Il-prinċipji li jsejsu l-Unjoni Ewropea huma l-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt. L-UE għandha l-għan li tintegra kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki u l-programmi kollha tagħha. Din l-iskeda informattiva tispjega:<br/>— il-qafas legali li jirregola l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;<br/>— l-għodod u l-fondi li l-UE tuża biex tappoġġja d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet barra l-UE.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-valuri li jsejsu l-UE bħala “d-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”.
  • L-Artikolu 3 tat-TUE jistabbilixxi objettivi għar-“relazzjonijiet tal-UE mal-bqija tad-dinja” – ir-relazzjonijiet esterni tagħha. Dawn l-objettivi jinkludu l-kontribut għall-“qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari dawk tat-tfal”. Jispeċifika wkoll li l-UE għandha l-għan li tgħin biex jiġi żgurat li d-dritt internazzjonali jiġi żviluppat u rispettat bis-sħiħ, u li l-prinċipji tal-Karta tan-NU tal-1945 jiġu rispettati.
  • L-Artikolu 6 tat-TUE jorbot lill-UE tirrikonoxxi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta). Il-Karta tirreferi biss b’mod espliċitu għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, iżda l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, u l-Istati Membri tagħha, jeħtiġilhom ukoll jirrispettaw il-Karta fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-pajjiżi li se jingħaqdu mal-UE wkoll jeħtiġilhom jikkonformaw mal-Karta. L-Artikolu  6(2) jirrikjedi li l-UE tkun firmatarja tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ara 4.1.2).
  • L-Artikolu 21 tat-TUE jistabbilixxi l-prinċipji li jispiraw dak li l-UE tagħmel internazzjonalment – l-azzjonijiet esterni tagħha. Dawn il-prinċipji huma d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-NU tal-1945 u tad-dritt internazzjonali. L-universalità tfisser li d-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem japplikaw għal kulħadd, u l-indiviżibbiltà tfisser li dawn id-drittijiet u l-libertajiet huma ta’ importanza ugwali, għalhekk dan l-artikolu jorbot lill-UE biex tqis id-drittijiet ekonomiċi u soċjali bħala importanti daqs id-drittijiet ċivili u politiċi.
  • L-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li l-azzjonijiet internazzjonali tal-UE għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE.
  • L-UE kif tapplika l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem?

    L-UE tadotta u tapplika l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem billi tiżviluppa pjanijiet ta’ azzjoni, linji gwida u strateġiji, billi taħdem b’mod kollaborattiv ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet mhux tal-UE, u billi tiffinanzja programmi speċifiċi. Dawn il-miżuri huma spjegati f’din it-taqsima.

    A. Il-pjanijiet ta’ azzjoni

    Fl-2012, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-qafas. Il-qafas jistabbilixxi l-prinċipji, l-objettivi u l-prijoritajiet biex il-politika tal-UE ssir aktar konsistenti u aktar effettiva. Dawn il-prinċipji jinkludu l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politika kollha tal-UE, l-iżgurar tal-konsistenza bejn il-politiki interni u esterni, u l-adattament tal-approċċ għal sitwazzjonijiet speċifiċi. F’Novembru 2020, il-Kunsill adotta l-aħħar Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, li inizjalment kien japplika sal-2024 iżda ġie estiż sal-2027, biex jaqbel mal-perjodu ta’ żmien tal-pjan ta’ nfiq fit-tul tal-UE. Dan il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi l-ambizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-UE rigward id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, organizzati f’ħames oqsma ta’ azzjoni:

    • il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-individwi;
    • il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi;
    • il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;
    • it-teknoloġiji ġodda: l-isfruttament tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi;
    • il-kisba ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni.
    • B. Il-linji gwida dwar drittijiet tal-bniedem

      Il-Kunsill adotta sensiela ta’ linji gwida tematiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem. Dawn jipprovdu gwida prattika għar-rappreżentanzi tal-UE madwar id-dinja dwar:

      • l-azzjoni kontra l-piena tal-mewt;
      • id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem;
      • id-drittijiet tat-tfal;
      • l-azzjoni kontra t-tortura u trattament krudili ieħor;
      • il-protezzjoni tat-tfal waqt kunflitti armati;
      • il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;
      • il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
      • il-ġlieda kontra l-vjolenza fil-konfront tan-nisa u l-bniet;
      • il-promozzjoni tal-libertà ta’ reliġjon u ta’ twemmin;
      • il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI;
      • il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni online u offline;
      • in-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna tal-UE;
      • l-ilma tax-xorb sikur u s-sanità.
      • C. L-itrateġiji speċifiċi għall-pajjiż

