Il-promozzjoni tad-demokrazija u l-osservazzjoni tal-elezzjonijiet

Din l-iskeda informattiva tispjega kif il-Parlament Ewropew jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-UE għad-demokrazija madwar id-dinja, inkluż billi josserva elezzjonijiet, jibni l-kapaċitajiet tal-parlamenti, jagħmel medjazzjoni u djalogu, jappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jikkoopera ma’ parlamenti sħab. Jiddeskrivi wkoll il-qafas tal-politika, l-istrumenti finanzjarji u l-għodod tal-azzjoni esterna tal-UE li jirfdu dan l-appoġġ għad-demokrazija. Fl-aħħar nett, tiddeskrivi r-rwol tal-Parlament Ewropew f’dan il-qasam.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): l-Artikolu 2 jispeċifika li l-UE hija bbażata fuq valuri fundamentali, inklużi r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-Artikolu 21 jiddikjara li l-azzjonijiet tal-UE fix-xena internazzjonali huma ggwidati minn dawk il-valuri;
  • L-Artikolu 205 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li l-azzjonijiet tal-UE fix-xena internazzjonali jridu jkunu ggwidati mill-prinċipji, isegwu l-objettivi u jitwettqu f’konformità mad-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE.
  • Il-qafas tal-politika u l-għodod tal-politika

    L-approċċ tal-UE għad-demokrazija jikkomplementa l-ħidma tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem (ara5.4.1). Jibbaża fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fuq standards internazzjonali u reġjonali oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-elezzjonijiet. Mill-2015, l-UE bdiet tibbaża wkoll l-appoġġ tagħha għad-demokrazija fuq l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Għan Numru 16 dwar istituzzjonijiet responsabbli u teħid ta’ deċiżjonijiet inklużiv u parteċipatorju, kif ukoll l-Għan Numru 10 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi.

    Fis-17 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-appoġġ għad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, u dawn iddeskrivew strateġija ġdida biex tiġi appoġġjata d-demokrazija permezz ta’ approċċ speċifiku għall-pajjiż, koerenza akbar u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha. Sussegwentement, l-Aġenda għall-Bidla tal-2011 tal-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li jiġu appoġġjati d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba fi ħdan il-politika ta’ żvilupp tal-UE. Fl-2012, l-UE qablet dwar qafas strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u minn dak iż-żmien ’l hawn adottat tliet pjanijiet ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tiegħu. Wara l-Irvellijiet tar-Rebbiegħa Għarbija tal-2011, l-UE aġġornat il-Politika Ewropea tal-Viċinat tagħha biex tadotta approċċ “aktar għal aktar”, b’appoġġ marbut mat-tranżizzjoni demokratika u ma’ “demokrazija profonda”. Kienu ġew offruti inċentivi – fosthom integrazzjoni ekonomika aktar profonda, assistenza finanzjarja akbar, mobbiltà tal-persuni msaħħa u aċċess għas-suq intern tal-UE – lill-pajjiżi li kienu lesti jwettqu riformi politiċi.

    F’Ottubru 2019, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar id-demokrazija, li jikkonfermaw mill-ġdid il-prinċipji tal-konklużjonijiet tiegħu tal-2009, filwaqt li identifikaw sfidi ġodda li l-UE teħtieġ li tindirizza b’mod urġenti u komprensiv permezz tal-azzjoni esterna, inklużi:

    • il-proċessi u l-istituzzjonijiet demokratiċi dgħajfa;
    • il-livelli baxxi ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-politiċi;
    • it-tnaqqis tal-ispazju demokratiku għas-soċjetà ċivili;
    • il-ksur li qed jiżdied tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali;
    • il-manipulazzjoni bl-użu ta’ teknoloġiji online.
    • L-impenn tal-UE biex iżżid l-isforzi tagħha ħalli tippromwovi d-demokrazija reġa’ ttenna fit-tielet Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottat mill-Kunsill f’Novembru 2020. Il-pjan, li ddefinixxa l-prijoritajiet għall-perjodu 2020-2024, jintegra l-appoġġ għad-demokrazija fil-ħames linji ta’ azzjoni, li waħda minnhom hija intitolata “Il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi”. Aktar tard il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-Pjan ta’ Azzjoni sal-2027 biex it-tul tiegħu jiġi allinjat mal-qafas finanzjarju pluriennali.

