntieri esterni tagħha u li ddaħħal fis-seħħ b’mod gradwali sistema integrata għall-ġestjoni tagħhom.

    Il-kisbiet

    L-ewwel pass lejn politika komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni sar fl-14 ta’ Ġunju 1985 meta ħamsa mill-għaxar Stati Membri ta’ dak iż-żmien tal-Komunità Ekonomika Ewropea ffirmaw trattat internazzjonali, l-hekk imsejjaħ Ftehim ta’ Schengen, qrib ir-raħal ta’ Schengen, li jinsab mal-fruntiera Lussemburgiża, li ħames snin wara ġie supplimentat mill-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen. Iż-żona Schengen, żona mingħajr fruntieri li nħolqot permezz tal-acquis ta’ Schengen (kif jissejħu flimkien il-ftehimiet u r-regoli), fil-preżent hija magħmula minn 29 pajjiż Ewropew[1].

    A. L-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni

    L-acquis ta’ Schengen dwar il-fruntieri esterni tal-lum jibni fuq l-acquis oriġinali inkorporat fl-ordinament ġuridiku tal-UE mit-Trattat ta’ Amsterdam (1.1.3). Ir-regoli tiegħu jistgħu jinstabu f’firxa wiesgħa ta’ miżuri, li bejn wieħed u ieħor jistgħu jinqasmu fis-suġġetti li ġejjin:

    1. Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

    Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huwa l-pilastru ċentrali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Huwa jistabbilixxi regoli dwar il-qsim tal-fruntieri esterni u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-introduzzjoni mill-ġdid, fuq bażi temporanja, tal-verifiki fuq il-fruntieri interni. Jobbliga lill-Istati Membri jwettqu verifiki sistematiċi ma’ bażijiet tad-data rilevanti fuq il-persuni kollha, inkluż dawk li għandhom id-dritt ta’ moviment liberu skont il-liġi tal-UE (jiġifieri ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom li mhumiex ċittadini tal-UE) meta dawn jaqsmu l-fruntieri esterni. Il-bażijiet tad-data użati għall-kontrolli jinkludu s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u l-bażi tad-data tal-Interpol dwar dokumenti tal-ivvjaġġar misruqa u mitlufa. Dawn l-obbligi japplikaw fil-fruntieri esterni kollha (bl-ajru, bil-baħar u bl-art), kemm għad-dħul kif ukoll għall-ħruġ.

    Fl-10 ta’ Lulju 2024, daħlet fis-seħħ l-aktar riforma reċenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, ir-Regolament (UE) 2024/1717. Din ir-riforma tintroduċi miżuri biex jiġu indirizzati sfidi bħall-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni u l-emerġenzi tas-saħħa pubblika. Fil-każ ta’ emerġenzi tas-saħħa, u wara deċiżjoni tal-Kunsill, ir-riforma tippermetti l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet temporanji armonizzati fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tal-UE. F’każijiet ta’ strumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għadd ta’ punti ta’ qsim tal-fruntiera jew inaqqsu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom. Ir-reviżjoni tiċċara wkoll il-qafas eżistenti għall-introduzzjoni mill-ġdid u l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni f’każ ta’ theddid serju. Barra minn hekk, għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, filwaqt li tiżgura qafas aktar reżiljenti u reattiv għall-ġestjoni taż-żona Schengen.

    Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013, daħal fis-seħħ f’Novembru 2014 u stabbilixxa programm ta’ evalwazzjoni pluriennali ta’ ħames snin għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2019. Dan il-mekkaniżmu kien maħsub biex jeżamina l-komponenti kollha tal-acquis ta’ Schengen, inkluż billi jirrieżamina u jivvaluta kif l-Istati Membri jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri esterni, kif ukoll il-liġijiet u l-operazzjonijiet rilevanti kollha. Il-mekkaniżmu jagħti attenzjoni partikolari lir-rispett tad-drittijiet fundamentali. L-evalwazzjonijiet jistgħu jkopru wkoll miżuri relatati applikabbli għall-fruntieri esterni, il-politika dwar il-viżi, il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja (għall-kwistjonijiet kriminali), is-SIS u l-protezzjoni tad-data. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2022/922. Il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen aġġornat iżid l-effiċjenza, irawwem djalogu politiku dwar ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet u jsaħħaħ l-evalwazzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali.

