Ħarsa ġenerali lejn il-politika tal-iżvilupp

Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika tal-iżvilupp tal-UE, li tinsab fil-qalba tal-politiki esterni tal-UE. Hija tiddeskrivi r-rwol tal-politika tal-iżvilupp tal-UE fl-indirizzar tal-isfidi globali, tiddeskrivi kif il-politika tal-iżvilupp tal-UE tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u tenfasizza l-importanza tagħha fl-isforzi biex jitnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar jinqered il-faqar. Tippreżenta wkoll il-pożizzjoni tal-UE bħala l-akbar fornitur fid-dinja ta’ għajnuna għall-iżvilupp, u tintroduċi l-prinċipji, il-bażi legali u l-istrumenti ewlenin li jiggwidaw l-azzjoni tagħha.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): mandat ġenerali u prinċipji gwida fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;
  • L-Artikoli 4(4) u 208 sa 211 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
  • L-Artikoli 312 sa 316 tat-TFUE: kwistjonijiet baġitarji;
  • Il-Ftehim ta’ Samoa, li kien ġie applikat b’mod proviżorju sa minn Jannar 2024. Dan se jidħol fis-seħħ bis-sħiħ malli jkun hemm l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew u r-ratifika mill-partijiet, jiġifieri l-Istati Membri kollha tal-UE u mill-anqas żewġ terzi tal-Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP). Huwa jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Cotonou.
  • L-objettivi

    Il-politika tal-iżvilupp tal-UE ssegwi l-objettivi li ġejjin:

    • tnaqqas u fl-aħħar mill-aħħar teqred il-faqar;
    • trawwem żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli;
    • tippromwovi u tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
    • tikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
    • tappoġġja l-paċi, l-istabbiltà u s-soċjetajiet inklużivi;
    • tindirizza l-isfidi ambjentali u klimatiċi.
    • Il-qafas ta’ politika

      L-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-istabbiltà. L-objettiv fuq perjodu twil huwa li jinqered il-faqar, għan li kien ċentrali fil-politiki esterni tal-UE sa mill-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) taħt it-Trattat ta’ Ruma tal-1957. Il-FEŻ ġie stabbilit biex jappoġġja relazzjoni speċjali mal-eks kolonji fir-reġjun tal-Afrika, dak tal-Karibew u dak tal-Paċifiku. L-assistenza għall-iżvilupp tal-UE ilha tingħata mill-1 ta’ Jannar 2021 permezz tal-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, NDICI-Ewropa Globali (ara d-dettalji hawn taħt). L-istrument għaqqad diversi strumenti ta’ finanzjament estern preċedenti tal-UE, inkluż il-FEŻ.

      L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien huma l-akbar donatur ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fid-dinja (ODA), u fl-2024 ipprovdew EUR 88.7 biljun f’ODA. Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija kompetenza kondiviża tal-UE; hija kapaċi twettaq politika komuni ta’ żvilupp, dment li ma żżommx lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom stess dwar il-kwistjoni. Il-livell ta’ kooperazzjoni huwa tali li l-aġenziji għall-iżvilupp tal-Istati Membri spiss jimplimentaw programmi ffinanzjati mill-UE.

      Fl-2005, l-UE impenjat ruħha għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD), li jfisser li trid tintegra l-għanijiet ta’ żvilupp fil-politiki kollha tagħha li jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-2009, dan l-impenn ġie miġbur f’ħames oqsma: (1) il-kummerċ u l-finanzi; (2) il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; (3) l-iżgurar tas-sigurtà globali tal-ikel; (4) il-migrazzjoni ssir ta’ vantaġġ għall-iżvilupp; u (5) it-tisħiħ tar-relazzjonijiet u s-sinerġiji bejn is-sigurtà u l-iżvilupp fil-kuntest ta’ aġenda globali għall-konsolidazzjoni tal-paċi. Rapport tal-Kummissjoni li kien joħroġ kull sentejn (u li issa sar anqas frekwenti) isegwi l-progress tal-UE fil-qasam tal-PCD; l-aktar rapport reċenti ġie ppubblikat f’Jannar 2019. Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew ilu rapporteur permanenti għall-PCD mill-2010. Dan ir-rwol bħalissa qed jitwettaq minn Erik Marquardt (il-Grupp tal-Ħodor/Alleanza Ħielsa Ewropea, il-Ġermanja). F’Marzu 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-PCD li tistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fir-rigward tal-PCD. Filwaqt li enfasizza li l-PCD jeħtieġ li tibqa’ parti ewlenija mir-relazzjonijiet esterni tal-UE, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-PCD fil-kuntest tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).