      Il-Kunsill enfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2012 intitolati “L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni”. Il-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni affermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE favur soċjetà ċivili b’saħħitha u reżiljenti, bħala mod kruċjali ta’ appoġġ għall-governanza tajba u għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe demokrazija.

      Diversi elementi tal-politika tal-UE, li żviluppaw matul iż-żmien, jindirizzaw kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-prinċipji demokratiċi. Dawn jinkludu strateġiji speċifiċi għall-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li jiddefinixxu l-prijoritajiet għall-azzjoni u l-objettivi li għandhom jiġu segwiti mill-UE f’pajjiżi sħab. Jinkludu wkoll il-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-ftehimiet internazzjonali, li jippermettu lill-UE tissospendi l-kummerċ jew il-kooperazzjoni jekk pajjiż jikkommetti ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi. Element ieħor huwa strument ta’ finanzjament speċifiku għall-appoġġ tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (ara hawn taħt).

      L-osservazzjoni elettorali hija għodda ewlenija tal-UE biex tappoġġja l-iżviluppi demokratiċi f’pajjiżi li mhumiex tal-UE, tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u tikkontribwixxi għall-bini tal-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti. Il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali (MOE) fit-tul tal-UE jivvalutaw l-avvenimenti li jseħħu matul il-proċess elettorali kollu. Il-pajjiż ospitanti jeħtieġlu jestendi stedina qabel ma tkun tista’ tiġi varata MOE tal-UE. L-osservaturi fuq terminu twil ġeneralment jibdew il-ħidma tagħhom xahrejn qabel l-elezzjonijiet u jsegwu l-proċess elettorali sħiħ sat-tħabbira tar-riżultati uffiċjali u tal-proċedura tal-appelli. L-osservaturi fuq terminu qasir jimmonitorjaw il-jum tal-votazzjoni u l-għadd tal-voti. L-osservatur ewlieni, bħala regola, huwa Membru tal-Parlament Ewropew. Wara l-missjoni, l-MOE tippubblika rapport finali b’konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet, li jagħtu gwida dwar ir-riforma elettorali u jidentifikaw il-possibbiltà ta’ assistenza futura mill-UE. Minbarra l-osservazzjoni elettorali, l-UE tista’ tipprovdi assistenza elettorali teknika u materjali lill-pajjiżi sħab, ittejjeb il-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet demokratiċi, iżżid il-kapaċità ta’ atturi statali u mhux statali, u tappoġġja r-riformi meħtieġa, filwaqt li tqis iċ-ċiklu elettorali kollu.

      F’Diċembru 2021, l-UE u l-Istati Membri tagħha nedew l-Inizjattiva Tim Ewropa Demokrazija (TED). Biex jiżdied l-impatt tal-appoġġ għad-demokratizzazzjoni madwar id-dinja, l-inizjattiva TED tikkonsisti fi tliet pilastri: riċerka dwar il-politiki fir-rigward tal-appoġġ demokratiku u l-aħjar prattiki; network tat-TED (fuq livell globali); u l-għoti ta’ għarfien espert dwar l-appoġġ demokratiku fuq livell tal-pajjiż.

      L-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom ukoll f’fora multilaterali, bħan-NU, il-Kunsill tal-Ewropa jew l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), biex jippromwovu u jipproteġu d-demokrazija.