    2. Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS)

    Is-SIS hija sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni u bażi tad-data li tgħin biex tiġi żgurata s-sigurtà internazzjonali fiż-żona Schengen, fejn ma jeżistux verifiki fuq il-fruntieri interni. Hija l-aktar sistema tal-IT tal-UE użata u effiċjenti fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tagħha (4.2.1). L-awtoritajiet madwar l-UE jużaw is-SIS biex idaħħlu jew jikkonsultaw allerti dwar persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin. Fiha aktar minn 93 miljun allert u l-awtoritajiet kienu kkonsultawha aktar minn 15-il biljun darba sal-2024, fosthom b’aktar minn 397 000 hit għal allerti (riżultati pożittivi għat-tiftix). Is-SIS reċentement ġiet imsaħħa permezz ta’ regoli aġġornati li se jindirizzaw lakuni potenzjali fis-sistema u jintroduċu diversi bidliet essenzjali għat-tipi ta’ allerti li jiddaħħlu.

    Is-SIS mibnija fuq diversi strumenti legali, li jieħdu l-forma ta’ regolamenti separati:

    • il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali;
    • il-verifiki fuq il-fruntieri;
    • ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali;
    • id-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni.
    • Dawn ir-regolamenti joħolqu kategoriji ta’ allert fis-sistema, pereżempju dwar persuni mhux magħrufa suspettati jew imfittxija, allerti preventivi għal tfal li jinsabu f’riskju ta’ ħtif mill-ġenituri, għall-fini ta’ ritorn, u allert fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali.

      3. L-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI)

      Mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom fruntieri esterni u mhux kollha huma affettwati bl-istess mod mill-flussi tat-traffiku fil-fruntieri. L-UE, għalhekk, talloka l-fondi tagħha biex tipprova tagħmel tajjeb għal xi ftit mill-ispejjeż tal-Istati Membri li l-fruntieri tagħhom stess huma wkoll il-fruntieri esterni tal-UE. L-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) fi ħdan il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri jirrappreżenta l-ammont ta’ EUR 7.92 biljun għall-perjodu 2021-2027. It-titjib tal-kontrolli fuq il-fruntieri, il-forniment ta’ servizzi effiċjenti b’rabta ma’ viżi, kif ukoll l-investiment fis-sistemi tal-IT, fl-infrastruttura u fl-appoġġ operazzjonali jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-BMVI.

      4. Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES)

      Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) hija sistema ta’ informazzjoni li tħaffef u ssaħħaħ il-verifiki fuq il-fruntieri għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw lejn l-UE. L-EES tissostitwixxi l-ittimbrar manwali tal-passaporti fil-fruntiera b’reġistrazzjoni elettronika fil-bażi tad-data.

      L-objettivi ewlenin tal-EES huma dawn li ġejjin:

      • li tnaqqas il-ħin tal-verifiki fuq il-fruntieri u ttejjeb il-kwalità tal-verifiki fuq il-fruntieri billi tikkalkola awtomatikament is-soġġorn awtorizzat għal kull vjaġġatur;
      • li tiżgura l-identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta’ min jaqbeż l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni għas-soġġorn;
      • li ssaħħaħ is-sigurtà interna u l-assistenza fil-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jkollhom aċċess għal rekords tal-istorja tal-ivvjaġġar.
      • L-aċċess għall-EES huwa mogħti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u lill-Europol, iżda mhux lill-awtoritajiet tal-ażil. Hija prevista l-possibbiltà li d-data tiġi trasferita għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi jew ta’ ritorn lejn pajjiżi terzi kif ukoll lil Stati Membri tal-UE li ma jipparteċipawx fl-EES, iżda taħt ċerti kundizzjonijiet. L-EES tirreġistra d-data tal-vjaġġaturi (l-isem, it-tip ta’ dokument tal-ivvjaġġar, il-marki tas-swaba’, l-immaġni viżiva u d-data u l-post tad-dħul u l-ħruġ) meta dawn ikunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ Schengen. Tintuża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi, kemm dawk li jirrikjedu viża kif ukoll dawk li huma eżentati. Tintuża wkoll mill-awtoritajiet konsulari u tal-fruntieri. L-aġenzija tal-UE eu-LISA hija responsabbli għall-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sistema. Fl-10 ta’ April 2026 tlestiet l-introduzzjoni progressiva tal-EES fiż-żona Schengen kollha.