        L-UE tiżviluppa strateġiji speċifiċi għall-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Biex tagħmel dan, tikkonsulta lill-uffiċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż inkwistjoni, bl-għan li tintegra l-linji gwida u l-prijoritajiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem f’sett ċar u loġiku ta’ għanijiet ta’ politika għal dak il-pajjiż, li mbagħad japplikaw għat-tliet snin li jmiss.

        D. Id-djalogu u l-ftehimiet internazzjonali

        L-UE regolarment tinkludi d-drittijiet tal-bniedem fid-djalogi politiċi ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew ma’ organizzazzjonijiet reġjonali. Torganizza wkoll djalogi u konsultazzjoni speċifikament dwar id-drittijiet tal-bniedem ma’ madwar 60 pajjiż mhux tal-UE u grupp reġjonali.

        Il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u d-diversi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE jew organizzazzjonijiet reġjonali jinkludu klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem. Billi tinkludi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bħala “element essenzjali” tal-ftehim, din il-klawżola tiftaħ djalogu u dibattitu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u tippermetti wkoll lill-UE timponi miżuri xierqa, bħat-tnaqqis jew it-twaqqif tal-kooperazzjoni, jekk id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi jinkisru serjament. L-UE tista’ toffri wkoll inċentivi għall-iffirmar u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, inkluż li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jagħmlu dan jitħallew jinnegozjaw mal-UE skont termini speċjali (ara 5.2.3).

        Il-pajjiżi li japplikaw biex jissieħbu fl-UE jeħtiġilhom jissodisfaw kundizzjonijiet stretti (ara 5.5.1). Qabel ma jistgħu jissieħbu, jeħtiġilhom jiżviluppaw istituzzjonijiet stabbli li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom. L-UE tappoġġja dan il-proċess b’mod attiv.

        Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ara 5.5.5) hija bbażata wkoll fuq valuri komuni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. L-UE tappoġġja lill-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tar-riformi u tiżviluppa sħubijiet aktar b’saħħithom mal-pajjiżi li jagħmlu l-aktar progress fir-rigward tar-riforma demokratika.

        E. L-osservazzjoni tal-elezzjonijiet

        Il-missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet tal-UE madwar id-dinja kollha għandhom ukoll l-għan li jtejbu d-drittijiet tal-bniedem billi jiskoraġġixxu l-intimidazzjoni u l-vjolenza matul l-elezzjonijiet, u billi jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi (ara 5.4.2).

        F. Il-ħidma ma’ organizzazzjonijiet multilaterali

        L-UE tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem billi tipparteċipa f’fora multilaterali bħat-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill tal-Ewropa. L-UE tippromwovi wkoll b’mod attiv il-ġustizzja internazzjonali, pereżempju permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

        G. Il-programmi ta’ finanzjament tematiċi

        Il-programm tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-ambitu tal-Istrument tagħha ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali, Ewropa Globali, prinċipalment jappoġġja u jipproteġi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija. Karatteristika importanti ta’ dan il-programm hija l-fatt li l-finanzjament jista’ jiġi allokat kemm jekk il-gvern tal-pajjiż sieħeb jaqbel u kemm jekk le. Il-programm għandu baġit EUR 1.511 biljun għall-perjodu 2021-2027.

        Barra minn hekk, l-UE impenjat ruħha li progressivament tintegra approċċ ibbażat fuq id-drittijiet fil-programmi ta’ żvilupp kollha tagħha, abbażi tas-sett ta’ għodod żviluppat mill-Kummissjoni fl-2014 u aġġornat fl-2021.

        H. Il-miżuri biex jiġi indirizzat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem

        F’Diċembru 2020, il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi reġim globali ta’ sanzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem. Dan ir-reġim jippermetti li l-UE tpoġġi fil-mira individwi, entitajiet u korpi – inklużi atturi statali u mhux statali – li huma responsabbli għal ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja jew li huma involuti fihom jew assoċjati magħhom. Fit-22 ta’ Marzu 2024, fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna u l-mewt fi Frar 2024 tal-kap tal-oppożizzjoni Russa Alexei Navalny, il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq 33 individwu u żewġ entitajiet addizzjonali. Minn Diċembru 2025, il-Kunsill kien estenda l-lista ta’ individwi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi (iffriżar tal-assi u, fejn rilevanti, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar) għal sena oħra, sat-8 ta’ Diċembru 2026. F’dik id-data, dawn il-miżuri restrittivi kienu japplikaw għal 135 persuna u 37 entità.

        Hemm evidenza u sensibilizzazzjoni pubblika dejjem akbar dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ matul il-firxa kollha ta’ attivitajiet li jirriżultaw fit-tqegħid fis-suq ta’ prodott. Fid-dawl ta’ dan, il-Parlament u l-Kunsill adottaw direttiva dwar id-diliġenza dovuta korporattiva dwar is-sostenibbiltà, li daħlet fis-seħħ f’Lulju 2024. Din id-direttiva tirrikjedi legalment li l-kumpaniji jidentifikaw u, meta meħtieġ, jipprevjenu, itemmu jew inaqqsu l-impatti negattivi tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent. Fi Frar 2026, l-UE adottat id-Direttiva (UE) 2026/470, li ssimplifikat ir-reġim, ipposponiet l-iskadenza tat-traspożizzjoni għal Lulju 2028 u pposponiet l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għal Lulju 2029.

        Regolament komplementari jipprojbixxi prodotti magħmulin b’xogħol furzat milli jitqiegħdu jew jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-UE jew jiġu esportati minnu. Dan daħal fis-seħħ f’Diċembru 2024 u se japplika minn Lulju 2027.

        I. Ir-rappurtar annwali

        Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, imħejji mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u adottat mill-Kunsill, jagħti ħarsa ġenerali lejn il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, kif ukoll tal-azzjonijiet tal-UE matul il-perjodu ta’ rappurtar.

        Min jagħmel xiex?

        Din it-taqsima tiddeskrivi r-responsabbiltajiet differenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

        Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-interessi strateġiċi tal-UE u l-linji gwida ġenerali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE (ara 5.1.1).

        Fi ħdan il-Kunsill tal-UE, il-Kunsill Affarijiet Barranin ġeneralment jittratta l-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, jew mal-politiki kummerċjali jew ta’ żvilupp tal-UE. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill, li jħejji għal deċiżjonijiet u diskussjonijiet ta’ livell għoli dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, huwa magħmul minn esperti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri u rappreżentanti mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Kummissjoni.

        Kull delegazzjoni tal-UE għandha “punt fokali” tad-drittijiet tal-bniedem. Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom rwol importanti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għall-pajjiż jew l-organizzazzjoni li jinsabu fihom, fit-tħejjija ta’ djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, fl-involviment ma’ difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili, u fl-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet għall-assistenza finanzjarja tal-UE.

        Il-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet internazzjonali, tissorvelja l-proċess tat-tkabbir u l-politika tal-viċinat tal-UE, u ġġestixxi l-programmi ta’ żvilupp u l-finanzjament (f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna).

        Ir-rwol tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa dak li jsaħħaħ l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Ir-Rappreżentant Speċjali għandu firxa wiesgħa u flessibbli ta’ responsabbiltajiet u jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. Id-detentriċi attwali tal-kariga hija Kajsa Ollongren, li nħatret mill-Kunsill f’Ġunju 2025.

        Il-Parlament jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE u jissorvelja l-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, kif spjegat f’aktar dettall fit-taqsima li jmiss.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Skont l-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE, il-biċċa l-kbira tal-ftehimiet internazzjonali jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament biex jidħlu fis-seħħ, u l-Parlament jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni jekk ikollu tħassib rigward id-drittijiet tal-bniedem. Pereżempju, fl-2011, il-Parlament imblokka l-protokoll tat-tessuti tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Użbekistan, primarjament minħabba rapporti tal-użu tat-tħaddim tat-tfal fil-pajjiż. Il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu biss fl-2016, wara li l-Użbekistan għamel passi sinifikanti biex jintemm l-użu tat-tħaddim tat-tfal u tax-xogħol furzat.

        L-Artikolu 36 tat-TUE jobbliga lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà jikkonsulta regolarment lill-Parlament dwar “l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi” tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u jinfurmah dwar l-iżviluppi tal-politika. Il-Parlament jista’ jistaqsi mistoqsijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill jew lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli.

        Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom l-għan irawmu s-sensibilizzazzjoni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jsawru l-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ proposti ta’ politika konkreti. Il-Parlament jipproduċi riżoluzzjonijiet jew bħala parti mill-proċeduri leġiżlattivi li jkunu għaddejjin jew fuq inizjattiva tiegħu stess, meta jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar suġġett li l-kumitati tiegħu jkunu ħejjew. Ir-riżoluzzjonijiet jistgħu jkunu wkoll ir-riżultat tad-dibattiti ta’ kull xahar fis-sessjonijiet plenarji tal-Parlament li jsiru biex jenfasizzaw ksur flagranti tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. Ir-riżoluzzjoni annwali tal-Parlament dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tanalizza l-kisbiet tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-isfidi li tiffaċċja.

        Is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament, marbut mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, huwa responsabbli għal kwistjonijiet li jikkonċernaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem – inklużi d-drittijiet tal-minoranzi – fil-pajjiżi mhux tal-UE u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali, u biex jiżgura li l-politiki esterni kollha tal-UE jkunu konformi mal-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Is-sottokumitat jieħu ħsieb ukoll il-ġestjoni ta’ kuljum tas-suġġetti relatati mad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li d-delegazzjonijiet tiegħu jżuru regolarment il-pajjiżi u l-istituzzjonijiet rilevanti. Is-sottokumitat jissorvelja s-segwitu għar-riżoluzzjonijiet ta’ urġenza tal-Parlament u jkollu skambji frekwenti mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar id-djalogi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.

        Il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tal-UE huma wkoll trattati mill-kumitati li ġejjin: il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp, u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. Bl-istess mod, id-drittijiet tal-bniedem huma element essenzjali tal-ħidma tad-delegazzjonijiet permanenti tal-Parlament, li jinteraġixxu ma’ parlamenti mhux tal-UE b’mod bilaterali u fil-kuntest ta’ assemblej parlamentari.

        Bis-saħħa tas-setgħat baġitarji tiegħu (skont l-Artikolu 14 tat-TUE u l-Artikolu 310(1) tat-TFUE), il-Parlament għandu vuċi fl-allokazzjoni tal-fondi lill-Ewropa Globali u ta’ finanzjament ieħor użat għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Parlament, flimkien mal-Kunsill, irid japprova skemi ta’ finanzjament relatati mal-politiki esterni tal-UE.

        Kull sena, il-Parlament jagħti l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil attivisti tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha. F’Ottubru 2025, Andrzej Poczobut u Mzia Amaglobeli, żewġ ġurnalisti miżmuma l-ħabs rispettivament mill-Belarussja u l-Georgia, rebħu l-Premju Sakharov, b’rikonoxximent tal-ħidma tagħhom biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u l-valuri demokratiċi.

        Rebbieħa oħra tal-premju jinkludu:

        • fl-2024, María Corina Machado u l-President elett Venezwelan Edmundo González Urrutia għat-tmexxija tagħhom tal-oppożizzjoni Venezwelana;
        • fl-2023, Jina Mahsa Amini u l-Moviment Mara, Ħajja, Libertà fl-Iran;
        • fl-2022, il-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna, irrappreżentat mill-president, il-mexxejja eletti u s-soċjetà ċivili tiegħu;
        • fl-2021, Alexei Navalny, magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;
        • fis-snin preċedenti, Nelson Mandela, Malala Yousafzai, Raif Badawi u l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja.
        • Il-Parlament ħoloq in-Network tal-Premju Sakharov biex jappoġġja r-rebbieħa tal-Premju Sakharov, jiżviluppa l-kuntatti bejniethom u jħeġġeġ attivitajiet konġunti.

          Il-Parlament jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-attivitajiet usa’ tiegħu biex jappoġġja d-demokrazija, li jinkludu l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet, l-azzjonijiet qabel u wara l-elezzjonijiet, il-bini tal-kapaċità parlamentari, il-medjazzjoni u d-djalogu dwar il-promozzjoni tad-demokrazija (ara 5.4.2).

          Il-President tal-Parlament Ewropew jappoġġja attivament id-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ dikjarazzjonijiet u ittri, u permezz ta’ diskussjonijiet dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f’laqgħat ma’ individwi u organizzazzjonijiet importanti.

          Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament.

           

          Adrián ROMERO AVELLO