      L-istrumenti ta’ finanzjament

      L-istrumenti ta’ finanzjament ewlenin tal-UE biex jappoġġjaw id-demokrazija barra mill-pajjiż huma l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) 2021-2027. L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) jappoġġja lill-pajjiżi kandidati tal-UE u lill-kandidati potenzjali biex jissodisfaw il-kriterji ta’ sħubija rilevanti. L-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali jiffinanzja programmi ġeografiċi fil-bqija tal-pajjiżi mhux koperti mill-IPA III, kif ukoll programmi tematiċi b’firxa globali. L-objettivi ġenerali tiegħu jinkludu l-konsolidazzjoni, l-appoġġ u l-promozzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-programm tematiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jiffoka fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u fuq id-difensuri tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem. B’baġit ta’ EUR 1.5 biljun, jopera indipendentement mill-kunsens tal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab. Il-programm jiffinanzja wkoll missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u azzjonijiet komplementari dwar l-elezzjonijiet, kif ukoll kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali ewlenin fil-qasam tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

      Fl-2013, ġie stabbilit il-Fond Ewropew għad-Demokrazija. Filwaqt li jiffunzjona b’mod awtonomu bħala fondazzjoni tad-dritt privat, għandu l-għan li jagħti appoġġ lill-atturi politiċi u tas-soċjetà ċivili li qegħdin jistinkaw għal tibdil demokratiku billi jipprovdi assistenza finanzjarja personalizzata b’mod rapidu, flessibbli u mhux burokratiku, b’enfasi fuq il-pajjiżi tal-viċinat tal-UE fil-Lvant u fin-Nofsinhar. Il-bord ta’ tmexxija tiegħu jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż sa disa’ Membri tal-PE, u esperti oħra.

      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

      Il-Parlament Ewropew, bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta b’mod dirett miċ-ċittadini tal-UE, huwa impenjat bis-sħiħ biex jippromwovi demokraziji sostenibbli fid-dinja kollha. Huwa enfasizza dan l-impenn f’għadd ta’ riżoluzzjonijiet. Kull sena, il-Parlament jadotta riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u dwar il-politika tal-UE dwar il-kwistjoni, janalizza l-isfidi ewlenin u l-kisbiet tal-approċċ tal-UE għall-appoġġ għad-demokrazija, u jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-futur. Fid-9 ta’ Novembru 2023, il-Parlament adotta rakkomandazzjoni dwar it-tisħiħ tad-dritt ta’ parteċipazzjoni: il-leġittimità u r-reżiljenza tal-proċessi elettorali fis-sistemi politiċi illiberali u r-reġimi awtoritarji.

      Il-Parlament żviluppa wkoll firxa ta’ għodod rigward l-involviment dirett fl-appoġġ globali għad-demokrazija. Huwa kontinwament involut f’attivitajiet ta’ osservazzjoni elettorali, jaħdem biex isaħħaħ il-leġittimità tal-proċessi elettorali nazzjonali u jżid il-fiduċja pubblika fil-protezzjoni tal-elezzjonijiet u tad-drittijiet tal-bniedem. Kull sena jibgħat diversi delegazzjonijiet parlamentari biex josservaw l-elezzjonijiet jew ir-referenda f’pajjiżi li mhumiex tal-UE. Il-Parlament jista’ jiddeċiedi li jibgħat dawn id-delegazzjonijiet tal-Membri tal-PE sakemm l-elezzjonijiet jinżammu fil-livell nazzjonali, u l-awtoritajiet nazzjonali jkunu stiednu lill-UE jew lill-Parlament Ewropew, u dment li tkun preżenti missjoni fuq terminu twil. Id-delegazzjonijiet tal-Parlament ikunu dejjem integrati fil-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE jew fil-missjonijiet fuq terminu twil tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. Il-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat biex jiġu identifikati u ppjanati l-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE u l-attivitajiet ta’ segwitu.