        5. Il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża

        Il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża (VSM) huwa stabbilit fir-Regolament dwar il-Viża (UE) 2018/1806. Fis-7 ta’ Ottubru 2025, il-Parlament Ewropew appoġġja reviżjoni tal-VSM. Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-UE tintroduċi mill-ġdid, b’mod temporanju, ir-rekwiżiti ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi fil-każ ta’ riskji għas-sigurtà. Raġunijiet ġodda għas-sospensjoni ta’ viża jinkludu theddid ibridu, skemi taċ-ċittadinanza b’investiment li jqajmu tħassib dwar is-sigurtà, nuqqas ta’ allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi, ksur tal-Karta tan-NU, tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali jew tal-liġi umanitarja internazzjonali minn pajjiż terz, u nuqqas ta’ konformità mad-deċiżjonijiet tal-qrati internazzjonali.

        F’Jannar 2026, il-Kummissjoni adottat l-ewwel strateġija li qatt kellha l-UE dwar il-viżi biex tindirizza l-politika dwar il-viżi b’mod aktar strateġiku. L-għan tal-istrateġija huwa li ssaħħaħ l-iskrinjar tas-sigurtà, tiffaċilita l-aċċess għall-individwi li jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà tal-UE u tagħmel il-politika dwar il-viżi aktar intelliġenti permezz tal-innovazzjoni.

        6. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

        Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCGA/Frontex) flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali.

        L-EBCG saret operattiva f’Ottubru 2016. Din l-aġenzija deċentralizzata għandha l-kompitu li tissorvelja l-fruntieri esterni tal-UE u, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika u tindirizza kwalunkwe theddida potenzjali għas-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet tal-EBCGA/Frontex jinkludu appoġġ imsaħħaħ lill-Istati Membri fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera u fl-operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ. Il-Frontex tgħin ukoll fit-treġġigħ lura ta’ migranti lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom, filwaqt li taġixxi f’konformità mad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jitlob lill-aġenzija tintervjeni u tassisti lill-Istati Membri f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Dan ikun il-każ jekk:

        • Stat Membru ma jikkonformax (f’limitu ta’ żmien determinat) ma’ deċiżjoni vinkolanti tal-bord ta’ ġestjoni tal-aġenzija biex jindirizza l-vulnerabbiltajiet fil-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu; u
        • ikun hemm pressjoni speċifika u sproporzjonata fuq il-fruntiera esterna li tkun qed tpoġġi f’riskju l-funzjonament taż-żona Schengen. Jekk Stat Membru jopponi deċiżjoni tal-Kunsill biex jipprovdi assistenza, il-pajjiżi l-oħra tal-UE jistgħu jintroduċu mill-ġdid, b’mod temporanju, verifiki fuq il-fruntieri interni.
        • F’Novembru 2019, l-aġenzija kienet imsaħħa b’mandat ġdid u ngħatat il-mezzi u s-setgħat tagħha stess biex tipproteġi l-fruntieri esterni, twettaq ritorni b’mod aktar effettiv u tikkoopera ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. Il-qofol ta’ din l-aġenzija msaħħa se jkun korp permanenti ta’ 10,000 gwardja tal-fruntiera b’setgħat eżekuttivi biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fi kwalunkwe ħin. Għandha wkoll mandat aktar b’saħħtu dwar ir-ritorni u tikkoopera aktar mill-qrib ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, inklużi dawk lil hinn mill-viċinat immedjat tal-UE. Skont l-istrateġija ta’ sigurtà interna tal-Kummissjoni, ProtectEU, ta’ April 2025, il-Kummissjoni qed tippjana li tipproponi leġiżlazzjoni biex issaħħaħ ir-rwol u l-kompiti tal-Frontex fl-2026, filwaqt li tittriplika l-persunal tal-Frontex għal 30,000 maż-żmien.

          B. Żviluppi fil-ġestjoni mill-UE tal-fruntieri esterni tagħha

          Il-pass tal-bidla żdied minħabba l-fatalitajiet fuq skala kbira fil-Mediterran f’dawn l-aħħar snin flimkien ma’ influss enormi ta’ rifuġjati u migranti minn Settembru 2015 ’il hawn.

