Il-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi Afrikani u l-Unjoni Afrikana (UA) hija bbażata fuq żewġ oqfsa distinti: jiġifieri (a) l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE u (b) il-Ftehimiet ta’ Sħubija mal-Istati Afrikani, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP).<br/>Il-bażi legali għall-aspetti politiċi, ekonomiċi u ta’ żvilupp tas-sħubija bejn l-UE u l-istati AKP ġiet stabbilita permezz tal-Ftehim ta’ Cotonou fis-sena 2000. Dan il-Ftehim ġie sostitwit, fil-15 ta’ Novembru 2023, mill-<a href="http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2023/2862/oj">Ftehim ta’ Samoa</a>, innegozjat biex is-sħubija tiġi mmodernizzata u mtejba.<br/>L-Istrateġija Konġunta Afrika-UE ġiet implimentata permezz ta’ pjanijiet direzzjonali u ta’ azzjoni pluriennali adottati f’kull summit bejn l-UE u l-UA, li tradizzjonalment iseħħ kull tliet snin. Fis-<a href="https://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/international-summit/2022/02/17-18/">summit bejn l-UE u l-UA</a> li sar fi Frar 2022 fi Brussell, il-mexxejja tal-UE u dawk tal-UA qablu dwar “Viżjoni Konġunta għall-2030”, u din il-viżjoni għandha l-għan tikkonsolida sħubija mġedda bbażata fuq is-solidarjetà, is-sigurtà, il-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità kondiviża. It-<a href="https://north-africa-middle-east-gulf.ec.europa.eu/news/joint-communique-3rd-eu-au-ministerial-meeting-21-may-2025-2025-05-22_en">tielet laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-UA</a> seħħet fil-21 ta’ Mejju 2025, bil-parteċipazzjoni tat-tmexxija l-ġdida tal-UA. Din il-laqgħa rrevediet il-progress dwar il-Viżjoni Konġunta 2030, wittiet it-triq għas-seba’ summit bejn l-UE u l-UA, li sar fi Luanda, l-Angola, mill-24 sal-25 ta’ Novembru 2025, u li mmarka l-25 sena tas-sħubija mis-summit tal-Kajr fis-sena 2000. Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà tal-UE u l-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA kellhom is-16-il laqgħa konsultattiva tagħhom fi Brussell mit-8 sad-9 ta’ Ottubru 2025.L-UE hija d-donatur l-aktar sinifikanti ta’ assistenza uffiċjali għall-iżvilupp għall-Afrika. Din l-assistenza hija primarjament iffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-UE permezz tal-<a href="https://commission.europa.eu/funding-tenders/find-funding/eu-funding-programmes/global-europe-neighbourhood-development-and-international-cooperation-instrument_en">Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali</a>.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 217 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
  • il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ta’ Novembru 2023 (il-Ftehim ta’ Samoa);
  • fl-10 ta’ April 2024, il-Ftehim ta’ Samoa rċieva l-approvazzjoni tal-Parlament; meta l-applikazzjoni proviżorja tiegħu bdiet fl-1 ta’ Jannar 2024, huwa ssostitwixxa l-Ftehim ta’ Cotonou;
  • ir-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali.
  • Is-sħubija bejn l-AKP u l-UE

    Għal aktar minn għoxrin sena, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika sub-Saħarjana kienu mirfuda mill-Ftehim ta’ Cotonou, u dan stabbilixxa l-bażi għar-relazzjonijiet bejn l-UE u 78 mid-79 pajjiż[1] li kienu jiffurmaw l-istati AKP – li saru l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (OSAKP) f’April 2022.

    Il-Ftehim ta’ Cotonou, li inizjalment kellu jiskadi fl-2020, ġie estiż diversi drabi sa Novembru 2023. Il-ftehim kellu l-għan jeqred il-faqar u jippromwovi l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP fl-ekonomija globali. Kien strutturat fi tliet pilastri ta’ kooperazzjoni:

    • politika;
    • żvilupp;
    • ekonomija u kummerċ.
    • Il-ftehim kien implimentat minn istituzzjonijiet konġunti AKP-UE, inklużi Kunsill tal-Ministri, Kumitat tal-Ambaxxaturi u Assemblea Parlamentari Konġunta.

      In-negozjati dwar il-“ftehim ta’ wara Cotonou” bejn l-UE u l-OSAKP ġew konklużi f’Diċembru 2020. Madankollu, l-iffirmar tal-ftehim il-ġdid ġie pospost sa Novembru 2023 minħabba nuqqas ta’ qbil intern fl-UE u riżervi minn żewġ Stati Membri tal-UE.