      Il-Parlament, iggwidat mill-approċċ komprensiv ta’ appoġġ għad-demokrazija tiegħu, jgħaqqad l-osservazzjoni ma’ attivitajiet komplementari li jinkludu azzjonijiet qabel u wara l-elezzjonijiet, azzjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, u inizjattivi li jappoġġjaw ix-xogħol parlamentari. Tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi tat-tkabbir u tal-Viċinat Ewropew. Il-Parlament Ewropew jassisti lill-parlamenti lil hinn mill-fruntieri tal-UE biex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom permezz ta’ konferenzi u seminars, programmi ta’ taħriġ konġunt u żjarat ta’ studju għall-membri u għall-uffiċjali, kif ukoll fellowships għall-persunal ta’ parlamenti ta’ pajjiżi mhux tal-UE. Huwa jappoġġja lill-parlamenti sħab biex jintegraw id-drittijiet tal-bniedem fil-leġiżlazzjoni u jagħmlu kuntatt mas-soċjetà ċivili. Il-Parlament jiffaċilita l-bini tal-kapaċità għall-aġenti tal-bidla demokratika, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jippromwovi l-libertà tal-media u l-ġurnaliżmu indipendenti. Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament u l-attivitajiet tal-komunità tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov huma integrati f’dan l-approċċ.

      Il-Programm ta’ Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa tal-Parlament huwa mmirat għan-nisa li jfasslu l-liġijiet, kemm minn perspettiva professjonali kif ukoll minn dik personali. Il-benefiċjarji prinċipali huma nisa minn pajjiżi u reġjuni identifikati bħala prijoritajiet mill-Grupp għad-Demokrazija tal-Parlament. Il-Parlament jipprovdi wkoll appoġġ u għarfien espert fil-qasam tal-medjazzjoni u tad-djalogu permezz ta’ attivitajiet immirati mal-parlamenti sħab u avvenimenti internazzjonali ffokati fuq il-medjazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti. Id-Djalogu Jean-Monnet għall-Paċi u d-Demokrazija huwa għodda ta’ medjazzjoni żviluppata mill-Parlament biex tlaqqa’ flimkien il-mexxejja politiċi sabiex tiġi promossa l-komunikazzjoni bejn il-partiti u jinbena l-kunsens. Il-Programm Mexxejja Politiċi Żgħażagħ huwa fost l-inizjattivi ewlenin maħsuba biex jippromwovu d-djalogu u l-fehim fost il-mexxejja futuri barra mill-UE, u b’hekk jikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja u l-paċi. Ir-riżoluzzjoni dwar it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE rigward il-prevenzjoni u l-medjazzjoni tal-kunflitti tal-Parlament Ewropew adottata f’Marzu 2019 tirrikonoxxi l-importanza tal-proċessi ta’ medjazzjoni u djalogu u r-rwol tal-Parlament fihom.

      Il-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) joffri gwida politika għall-attivitajiet differenti tal-Parlament. Jikkonsisti minn 16-il Membru tal-PE u huwa kopresedut mill-presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament. Id-DEG jiddeċiedi dwar il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew u jadotta programm ta’ ħidma annwali għall-attivitajiet l-oħra. Għall-2025, id-DEG iddeċieda dwar ħames pajjiżi u reġjuni ta’ prijorità (l-Ukrajna, il-Moldova, l-Armenja, ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-Parlament Pan-Afrikan) u ddeċieda li jiffoka fuq l-oqsma tematiċi li ġejjin: l-attivitajiet ta’ qabel u ta’ wara l-elezzjoni; il-medjazzjoni u d-djalogu parlamentari; l-azzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-komunità u l-fellowship tal-Premju Sakharov; u l-parlamenti u l-innovazzjoni demokratika. F’Marzu 2026, id-DEG organizza konferenza ta’ livell għoli intitolata “The Future of Democracy Support” (Il-Futur tal-Appoġġ għad-Demokrazija), u din iffukat fuq il-prijoritajiet attwali bħall-finanzjament tal-appoġġ għad-demokrazija, ir-reżiljenza demokratika, u r-reazzjonijiet għad-diżinformazzjoni u l-influwenza awtoritarja.

      Il-Parlament jikkontribwixxi wkoll għall-kooperazzjoni parlamentari globali permezz tal-istatus tiegħu ta’ osservatur fl-Unjoni Interparlamentari, li tlaqqa’ flimkien parlamenti minn madwar id-dinja.

      Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Analiżi u l-Appoġġ tal-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet.

       

      Adrián ROMERO AVELLO

Id-drittijiet tal-bniedem u demokrazija