L-Asja t’Isfel
Din l-iskeda informattiva tispjega l-importanza ġeostrateġika tal-Asja t’Isfel għall-UE permezz tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi fir-reġjun. L-Indo-Paċifiku qed jevolvi b’mod rapidu u fih joqogħdu aktar minn 50% tal-popolazzjoni tad-dinja. L-UE qed isaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel, bħala attur ekonomiku b’saħħtu u donatur importanti ta’ għajnuna u fl-ambitu tal-iżvilupp. Qed taħdem biex trawwem it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, id-demokrazija, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, għalkemm għandha wkoll tħassib dwar is-sigurtà, pereżempju l-kunflitt fil-Kashmir, l-Afganistan, is-sigurtà marittima u t-terroriżmu. Il-Parlament appoġġja l-kooperazzjoni u l-assistenza tal-UE lill-pajjiżi tal-Asja t’Isfel, b’appoġġ immirat għall-aktar gruppi vulnerabbli.
Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi r-reġjun tal-Asja t’Isfel. Jekk jogħġbok ara wkoll l-iskedi informattivi dwar l-Asja tal-Lvant (ara 5.6.8), l-Asja Ċentrali (ara 5.6.4) u l-Asja tax-Xlokk (ara 5.6.9).
Il-bażi legali
- It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: it-Titolu V ikopri l-azzjoni esterna tal-UE, jiġifieri r-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi mhux tal-UE.
- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikoli 206 u 207 jindirizzaw il-kummerċ, filwaqt li l-Artikoli 216-219 ikopru l-ftehimiet internazzjonali.
- riżoluzzjoni dwar il-kooperazzjoni futura bejn l-UE u l-Indja fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment fl-2022, li tilqa’ l-impenn li ssir ħidma lejn il-konklużjoni ta’ ftehim kummerċjali ambizzjuż, ibbażat fuq il-valuri, ibbilanċjat, komprensiv u ta’ benefiċċju reċiproku bejn l-UE u l-Indja. Il-Parlament laqa’ t-TTC;
- riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Manipur tal-Indja fl-2023, li appellat biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex titwaqqaf il-vjolenza etnika u reliġjuża, jiġu protetti l-minoranzi reliġjużi kollha u tiġi evitata kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri.
- riżoluzzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indja fl-2024, li titlob li jitwessgħu u jiġu approfonditi r-relazzjonijiet UE-Indja bħala sħab strateġiċi, b’mod partikolari f’oqsma ewlenin bħat-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni, il-konnettività, il-kummerċ u l-investiment, il-politika barranija u ta’ difiża, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.
- it-tkabbir ekoloġiku inklużiv;
- l-iżvilupp tal-kapital uman
- governanza tajba.
Il-kuntest ġenerali
L-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku ġiet adottata f’Settembru 2021 biex tiżdied il-preżenza tal-UE fir-reġjun, jinbnew sħubijiet u tissaħħaħ l-ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli. L-UE qed tadatta l-istrumenti attwali tagħha bħala parti mill-awtonomija strateġika tagħha fost sfidi ġeostrateġiċi dejjem jikbru. Il-Boxxla Strateġika tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża, approvata formalment mill-Kunsill f’Marzu 2022, tippromwovi arkitettura tas-sigurtà reġjonali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż linji ta’ komunikazzjoni marittimi siguri, bini tal-kapaċitajiet u preżenza navali msaħħa fl-Indo-Paċifiku. Bħala parti mir-reġjun Indo-Paċifiku usa’, l-Asja t’Isfel għandha importanza ġeostrateġika vitali għall-UE, iżda qed tiffaċċja sfidi sinifikanti.
L-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali
L-UE tħeġġeġ l-integrazzjoni reġjonali u tappoġġja l-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali (SAARC). Il-pajjiżi membri tal-SAARC huma l-Afganistan, il-Bangladesh, il-Bhutan, l-Indja, il-Maldivi, in-Nepal, il-Pakistan u s-Sri Lanka. L-UE, l-Awstralja, iċ-Ċina, l-Iran, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, Mauritius, il-Myanmar u l-Istati Uniti għandhom status ta’ osservatur. Minħabba tensjonijiet politiċi bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari bejn l-Indja u l-Pakistan, kif ukoll is-sitwazzjoni instabbli fl-Afganistan, il-ħidma tal-SAARC waqfet. L-organizzazzjoni għamlet progress fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet reġjonali, inklużi l-kooperazzjoni ekonomika u l-kriżijiet umanitarji. Madankollu, għad hemm sfidi bħal dgħufijiet strutturali u disparitajiet ekonomiċi bejn l-Istati Membri. Bħalissa, il-pajjiżi tal-SAARC qed jiffaċċjaw żieda fil-kostijiet tal-importazzjoni u n-nuqqas ta’ fjuwil minħabba l-gwerra fil-Golf Persjan. Biex ilaħħqu, il-gvernijiet nazzjonali qed jintroduċu miżuri ta’ awsterità mmirati biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija, jippreservaw l-istabbiltà ekonomika u jserrħu moħħ is-swieq domestiċi tagħhom.
Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Asja t’Isfel tkopri l-għajnuna finanzjarja u teknika kif ukoll il-kooperazzjoni ekonomika. Il-prijoritajiet jinkludu l-istabbiltà reġjonali, it-tnaqqis tal-faqar, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-SAARC għandha l-għan li tippromwovi l-armonizzazzjoni tal-istandards u taġevola l-kummerċ, kif ukoll iżżid l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-kooperazzjoni reġjonali. Inizjattivi reċenti ffukaw fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-trasformazzjoni diġitali. Fl-2024, l-UE u l-SAARC nedew programm konġunt biex itejbu l-konnettività reġjonali u jippromwovu l-enerġija sostenibbli.
L-Indja
Fil-Ħames Summit bejn l-UE u l-Indja f’Novembru 2004, ġiet adottata s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, li ppromwoviet id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni, l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi, il-kummerċ u l-investiment, kif ukoll it-tisħiħ tal-iskambji interpersonali. Fl-2026, l-UE u l-Indja jammontaw għal kważi 25% tal-popolazzjoni tad-dinja u 20% tal-kummerċ globali.
F’dan il-kuntest, f’Jannar 2026, fis-16-il Summit bejn l-UE u l-Indja fi New Delhi, l-UE u l-Indja kkonkludew b’suċċess il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja, wara kważi 20 sena ta’ negozjati. Fis-Summit, il-mexxejja qablu li japprovaw “Lejn l-2030: Aġenda Strateġika Komprensiva Konġunta bejn l-UE u l-Indja” biex tiggwida l-kooperazzjoni bilaterali dwar is-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, is-sigurtà, il-konnettività u kwistjonijiet globali.
Il-Ftehim inaqqas l-ostakli tariffarji u mhux tariffarji, inaqqas EUR 4 biljun fis-sena f’tariffi għall-esportaturi kollha u jiftaħ opportunitajiet sinifikanti ta’ kummerċ u investiment. Minn Jannar 2026, 6,000 kumpanija tal-UE qed joperaw fl-Indja, u l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja jappoġġja kważi 800,000 impjieg fl-UE. L-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-UE lejn l-Indja huma mistennija li jirduppjaw sal-2032.
Fl-2025, l-UE baqgħet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja, u kienet responsabbli għall-kummerċ ta’ merkanzija b’valur ta’ EUR 120 biljun fl-2024 jew 11.5% tal-kummerċ totali ta’ merkanzija tal-Indja. L-Indja hija d-disa’ l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, u tirrappreżenta 2.4% tal-kummerċ totali ta’ merkanzija tal-UE. Il-kummerċ bilaterali ta’ merkanzija żdied bi kważi 90% fl-aħħar għaxar snin. Il-kummerċ fis-servizzi laħaq EUR 59.7 biljun fl-2023, u dan jimmarka żieda sinifikanti minn EUR 44.9 biljun fl-2021. Is-sehem tal-UE ta’ stokk ta’ investiment dirett barrani fl-Indja żdied ukoll b’mod sinifikanti matul is-snin, u laħaq EUR 140.1 biljun fl-2023, minn EUR 82.3 biljun fl-2019. Fl-2023, l-istokk ta’ investiment dirett barrani tal-Indja fl-UE kien ta’ EUR 10.3 biljun.