      Il-Ftehim ta’ Samoa, iffirmat f’Novembru 2023, jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Cotonou u jimmarka kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-OSAKP. Il-Ftehim iġib miegħu żewġ bidliet kbar, jiġifieri t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari fi ħdan il-qafas istituzzjonali u l-qsim tal-ftehim fi tliet protokolli reġjonali. Jirrappreżenta sħubija modernizzata u aġġornata bejn l-UE u l-OSAKP, u jibni fuq il-pedamenti stabbiliti mill-Ftehim ta’ Cotonou.

      Il-Ftehim ta’ Samoa jistabbilixxi sitt oqsma strateġiċi ta’ prijorità għall-kooperazzjoni: id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza; il-paċi u s-sigurtà; l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali; it-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku inklużivi u sostenibbli; is-sostenibbiltà ambjentali u t-tibdil fil-klima; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Jisħaq ukoll dwar ir-rilevanza tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-fora internazzjonali, u tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

      Il-kooperazzjoni hija strutturata fi tliet protokolli reġjonali li jirriflettu l-prijoritajiet differenti tar-reġjuni AKP. Il-Protokoll bejn l-UE u l-Afrika sar il-qafas legali ewlieni għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika sub-Saħarjana. L-oqsma ta’ prijorità reġjonali jinkludu: it-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli; l-iżvilupp tal-bniedem u dak soċjali; l-ambjent u r-riżorsi naturali; il-paċi u s-sigurtà; l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, id-demokrazija u l-governanza; id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà. Dan il-protokoll ġdid jagħti rwol akbar lid-djalogu u lill-kooperazzjoni bejn l-UE u l-UA minn dak li kien jagħti l-Ftehim ta’ Cotonou.

      Il-Ftehim ta’ Samoa jipprevedi istituzzjonijiet konġunti, b’mod partikolari Kunsill tal-Ministri OSAKP-UE u erba’ assemblej interparlamentari, li jinkludu Assemblea Parlamentari Konġunta globali OSAKP-UE u tliet assemblej parlamentari reġjonali (PAs): l-assemblea parlamentari Afrika-UE, l-assemblea parlamentari Karibew-UE u l-assemblea parlamentari Paċifiku-UE (ara l-briefing mis-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “After Cotonou: towards a new agreement with the African, Caribbean and Pacific states”. (Wara Cotonou: Lejn ftehim ġdid mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku). Dawn l-erba’ assemblej parlamentari ġew ikkostitwiti formalment fi Frar 2024, meta ltaqgħu għall-ewwel darba fi Luanda, l-Angola u adottaw ir-Regoli ta’ Proċedura tagħhom. Kull waħda mill-erba’ assemblej se torganizza laqgħa annwali ordinarja, li se tvarja bejn post tal-UE u post tal-AKP. L-assemblej reġjonali jistgħu jorganizzaw ukoll laqgħat addizzjonali flimkien mal-Assemblea Parlamentari Konġunta OSAKP-UE kull sena.

      L-istrateġija Afrika-UE u s-sħubija tal-UE mal-Afrika

      L-istrateġija inizjali konġunta Afrika-UE ġiet adottata mill-mexxejja tal-UE u dawk Afrikani fit-tieni summit bejn l-UE u l-Afrika f’Liżbona fl-2007 u ddefiniet il-viżjoni politika għas-sħubija Afrika-UE. L-għanijiet tagħha huma li:

      • tmur lil hinn mill-kooperazzjoni bejn id-donatur u l-benefiċjarju, billi tiftaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Afrika u l-UE għal kwistjonijiet ta’ interess politiku komuni;
      • tespandi l-kooperazzjoni billi jiġu indirizzati sfidi komuni globali bħalma huma l-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, il-paċi u s-sigurtà u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni fil-fora internazzjonali;
      • tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Afrika sabiex jitħeġġu reazzjonijiet transreġjonali u kontinentali għal dawn l-isfidi importanti;
      • taħdem favur sħubija ċċentrata fuq il-persuni, billi tiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini Afrikani u Ewropej.
      • F’Marzu 2020, qabel is-sitt summit bejn l-UE u l-UA, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħarġu komunikazzjoni konġunta bit-titolu “Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika”. Din ipproponiet kooperazzjoni msaħħa msejsa fuq ħames pilastri: it-tranżizzjoni ekoloġika u l-aċċess għall-enerġija; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli; il-paċi u l-governanza; u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.