          Qabel ma faqqgħet il-kriżi tar-rifuġjati tal-2015, tliet pajjiżi tal-UE biss kienu ddeċidew li jibnu reċinti mal-fruntieri esterni tagħhom biex jimpedixxu lill-migranti u lir-rifuġjati milli jilħqu t-territorji tagħhom: Spanja (ix-xogħlijiet tal-bini tlestew fl-2005, l-estensjonijiet ġew miżjuda fl-2009), il-Greċja (tlestew fl-2012) u l-Bulgarija (b’reazzjoni għar-reċint tal-Greċja, tlestew fl-2014). Mill-2015, għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri bdew jibnu gradwalment ħitan jew reċinti fil-fruntieri. L-Artikolu 14(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jistipula li “d-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda”. F’Diċembru 2023, ir-reċinti fil-fruntieri kienu jkopru 1,552 km, li jirrappreżentaw 16% tal-fruntiera esterna tal-art tal-UE. L-Istati Membri tellgħu barrieri ma’ pajjiżi mhux tal-UE (b’mod partikolari mal-Belarussja, il-Marokk u r-Russja), inklużi pajjiżi kandidati għall-adeżjoni (ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija). Inbnew ukoll xi reċinti fiż-żona Schengen, bħar-reċint bejn l-Awstrija u s-Slovenja, filwaqt li l-prattiki Spanjoli f’Melilla jinsabu taħt l-iskrutinju tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strażburgu. L-atroċitajiet imwettqa f’żoni fejn inbnew ir-reċinti ġew iddokumentati minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

          Mill-2014 ’il hawn, il-proġett Missing Migrants tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni rreġistra aktar minn 35,000 każ ta’ mewt u għajbien matul vjaġġi migratorji lejn l-Ewropa.

          1. Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)

          F’Settembru 2018, ġiet stabbilita s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).

          L-għan ta’ din is-sistema ta’ informazzjoni ċentralizzata huwa li tiġbor informazzjoni dwar ċittadini mhux tal-UE li ma jirrikjedux viża biex jidħlu fiż-żona Schengen, u li tidentifika kwalunkwe riskju potenzjali ta’ sigurtà jew ta’ migrazzjoni irregolari. L-ETIAS għandha tliet funzjonijiet ewlenin:

          • li tivverifika l-informazzjoni mressqa online minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-viża qabel ma jivvjaġġaw lejn l-UE;
          • li tipproċessa applikazzjonijiet billi tivverifikahom ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħra (bħas-SIS, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), il-bażi tad-data tal-Europol, il-bażi tad-data tal-Interpol, l-EES u l-Eurodac, u l-Bażi tad-Data Ewropea għat-Tqabbil ta’ Data Dattiloskopika ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil li tippermetti tqabbil ta’ settijiet tad-data tal-marki tas-swaba’);
          • li toħroġ awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar meta ma jiġi identifikat l-ebda hit jew element li jirrikjedi analiżi ulterjuri.
          • Il-bażi tad-data se tkun simili għas-sistemi eżistenti diġà fis-seħħ, pereżempju fl-Istati Uniti (is-Sistema Elettronika għal Awtorizzazzjoni ta’ Vjaġġar), il-Kanada u l-Awstralja, fost l-oħrajn. Il-vantaġġi tal-ETIAS jinkludu anqas dewmien fil-fruntieri, sigurtà interna mtejba, prevenzjoni aħjar tal-immigrazzjoni illegali u anqas riskji għas-saħħa pubblika. Għalkemm is-sistema se twettaq verifiki minn qabel, id-deċiżjoni finali dwar jekk għandux jingħata jew jiġi miċħud id-dħul, anki f’każijiet fejn il-persuna għandha awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida, se tittieħed mill-gwardji nazzjonali tal-fruntiera li jkunu qed iwettqu l-kontrolli tal-fruntieri, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar għandhom jinkisbu fi ftit ħin.

            L-ETIAS hija bbażata fuq żewġ atti legali distinti ((UE) 2018/1240 u (UE) 2018/1241). Is-sistema qed tiġi żviluppata mill-aġenzija eu-LISA, u kellha tiġi adottata sa tmiem l-2025, iżda fil-5 ta’ Marzu 2025, il-ministri għall-affarijiet interni tal-UE approvaw skeda aġġornata għall-implimentazzjoni tal-EES u l-ETIAS. L-ETIAS mistennija tiġi varata fl-aħħar kwart tal-2026.

            2. L-eu-LISA

            Stabbilita fl-2011, l-eu-LISA hija responsabbli għall-ġestjoni operattiva ta’ diversi sistemi ta’ informazzjoni ċentralizzati tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni: is-SIS, il-VIS, l-Eurodac u l-EES. L-aġenzija tiżviluppa wkoll sistemi ġodda tal-IT fuq skala kbira, bħall-ECRIS-TCN u l-ETIAS. F’Novembru 2019, il-mandat tal-eu-LISA ġie rivedut u l-kapaċità tal-aġenzija li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-UE ġiet żviluppata aktar.

