Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol u d-dmirijiet tal-Ombudsman Ewropew.<br/>L-Ombudsman Ewropew iwettaq inkjesti dwar każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea. L-Ombudsman Ewropew jista’ jiftaħ inkjesta fuq inizjattiva proprja jew abbażi ta’ lment minn ċittadin tal-UE, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew legali residenti fi Stat Membru jew li fih ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. L-Ombudsman Ewropew jiġi elett mill-Parlament Ewropew għat-tul tal-leġiżlatura.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa: l-Artikoli 20, 24 u 228 tiegħu.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. l-Artikolu 43 tiegħu.
  • L-Istatut tal-Ombudsman Ewropew: ir-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom.
  • Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew: l-Artikoli 237 sa 239 dwar il-proċeduri għall-elezzjoni u t-tkeċċija tal-Ombudsman Ewropew.
  • L-objettivi

    Stabbilit mit-Trattat ta’ Maastricht (1992), l-Ombudsman Ewropew – titolu li jirreferi kemm għall-korp kif ukoll għall-mexxej elett tiegħu – għandu l-għan li:

    • itejjeb il-protezzjoni taċ-ċittadini jew ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew legali residenti fi Stat Membru jew li fih ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha, b’rabta ma’ każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni Ewropea;
    • b’hekk, isaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE.
    • A. L-istatus

      1. L-elezzjoni

      a. Ir-rekwiżiti

      L-Ombudsman Ewropew irid jintgħażel minn fost persuni li:

      • huma ċittadini ta’ pajjiż tal-UE;
      • igawdu minn drittijiet ċivili u politiċi sħaħ;
      • joffru kull garanzija ta’ indipendenza;
      • jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex f’pajjiżhom iwettqu l-ogħla funzjonijiet legali jew ikollhom il-kompetenza u l-kwalifiki rikonoxxuti biex iwettqu d-dmirijiet tal-Ombudsman;
      • ma kinux membri ta’ gvernijiet nazzjonali jew membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, jew tal-Kummissjoni Ewropea fi żmien sentejn qabel id-data tal-pubblikazzjoni tas-sejħa għan-nomini.
      • b. Il-proċedura

        Fil-bidu ta’ kull leġiżlatura jew fl-eventwalità ta’ mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga tal-Ombudsman Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew jippubblika sejħa għan-nomini għall-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew u jagħti limitu ta’ żmien sa meta dawn jistgħu jiġu ppreżentati. In-nomini jridu jiġu appoġġjati minn mill-anqas 39 Membru tal-Parlament Ewropew li jiġu minn mill-anqas żewġ Stati Membri. In-nomini jitressqu quddiem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li mbagħad jikkunsidra l-ammissibbiltà tagħhom. Il-Kumitat jista’ jitlob li jisma’ lill-persuni nominati. Lista ta’ kandidati ammissibbli mbagħad titressaq għall-votazzjoni fil-Parlament Ewropew. L-Ombudsman Ewropew jiġi elett b’maġġoranza tal-voti mitfugħa.

        2. Il-mandat

        a. It-tul ta’ żmien

        L-Ombudsman Ewropew jiġi elett mill-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni Ewropea u jżomm il-kariga għad-durata tal-leġiżlatura. Jista’ jiġi rielett.

        b. L-obbligi

        Matul il-mandat tiegħu, l-Ombudsman Ewropew jeħtieġlu:

        • ikun kompletament indipendenti u imparzjali fil-qadi ta’ dmirijietu;
        • ma jitlobx jew ma jiħux istruzzjonijiet minn kwalunkwe gvern, istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità u lanqas ma jaċċettahom;
        • jastjeni minn kwalunkwe att li ma jkunx kompatibbli ma’ dmirijietu;
        • ma jinvolvix ruħu fl-ebda funzjoni politika jew amministrattiva oħra, jew kwalunkwe kariga oħra, la bi ħlas u lanqas mingħajru.
        • 3. Is-sede

          Is-sede tal-Ombudsman Ewropew hija dik tal-Parlament Ewropew, fi Strażburgu.