Waqt is-16-il Summit bejn l-UE u l-Indja tnediet ukoll is-Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Indja. Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-inizjattivi konġunti dwar prijoritajiet ta’ sigurtà kondiviżi bħas-sigurtà marittima, in-nonproliferazzjoni u d-diżarm, il-qasam spazjali, iċ-ċiberdifiża u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru tal-Indja, Narendra Modi, nedew il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja (TTC) fil-laqgħa tagħhom f’April 2022. Fi Frar 2023, l-UE u l-Indja saħħew ir-relazzjoni tagħhom billi stabbilew it-TTC. F’Marzu 2024, saret il-Konferenza bejn il-Mexxejja tal-UE u l-Indja, li ffukat fuq l-industrija tal-karozzi, l-apparat mediku u s-settur tal-kura tas-saħħa.
Is-Sħubija ta’ Konnettività Indja-UE bdiet f’Mejju 2021. Dan kien segwit mill-Konferenza dwar il-Konnettività bejn l-Indja u l-UE, li saret f’Ġunju 2023 bl-għan li jiġu identifikati proġetti konkreti ta’ konnettività. F’Awwissu 2023, l-Indja adottat Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Diġitali.
Il-kooperazzjoni bejn l-Indja u l-UE fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni qed tissaħħaħ anke bħala parti minn Orizzont Ewropa. Il-politika tal-edukazzjoni tal-Indja għandha attwalment l-għan li tiżviluppa aktar sħubijiet internazzjonali mal-universitajiet Ewropej biex jaħdmu flimkien fuq il-programmi Orizzont Ewropa. F’Jannar 2026, l-UE u l-Indja komplew isaħħu l-kollaborazzjoni dwar it-teknoloġiji emerġenti u kritiċi, l-innovazzjoni u r-riċerka, inkluż billi ħolqu Ċentri ta’ Innovazzjoni bejn l-UE u l-Indja, nedew Sħubija ta’ Negozji Ġodda bejn l-UE u l-Indja u ġeddew il-Ftehim bejn l-UE u l-Indja għall-Kooperazzjoni Xjentifika u Teknoloġika sal-2030.
Mid-19 ta’ April sal-1 ta’ Ġunju 2024, saru elezzjonijiet ġenerali fl-Indja. Il-Partit Bharatiya Janata, immexxi mill-Prim Ministru Modi, rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet għat-tielet darba konsekuttiva, iżda naqas milli jikseb il-maġġoranza fit-tieni kamra tal-parlament tal-Indja, il-Lok Sabha. Minflok, kellhom iduru lejn l-alleati tagħhom, l-Alleanza Demokratika Nazzjonali, biex jiżguraw il-272 siġġu meħtieġa biex tiġi ffurmata l-amministrazzjoni li jmiss. L-alleanza tal-oppożizzjoni, l-Alleanza Inklużiva Nazzjonali Indjana għall-Iżvilupp, qabżet l-aspettattivi iżda ma kisbitx maġġoranza u għalhekk tibqa’ l-blokk prinċipali tal-oppożizzjoni fil-Lok Sabha. L-Alleanza Demokratika Nazzjonali, immexxija mill-Partit Bharatiya Janata, ikkonsolidat il-potenza tagħha fl-elezzjonijiet tal-assemblea tal-istat, fosthom rebħa ewlenija fl-elezzjoni tal-Assemblea Leġiżlattiva ta’ Bihar ta’ Novembru 2025, li kompliet issaħħaħ il-mandat tal-gvern.
Billi hija l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, l-Indja qed twettaq riformi politiċi u ekonomiċi ffukati fuq il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bid-demonetizzazzjoni u bi programmi ta’ trasparenza, l-indirizzar tal-problemi soċjali, l-iżvilupp tal-ekonomija bl-inizjattivi ta’ “Make in India” u “Invest India” u l-impożizzjoni ta’ taxxa nazzjonali fuq l-oġġetti u s-servizzi. L-Indja hija potenza nukleari, bħalma huma l-ġirien tagħha l-Pakistan u ċ-Ċina, u tiffaċċja problemi ta’ sigurtà, terroriżmu u kunflitti armati fil-fruntieri, b’mod partikolari mal-Pakistan fl-Istat awtonomu ta’ Jammu u Kashmir u, f’livell anqas, maċ-Ċina. Minn Mejju 2026, il-gwerra fil-Golf Persjan qed taffettwa serjament il-provvisti taż-żejt u tal-gass tal-Indja.
Is-sistema tal-kasti tal-Indja hija waħda mill-eqdem forom fid-dinja tal-organizzazzjoni tal-klassi soċjali, u tqajjem tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontinwa abbażi tal-kasti. L-Indja hija wkoll mużajk etniku u lingwistiku, b’tensjonijiet f’numru ta’ Stati u rapporti ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, it-tħaddim tat-tfal ikompli jkun problema serja fl-Indja, minkejja li l-Prim Ministru Modi approva sensiela ta’ miżuri li jipprojbixxu lit-tfal taħt l-età ta’ 14-il sena milli jagħmlu xogħlijiet perikolużi, b’penali iebsa għall-impjegaturi li jiksru l-liġi.
Il-Parlament Ewropew adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar l-Indja, inklużi:
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew żar l-Indja f’Jannar 2025, b’diskussjonijiet li jkopru atti leġiżlattivi ewlenin tal-UE relatati mas-servizzi diġitali, is-swieq diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, is-sikurezza tal-prodotti u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali żar l-Indja f’Ottubru 2025. Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri żar New Delhi fi Frar 2026.
Fil-leġiżlatura attwali, id-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Indja tal-Parlament Ewropew hija ppreseduta minn Angelika Niebler (PPE, il-Ġermanja).
Fir-rigward tad-djalogu interparlamentari, is-16-il Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u l-Indja (IPM) saret f’Marzu 2026 ġewwa New Delhi.
Il-Pakistan
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan imorru lura għall-1962 u bħalissa huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-2004 u l-Pjan ta’ Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Pakistan, iffirmat fl-2019. L-UE, bħala donatur ewlieni għall-iżvilupp u l-għajnuna, tappoġġja l-promozzjoni tad-demokrazija u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet fil-Pakistan.
Il-Pakistan huwa l-benefiċjarju ewlieni tal-preferenzi kummerċjali unilaterali tal-UE, fl-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi Plus (SĠP+). Bħala parti mill-proċess, il-Kumitat tal-Parlament għall-Kummerċ Internazzjonali jissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti tal-SĠP+. L-istatus tal-SĠP+ tal-Pakistan jista’ jiġi rieżaminat peress li jiġi mal-obbligi bħall-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà reliġjuża. F’Ġunju 2022, il-missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE vvalutat l-implimentazzjoni effettiva ta’ 27 konvenzjoni internazzjonali, rekwiżit obbligatorju għaż-żamma tal-istatus SĠP+, li kien ta’ benefiċċju kbir għall-Pakistan. F’Novembru 2023, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppubblikaw rapport konġunt li jivvaluta l-progress ta’ tmien pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP+, inkluż il-Pakistan.
Il-Kunsill tal-UE u l-Parlament estendew l-iskema SĠP+ attwali sa Diċembru 2027. L-infurzar tiegħu se jirrikjedi li l-pajjiżi benefiċjarji japplikaw formalment għall-iskema li għadha kif ġiet adottata. Dan il-proċess qed jiġi segwit mill-qrib f’Islamabad. L-istatus tal-SĠP+ tal-Pakistan ġie estiż f’Ottubru 2023 sal-2027.
Fl-2024, l-UE żammet il-pożizzjoni tagħha bħala t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Pakistan, u rrappreżentat 12.4% tal-kummerċ totali tal-Pakistan. Fl-istess sena, il-Pakistan ikklassifika fit-48 post fost l-akbar sħab kummerċjali tal-UE fil-merkanzija, u rrappreżenta 0.2% tal-kummerċ tal-UE. L-esportazzjonijiet ewlenin tal-Pakistan lejn l-UE huma t-tessuti u l-ħwejjeġ, li jammontaw għal sehem ta’ 75.8% tal-esportazzjonijiet totali tiegħu lejn l-UE. L-esportazzjonijiet ewlenin tal-UE lejn il-Pakistan jinkludu sustanzi kimiċi, metalli komuni, makkinarju u tagħmir. L-esportazzjonijiet totali tal-Pakistan lejn l-UE mill-2013 sal-2024 żdiedu bi kważi 83% għal EUR 8.3 biljun.
L-UE hija donatur sinifikanti ta’ assistenza għall-iżvilupp u għajnuna umanitarja għall-Pakistan. Skont il-qafas tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027, l-UE allokat EUR 265 miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għal sħubijiet mal-Pakistan għall-2021-2024, u EUR 135 miljun oħra għall-2025-2027. Dan il-finanzjament jappoġġja tliet oqsma prijoritarji: it-tkabbir inklużiv ekoloġiku, il-kapital uman u l-governanza. L-UE nediet ukoll inizjattiva ta’ Tim Ewropa bl-isem “Nibnu mill-ġdid aħjar permezz tal-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi”, li għandha l-għan li trawwem it-tkabbir ekoloġiku u ttejjeb ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima fil-Pakistan.
L-UE rrikonoxxiet l-isfidi li qed jiffaċċja l-Pakistan biex jospita aktar minn tliet miljun rifuġjat u hija lesta li tikkunsidra li tipprovdi appoġġ addizzjonali, inkluż għar-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati lejn l-Afganistan. Barra minn hekk, fl-2023, il-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU appoġġja aktar minn 180,000 persuna vulnerabbli milquta mill-għargħar f’seba’ distretti tal-provinċja ta’ Sindh, li kien possibbli permezz ta’ kontribut mill-għajnuna umanitarja tal-UE.
Il-15-il laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u l-Pakistan saret fi Brussell f’Diċembru 2025 biex tivvaluta l-Pjan ta’ Impenn Strateġiku u tespandi l-kooperazzjoni. Iż-żewġ naħat qablu li jżommu l-ogħla standards fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Id-diskussjoni kopriet ukoll il-migrazzjoni, il-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-SĠP+, il-kooperazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni dwar l-azzjoni klimatika.
L-10 Djalogu Politiku bejn l-UE u l-Pakistan sar f’Lulju 2025 fi Brussell, u kopra kwistjonijiet ewlenin ta’ kooperazzjoni bilaterali, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ żviluppi reġjonali u globali u kooperazzjoni multilaterali f’oqsma bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ġlieda kontra n-narkotiċi. F’Novembru 2025, sar is-seba’ ċiklu tad-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Pakistan fi Brussell, li tenna l-impenn kondiviż tagħhom għal kooperazzjoni sostnuta fl-oqsma tal-kummerċ, il-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, il-politika, l-ekonomija u l-iżvilupp.
Ir-rwol ġeostrateġiku tal-Pakistan fl-Indo-Paċifiku huwa mistenni li jespandi aktar. Pakistan stabbli, demokratiku u prosperu huwa kruċjali għall-UE peress li huwa interlokutur ewlieni mat-Taliban Afgan u d-destinazzjoni ewlenija għar-rifuġjati Afgani.
Il-politika fil-Pakistan tinsab f’taqlib kostanti. L-armata għadha involuta fil-politika interna u dik barranija, b’mandat wiesa’ għal kwistjonijiet ta’ sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Pakistan jinsab fl-ewwel post fl-Indiċi Globali tat-Terroriżmu tal-2026, u l-vjolenza u l-attività terroristika qed jiżdiedu. Barra minn hekk, it-tilwima dwar il-fruntiera tal-Kashmir mal-Indja għadha ma ġietx solvuta. Il-kisba tal-poter mit-Taliban fl-Afganistan kellha impatt sinifikanti fuq is-sigurtà tal-Pakistan, hekk kif tat is-setgħa lit-Tehrik-e-Taliban Pakistan (TTP, magħruf ukoll bħala t-Taliban Pakistani). B’riżultat ta’ dan, ir-relazzjoni tal-Pakistan mal-Afganistan iddeterjorat fl-2025, hekk kif il-Pakistan akkuża kontinwament lill-Gvern Afgan immexxi mit-Taliban li għen u ta kenn lit-TTP, li t-Taliban jiċħad. Il-militanza transfruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi żdiedet ukoll. Il-militar Pakistani wettaq diversi attakki mill-ajru madwar l-Afganistan fi Frar 2026, immirati lejn it-TTP u l-Istat Iżlamiku tal-Provinċja ta’ Khorasan. Bħalissa għaddejjin taħditiet ta’ paċi fiċ-Ċina. Barra minn hekk, l-Armata tal-Liberazzjoni tal-Balochistan qed tkompli tikkontesta s-sovranità tal-Pakistan fil-Lbiċ tal-pajjiż.
Fi Frar 2024, taħt miżuri stretti ta’ sigurtà, saru l-elezzjonijiet parlamentari fil-Pakistan. Muhammad Shehbaz Sharif, il-mexxej tal-Lega Musulmana tal-Pakistan, inħatar mill-ġdid bħala Prim Ministru. Il-kandidati mill-partit tal-oppożizzjoni, il-Pakistan Tehreek-e-Insaf (PTI), ma tħallewx joħorġu għall-elezzjoni. It-tensjonijiet politiċi għadhom qawwija, bil-mexxej tal-PTI li jinsab il-ħabs, Imran Khan, asserixxa li s-sentenza tiegħu hija waħda inġusta u politikament motivata. Is-sostenituri tal-PTI jkomplu jipprotestaw, iżda l-Lega Musulmana tal-Pakistan ta’ Shehbaz Sharif baqgħet fil-poter b’appoġġ qawwi mill-militar tal-Pakistan.
L-14-il IPM bejn l-UE u l-Pakistan saret f’Islamabad fl-14 ta’ April 2025, u kopriet affarijiet reġjonali u globali (b’mod partikolari r-relazzjonijiet mal-Indja u ċ-Ċina), il-kummerċ, l-SĠP+, l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bilaterali u kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.
F’April 2021, il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar il-liġijiet dwar il-blasfemija fil-Pakistan, u stieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-eliġibbiltà tal-Pakistan għall-programm SĠP+ fid-dawl tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li qed tiddeterjora. Il-Parlament qed jimmonitorja l-passi li ħadu l-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-liġijiet dwar il-blasfemija, li jipprevedu kundanni ħorox, inkluża l-piena tal-mewt.
L-Afganistan
Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar l-Isħubija u l-Iżvilupp ġie ffirmat fi Frar 2017 u approvat mill-Parlament Ewropew f’Marzu 2019. Ir-relazzjonijiet mal-UE ġew adattati għas-sitwazzjoni tal-gwerra u ta’ wara l-gwerra. Qabel ma spiċċa kollox f’idejn it-Taliban f’Awwissu 2021, grazzi għall-kontributi sostanzjali mill-Parlament Ewropew, l-Afganistan ġie integrat gradwalment fl-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali.
Minn Mejju 2021, it-Taliban malajr kiseb kontroll fuq l-Afganistan. Sa Awwissu 2021, kienu ħadu Kabul, wara li l-President Ghani ħarab lejn Dubai. L-Istati Uniti u n-NATO lestew l-irtirar tat-truppi tagħhom mit-territorju fl-istess xahar, u kkonkludew il-gwerra li kienet ilha għaddejja għal żewġ deċennji. F’Settembru 2021, it-Taliban stabbilixxa gvern interim magħmul minn irġiel biss, u dan kisser il-wegħdiet ta’ inklużività. Minn dak iż-żmien, wettqu abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari mmirati lejn in-nisa, il-bniet u l-gruppi ta’ minoranza.
Ir-restrizzjonijiet imposti mit-Taliban fuq in-nisa jinkludu projbizzjoni fuq l-aċċess għall-universitajiet, il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika u x-xogħol f’organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dawn il-politiki, li jinkludu kodiċijiet riġidi tal-ilbies għan-nisa, għandhom impatti perikolużi u ta’ periklu għall-ħajja. F’Lulju 2024, it-Taliban adotta uffiċjalment il-Liġi dwar il-Propagazzjoni tal-Virtù u l-Prevenzjoni tal-Vizzju. Dan il-qafas legali jikkodifika, jikkonsolida u jżid mar-restrizzjonijiet diskriminatorji u oppressivi tat-Taliban, b’mod partikolari mmirati lejn in-nisa. Filwaqt li xi universitajiet u skejjel pubbliċi reġgħu fetħu fl-2022, it-Taliban ma wettaqx l-impenn tiegħu li jippermetti lill-bniet jattendu l-iskola sekondarja, u dan affettwa lil 1.1 miljun student. F’Ottubru 2025, it-Taliban impona l-għeluq tal-internet fil-pajjiż kollu, li fixkel is-servizzi essenzjali, it-titjiriet u s-servizzi bankarji, u naqqas l-aċċess għall-informazzjoni u l-għodod edukattivi għal miljuni ta’ Afgani. Dan ifisser li n-nisa u l-bniet ma setgħux jibqgħu jaċċessaw opportunitajiet ta’ apprendiment online, peress li fl-2021 it-Taliban ipprojbixxa lill-bniet milli jkomplu l-istudji tagħhom lil hinn mis-sitt sena. L-UE kkundannat l-azzjonijiet tat-Taliban, filwaqt li talbet li jintemmu l-abbużi kontinwi tiegħu u affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tappoġġja lin-nisa u lill-bniet Afgani. Ir-rabtiet tat-Taliban ma’ Al-Qaeda u l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku huma ambigwi, u l-pajjiż huwa maqsum bejn komunitajiet urbani u rurali b’fehmiet politiċi li jvarjaw ħafna.
Bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li jiddependu mill-għajnuna, l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma’ katastrofi umanitarja li qed tiżviluppa li qed tħalli nofs il-popolazzjoni tiegħu mingħajr il-bżonnijiet essenzjali, bħall-ikel, l-ilma u l-mediċini. B’aktar minn tliet miljun persuna spostata internament u aktar minn żewġ miljun rifuġjat u persuni li qed ifittxu ażil fil-Pakistan u fl-Iran, is-sitwazzjoni umanitarja marret għall-agħar. Id-deċiżjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tissospendi l-fondi lill-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali kompliet taggrava s-sitwazzjoni umanitarja diġà ħażina fil-pajjiż. Fl-2025, aktar minn 22.9 miljun Afgan kienu jeħtieġu assistenza umanitarja, b’miljuni mingħajr aċċess għal biżżejjed ikel, kura tas-saħħa u ilma nadif. Madwar 3.5 miljun tifel u tifla taħt l-età ta’ ħames snin huma malnutriti b’mod akut.
Fi Frar 2026, il-Pakistan beda attakki mill-ajru madwar l-Afganistan, fejn akkuża lill-pajjiż li ospita lill-Istat Iżlamiku tal-Provinċja ta’ Khorasan u l-gruppi terroristiċi tal-Armata tal-Liberazzjoni tal-Balochistan. Bħalissa għaddejjin taħditiet ta’ paċi fiċ-Ċina.
Qabel ma t-Taliban ħa l-kontroll f’idu f’Awwissu 2021, l-Afganistan kien l-akbar benefiċjarju ta’ finanzjamenti għall-iżvilupp tal-UE fl-Asja. L-Afganistan ibbenefika wkoll mir-reġim kummerċjali l-aktar favorevoli tal-UE, l-iskema “Kollox minbarra Armi” (KMA). L-UE allokat EUR 1.4 biljun għall-Afganistan għall-perjodu 2014-2020. F’Awwissu 2021, l-UE wiegħdet sa EUR 1 biljun f’appoġġ għall-popolazzjoni Afgana, li minnhom EUR 489 kienu se jintużaw għal għajnuna umanitarja u EUR 400 miljun għall-ħtiġijiet bażiċi u l-appoġġ għall-għajxien.
Fil-Konferenza tal-Afganistan dwar il-Paċi, il-Prosperità u l-Awtosuffiċjenza li saret Ġinevra f’Novembru 2020, l-UE wiegħdet EUR 1.2 biljun għall-2021-2025 f’assistenza ta’ emerġenza u fit-tul. F’Diċembru 2024, l-UE allokat EUR 19.8 miljun lill-Fondazzjoni Aga Khan għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Afganistan. F’Settembru 2025, l-UE ħabbret finanzjament addizzjonali ta’ EUR 14 miljun, li jsaħħaħ ukoll is-sħubija tagħha man-NU. F’Awwissu u Settembru 2025, l-UE pprovdiet finanzjament għas-salvagwardja tat-tfal Afgani, l-ewwel billi impenjat EUR 10 miljun għall-UNICEF, f’konformità mal-inizjattiva Tfal Afgani Attivi, segwita minn Ftehim ta’ Għotja ta’ EUR 6 miljun biex titnieda l-inizjattiva “Niffaċilitaw l-Aċċess għall-Għarfien, it-Tama u r-Reżiljenza tal-Edukazzjoni”. Fl-2026, l-UE ħabbret investiment ta’ EUR 15-il miljun fl-inizjattiva “Aċċess għall-finanzjament tal-għajxien għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju fl-Afganistan”, li tappoġġja l-isforzi ta’ bini tal-kapaċità għal dawn l-intrapriżi, tippromwovi r-reżiljenza ekonomika u ssaħħaħ l-għajxien fil-pajjiż.
F’Settembru 2021, il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE għażlu li ma jirrikonoxxux it-Taliban, iżda qablu li jitkellmu mal-grupp abbażi ta’ kundizzjonijiet bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, iż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem u l-formazzjoni ta’ gvern inklużiv. L-aċċess umanitarju u l-possibbiltà li n-nies jitilqu mill-Afganistan kienu wkoll fatturi ewlenin.
F’Marzu 2026, l-UE allokat EUR 250,000 f’għajnuna umanitarja biex tgħin lill-Afgani spostati wara terremoti f’diversi provinċji madwar il-pajjiż.
Il-Parlament ikkundanna ripetutament il-mewġ ta’ vjolenza. F’Lulju 2021, xahar qabel it-teħid tal-kontroll tat-Taliban, id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan kellha s-sitt IPM bejn l-UE u l-Afganistan mar-rappreżentanti tal-Assemblea Nazzjonali tal-Afganistan.
Id-delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Afganistan esprimiet b’mod konsistenti tħassib dwar il-kriżijiet umanitarji, ekonomiċi u tar-rifuġjati, li jeħtieġu kurituri umanitarji u approċċ strateġiku għar-reġjun kollu.
Il-Parlament organizza sensiela ta’ avvenimenti bħala parti mill-konferenza ta’ livell għoli “Jiem tan-Nisa Afgani” fi Frar 2022. Ix-xahar ta’ wara, tnieda l-Forum tal-Mexxejja Nisa Afgani permezz ta’ laqgħa virtwali ma’ kważi 50 mexxejja nisa Afgani li ngħaqdu mill-Afganistan u partijiet oħra tad-dinja.
F’Ottubru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-appoġġ għan-nisa u l-komunitajiet Afgani affettwati mit-terremoti, li fiha stieden lit-Taliban ineħħi r-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja u l-ħaddiema mediċi nisa, ikkritika lit-Taliban talli waqqaf l-aċċess għall-internet fl-Afganistan kollu u talab lill-komunità internazzjonali tissanzjona u żżomm lit-Taliban responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari kontra n-nisa.
F’Marzu 2026, membri parlamentari Afgani nisa li ġew imġiegħla jeżiljaw ruħhom kellhom skambju ta’ fehmiet mas-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-deterjorament kontinwu tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan, u l-ħtieġa għal solidarjetà internazzjonali man-nisa u ċ-ċivili Afgani.
Il-Bangladesh
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh imorru lura għall-1973. Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ta’ April 2001 bejn l-UE u l-Bangladesh ikopri l-kummerċ, l-iżvilupp ekonomiku, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-ambjent.
Bħala pajjiż l-anqas żviluppat (LDC), il-Bangladesh jibbenefika mill-iskema KMA tal-UE, ir-reġim kummerċjali l-aktar favorevoli disponibbli skont il-qafas tal-SĠP tal-UE. Il-Bangladesh huwa mistenni li joħroġ minn status ta’ LDC sal-aħħar tal-2026. Wara perjodu tranżitorju, il-pajjiż imbagħad ma jibqax ikollu aċċess għall-iskema KMA.
Il-programm indikattiv pluriennali tal-UE għall-2021-2027 għall-Bangladesh huwa allinjat mat-tmien Pjan ta’ Ħames Snin, li jkopri l-2020-2025.
F’Ottubru 2023, fil-Forum Global Gateway, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, flimkien mal-eks Prim Ministru tal-Bangladesh Sheikh Hasina, nedew in-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni ġdid. L-UE, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bangladesh iffirmaw ftehimiet b’valur ta’ EUR 400 miljun għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Fl-2024, l-UE pposponiet negozjati mal-Bangladesh dwar il-ftehim minħabba t-tħassib tagħha dwar ċerti politiki u kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh.
Il-Bangladesh huwa demokrazija parlamentari li fiha hemm alternanza tal-poter bejn żewġ partijiet, il-Lega Awami u l-Partit Nazzjonalista tal-Bangladesh. Il-Bangladesh huwa fost il-ftit pajjiżi li laħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Madankollu, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għadhom kwistjoni serja, speċjalment f’żoni industrijali b’fabbriki tal-ħwejjeġ madwar Dhaka. Il-prodott domestiku gross tal-Bangladesh ilu jonqos mill-2022 minħabba l-kriżi wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, iż-żieda fil-prezz tal-prodotti bażiċi u l-inflazzjoni. Għalhekk, il-pajjiż talab assistenza finanzjarja mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Minkejja li l-esportazzjonijiet tal-ħwejjeġ mill-Bangladesh immultiplikaw matul dawn l-aħħar snin, l-inċidenti u n-nirien fil-fabbriki u f’postijiet tax-xogħol oħra huma komuni, u qatlu sa 1,310 ħaddiema u 3,883 indarbu f’dawn l-aħħar għaxar snin.
F’Lulju 2024, id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Sheik Hasina rigward il-kwoti tal-impjiegi fis-settur pubbliku wasslet għal rewwixta favur id-demokrazija. Il-Prim Ministru Hasina ġiet imġiegħla tirriżenja, u sabet rifuġju fl-Indja. Ġie ffurmat gvern interim taħt it-tmexxija tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Muhammad Yunus. Il-formazzjoni tal-Partit Nazzjonali taċ-Ċittadini, l-ewwel partit immexxi mill-istudenti fil-Bangladesh, kienet mument kruċjali fl-iżvilupp politiku tal-pajjiż. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-qasam politiku nazzjonali kien iddominat minn fehmiet diverġenti dwar il-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-Bangladesh u l-introduzzjoni ta’ riformi elettorali.
Il-Lega Awami ta’ Sheikh Hasina ġiet ipprojbita u t-13-il elezzjoni nazzjonali tal-Bangladesh saret fi Frar 2026, l-ewwel waħda mir-rewwixta tal-2024. Il-Partit Nazzjonalista tal-Bangladesh ċentru-lemini, immexxi minn Tarique Rahman, rebaħ maġġoranza ta’ żewġ terzi, (212 minn 297 siġġu f’Jatiya Sangsad). L-Alleanza Jamaat-e-Islami mmexxija mill-Iżlamisti, li kienet tinkludi wkoll il-Partit Nazzjonali taċ-Ċittadini, s’issa rreġistrat l-aħjar prestazzjoni tagħha, u ħarġet bħala l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni u rebħet 77 siġġu. Tarique Rahman sussegwentement ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Ministru fi Frar 2026, ħatra meqjusa bħala żvolta mir-repressjoni u d-diżordni.
F’Jannar 2026, il-Missjoni ta’ Osservazzjoni Elettorali tal-UE fil-Bangladesh bagħtet 56 osservatur fit-tul, inkluża delegazzjoni magħmula minn seba’ Membri tal-PE. Huma nnotaw li l-elezzjonijiet kienu kredibbli u ġestiti b’mod kompetenti, u dan jimmarka pass kruċjali lejn ir-restawr tal-governanza demokratika u l-istat tad-dritt.
Minn Awwissu 2017, aktar minn 800,000 rifuġjat Rohingya ħarbu l-persekuzzjoni fil-Myanmar lejn il-Bangladesh. L-UE qed tissorvelja mill-qrib il-kriżi tar-rifuġjati Rohingya, u żburżat aktar minn nofs l-allokazzjonijiet miġbura wara l-Konferenza tad-Donaturi tan-NU f’Ottubru 2017 u fis-snin ta’ wara, prinċipalment biex tappoġġja r-rifuġjati Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati ta’ Cox’s Bazar. Il-Gvern tal-Bangladesh qed jipprova jirrimpatrija r-Rohingya, iżda r-ritorn tagħhom huwa mxekkel mill-kundizzjonijiet fil-Myanmar. F’Marzu 2025, l-UE nediet proġett ta’ EUR 2 miljun li għandu l-għan jassisti lil madwar 8,000 persuna milquta mir-rewwixta ta’ Lulju-Awwissu 2024 fil-Bangladesh. Il-proġett, iffinanzjat bis-sħiħ mill-UE, se jibqa’ għaddej sa Awwissu 2026. L-objettivi primarji tiegħu huma li jtejjeb is-saħħa fiżika u mentali tas-superstiti tal-vjolenza, jagħti spinta lir-reżiljenza ekonomika tagħhom u jippromwovi l-koeżjoni soċjali, jindirizza l-ħtiġijiet kritiċi identifikati kemm mill-Gvern tal-Bangladesh kif ukoll mill-UE.
Mill-2018, l-UE tat aktar minn EUR 219 biljun biex ittejjeb l-edukazzjoni primarja u l-edukazzjoni vokazzjonali u l-iskemi ta’ taħriġ fil-Bangladesh. L-UE għandha baġit ta’ appoġġ ta’ EUR 245 miljun fis-settur usa’ tal-edukazzjoni, b’EUR 6 miljun oħra allokati biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità u jipprovdu appoġġ tekniku. F’Lulju 2025, l-UE pprovdiet EUR 26 miljun biex ittejjeb is-sistema edukattiva tal-Bangladesh, filwaqt li appoġġjat ir-riformi li għaddejjin f’dawn iż-żewġ setturi.
L-UE pprovdiet ukoll EUR 23.5 miljun biex tappoġġja l-istrutturi tal-protezzjoni soċjali, filwaqt li ħeġġet aktar titjib fl-istrateġija nazzjonali tas-sigurtà soċjali tal-Bangladesh, li tappoġġja l-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-Bangladesh, speċjalment fis-settur tal-ħwejjeġ. Din l-istrateġija tifforma l-bażi biex tiġi indirizzata kwistjoni ta’ prijorità ewlenija ċentrali għall-iżvilupp ekonomiku inklużiv tal-pajjiż.
It-tmien IPM bejn l-UE u l-Bangladesh saret fi Brussell f’Diċembru 2022, b’diskussjonijiet li jkopru l-aħħar żviluppi fir-relazzjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u s-sitwazzjoni ġeostrateġika attwali.
Minn Novembru 2023 sa Jannar 2024, intbagħtet Missjoni ta’ Esperti tal-UE fil-Bangladesh.
F’Settembru 2023, il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh, b’mod partikolari l-każ ta’ Odhikar, waħda mill-organizzazzjonijiet ewlenin għad-drittijiet tal-bniedem li ilha aktar minn għaxar snin tħabbat wiċċha ma’ fastidju u kriminalizzazzjonijiet, fosthom it-tneħħija tagħha mir-reġistru bħala organizzazzjoni mhux governattiva.
F’Settembru tal-2025, is-Sottokumitat tal-Parlament Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem żar Dhaka u Cox’s Bazar. Il-membri ltaqgħu ma’ uffiċjali tal-gvern tal-Bangladesh, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali, u żaru l-kampijiet tar-rifuġjati Rohingya.
Is-Sri Lanka
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-Sri Lanka jmorru lura għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1975, li ġie aġġornat fl-1995 bi Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp.
Is-Sri Lanka ngħatat l-aċċess għall-UE għall-esportazzjonijiet tagħha fl-ambitu tal-SĠP+ f’Mejju 2017 bħala inċentiv għal riformi politiċi u konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-ħaddiema, il-protezzjoni ambjentali u governanza tajba. Il-Parlament qed isegwi mill-qrib il-progress tas-Sri Lanka f’termini ta’ konformità effettiva mal-kriterji tal-SĠP+. Il-prospettivi ta’ ġustizzja tranżizzjonali u rikonċiljazzjoni nazzjonali, żewġ kundizzjonijiet fundamentali għall-Parlament fir-rigward tal-eliġibbiltà tas-Sri Lanka biex tibbenefika mill-SĠP+, iddgħajfu b’mod sinifikanti. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-UE pprovdiet EUR 760 miljun f’għajnuna għall-iżvilupp lis-Sri Lanka.
Fl-2024, l-UE kienet it-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tas-Sri Lanka, fejn tammonta għal 13.4% tal-kummerċ totali ta’ merkanzija tas-Sri Lanka. Il-Grupp ta’ Ħidma UE-Sri Lanka dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika ltaqa’ fi Frar 2024 biex isaħħaħ aktar ir-rabtiet kummerċjali bilaterali, l-aċċess għas-suq u l-iżviluppi regolatorji, inkluż ir-Regolament tal-UE dwar id-Deforestazzjoni.
Is-26 laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u s-Sri Lanka seħħet fi Frar 2024 fi Brussell. L-UE laqgħet il-parteċipazzjoni attiva tas-Sri Lanka fit-tielet Forum Ministerjali Indo-Paċifiku tal-UE li sar ukoll fi Brussell fi Frar 2024. Il-Kummissjoni Konġunta ddiskutiet il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għas-Sri Lanka. F’allinjament mal-Istrateġija tal-UE għall-Indo-Paċifiku u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-UE u s-Sri Lanka qed jibbażaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq żewġ oqsma ta’ prijorità ewlenin: l-irkupru ekoloġiku u l-bini ta’ soċjetà inklużiva u paċifika. F’dan il-qafas strateġiku, l-UE allokat EUR 60 miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għas-sħubija tagħha mas-Sri Lanka għall-2021-2024, u EUR 32 miljun oħra għall-perjodu 2025-2027. Għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-oqsma ta’ prijorità, huwa kruċjali li l-istrateġija Global Gateway tal-UE tiffoka fuq l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli u li jiġu stabbiliti oqfsa legali biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt u titrawwem l-integrazzjoni biex tiġi promossa l-paċi.
Bejn l-1983 u l-2009, kien hemm gwerra ċivili fis-Sri Lanka bejn il-gvern iddominat mis-Sinhaliż u t-Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam. Gotabaya Rajapaksa rebaħ l-elezzjonijiet presidenzjali f’Novembru 2019 u ħatar lil ħuh, l-eks President Mahinda Rajapaksa, bħala l-Prim Ministru l-ġdid. F’Settembru 2020, ġie introdott l-20 abbozz ta’ liġi ta’ emenda kontroversjali, li jsaħħaħ is-setgħat eżekuttivi tal-President u jdgħajjef ir-rwoli tal-Prim Ministru u tal-Parlament.
Fl-2022, is-Sri Lanka esperjenzat l-agħar kriżi ekonomika li qatt kellha, li wasslet għal protesti mifruxa minħabba ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u n-nuqqas ta’ dawn tal-aħħar. Il-protesti, li bdew f’April 2022, talbu għar-riżenja tal-President Rajapaksa. Sa Lulju 2022, id-dimostranti kienu attakkaw ir-residenza tiegħu, u dan ġiegħlu jaħrab. Kemm il-President Gotabaya Rajapaksa kif ukoll il-Prim Ministru Mahinda Rajapaksa rriżenjaw. Ranil Wickremesinghe ħa l-presidenza f’Lulju 2022 u ħatar lil Dinesh Gunawardena bħala Prim Ministru.
Il-Poter Popolari Nazzjonali, immexxi mill-President Anura Kumara Dissanayake, kiseb rebħa storika fl-elezzjonijiet parlamentari ta’ Novembru 2024. Din ir-rebħa bla preċedent ippermettiet lill-Poter Popolari Nazzjonali jimplimenta riformi sostanzjali. Ir-rebħa tiegħu ffukat fuq l-indirizzar tal-kriżi ekonomika tal-pajjiż, b’wegħdiet ta’ riformi soċjali u kritika tal-miżuri ta’ awsterità appoġġjati mill-FMI. Ix-xena politika għadha ddominata minn tentattivi biex jinbeda proċess ta’ rikonċiljazzjoni u jitressqu l-qorti l-awturi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem matul il-gwerra ċivili.
Fl-2022, is-Sri Lanka esperjenzat l-ewwel inadempjenza tad-dejn tagħha u rrikorriet għand il-FMI għal stabbilizzazzjoni ekonomika. Kisbet self preliminari ta’ USD 2.9 biljun mill-FMI, li jiddependi mir-riformi fiskali u r-ristrutturar tad-dejn. Sal-2023, il-pajjiż kien laħaq ftehimiet mal-kredituri u kiseb faċilità ta’ fond estiża mill-FMI, fejn irċieva USD 670 miljun bħala parti minn programm ta’ erba’ snin ta’ USD 3 biljun. Appoġġ finanzjarju addizzjonali kien jinkludi USD 200 miljun mill-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp u USD 250 miljun mill-Bank Dinji.
F’April 2024, il-Gvern tas-Sri Lanka rrifjuta proposta mill-kredituri internazzjonali tiegħu dwar ir-ristrutturar ta’ aktar minn USD 12-il biljun, li potenzjalment jista’ jdewwem il-porzjon li jmiss ta’ flus għall-appoġġ tal-FMI tal-pajjiż. F’Marzu 2025, il-FMI approva porzjon addizzjonali b’valur ta’ USD 334 miljun fl-ambitu tal-programm ta’ USD 2.9 biljun, li jesprimi fiduċja fir-riformi mwettqa mill-pajjiż u t-trajettorja ta’ rkupru tiegħu.
Il-11-il IPM bejn l-UE u s-Sri Lanka saret bejn it-30 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru 2023 f’Colombo biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali u s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tas-Sri Lanka.
F’Ġunju 2021, il-Parlament għadda riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka, b’mod partikolari l-arresti f’applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu.
In-Nepal
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-Nepal imorru lura għall-1973 u huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u n-Nepal tal-1996. Bi kważi kwart tal-popolazzjoni tgħix b’anqas minn USD 2 kuljum, in-Nepal jiddependi minn għajnuna esterna għall-25% tal-baġit tiegħu. L-UE hija waħda mill-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp tan-Nepal. L-UE tenniet ukoll l-importanza li n-Nepal jieħu vantaġġ akbar mill-preferenzi kummerċjali mogħti fl-ambitu tal-iskema “Kollox Minbarra Armi” tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
L-UE bħalissa tappoġġja lin-Nepal fl-ambitu tal-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għan-Nepal, li jiddeskrivi tliet oqsma prijoritarji ta’ kooperazzjoni:
Dawn l-oqsma prijoritarji huma allinjati wkoll mal-istrateġiji globali tal-UE, bħall-istrateġija għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku, l-inizjattiva ta’ rkupru globali u l-pjan ta’ azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-azzjoni esterna 2021-2025. L-UE qed tappoġġja l-ekonomija tan-Nepal u d-domanda għax-xogħol, u b’hekk tistimola l-introjtu individwali f’pajjiż ikkaratterizzat minn inugwaljanzi serji bejn il-kasti superjuri u inferjuri, kif ukoll il-komunitajiet emarġinati bħall-Madhesi.
In-Nepal qed ikompli jagħmel progress lejn l-għan tiegħu li joħroġ mill-istatus ta’ LDC, bit-tranżizzjoni antiċipata mistennija sa’ Novembru 2026. Din il-bidla għandha implikazzjonijiet għar-relazzjonijiet kummerċjali tan-Nepal mal-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ arranġamenti kummerċjali preferenzjali.
Is-16-il laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn l-UE u n-Nepal saret fi Brussell f’Novembru 2025 biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali. L-UE u n-Nepal ivvalutaw l-iżviluppi reċenti fil-ħarsien tal-proċessi u tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u enfasizzaw l-importanza tas-soċjetà ċivili u tal-media fit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-governanza tajba. L-UE ferħet lin-Nepal għall-pożizzjoni tiegħu dwar it-tibdil fil-klima u l-għan ambizzjuż tiegħu li jsir żero nett sal-2045 u faħħret il-progress tiegħu fil-parteċipazzjoni inklużiva u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, inkluż fil-kuntest tal-azzjoni ewlenija tal-UE “Empowered Women, Prosperous Nepal”.
Il-Forum tan-Negozju tal-2024 bejn l-UE u n-Nepal, li sar f’Kathmandu f’Mejju 2024, laqqa’ flimkien lin-negozji tan-Nepal u dawk Ewropej biex jesploraw opportunitajiet ta’ investiment u jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali, b’enfasi fuq setturi ewlenin bħall-enerġija rinnovabbli, l-agrikoltura u t-turiżmu.
Il-politika domestika tan-Nepal baqgħet instabbli ħafna mill-2023, inkluż rewwixta politika kbira fl-2025.
F’Marzu 2025, dimostrazzjonijiet favur il-monarkija f’Kathmandu wasslu għal ġlied fejn inqatlu żewġ persuni u ħafna oħrajn indarbu, u dan jirrifletti wkoll skuntentizza pubblika aktar profonda bis-sistema politika repubblikana u instabbiltà persistenti fil-pajjiż. Atturi esterni bħaċ-Ċina u l-Indja qed jikkompetu biex jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fil-pajjiż.
Faqqgħu protesti tal-massa fil-pajjiż f’Settembru 2025, xprunati mill-attiviżmu taż-żgħażagħ kontra l-korruzzjoni, il-projbizzjonijiet fuq il-media soċjali u l-fallimenti fil-governanza, li wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru KP Sharma Oli f’Settembru 2025 u x-xoljiment tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Sushila Karki konsegwentement inħatret Prim Ministru interim, inkarigata mir-restawr tal-istabbiltà politika u s-sorveljanza tal-elezzjonijiet ġenerali, li saru f’Marzu 2026.
F’Marzu 2026 saru elezzjonijiet ġenerali bikrija. Il-partit Rastriya Swatantra mmexxi minn Balendra Shah, u xprunat minn moviment b’saħħtu ta’ attivisti żgħażagħ Gen Z, rebaħ 182 siġġu minn 275, u kiseb maġġoranza għall-ewwel darba mill-1999. Balendra Shah ħa l-kariga ta’ Prim Ministru fis-27 ta’ Marzu 2026. Il-Gvern Nepaliż ma pprovdiex ġustizzja tranżitorja lill-vittmi tal-gwerra ċivili (1996-2006), u dan ippermetta li tippersisti kultura ta’ impunità. Il-Kummissjoni għall-Verità u r-Rikonċiljazzjoni, stabbilita fl-2014, ma kinitx effettiva fl-indirizzar ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u l-vjolenza sesswali. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ta’ Investigazzjoni dwar il-Vittmi tal-Għajbien Furzat, li nħolqot fl-istess sena biex tinvestiga l-każijiet ta’ għajbien matul il-kunflitt, sabet diffikultajiet biex twettaq il-mandat tagħha. F’April 2020, il-Qorti Suprema appellat għal bidliet fil-mandat tal-Kummissjoni ta’ Investigazzjoni biex tiġi evitata l-impunità, rakkomandazzjoni appoġġjata mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Madankollu, abbozz ta’ liġi propost fl-2022 naqas milli jissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, u abbozz ta’ liġi ġdid introdott f’Marzu 2023 ġie kkritikat talli ma ffaċilitax il-prosekuzzjoni tal-awturi.
Id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel żaret in-Nepal f’Settembru 2022 biex tivvaluta r-relazzjonijiet tan-Nepal mal-UE, id-donatur ewlieni tal-kooperazzjoni. Peress li n-Nepal jista’ joħroġ mill-istatus ta’ LDC sal-aħħar tal-2026, il-Parlament jilqa’ l-fatt li n-Nepal diġà rratifika l-biċċa l-kbira tas-27 konvenzjoni ewlenija meħtieġa biex japplika għall-SĠP+.
Il-Bhutan
Iżolat mill-bqija tad-dinja għal sekli sħaħ, il-Bhutan qed jadatta għall-globalizzazzjoni u qed isaħħaħ l-ekonomija tiegħu filwaqt li fl-istess ħin qed jippreżerva t-tradizzjonijiet antiki tiegħu. Għamel tranżizzjoni paċifika lejn demokrazija parlamentari skont il-Kostituzzjoni adottata fl-2008, u ggarantixxa s-separazzjoni tas-setgħat fl-ambitu ta’ monarkija kostituzzjonali. L-UE tappoġġja l-awtonomija sħiħa tal-Bhutan mill-ġirien b’saħħithom tiegħu – l-Indja u ċ-Ċina – u tibqa’ konvinta li l-pajjiż għandu jkun jista’ jifformula l-politika ta’ sigurtà u barranija tiegħu stess, filwaqt li tirrikonoxxi t-tħassib kontinwu dwar it-telf tas-sovranità minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-Bhutan.
L-UE kellha preżenza qawwija fil-Bhutan sa mill-1982 u ħadmet biex tnaqqas il-faqar, tippromwovi d-demokrazija u l-governanza tajba u tappoġġja l-agrikoltura sostenibbli u r-riżorsi naturali rinnovabbli. F’Mejju 2018, tnieda Proġett ġdid ta’ Appoġġ Kummerċjali bejn l-UE u l-Bhutan bl-għan li jtejjeb iż-żieda fil-valur, ir-rabtiet tas-suq u l-qafas regolatorju tal-kummerċ u l-investiment.
L-UE tappoġġja l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-Bhutan u tagħti lill-Bhutan aċċess preferenzjali akbar għas-swieq tal-UE fl-ambitu tal-SĠP+ dment li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. L-UE tilqa’ l-azzjonijiet tal-pajjiż Ħimalajan biex jiżgura żvilupp sostenibbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tinnota li l-Bhutan ħa passi sinifikanti biex jipproteġi d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa u jrawwem l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. B’mod partikolari, il-Parlament Bhutaniż iddekriminalizza l-omosesswalità f’Diċembru 2020.
Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għall-Bhutan jiffoka fuq it-tibdil fil-klima, il-governanza u t-tranżizzjoni diġitali, fejn ġew allokati EUR 31 miljun għall-2021-2024. L-UE u l-Bhutan iffirmaw ftehim qafas mal-BEI biex jipprovdi finanzjament konċessjonali għal proġetti ta’ żvilupp. F’Marzu 2023, il-BEI appoġġja l-azzjoni klimatika u l-isforzi ta’ investiment fl-enerġija rinnovabbli fil-Bhutan, filwaqt li f’April 2024, iffirma qafas ta’ self sa EUR 150 miljun biex jiffinanzja impjanti tal-enerġija solari u investimenti żgħar tal-enerġija idroelettrika fil-Bhutan.
It-13-il Konsultazzjoni Annwali bejn l-UE u l-Bhutan saret f’Thimphu f’April 2025. Is-suġġetti ewlenin diskussi kienu jinkludu l-ħruġ reċenti tal-Bhutan mill-istatus ta’ LDC, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Pjan ta’ Ħames Snin tal-Bhutan, u l-prijoritajiet taħt il-programm indikattiv pluriennali 2021–2027. L-UE faħħret lill-Bhutan talli rratifikat l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra.
Fir-rigward tal-kummerċ, il-Bhutan se jżomm aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwota għas-suq tal-UE fl-ambitu tal-inizjattiva tal-EBA sal-2028, bi tħejjijiet meħtieġa għat-tranżizzjoni barra mis-sistema. L-UE offriet ukoll li taqsam l-għarfien espert tagħha mal-Bhutan dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi.
L-40 anniversarju tas-sħubija bejn l-UE u l-Bhutan sar f’Jannar 2025 fi Brussell, bl-attendenza tal-Prim Ministru tal-Bhutan Tshering Tobgay. Matul iż-żjara, il-Kummissjoni wegħdet pakkett addizzjonali ta’ appoġġ ta’ EUR 17-il miljun għall-Bhutan, imfassal biex isaħħaħ il-governanza tajba u jaġevola t-tranżizzjoni diġitali tal-pajjiż, filwaqt li jrawwem żvilupp inklużiv u sostenibbli.
Il-Bhutan, monarkija impenjata li ssaħħaħ id-demokrazija, ħoloq identità nazzjonali distinta bbażata fuq il-preżervazzjoni tar-reliġjon, il-kultura u l-ambjent tagħha. Il-pajjiż juża l-indiċi tal-Kuntentizza Nazzjonali Gross (GNH), ibbażat fuq il-valuri Buddisti, biex jivvaluta kemm it-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-benesseri taċ-ċittadini tiegħu. Il-GNH, stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-2008 tal-Bhutan u rikonoxxut min-NU fl-2011, ikopri oqsma bħas-saħħa mentali, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u s-sostenibbiltà ambjentali. Il-politiki ambjentali tal-Bhutan huma ffukati fuq is-salvagwardja tal-bijodiversità tiegħu, li hija mhedda mit-tibdil fil-klima, filwaqt li jipprevjenu l-ħsara ekoloġika f’konformità mal-prinċipji tal-GNH. Fis-summit tan-NU dwar it-tibdil fil-klima tal-COP29 li sar f’Novembru 2024 f’Baku, il-Bhutan ikkoofinanzja l-koalizzjoni G-ZERO flimkien ma’ Madagascar, mal-Panama u mas-Suriname. Din l-inizjattiva tgħaqqad pajjiżi li kisbu status negattiv għall-karbonju jew newtrali għall-karbonju, bl-għan li turi li l-ibbilanċjar tat-tkabbir ekonomiku mas-sostenibbiltà ambjentali huwa kemm possibbli kif ukoll essenzjali.
L-aħħar elezzjonijiet tal-Bhutan saru fl-2024, bil-Partit Demokratiku tal-Poplu, immexxi minn Tshering Tobgay, jirbaħ 30 siġġu minn 47 fl-Assemblea Nazzjonali.
Id-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel żaret il-Bhutan f’Settembru 2022 biex tivvaluta l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-pajjiż, peress li kien se joħroġ mill-istatus ta’ pajjiż l-anqas żviluppat f’Diċembru 2023.
Fi Frar 2025, il-Prim Ministru Tshering Tobgay żar il-Parlament Ewropew u ltaqa’ mal-Viċi President Christel Schaldemose u mad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Asja t’Isfel. Tobgay ippreżenta l-Gelephu Mindfulness City, proġett ta’ żvilupp urban nazzjonali li jiffavorixxi l-ambjent li jkopri aktar minn 2,500 kilometru kwadru qrib il-fruntiera Indjana, bl-għan li jattira l-investiment u joħloq l-impjiegi, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà.
Il-Maldivi
Il-Maldivi ffirmaw il-Ftehim ta’ Samoa f’Lulju 2024, u b’hekk ifformalizzaw ir-relazzjoni tagħhom mal-UE. Dan il-ftehim jaġixxi bħala l-qafas legali ġenerali bejn iż-żewġ sħab. L-UE tipprovdi appoġġ għall-kooperazzjoni għall-komunitajiet rurali, it-turiżmu u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. F’Lulju 2018, il-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE adotta qafas għal miżuri restrittivi mmirati kontra persuni u entitajiet responsabbli li dgħajfu l-istat tad-dritt jew li ostakolaw soluzzjoni politika inklużiva fil-Maldivi kif ukoll dawk responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem.
F’April 2021, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Maldivi, stadju importanti fir-relazzjonijiet bilaterali. F’Lulju 2024, il-Maldivi ffirmaw ftehim ta’ sħubija mal-UE, iżda mhux bħala Ftehim bilaterali ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Maldivi, iżda bħala ftehim bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Il-Ftehim iservi bħala qafas għar-relazzjoni bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku għall-20 sena li ġejjin, u b’hekk isaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-isfidi globali. L-UE u l-Maldivi jikkooperaw f’diversi setturi, inklużi r-riformi demokratiċi, it-tranżizzjoni ekoloġika, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà.
Fi Frar 2026, sar l-ewwel Djalogu ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Maldivi fil-Maldivi, li jibni fuq il-Laqgħa annwali tal-Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Maldivi. Dan id-djalogu ta’ livell għoli serva biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar il-governanza demokratika, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà, l-espansjoni tal-kummerċ bilaterali, ir-reżiljenza għall-klima, is-sajd u l-azzjoni klimatika. Matul dan id-djalogu, ir-rappreżentanti tal-UE u tal-Maldivi wiegħdu li jiffinalizzaw il-ftehim dwar il-proġett bit-titolu “Protezzjoni u Riabilitazzjoni tal-Mangrovji fil-Maldivi fil-livell lokali” fl-ambitu tal-Programm ta’ Azzjoni Annwali għall-Maldivi. Ladarba jiġi ffinalizzat, l-UE se tirrilaxxa EUR 4 miljun addizzjonali f’assistenza għall-isforzi ta’ konservazzjoni tal-mangrovji. Fl-2011, il-Maldivi ħarġu mill-istatus ta’ LDC u kisbu l-istatus ta’ introjtu medju-superjuri fl-2013. L-ekonomija hija bbażata l-aktar fuq it-turiżmu u s-sajd. F’pajjiż fejn it-turiżmu jammonta għal 70% tal-PDG, l-ekonomija tal-Maldivi kienet intlaqtet b’mod gravi mill-pandemija tal-COVID-19. F’Awwissu 2021, l-UE qablet li tipprovdi EUR 2 miljun f’għajnuna b’xejn għall-iżvilupp tas-settur tal-alloġġi għat-turiżmu mmexxija minn familji u dak tal-kruċieri fil-Maldivi skont il-proġett “EU Support for a Resilient Recovery of SME Tourism Industry in the Maldives” (Appoġġ tal-UE għal irkupru reżiljenti tal-industrija tat-turiżmu tal-SMEs fil-Maldivi). Il-programm indikattiv pluriennali 2021-2027 għall-Maldivi jiffoka fuq żewġ oqsma prijoritarji fil-Maldivi: it-trawwim ta’ rkupru ekonomiku ekoloġiku, u t-tisħiħ tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt u s-sigurtà. Għall-2021-2024, l-UE ddedikat EUR 12-il miljun f’għotjiet ta’ finanzjament għas-sħubijiet tagħha mal-Maldivi.
It-tibdil fil-klima, li l-effetti tiegħu jinkludu ż-żieda fil-livelli tal-baħar u l-erożjoni kostali, joħloq sfidi serji għall-Maldivi. B’rispons għal dan, il-parlament tal-pajjiż qed jippjana li jimplimenta l-ewwel Att tiegħu dwar il-Klima biex inaqqas it-tniġġis u jipproteġi l-ambjent. Il-livelli tal-baħar f’Malé għolew bi kważi 4 mm fis-sena matul l-aħħar 20 sena, bi projezzjonijiet ta’ żieda ta’ 40-50 cm sal-2100. Dan jista’ jwassal għal problemi ta’ erożjoni, għargħar u salinità tal-bajjiet, li jaffettwaw 80% tal-popolazzjoni kostali u li joħolqu theddida eżistenzjali għan-nazzjon. L-UE tappoġġja l-proġetti ta’ adattament għat-tibdil fil-klima tal-Maldivi skont il-Ftehim ta’ Pariġi u objettivi usa’ ta’ żvilupp sostenibbli.
Il-Maldivi jbatu minn livelli ta’ qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, vjolenza minn gruppi organizzati u dipendenza mid-droga. F’Settembru 2023, Mohamed Muizzu rebaħ l-elezzjoni presidenzjali fil-Maldivi wara t-tieni sessjoni ta’ elezzjonijiet kontra Ibrahim Mohamed Solih li kien fil-kariga. Il-President Muizzu ġeneralment jitqies li huwa aktar riċettiv għall-interessi taċ-Ċina fil-pajjiż meta mqabbla ma’ dawk tal-Indja. L-elezzjonijiet parlamentari saru fil-Maldivi f’April 2024, u l-partit tal-Kungress Popolari Nazzjonali, pro-Ċina, tal-President Mohamed Muizzu rebaħ 70 siġġu minn 93. Sadanittant, il-Partit Demokratiku Maldivjan, pro-Indja, kiseb 15-il siġġu.
Jorge SOUTULLO SANCHEZ / Cristina Stanculescu / Filipe ALCOBIA de MORAES