      L-għajnuna għall-iżvilupp hija riżorsa limitata. Għal din ir-raġuni, l-UE hija impenjata tiżgura l-effikaċja tal-għajnuna, u tippromwovi relazzjonijiet mill-qrib ma’ pajjiżi sħab fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp. Il-“Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika tal-Iżvilupp” tal-UE tal-2007 u l-“Qafas Operattiv dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna” tal-2011 it-tnejn ġew adottati b’dan il-ħsieb. Dawn l-isforzi huma konsistenti mal-azzjonijiet internazzjonali li jirrispondu għad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2005 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, li tippromwovi ħames kunċetti ewlenin għall-għajnuna għall-iżvilupp: is-sjieda tal-istrateġiji tal-iżvilupp mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-allinjament tal-pajjiżi donaturi ma’ strateġiji definiti lokalment, l-armonizzazzjoni tal-għajnuna internazzjonali għall-iżvilupp, il-monitoraġġ tar-riżultati u r-responsabbiltà reċiproka tad-donaturi u s-sħab għar-riżultati tal-iżvilupp. Il-qafas internazzjonali għall-effikaċja tal-għajnuna ġie rivedut diversi drabi permezz tal-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Akkra (2008) u s-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (2011). Wara l-adozzjoni tal-SDGs tan-NU, ittieħdu aktar impenji fid-Dokument ta’ Eżitu ta’ Nairobi (2016).

      A. L-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli

      L-UE pparteċipat b’mod attiv fit-tfassil tal-Aġenda 2030, li tistabbilixxi mudell globali ġdid li jgħin biex jinqered il-faqar u biex jinkiseb żvilupp sostenibbli, u li jinkludi l-prinċipji li “ħadd ma jitħalla jibqa’ lura” u li “l-ewwel jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar li baqgħu lura”. Approvata fi New York f’Settembru 2015, hija ssegwi l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju b’sett ġdid ta’ 17-il SDG, iffokati fuq objettivi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u ta’ governanza li għandhom jintlaħqu sal-2030. L-UE u l-Istati Membri tagħha għall-ewwel darba ppreżentaw rapport ta’ sinteżi konġunt lill-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2019. Id-dokument jiffoka fuq l-azzjonijiet tal-UE biex tinkiseb l-Aġenda 2030 u se jinħareġ kull erba’ snin. F’Lulju 2023, l-UE ppreżentat l-ewwel rieżami volontarju tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ din is-sena.

      B. Il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp u l-Aġenda tal-UE għall-Bidla

      Wara l-approvazzjoni tal-Aġenda 2030, l-UE qablet dwar verżjoni riveduta tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005. Il-kunsens il-ġdid jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-SDGs u approċċ li se jiggwida lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex tilħaq dawn l-għanijiet fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Filwaqt li jiffoka prinċipalment fuq il-politika tal-iżvilupp, il-kunsens jindirizza wkoll l-azzjoni permezz ta’ politiki oħra filwaqt li japplika l-prinċipju tal-PCD. Il-qerda tal-faqar tibqa’ l-objettiv ewlieni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp. Il-kunsens il-ġdid ġie ffirmat fis-7 ta’ Ġunju 2017 mill-President tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru ta’ Malta f’isem il-Kunsill tal-UE u l-Istati Membri, il-President tal-Kummissjoni u l-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Il-Parlament ikkritika l-isforzi tal-UE biex tilħaq l-SDGs sal-2030, b’mod partikolari billi l-pandemija tal-COVID-19, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u kriżijiet oħra naqqsu parti mill-progress li sar mill-2015 ’l hawn. Il-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha u tassumi rwol ta’ tmexxija globali aktar b’saħħtu fl-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs, l-aktar reċenti f’riżoluzzjoni tal-2025 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fid-dawl tal-Forum Politiku ta’ Livell Għoli 2025.

      Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 bit-titolu “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà” tintegra l-SDGs fil-qafas ta’ politika tal-UE u l-prijoritajiet attwali tal-UE. Filwaqt li tħares lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-UE reġgħet impenjat ruħha għall-mira ta’ nfiq ta’ 0.7% tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħha fuq l-għajnuna għall-iżvilupp, issa sal-2030 u b’komponent għall-pajjiżi l-anqas żviluppati ta’ 0.15-0.20% tal-ING. Dan jirrifletti l-impenji li ttieħdu fl-Aġenda ta’ Azzjoni ta’ Addis Ababa dwar il-finanzjament għall-iżvilupp (li ntlaħaq qbil dwarha f’konferenza tan-NU fl-2015), u huwa parti integrali mill-Aġenda 2030. Fl-2023, l-ODA kollettiva tal-UE (mill-UE u mill-Istati Membri tagħha) kienet ta’ 0.57% tal-ING tal-UE.

      C. Il-qafas leġiżlattiv u finanzjarju

      L-approċċ ta’ finanzjament tal-UE għall-azzjoni esterna (ara t-tabella hawn taħt) inbidel b’riżultat tal-ħolqien ta’ NDICI-Ewropa Globali. Wara l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2018, għal regolament li jistabbilixxi dan l-istrument u tliet snin ta’ negozjati sussegwenti mal-Kunsill u mal-Parlament, ir-regolament li jistabbilixxi l-NDICI-Ewropa Globali daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ġunju 2021. Huwa japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2021. Fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għall-istrument suċċessur tal-NDICI – “Ewropa Globali”.

      Innovazzjoni ewlenija, NDICI-Ewropa Globali bħalissa hija l-istrument finanzjarju ewlieni għall-azzjoni esterna tal-UE, b’allokazzjoni globali ta’ EUR 79.5 biljun għall-2021-2027. L-istrument jissimplifika l-arkitettura tal-finanzjament estern tal-UE (l-amalgamazzjoni ta’ programmi predeċessuri li jinkludu l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, l-Istrument ta’ Sħubija, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi). Huwa jkopri l-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux membri tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ pajjiżi marbuta ma’ qabel l-adeżjoni tal-UE, it-territorji ekstra-Ewropej u t-territorji li jaqgħu taħt programmi ġeografiċi;

      NDICI-Ewropa Globali huwa organizzat madwar tliet pilastri ewlenin:

      • Il-komponent ġeografiku, li jikkonsisti fi programmi għal pajjiżi fil-Viċinat tal-Ewropa (fil-lvant u n-nofsinhar), l-Afrika sub-Saħarjana, l-Asja u l-Paċifiku u l-Kontinent Amerikan u l-Karibew. Dawn il-programmi jiffokaw fuq oqsma ta’ kooperazzjoni bħall-governanza tajba, il-qerda tal-faqar, il-migrazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, it-tkabbir u l-impjiegi, u s-sigurtà u l-paċi, fost kwistjonijiet trażversali oħra. Il-parti l-kbira tal-fondi NDICI-Ewropa Globali jmorru għal dan il-pilastru.
      • Il-komponent tematiku, li jikkonsisti fi programmi b’kopertura dinjija dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-istabbiltà u l-paċi, u l-isfidi globali.
      • Ir-rispons rapidu, li jippermetti l-finanzjament ta’ kapaċità rapida għall-ġestjoni tal-kriżijiet, il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-konsolidazzjoni tal-paċi. Tali azzjonijiet għandhom l-għan, pereżempju, jgħaqqdu l-isforzi umanitarji u tal-iżvilupp, iżidu r-reżiljenza tal-pajjiżi milquta minn kriżi u jindirizzaw il-prijoritajiet tal-politika barranija.
      • Imfassal ukoll bħala strument flessibbli, NDICI-Ewropa Globali jinkludi “riżerva” addizzjonali għall-finanzjament ta’ sfidi u prijoritajiet emerġenti (pereżempju f’każ ta’ reazzjonijiet għal ċirkostanzi mhux previsti, pressjonijiet migratorji, sitwazzjonijiet ta’ kriżi/ta’ wara kriżi jew inizjattivi ġodda tal-UE/internazzjonali).

        D. L-analiżi tan-nefqa ta’ NDICI-Ewropa Globali

        NDICI-Ewropa Globali jgħaddi l-akbar sehem ta’ fondi għall-azzjoni esterna tal-UE, b’baġit globali ta’ EUR 79.5 biljun (għall-perjodu 2021-2027). Il-programmi ġeografiċi jirċievu bejn wieħed u ieħor 75% tal-fondi u l-programmi tematiċi 8%. Barra minn hekk, 12% huma riżervati għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti ta’ “riżerva” u 4% għal “azzjonijiet ta’ rispons rapidu”. Il-bqija, madwar 2%, huwa għan-nefqa ta’ appoġġ.