            L-aġenzija hija impenjata li żżomm l-interoperabbiltà u l-aderenza mar-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data fis-sistemi kollha taħt il-ġestjoni tagħha, filwaqt li tippermetti wkoll aċċess sigur u effiċjenti għall-informazzjoni fil-livell tal-UE għall-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera fformalizzaw ftehimiet biex jipparteċipaw bħala Stati assoċjati mal-eu-LISA.

            3. L-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-fruntieri

            L-UE qed tiżviluppa sistemi ċentralizzati tal-IT fuq skala kbira (is-SIS, il-VIS, l-Eurodac, l-EES, l-ETIAS u l-ECRIS-TCN) għall-ġbir, l-ipproċessar u l-qsim ta’ informazzjoni li hija essenzjali għall-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà, u għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-migrazzjoni. Dawn is-sistemi ta’ informazzjoni ilhom interoperabbli fil-livell tal-UE mill-2019, jiġifieri huma kapaċi jiskambjaw u jaqsmu d-data sabiex l-awtoritajiet ikollhom l-informazzjoni kollha li jeħtieġu, kull meta u kull fejn ikunu jeħtiġuha. L-interoperabbiltà tfisser il-kapaċità tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika li jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien, sabiex jiġu evitati lakuni ta’ informazzjoni kkawżati mill-kumplessità u l-frammentazzjoni ta’ dawn is-sistemi.

            Iż-żewġ regolamenti fis-seħħ ((UE) 2019/817 u (UE) 2019/818) jippermettu lis-sistemi jikkomplementaw lil xulxin, jgħinu fil-faċilitazzjoni tal-identifikazzjoni korretta tal-persuni u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi tal-identità. Ma jimmodifikawx id-drittijiet ta’ aċċess kif stabbilit fil-bażi legali għal kull sistema ta’ informazzjoni Ewropea, iżda jistabbilixxu:

            • portal Ewropew tat-tfittxija, li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jfittxu f’diversi sistemi ta’ informazzjoni simultanjament, bl-użu ta’ data kemm bijografika kif ukoll bijometrika;
            • servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku, li jippermetti t-tiftix u t-tqabbil ta’ data bijometrika (marki tas-swaba’ u immaġnijiet tal-wiċċ) minn diversi sistemi;
            • repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità, li jinkludi data bijografika u bijometrika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fil-preżent hija maħżuna f’diversi sistemi differenti ta’ informazzjoni tal-UE;
            • detettur ta’ identitajiet multipli, li jivverifika jekk id-data ta’ identità bijografika li tinsab fit-tfittxija teżistix f’sistemi oħra, biex tkun possibbli d-detezzjoni ta’ identitajiet multipli marbuta mal-istess sett ta’ data bijometrika.
            • 4. Il-pandemija tal-COVID-19

              Ir-restrizzjonijiet fuq il-movimenti internazzjonali u ġewwa l-UE tal-persuni saru wieħed mill-aktar risponsi ta’ politika viżibbli għall-pandemija tal-COVID-19 mill-bidu ta’ Marzu 2020 ’il quddiem. Diversi Stati Membri tal-UE għalqu t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, u mbagħad komplew billi imponew restrizzjonijiet addizzjonali tal-UE fuq l-ivvjaġġar internazzjonali li jinvolvu l-għeluq parzjali tal-fruntieri esterni tal-UE u restrizzjoni tad-dħul fl-UE minn pajjiżi terzi[2], kif ukoll restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni ġewwa l-UE[3]. F’bosta każijiet, dan kellu natura arbitrarja, ineffettiva u diskriminatorja u kiser il-liġijiet dwar il-privatezza u l-ażil, kif jidher fl-istudji kkummissjonati mill-Parlament.

              5. Il-kriżi tal-Ukrajna

              Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022, aktar minn sitt miljun persuna ġew imġiegħla jfittxu rifuġju, l-aktar f’pajjiżi ġirien. Id-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu malajr biex joffru protezzjoni u drittijiet lill-persuni li jeħtieġu protezzjoni immedjata. L-UE ddeċidiet li tagħti protezzjoni temporanja fl-UE kollha lill-persuni li jaslu mill-Ukrajna fl-2022. Bħalissa tinsab fis-seħħ protezzjoni temporanja għall-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna sa Marzu 2027.

              Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

              Fil-passat, il-Parlament kellu reazzjonijiet imħallta għall-iżvilupp tal-politika dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Huwa appoġġja b’mod ġenerali r-rwol organizzattiv imtejjeb tal-EBCGA/Frontex u tal-aġenziji l-oħra rilevanti tal-Unjoni, u spiss appella biex dan ir-rwol tagħhom ikompli jissaħħaħ waqt li l-UE qed titqabad mal-kriżi tal-migrazzjoni fil-Mediterran. Filwaqt li l-fehma tal-Parlament fir-rigward tal-iżvilupp tal-EBCGA kienet fil-biċċa l-kbira pożittiva, il-pożizzjoni tiegħu dwar fruntieri intelliġenti kienet aktar kawta. F’riżoluzzjoni tal-2013 rigward it-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna tal-UE, il-Parlament stqarr li “sistemi ġodda tal-IT fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, bħall-inizjattivi “Fruntieri Intelliġenti”, għandhom jiġu analizzati b’attenzjoni speċjalment fil-konfront tal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità”.

              F’dawn l-aħħar snin, il-politika tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri kellha bżonn tadatta għal żviluppi sinifikanti, li jirriżultaw ukoll minn instabbiltajiet ġeopolitiċi fil-viċinat tal-UE. Il-Parlament irreaġixxa bl-adozzjoni tal-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fl-2024. Din hija l-aktar riforma sinifikanti tas-sistema tal-migrazzjoni u l-ażil f’dawn l-aħħar snin u tinkludi komponent importanti tal-ġestjoni tal-fruntieri. B’dan il-patt ġdid, se tapplika proċedura rapida fuq il-fruntiera għall-applikanti għall-ażil li x’aktarx ma jkollhomx bżonn protezzjoni, iqarrqu bl-awtoritajiet jew jippreżentaw riskju għas-sigurtà. Barra minn hekk, il-persuni li jaslu fil-fruntieri esterni u ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-UE se jkunu soġġetti għal skrinjar ta’ identifikazzjoni, sigurtà u saħħa.

              Fl-24 ta’ April 2024, il-Parlament adotta l-Kodiċi emendat tal-Fruntieri ta’ Schengen sabiex jagħti spinta lir-reżiljenza taż-żona Schengen għal theddid serju u jadatta r-regoli ta’ Schengen għall-isfidi li qed jevolvu.

              Il-Parlament minn dejjem insista fuq il-ħtieġa li l-azzjoni kollha fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri tqis kif xieraq il-fruntieri tal-UE u l-acquis tal-ażil, kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Għaldaqstant, il-Parlament ilu, għal xi żmien, jappella għal proċeduri affidabbli u ġusti. Il-Membri tal-PE kienu diġà talbu lill-UE tintroduċi approċċ olistiku għall-migrazzjoni fil-livell tal-UE fl-2016 u kienu appellaw għal sistema ta’ migrazzjoni xierqa li taqsam ir-responsabbiltà għar-rifuġjati fl-2022. Il-Parlament għandu rwol attiv fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen u l-konformità mat-tali acquis. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kontroll taż-Żona Schengen u tal-Fruntieri tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE) tal-Parlament jikkollabora mal-Kummissjoni u mal-Kunsill fl-istadji rilevanti tal-proċess ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat LIBE dwar l-Implimentazzjoni tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil isegwi mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ dan il-patt fl-aspetti kollha, inklużi d-drittijiet fundamentali.

              Żur il-paġna ewlenija tal-Parlament Ewropew dwar Schengen.

              Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern.

               

              [1]Il-pajjiżi ma jinkludux l-Istati Membri tal-UE li ġejjin: Ċipru u l-Irlanda. Iż-żona Schengen, madankollu, tinkludi erba’ pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE: l-Iżlanda, l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Liechtenstein. Id-Danimarka għandha esklużjoni fakultattiva mit-Titolu V tat-TFUE (il-Protokoll 22), iżda tieħu sehem fuq bażi intergovernattiva.
              [2]Ara d-“Dikjarazzjoni konġunta tal-Membri tal-Kunsill Ewropew”, Brussell, is-26 ta’ Marzu 2020.
              [3]Tell Cremades, M., Studies with a “Covid 19 angle” (Studji mill-“angolu tal-COVID-19”), id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew, id-Dipartiment Tematiku għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Parlament Ewropew, Ġunju 2021.

              Olga Johanna PASSAMERA