        Fil-25 ta’ Marzu 2021, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv. Din ir-riżoluzzjoni tenniet u rrinforzat partijiet mill-istrateġija proposta b’mod konġunt mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli, bħat-tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li appellat għal enfasi akbar fuq oqsma oħra, bħall-iżvilupp tal-bniedem, l-inklużjoni soċjali, id-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ, u l-agrikoltura reżiljenti. Dwar il-migrazzjoni, qieset li s-suċċess tas-sħubija jiddependi fuq titjib sinifikanti fl-opportunitajiet ta’ mobbiltà u talbet li jiġu żviluppati aktar kanali ta’ migrazzjoni legali.

        Fis-sitt summit bejn l-UE u l-UA (li sar fi Brussell mis-17 sat-18 ta’ Frar 2022), il-kapijiet ta’ stat u ta’ gvern tal-UE u tal-UA qablu dwar dikjarazzjoni bit-titolu “Viżjoni Konġunta għall-2030”. Il-Viżjoni Konġunta tikkonsolida bażi strateġika u fit-tul għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika f’dinja globalizzata. Tistinka biex issaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, biż-żewġ kontinenti jeżistu flimkien fil-paċi, fis-sigurtà, fid-demokrazija, fil-prosperità, fis-solidarjetà u fid-dinjità tal-bniedem, filwaqt li jitlaqqgħu flimkien il-popli, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet tagħna. Is-sħubija mġedda tindirizza kemm l-opportunitajiet u l-isfidi immedjati, kif ukoll il-possibbiltajiet fit-tul tas-sħubija, b’enfasi fuq azzjonijiet fil-livell kontinentali u reġjonali fejn l-UE u l-Afrika għandhom kapaċità kollettiva li jagħtu riżultati. Il-viżjoni tinvolvi erba’ riżultati tanġibbli:

        • pakkett ta’ Investiment Afrika-Ewropa bil-għan li jiġu pprovduti EUR 150 biljun f’investimenti sabiex jiġu promossi ekonomiji diversifikati, sostenibbli u reżiljenti fil-kontinent Afrikan;
        • kooperazzjoni mġedda u msaħħa fuq il-paċi u s-sigurtà;
        • sħubija msaħħa u reċiproka dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà;
        • impenn biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu fi ħdan l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tiegħu.
        • Is-sitt summit bejn l-UE u l-UA kien segwit minn laqgħa konġunta tal-UA u tal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-UE fit-28 ta’ Novembru 2022. It-tielet laqgħa ministerjali bejn l-UE u l-UA seħħet fit-22 ta’ Mejju 2025, bil-parteċipazzjoni tat-tmexxija l-ġdida tal-UA. Din il-laqgħa rrevediet il-progress dwar il-Viżjoni Konġunta għall-2030, u wittiet it-triq għas-seba’ summit bejn l-UE u l-UA, li seħħ fi Luanda, l-Angola mill-24 sal-25 ta’ Novembru 2025, u mmarka l-25 sena tas-sħubija mis-summit tal-Kajr fis-sena 2000.

          Fit-tħejjija għas-seba’ summit bejn l-UE u l-UA, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tappella għal sħubija ugwali ġdida bejn l-UE u l-Afrika, mibnija fuq rispett reċiproku, interessi kondiviżi u azzjoni multilaterali konġunta. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza l-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-kooperazzjoni prattika b’eżiti tanġibbli, filwaqt li tingħata prijorità lil oqsma bħall-paċi, is-sigurtà, l-infrastruttura u l-konnettività diġitali permezz tal-istrument ta’ investiment Global Gateway, u t-tkabbir ekonomiku xprunat mill-iżvilupp tas-settur privat. Tenfasizza wkoll l-importanza li jissaħħu l-isforzi konġunti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, u l-implimentazzjoni ta’ politiki dwar il-migrazzjoni li jindirizzaw il-kawżi ewlenin filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li tiġi istituzzjonalizzata d-dimensjoni parlamentari tas-summits bejn l-UE u l-UA, inklużi laqgħat regolari ta’ qabel is-summit mal-Parlament Pan-Afrikan, skambji tematiċi bejn il-kumitati parlamentari, u djalogi annwali ta’ livell għoli dwar suġġetti ewlenin bħall-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika, il-migrazzjoni u l-mobbiltà, u t-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà. Dan, fl-aħħar mill-aħħar, se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni konġunt bejn l-UE u l-UA għall-2025-2030, b’miri li jistgħu jitkejlu li jinkludu l-irduppjar tal-kummerċ u tal-investiment, l-istabbiliment ta’ qafas ta’ mobbiltà u tal-għoti tal-viża, u t-tnedija ta’ sħubija ekoloġika diġitali.

          Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp

          L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu d-donatur l-aktar sinifikanti tal-Afrika ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

          B’riżultat tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027 (ara l-iskeda informattiva separata 1.4.3 Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali), il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija koperta mill-Istrument komprensiv ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI – Ewropa Globali), inkorporat bis-sħiħ fil-baġit tal-UE. Qabel, il-biċċa l-kbira tal-għajnuna għall-iżvilupp mill-UE lill-pajjiżi Afrikani kienet tiġi pprovduta mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li kien strument separat mill-baġit tal-UE.

          L-iNDICI – Ewropa Globali jissimplifika l-arkitettura tal-finanzjament estern tal-UE billi jissostitwixxi u jgħaqqad 10 strumenti taħt iċ-ċiklu baġitarju preċedenti (2014-2020) fi strument komprensiv wieħed. Isaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tikseb riżultati fuq il-prijoritajiet strateġiċi u l-impenji internazzjonali tagħha billi jipprovdi flessibbiltà u għodod innovattivi biex jinbnew fiduċja u kollaborazzjoni akbar mal-pajjiżi sħab tal-UE. L-Ewropa Globali hija xprunata minn approċċ fejn il-politika tiġi l-ewwel u tkun xprunata mill-valuri li se jippermetti lill-UE tieħu pożizzjoni ġeopolitika aktar b’saħħitha fl-azzjoni esterna tagħha.

          B’baġit ta’ kważi EUR 80 biljun għall-perjodu 2021-2027, l-Ewropa Globali tkopri aktar minn 70% tal-finanzjament tal-UE għar-relazzjonijiet esterni. Il-programm huwa bbażat fuq tliet pilastri: programmi ġeografiċi, programmi tematiċi u mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida. Il-programmi ġeografiċi, li se jkunu l-mekkaniżmu ewlieni ta’ implimentazzjoni, jiffukaw fuq reġjuni bħall-viċinat tal-UE, l-Afrika sub-Saħarjana, l-Asja-Paċifiku, u l-Kontinent Amerikan u l-Karibew. Dan l-approċċ jippermetti azzjoni tal-UE aktar strateġika u koerenti madwar id-dinja, imfassla għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab. Il-programm jagħti prijorità lill-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll lill-għoti tas-setgħa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja, biex jixpruna bidla pożittiva u jrawwem dinja aktar ġusta, ekwa u stabbli.

          Ir-relazzjonijiet kummerċjali

          Il-Ftehim ta’ Cotonou ppermetta lill-UE u lill-pajjiżi AKP jinnegozjaw ftehimiet ta’ kummerċ orjentati lejn l-iżvilupp, imsejħa Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSEs). Dan kompla taħt il-Ftehim ta’ Samoa, fejn l-FSEs jirrappreżentaw l-għodda ewlenija biex jiġi aċċessat is-suq uniku tal-UE. Il-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani – flimkien mal-integrazzjoni ekonomika reġjonali u kontinentali – huwa meqjus bħala element fundamentali biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli fl-Afrika. Barra minn hekk, l-iskemi unilaterali jippermettu aċċess preferenzjali tas-suq lill-UE għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sub-Saħarjani (ara l-iskeda informattiva separata 5.2.3 Skemi kummerċjali applikabbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw).

          L-FSEs huma l-istrumenti prinċipali li jippromwovu l-kummerċ bejn l-UE u r-reġjuni Afrikani, u jitqiesu li huma kompatibbli bis-sħiħ mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Madankollu, in-negozjar ta’ dawn l-FSEs, li beda fl-2002, kien aktar diffiċli milli mistenni u ntlaqa’ b’reżistenza konsiderevoli minn xi gvernijiet Afrikani, gruppi tas-soċjetà ċivili lokali u trade unions. Għalhekk, diversi FSEs, li kellhom ikopru reġjuni Afrikani sħaħ, qed jiġu applikati biss b’mod proviżorju ma’ pajjiżi li jixtiequ jagħmlu dan, bħall-Kosta tal-Avorju, il-Ghana, il-Kamerun, u l-Kenja (għal aktar informazzjoni, ara l-briefing tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew bit-titolu “EU economic partnership agreements with ACP countries”).

          Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

          Bħalma ġara fi ftehimiet internazzjonali oħra, il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Samoa legalment teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament (l-Artikolu 218 tat-TFUE), għalkemm il-ftehim jista’ jiġi applikat parzjalment u proviżorjament qabel ma tingħata l-approvazzjoni u qabel ma jkunu rratifikawh l-Istati Membri kollha tal-UE u tal-OSAKP. Il-Parlament ikkontribwixxa għan-negozjati tal-Ftehim ta’ Samoa billi adotta riżoluzzjonijiet qabel u matul il-proċess u billi waqqaf grupp ta’ monitoraġġ immexxi mill-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu. Wara n-negozjati u l-iffirmar tal-ftehim, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu fl-10 ta’ April 2024.

          L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa wkoll għal kwalunkwe FSE konkluż mal-pajjiżi AKP. Barra minn hekk, il-Parlament ikkontribwixxa b’mod attiv biex jissawwar l-iNDICI – l-istrument finanzjarju Ewropa Globali u qed jissorvelja l-implimentazzjoni tiegħu.

          Il-Parlament għandu diversi delegazzjonijiet interparlamentari permanenti għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi u mal-istituzzjonijiet Afrikani. Il-korp ewlieni li fi ħdanu l-Parlament jikkoopera fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet huwa l-Assemblea Parlamentari Konġunta OSAKP-UE, li hija magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew u membri tal-parlament mill-Istati OSAKP, tiżvolġi rwol fundamentali biex jissaħħu r-relazzjonijiet parlamentari bejn l-UE u s-sħab tagħha tal-OSAKP, u ġiet ibbażata fuq l-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Cotonou. Minbarra li ġew stabbiliti assemblej parlamentari reġjonali, waħda mit-talbiet ewlenin tal-Parlament matul in-negozjati kienet li fil-ftehim il-ġdid tinżamm Assemblea Parlamentari Konġunta, li huwa qies bħala kundizzjoni essenzjali għall-approvazzjoni tiegħu. Id-delegazzjonijiet għal kull wieħed mill-assemblej parlamentari l-ġodda ġew stabbiliti formalment f’Diċembru 2023, inkluża delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari bejn l-Afrika u l-UE. Din id-delegazzjoni hija magħmula minn 48 Membru tal-PE, li kull wieħed minnhom huwa membru wkoll tal-Assemblea Parlamentari Konġunta l-ġdida tal-OSAKP-UE.

          Il-Parlament żviluppa wkoll forom ta’ kooperazzjoni parlamentari mal-UA permezz tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Parlament Pan-Afrikan tiegħu, stabbilita fl-2009. Is-summits parlamentari tipikament jakkumpanjaw lil dawk intergovernattivi, fejn is-summits parlamentari joħorġu dikjarazzjoni konġunta direttament lill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-bidu ta’ kull summit intergovernattiv.

          L-UE għandha wkoll relazzjonijiet parlamentari privileġġjati mal-Afrika t’Isfel, li ssaħħew fl-2007 permezz tas-Sħubija Strateġika UE-Afrika t’Isfel -, l-unika sħubija strateġika bilaterali tal-UE ma’ pajjiż Afrikan. Dan huwa rifless ukoll mid-Delegazzjoni permanenti ddedikata tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Afrika t’Isfel, li organizzat it-28 laqgħa Interparlamentari (IPM) tagħha mit-18 sad-19 ta’ Frar 2025 f’Cape Town, fejn ġiet adottata Dikjarazzjoni Konġunta. It-tmien summit bejn l-UE u l-Afrika t’Isfel seħħ fit-13 ta’ Marzu 2025, f’Cape Town ukoll. Id-29 IPM saret fi Brussell mill-5 sas-6 ta’ Novembru 2025, qabel l-20 Summit tal-G20 mit-22 sat-23 ta’ Novembru 2025 f’Johannesburg, l-Afrika t’Isfel. Dan kien l-ewwel summit tal-G20 li sar fil-kontinent Afrikan fl-okkażjoni tal-ewwel presidenza tal-G20 tal-Afrika t’Isfel, li saret mill-1 ta’ Diċembru 2024 sat-30 ta’ Novembru 2025.

           

          [1]L-eċċezzjoni kienet Kuba.

          Rose BAGUDU