          4. It-tneħħija

          L-Ombudsman Ewropew jista’ jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fuq talba tal-Parlament Ewropew jekk ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk jinstab ħati ta’ każ serju ta’ kondotta ħażina.

          B. Ir-rwol

          1. Il-kamp ta’ applikazzjoni

          L-Ombudsman Ewropew jittratta każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-UE.

          a. L-Ombudsman Ewropew jista’ jsib amministrazzjoni ħażina jekk istituzzjoni tonqos milli tirrispetta:

          • id-drittijiet fundamentali,
          • ir-regoli jew il-prinċipji legali,
          • il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.
          • L-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew jikkonċernaw prinċipalment:

            • l-aċċess għad-dokumenti,
            • ir-responsabbiltà u t-teħid ta’ deċiżjonijiet inklużivi,
            • il-kwistjonijiet etiċi,
            • il-ġestjoni tal-fondi tal-UE,
            • id-drittijiet fundamentali,
            • ilmenti ta’ ksur,
            • kwistjonijiet ta’ reklutaġġ,
            • kwistjonijiet tal-persunal tal-UE.
            • Madwar terz tal-inkjesti li l-Ombudsman Ewropew wettaq bejn l-2021 u l-2023 jikkonċernaw nuqqas ta’ informazzjoni relatat mal-UE jew rifjut li tingħata tali informazzjoni.

              b. L-eċċezzjonijiet

              Il-każijiet li ġejjin ma jistgħux jiġu investigati:

              • azzjoni tal-QĠUE waqt li tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha, peress li l-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew dwar il-QĠUE jittrattaw biss l-attivitajiet mhux ġudizzjarji tagħha, bħal offerti, kuntratti u każijiet tal-persunal;
              • l-ilmenti kontra awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali, anke meta dawn l-ilmenti jirreferu għal kwistjonijiet marbuta mal-UE;
              • l-azzjonijiet meħuda minn qrati jew ombudsmen nazzjonali: l-Ombudsman Ewropew ma jservix ta’ qorti tal-appell kontra deċiżjonijiet meħuda minn dawn il-korpi;
              • kwistjonijiet li huma soġġetti għal proċedimenti legali.
              • kwalunkwe każ li preċedentement ma jkunx għadda mill-proċeduri amministrattivi xierqa tal-organizzazzjonijiet ikkonċernati.
              • l-ilmenti kontra uffiċjali individwali tal-UE fir-rigward tal-imġiba tagħhom.
              • 2. Ir-riferimenti

                L-Ombudsman Ewropew jista’ jiftaħ inkjesta fuq inizjattiva proprja jew abbażi ta’ lment imressaq minn ċittadin tal-UE, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew legali residenti fi Stat Membru jew li fih ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Ilmenti bħal dawn jistgħu jitressqu direttament jew permezz ta’ Membru tal-Parlament Ewropew.

                3. Is-setgħat ta’ inkjesta

                L-Ombudsman Ewropew jista’ jitlob informazzjoni minn għadd ta’ sorsi.

                • istituzzjonijiet u korpi huma meħtieġa jikkonformaw ma’ tali rikjesti u jipprovdu aċċess għall-fajls ikkonċernati, għajr jekk jiġu pprojbiti milli jagħmlu dan għal raġunijiet ta’ segretezza ġġustifikati kif jixraq.
                • uffiċjali u persunal ieħor ta’ dawn l-istess istituzzjonijiet u korpi jintalbu jixhdu fuq talba tal-Ombudsman Ewropew, minkejja li jibqgħu marbuta bir-regoli li jkunu soġġetti għalihom;
                • l-awtoritajiet tal-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw ma tali rikjesti, dment li l-żvelar ma jkunx ipprojbit bil-liġi jew b’regolament. Anke f’każijiet bħal dawn, l-Ombudsman Ewropew jista’ jikseb l-informazzjoni bil-fehim li ma jiżvelahiex.
                • Jekk l-Ombudsman Ewropew ma jiksibx l-għajnuna mitluba, huwa jinforma lill-Parlament Ewropew, li mbagħad jieħu l-miżuri xierqa. L-Ombudsman Ewropew jista’ wkoll jikkoopera mal-kontropartijiet tiegħu fl-Istati Membri, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kkonċernata. Jekk ikun jidher li l-informazzjoni tkun relatata ma’ kwistjoni li tinvolvi l-liġi kriminali, l-Ombudsman Ewropew minnufih javża lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Jekk ikun xieraq, l-Ombudsman Ewropew jista’ wkoll jinforma lill-istituzzjoni tal-UE li lejha jkun responsabbli l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal ikkonċernat.

                  4. Ir-riżultati tal-inkjesti

                  Kull meta jkun possibbli, l-Ombudsman Ewropew jaġixxi b’kooperazzjoni mal-istituzzjoni jew mal-korp ikkonċernati sabiex tinstab soluzzjoni li tissodisfa lill-ilmentatur. Jekk l-Ombudsman Ewropew isib amministrazzjoni ħażina, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu riferuti lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernati u dawn ikollhom perjodu ta’ tliet xhur biex jinfurmaw lill-Ombudsman Ewropew dwar l-opinjoni tagħhom. Jekk l-istituzzjoni ma taċċettax ir-rakkomandazzjonijiet proposti, l-Ombudsman Ewropew jista’ jfassal rapport speċjali li jintbagħat lill-Parlament Ewropew. Min-naħa tiegħu, il-Parlament Ewropew jista’ jfassal rapport dwar ir-rapport speċjali tal-Ombudsman Ewropew. Fl-aħħar nett, l-Ombudsman Ewropew jinforma lill-ilmentatur bir-riżultat tal-inkjesta, l-opinjoni mogħtija mill-istituzzjoni jew mill-korp ikkonċernati u bi kwalunkwe rakkomandazzjoni personali.

                  C. L-amministrazzjoni

                  L-Ombudsman Ewropew huwa assistit minn segretarjat, li l-persunal tiegħu huwa soġġett għar-regoli tas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea. L-Ombudsman Ewropew jaħtar il-kap tas-segretarjat.

                  D. L-attivitajiet

                  L-ewwel Ombudsman Ewropew, Jacob Söderman, qeda żewġ mandati, minn Lulju tal-1995 sal-31 ta’ Marzu 2003. Matul il-mandat tiegħu, il-Parlament Ewropew approva l-Kodiċi ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba (fl-2001). Dan huwa kodiċi ta’ proċedura li jqis il-prinċipji tal-liġi amministrattiva tal-UE inklużi fil-ġurisprudenza tal-QĠUE u jispira ruħu mil-liġijiet nazzjonali. L-Ombudsman Ewropew juża dan il-kodiċi meta jkun qed jinvestiga amministrazzjoni ħażina, billi jistrieħ fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi fl-inkjesti tiegħu. Barra minn hekk, il-kodiċi jservi wkoll ta’ gwida u ta’ riżorsa għall-uffiċjali tal-UE, billi jinkoraġġixxi l-ogħla standards ta’ amministrazzjoni.

                  Nikiforos Diamandouros kien l-Ombudsman Ewropew minn April 2003 sat-30 ta’ Settembru 2013, wara li kien ta l-ittra ta’ riżenja tiegħu fl-14 ta’ Marzu 2013. Fil-11 ta’ Lulju 2006, huwa ppreżenta proposta dwar aġġustamenti għall-Istatut tal-Ombudsman Ewropew, li ġiet appoġġjata mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-istatut ġie emendat biex isaħħaħ u jikkjarifika r-rwol tal-Ombudsman Ewropew, pereżempju f’termini tal-aċċess għad-dokumenti u n-notifika ta’ informazzjoni lill-OLAF meta l-kwistjoni taf taqa’ taħt il-kompetenza tiegħu.

                  Wara li ġiet eletta mill-Parlament Ewropew fis-sessjoni parzjali ta’ Lulju 2013, l-Eks Ombudsman għall-Irlanda, Emily O’Reilly, ħadet il-kariga ta’ Ombudsman Ewropew fl-1 ta’ Ottubru 2013. Sussegwentement reġgħet ġiet eletta darbtejn, wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u l-2019. Hija tejbet il-viżibbiltà tar-rwol tal-Ombudsman Ewropew billi ffukat fuq l-aktar kwistjonijiet rilevanti għaċ-ċittadini tal-UE u billi żgurat li l-UE tikseb l-ogħla standards ta’ amministrazzjoni, trasparenza u etika. Hija ppromwoviet it-trasparenza fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u b’mod partikolari fit-trilogi u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fir-rigward tal-lobbjar, il-gruppi ta’ esperti, il-kunflitti ta’ interess, ir-revolving doors, l-aġenziji tal-UE (bħall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Frontex), u n-negozjati internazzjonali (bħas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment). Hija ħadmet biex ittejjeb ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u dwar id-diżabbiltajiet. Hija eżaminat ukoll każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fir-rigward tal-ħatra ta’ eks Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.

                  Fis-17 ta’ Diċembru 2024, il-Parlament appoġġja lil Teresa Anjinho mill-Portugall bħala l-Ombudsman Ewropew għal mandat ta’ ħames snin, bl-appoġġ ta’ 344 Membru tal-PE f’votazzjoni sigrieta f’seduta plenarja. Matul is-seduta ta’ smigħ pubbliku tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-3 ta’ Diċembru 2024, is-Sa Anjinho wiegħdet li ssaħħaħ il-fiduċja bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha billi żżomm l-ogħla standards ta’ integrità, responsabbiltà u rispons. Wara ċerimonja ta’ teħid ta’ ġurament fis-27 ta’ Frar 2025 fil-QĠUE, is-Sa Anjinho bdiet il-mandat tagħha ta’ ħames snin bħala l-Ombudsman Ewropew. Matul il-mandat tagħha, fl-2025, l-Ombudsman Ewropew iċċelebra 30 sena ta’ eżistenza u attività. L-Ombudsman Ewropew jikkoordina wkoll in-Network Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi ombudsmen nazzjonali u reġjonali mill-Istati Membri tal-UE, mill-pajjiżi kandidati tal-UE, u mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, flimkien mal-Ombudsman Ewropew u mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament.

                  L-Ombudsman Ewropew ilu mill-2017 jippreżenta l-“Premju għal Amministrazzjoni Tajba” darba kull sentejn. Il-Premju jirrikonoxxi inizjattivi, proġetti u tipi oħra ta’ ħidma mill-amministrazzjoni tal-UE li għandhom impatt pożittiv viżibbli u dirett fuq il-ħajja tan-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.

                  Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                  L-Ombudsman Ewropew huwa kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu. Skont il-kunċett u t-tradizzjoni, huwa ombudsman parlamentari.

                  L-Ombudsman Ewropew għandu relazzjonijiet mill-qrib ħafna mal-Parlament Ewropew, li għandu s-setgħa esklużiva li jeleġġih, jista’ jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħih, jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dmirijietu, jgħinu fl-investigazzjonijiet tiegħu u jirċievi r-rapporti tiegħu.

                  Abbażi tar-Regoli ta’ Proċedura (l-Artikolu 238), il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament ifassal rapport kull sena dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew. F’dawn ir-rapporti, huwa ripetutament esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Ombudsman Ewropew u enfasizza li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-Ombudsman Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-UE, b’mod partikolari billi jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

                  Fit-12 Frar 2019, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar Statut aġġornat tal-Ombudsman Ewropew, bil-għan li jissaħħu l-indipendenza u s-setgħat tiegħu.

                  Fl-24 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew adotta r-regolament li jistabbilixxi l-Istatut il-ġdid tal-Ombudsman Ewropew, li jikkodifika ħafna mill-prattiki tax-xogħol tal-uffiċċju, bħas-setgħa li jniedi inkjesti fuq inizjattiva proprja.

                  Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għaċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza u l-Kultura. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet.

                   

                  Andreea Simona Chifan