        Aktar dettalji jinsabu fil-baġit tal-UE għall-2026.

        L-allokazzjonijiet finanzjarji għall-istruttura tat-tliet pilastri ta’ NDICI-Ewropa Globali huma kif ġej (iċ-ċifri jingħataw f’miljuni ta’ EUR):

        NDICI-Ewropa Globali huwa wkoll element ċentrali tal-istrateġija Global Gateway tal-UE, li tfittex li timmobilizza investimenti għal infrastruttura diġitali, tal-enerġija u tat-trasport sostenibbli madwar id-dinja. L-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 306 biljun permezz tal-istrateġija mill-2021, u qabżu l-mira oriġinali ta’ EUR 300 biljun f’investimenti sal-2027. Global Gateway huwa maħsub sew bħala l-kontribut tal-UE għat-tnaqqis tad-distakk fl-investiment globali u sew bħala t-tweġiba tal-UE għall-isfida ġeopolitika ppreżentata mill-istrateġija ta’ investiment globali taċ-Ċina. L-investimenti li jsiru permezz tal-Global Gateway jintużaw biex jiffinanzjaw infrastruttura sostenibbli għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent u t-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli madwar id-dinja. Eżempju ewlieni huwa l-pakkett ta’ investiment tal-Global Gateway UE-Afrika, li jwiegħed li jimmobilizza EUR 150 biljun f’investimenti fl-Afrika sal-2030. Dawn l-investimenti għandhom l-għan jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali, joħolqu tkabbir sostenibbli, isaħħu s-sistemi tas-saħħa nazzjonali u jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-pajjiżi Afrikani. NDICI-Ewropa Globali se jikkontribwixxi għall-istrateġija permezz tal-fondi u l-kapaċitajiet ta’ garanzija tiegħu. Il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew ilu mill-2024 b’rapporteur permanenti għall-Global Gateway. Bħalissa, Hildegard Bentele (il-Partit Popolari Ewropew, il-Ġermanja) u Udo Bullman (l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-Ġermanja) jaqsmu r-rwol bejniethom.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        • Il-qafas legali: l-Artikolu 209 tat-TFUE jiddikjara li l-Parlament u l-Kunsill, “li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koperazzjoni għall-iżvilupp”.
        • L-iskrutinju parlamentari fuq l-implimentazzjoni tal-politiki: il-Parlament għandu d-dritt li jinterpella lill-Kummissjoni u li joġġezzjona għal deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni kull meta jħoss li l-Kummissjoni tmur lil hinn mis-setgħat tagħha. Il-Parlament ifittex ukoll li jkollu influwenza billi regolarment jiddiskuti l-politiki mal-Kummissjoni, kemm f’kuntesti formali kif ukoll f’dawk informali. Fil-qafas ta’ NDICI-Ewropa Globali, il-Parlament jinvolvi ruħu darbtejn fis-sena fi djalogu ġeopolitiku mal-Kummissjoni.
        • L-awtorità baġitarja: il-Parlament u l-Kunsill huma l-awtorità baġitarja konġunta tal-UE. Għall-qafas finanzjarju pluriennali ta’ seba’ snin tal-UE, il-Kunsill iżomm is-setgħa primarja tad-deċiżjoni, iżda l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa għall-adozzjoni tiegħu (l-Artikolu 312 tat-TFUE). Għall-baġit annwali, l-Artikolu 314 tat-TFUE jistabbilixxi proċedura li tinkludi qari wieħed kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. Ladarba dan il-qari jiġi konkluż, il-Parlament jista’ japprova jew jiċħad il-baġit. Fil-qasam tal-kooperazzjoni internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament isegwi d-deliberazzjonijiet baġitarji u jressaq suġġerimenti konkreti fir-rigward tal-linji baġitarji li jaqgħu fl-ambitu ta’ kompetenza tiegħu.
        • Din l-iskeda informattiva titħejja mill-Unità tal-Analiżi u l-Appoġġ tal-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Iżvilupp.

           

          Malte Frederik Hergaden

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE