Il-Parlament Ewropew: proċeduri elettorali

Din l-iskeda informattiva tispjega r-regoli għall-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew (Membri tal-PE). Dawn huma stabbiliti kemm mil-liġijiet tal-UE, li japplikaw għall-Istati Membri kollha, kif ukoll mil-liġijiet nazzjonali, li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor. Din l-iskeda informattiva tkopri l-qafas legali li jirregola r-regoli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kemm ir-regoli tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali li jkopru l-proċeduri involuti, kif ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 14 jistabbilixxi li l-Parlament Ewropew għandu s-setgħa li jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, u funzjonijiet rigward il-kontroll politiku u l-konsultazzjoni, u li jeleġġi l-president tal-Kummissjoni Ewropea. Jistabbilixxi wkoll il-limitu tat-terminu għall-Membri tal-PE, il-limiti minimi u massimi għall-għadd ta’ Membri tal-PE għal kull pajjiż tal-UE, u l-għadd massimu ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew.
  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 20 jistabbilixxi d-dritt għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE li jkollhom ċittadinanza tal-UE, kif ukoll jelenka d-drittijiet ewlenin taċ-ċittadini; l-Artikolu 22 jagħti liċ-ċittadini tal-UE d-dritt li jivvutaw u li joħorġu għall-elezzjonijiet; u l-Artikolu 223 jistabbilixxi r-regoli għall-elezzjoni tal-Membri tal-PE u għad-dmirijiet u l-istatus tagħhom.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: l-Artikolu 39 jiggarantixxi wkoll id-dritt ta’ kull ċittadin tal-UE li jivvota jew li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
  • L-Att dwar l-elezzjoni diretta tar-rappreżentanti għall-Parlament Ewropew tal-1976, emendat b’Deċiżjoni fl-2002 (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE), li pprovda mandat għal rappreżentanza proporzjonali.
  • Ir-regoli komuni

    Ir-regoli komuni jistabbilixxu l-prinċipju ta’ rappreżentanza proporzjonali, jiddefinixxu l-limiti elettorali u jispeċifikaw attivitajiet li huma inkompatibbli mal-kariga ta’ Membru tal-PE. Madankollu, dettalji importanti oħra, bħal pereżempju s-sistema elettorali speċifika u l-għadd ta’ kostitwenzi, huma deċiżi mil-liġijiet nazzjonali.

    A. Il-prinċipji

    It-Trattati fundaturi (1.1.1) iddikjaraw li l-Membri tal-PE għall-bidu jinħatru mill-parlamenti nazzjonali, iżda pprevedew li maż-żmien jiġu eletti b’vot universali dirett. Din id-dispożizzjoni ġiet implimentata mill-Kunsill qabel l-ewwel elezzjonijiet diretti tal-1979 permezz tal-Att tal-20 ta’ Settembru 1976 li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett (l-Att Elettorali tal-1976). Dan it-test biddel b’mod profond il-pożizzjoni istituzzjonali tal-Parlament Ewropew, u kien id-dokument fundatur ta’ Unjoni Ewropea aktar demokratika.

    Fl-1992, it-Trattat ta’ Maastricht (1.1.3) ippreveda li l-elezzjonijiet kellhom isiru f’konformità ma’ proċedura uniformi u li l-Parlament Ewropew kellu jfassal proposta għal dan il-għan, liema proposta kellha titressaq għal adozzjoni unanima mill-Kunsill. Madankollu, peress li l-Kunsill ma seta’ jaqbel dwar l-ebda waħda mill-proposti, it-Trattat ta’ Amsterdam introduċa l-possibbiltà li jiġu adottati “prinċipji komuni”. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta’ Ġunju u tat-23 ta’ Settembru 2002 immodifikat b’mod konsegwenti l-Att Elettorali tal-1976, u introduċiet il-prinċipju tar-rappreżentanza proporzjonali kif ukoll għadd ta’ inkompatibbiltajiet bejn il-mandati nazzjonali u dawk Ewropej.

    L-aħħar emendi għall-Att Elettorali tal-1976 ġew adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta’ Lulju 2018, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ metodi differenti ta’ votazzjoni (votazzjoni minn qabel, votazzjoni elettronika, bl-internet u bil-posta); dwar il-limiti; dwar il-protezzjoni tad-data personali; dwar il-penalizzazzjoni tal-“votazzjoni doppja” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; dwar il-votazzjoni f’pajjiżi mhux tal-UE; u dwar il-possibbiltà li l-partiti politiċi Ewropej ikunu jidhru fuq il-karti tal-vot. Madankollu, din id-Deċiżjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ, peress li Spanja għadha ma rratifikathiex. Għalhekk dawn il-bidliet mhumiex applikabbli.

    Permezz tat-Trattat ta’ Liżbona (1.1.5), id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura kisbu status ta’ dritt fundamentali (l-Artikolu 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

    B. L-applikazzjoni: id-dispożizzjonijiet komuni fis-seħħ

    1. Id-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura ta’ persuni li mhumiex ċittadini

    Skont l-Artikolu 22(2) tat-TFUE, “kull ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza, ikollu d-dritt li jivvota u li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi”. L-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ġew adottati fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE, kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/1/UE. Bħalissa għaddejja proċedura għar-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli fis-17 ta’ Ġunju 2025.

    2. Is-sistema elettorali

    Skont l-Att Elettorali emendat tal-1976, l-elezzjonijiet Ewropej iridu jkunu bbażati fuq rappreżentanza proporzjonali u jużaw jew is-sistema ta’ listi jew inkella s-sistema ta’ vot uniku trasferibbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jawtorizzaw votazzjoni bbażata fuq sistema ta’ listi ta’ preferenza.

    Minbarra l-limitu minimu volontarju għall-allokazzjoni ta’ siġġijiet sa 5% tal-voti validi mitfugħa fil-livell nazzjonali, l-emendi reċenti għall-Att Elettorali tal-1976, adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994, stabbilew limitu minimu obbligatorju ta’ bejn 2% u 5% għall-kostitwenzi (inklużi Stati Membri b’kostitwenza unika) b’aktar minn 35 siġġu fl-Istati Membri fejn tintuża s-sistema ta’ listi. Madankollu, din id-Deċiżjoni tal-Kunsill għadha ma daħlitx fis-seħħ.

    Kieku d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2018 kellha tiġi ratifikata mill-Istati Membri kollha, l-Istati Membri li jippermettu votazzjoni minn qabel, votazzjoni bil-posta u votazzjoni elettronika u bl-internet ikollhom jiggarantixxu, b’mod partikolari, l-affidabbiltà tar-riżultat, is-segretezza tal-vot u l-protezzjoni tad-data personali.

    3. L-inkompatibbiltajiet

    Skont l-Artikolu 7 tal-Att Elettorali tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom, il-kariga ta’ Membru tal-Parlament Ewropew mhijiex kompatibbli ma’ dik ta’ membru tal-gvern ta’ Stat Membru, membru tal-Kummissjoni, imħallef, avukat ġenerali jew reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, membru tal-Qorti tal-Awdituri, membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, membru ta’ kumitati jew korpi oħra stabbiliti skont it-Trattati bl-iskop li jamministraw il-fondi tal-Unjoni jew li jwettqu xi kompitu amministrattiv dirett u permanenti, membru tal-Bord tad-Diretturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija jew tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u uffiċjal jew impjegat attiv tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-korpi speċjalizzati affiljati magħhom. Għad fadal aktar inkompatibbiltajiet għall-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (li żdiedu fl-1997); għall-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew, għall-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea u, l-aktar importanti, għall-membri ta’ parlament nazzjonali (li żdiedu fl-2002).

    L-arranġamenti soġġetti għal dispożizzjonijiet nazzjonali

    Minbarra dawn ir-regoli komuni, il-liġijiet nazzjonali jirregolaw ukoll l-arranġamenti elettorali, li jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti, b’tali mod li s-sistema ġenerali tista’ tiġi deskritta bħala sistema elettorali polimorfika, jiġifieri sistema li tikkonsisti minn diversi regoli jew forom li jvarjaw aktar milli proċedura unika u uniformi.

    A. Is-sistema elettorali u l-limiti

    L-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jużaw sistema bbażata fuq rappreżentanza proporzjonali. Minbarra l-limitu volontarju għall-allokazzjoni ta’ siġġijiet sa 5% fil-livell nazzjonali, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 stabbiliet limitu minimu obbligatorju ta’ bejn 2% u 5% għall-kostitwenzi (inklużi Stati Membri b’kostitwenza unika) b’aktar minn 35 siġġu.

    Bħalissa, l-Istati Membri li ġejjin japplikaw limiti:

    • Franza, il-Belġju, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, iċ-Ċekja, ir-Rumanija, il-Kroazja, il-Latvja u l-Ungerija (5%);
    • l-Awstrija, l-Italja u l-Iżvezja (4%);
    • il-Greċja (3%); u
    • Ċipru (1.8%).
    • L-Istati Membri l-oħra ma japplikawx limiti, minkejja li l-Ġermanja ppruvat tagħmel dan. Madankollu, f’sentenza tal-2011 u f’sentenza tal-2014, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża ddikjarat li l-limiti eżistenti tal-pajjiż għall-elezzjonijiet tal-UE (li l-ewwel kienu ta’ 5% u mbagħad ta’ 3%) mhumiex kostituzzjonali. Din il-qorti ddikjarat f’sentenza tas-6 ta’ Frar 2024 li l-limitu li jiġi introdott fil-liġi Ġermaniża abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 ma jkunx antikostituzzjonali, u dan ippermetta li l-Ġermanja tirratifika dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

      B. Il-limiti tal-kostitwenzi

      Fl-elezzjonijiet Ewropej, il-maġġoranza tal-Istati Membri jiffunzjonaw bħala kostitwenzi uniċi. Madankollu, erba’ Stati Membri (il-Belġju, l-Irlanda, l-Italja u l-Polonja) qasmu t-territorju nazzjonali tagħhom f’għadd ta’ kostitwenzi reġjonali.

      C. Id-dritt li wieħed jivvota

      L-età tal-vot hi ta’ 18-il sena fil-maġġoranza tal-Istati Membri, ħlief fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Ġermanja u f’Malta, fejn hija ta’ 16-il sena, u fil-Greċja, fejn hija ta’ 17-il sena.

      F’erba’ Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Lussemburgu u l-Greċja) huwa obbligatorju li wieħed jivvota: u dan japplika kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-UE li jkunu reġistrati fil-pajjiż.

      1. Il-vot ta’ persuni li mhumiex ċittadini fil-pajjiż ospitanti tagħhom

      Iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini għandhom id-dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini (l-Artikolu 22 tat-TFUE). Madankollu, il-kunċett ta’ residenza għadu jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Ċerti pajjiżi jirrikjedu li l-votanti jkollhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju elettorali (pereżempju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja), li normalment ikunu residenti hemmhekk (pereżempju, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, is-Slovakkja u l-Iżvezja) jew li jkunu elenkati fir-reġistru tal-popolazzjoni (pereżempju, il-Belġju u ċ-Ċekja). F’ċerti pajjiżi (pereżempju, f’Ċipru), biex ikunu eliġibbli għall-vot, iċ-ċittadini tal-UE jeħtiġilhom ukoll jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ residenza. Fl-Istati Membri kollha, ċittadini minn pajjiżi oħra tal-UE huma mitluba jirreġistraw biex jivvutaw qabel jum l-elezzjoni. L-iskadenzi għar-reġistrazzjoni jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor.

      2. Il-vot ta’ ċittadini li ma jkunux residenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

      Kważi l-Istati Membri kollha jippermettu l-possibbiltà ta’ votazzjoni minn barra l-pajjiż fl-elezzjonijiet Ewropej. F’ċerti Stati Membri, il-votanti huma meħtieġa jirreġistraw mal-awtoritajiet elettorali nazzjonali tagħhom sabiex ikunu eliġibbli biex jivvutaw minn barra l-pajjiż bil-posta jew f’ambaxxata jew f’konsulat. Fi Stati Membri oħra, il-voti bil-posta jistgħu jsiru f’ambaxxati jew f’konsulati. F’xi Stati Membri, id-dritt tal-vot barra mill-pajjiż jingħata biss lil ċittadini li jgħixu fi Stat Membru ieħor (pereżempju, fil-Bulgarija u fl-Italja). Barra minn dan, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jagħmlu arranġamenti speċjali għad-diplomati u għal persunal militari stazzjonati barra l-pajjiż.

      Il-fatt li xi persuni li mhumiex ċittadini jistgħu jivvutaw kemm fil-pajjiż ospitanti tagħhom kif ukoll bħala ċittadini fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jista’ jagħti lok għal abbużi, partikolarment il-votazzjoni doppja li hija reat kriminali f’xi Stati Membri. F’dan ir-rigward, l-emendi reċenti għall-Att Elettorali tal-1976, adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994, jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw li l-votazzjoni doppja fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tkun soġġetta għal penali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

      D. Id-dritt ta’ kandidatura

      Id-dritt ta’ kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor ta’ residenza huwa wkoll applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ċittadini u persuni li mhumiex ċittadini u korollarju tad-dritt li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi liberament fl-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe persuna li tkun ċittadin tal-Unjoni u li ma tkunx ċittadin tal-Istat Membru ta’ residenza tagħha, iżda tissodisfa l-istess kundizzjonijiet fir-rigward tad-dritt li toħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet kif dak l-Istat jimponi bil-liġi fuq iċ-ċittadini tiegħu, għandha d-dritt li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru ta’ residenza minbarra f’każ li tiġi mċaħħda minn dawn id-drittijiet (l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE). Il-Kumitat AFCO tal-Parlament Ewropew adotta r-rapport tiegħu f’Mejju 2025 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal riformulazzjoni ta’ din id-Direttiva biex jittejbu d-drittijiet tal-vot taċ-ċittadini mobbli.

      Minbarra r-rekwiżit ta’ ċittadinanza ta’ Stat Membru, li huwa komuni għall-Istati Membri kollha, il-kundizzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. L-ebda persuna ma tista’ toħroġ bħala kandidat f’aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess elezzjoni (l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE). L-età minima biex wieħed joħroġ għall-elezzjonijiet hija ta’ 18-il sena fil-maġġoranza tal-Istati Membri, u l-eċċezzjonijiet huma l-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u s-Slovakkja (21), ir-Rumanija (23), u l-Italja u l-Greċja (25).

      E. In-nomini

      F’xi Stati Membri, il-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet politiċi biss jistgħu jippreżentaw nomini. Fi Stati Membri oħra, in-nomini jistgħu jiġu ppreżentati jekk jiġu approvati min-numru meħtieġ ta’ firem jew eletturi, u f’xi każijiet ikun meħtieġ ukoll depożitu.

      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2023/2061 tat-22 ta’ Settembru 2023 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew tistabbilixxi kif is-siġġijiet fil-Parlament previsti fl-Artikolu 14(2) tat-TUE għandhom jiġu allokati, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva”, fejn nazzjonijiet akbar tal-UE għandhom aktar siġġijiet, iżda nazzjonijiet iżgħar għandhom aktar siġġijiet meta mqabbla mad-daqs tal-popolazzjoni tagħhom. (1.3.3).

      F. Id-dati tal-elezzjonijiet

      Skont l-Artikoli 10 u 11 tal-Att Elettorali tal-1976, kif emendati, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew isiru fl-istess perjodu li jibda nhar ta’ Ħamis filgħodu u jispiċċa l-Ħadd ta’ wara; il-ġurnata u l-ħinijiet eżatti huma stabbiliti minn kull Stat Membru. Fl-1976, kien il-Kunsill, li aġixxa unanimament wara li kkonsulta lill-Parlament Ewropew, li ddetermina l-perjodu elettorali għall-ewwel elezzjonijiet fl-1979. L-elezzjonijiet sussegwenti wara l-1979 seħħew fil-perjodu korrispondenti matul l-aħħar sena tal-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Att Elettorali (1.3.1).

      Rigward l-elezzjonijiet tal-2014, il-Kunsill, bid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2013, mexxa d-dati, li oriġinarjament kienu stabbiliti għal Ġunju, għall-perjodu mit-22 sal-25 ta’ Mejju, sabiex jevita li jaħbtu mal-vaganzi ta’ Għid il-Ħamsin, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 11 li ġejja: “Jekk jirriżulta impossibbli li jsiru l-elezzjonijiet … f’dak il-perjodu, il-Kunsill filwaqt li jaġixxi b’unanimità għandu, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jiddetermina, tal-anqas sena qabel it-tmiem il-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 5, perjodu elettorali ieħor li m’għandux ikun iktar minn xahrejn qabel jew xahar wara l-perjodu stabbilit skont is-subparagrafu preċedenti”. L-elezzjonijiet sussegwenti għandhom isiru fil-perjodu korrispondenti fl-aħħar sena tal-perjodu ta’ ħames snin (l-Artikolu 11 tal-Att tal-1976). Għaldaqstant, l-elezzjonijiet tal-2019 saru bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju. L-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew tal-2024 saru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju.

      G. L-għażliet tal-votanti li jibdlu l-ordni tal-kandidati fil-listi tal-partiti

      Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-votanti jistgħu jitfgħu voti ta’ preferenza biex ibiddlu l-ordni tal-ismijiet fil-lista ta’ partit. Madankollu, f’sitt pajjiżi – il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Portugall, l-Ungerija u r-Rumanija – il-listi huma magħluqa (ma jkunx hemm vot ta’ preferenza), u għalhekk il-votanti jagħżlu lista ta’ partit kollha kemm hi. F’Malta u fl-Irlanda, ma hemm l-ebda lista fissa tal-partiti; il-votanti jelenkaw il-kandidati (kemm iridu) f’ordni ta’ preferenza (vot uniku trasferibbli).

      H. Il-mili ta’ siġġijiet li jsiru battala waqt il-leġiżlatura

      F’xi Stati Membri, is-siġġijiet li jsiru battala jiġu allokati lill-ewwel kandidati mhux eletti fuq l-istess lista (possibbilment wara aġġustament biex jiġu riflessi l-voti li jkunu ġabu l-kandidati, f’dawk il-pajjiżi fejn il-votanti jistgħu jimmarkaw l-ordni tal-kandidati). Fi Stati Membri oħrajn, is-siġġijiet battala jiġu allokati lil sostituti u jekk ma jkunx hemm sostituti, l-ordni tal-kandidati fuq il-listi jkun il-kriterju deċiżiv. F’xi Stati Membri oħrajn, il-Membri tal-PE għandhom id-dritt jirritornaw il-Parlament Ewropew ladarba r-raġuni għat-tluq tagħhom ma tkunx għadha tapplika.

      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

      Sa mis-sittinijiet, il-Parlament kemm-il darba semma fehmtu dwar kwistjonijiet ta’ liġi elettorali u ressaq proposti skont l-Artikolu 138 tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 223 tat-TFUE). In-nuqqas ta’ proċedura ġenwinament uniformi f’dak li jirrigwarda l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew juri kemm hu diffiċli li wieħed jarmonizza tradizzjonijiet nazzjonali differenti. L-għażla prevista fit-Trattat ta’ Amsterdam li jiġu adottati prinċipji komuni għamlitha possibbli li dawn id-diffikultajiet jingħelbu biss parzjalment. L-ambizzjoni stabbilita fl-Artikolu 223 tat-TFUE li tiġi adottata proċedura uniformi, li tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament Ewropew, għad trid tiġi ssodisfata. L-isforzi kontinwi tal-Parlament biex tiġi modernizzata u “Ewropeizzata” l-proċedura elettorali komuni wasslu għal proposta fl-1997 għal proċedura elettorali uniformi; is-sustanza tagħha ġiet inkorporata fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2002. Fil-11 ta’ Novembru 2015, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea. L-inizjattiva leġiżlattiva mill-Kumitat AFCO pproponiet emendi għall-Att Elettorali tal-1976 biex l-elezzjonijiet Ewropej isiru aktar demokratiċi u li jingħata xprun lill-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess elettorali. L-emendi proposti tal-Parlament ġew parzjalment aċċettati u inkorporati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2018/994 tat-13 ta’ Lulju 2018. Madankollu, il-Kunsill ma setax jaqbel mal-proposta tal-Parlament li tiġi stabbilita kostitwenza konġunta u li jinħatru kandidati ewlenin għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni.

      Wara r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2018 dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Parlament ivvota favur it-tnaqqis tan-numru ta’ siġġijiet tiegħu minn 751 għal 705 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u t-tqassim mill-ġdid ta’ wħud mis-siġġijiet li saru disponibbli bil-Brexit fost dawk il-pajjiżi tal-UE li huma kemxejn sottorappreżentati (1.3.3). Fit-13 ta’ Settembru 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li żżid l-għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet tal-2024 minn 705 għal 720.

      Fit-22 ta’ Novembru 2012, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014 li tħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej jinnominaw kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni matul l-elezzjonijiet tal-2014, sabiex tissaħħaħ il-leġittimità politika kemm tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni. Dawn l-arranġamenti ġew implimentati qabel l-elezzjonijiet tal-2014 u, għall-ewwel darba, kandidati ewlenin ħarġu għall-elezzjonijiet tal-2014. Fl-aħħar nett, b’riżultat tal-elezzjonijiet tal-2014, wieħed minn dawk il-kandidati, Jean-Claude Juncker, ġie elett bħala President tal-Kummissjoni mill-Parlament Ewropew, fit-22 ta’ Ottubru 2014. Fid-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament iddikjara li kien lest li jirrifjuta kwalunkwe kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea li ma jkunx nominat bħala kandidat ewlieni (“Spitzenkandidat”) ta’ partit politiku Ewropew qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019; madankollu, wara l-elezzjonijiet tal-2019, Ursula von der Leyen, li ma kinitx Spitzenkandidat, ġiet eletta President tal-Kummissjoni Ewropea. Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-plenarja tal-Parlament ivvutat dwar proposti li jemendaw it-Trattati, inkluża bidla radikali tal-mod kif tiġi eletta l-Kummissjoni.

      Fl-2003, ġiet stabbilita sistema ta’ finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej li tippermetti wkoll li jitwaqqfu fondazzjonijiet politiċi (1.3.3) fil-livell tal-UE. Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 ġie mħassar u sostitwit bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Fi sforz biex jiġi żgurat li l-flus pubbliċi jintużaw kif suppost fil-finanzjament tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, ir-Regolament tal-2014 ġie emendat permezz tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Mejju 2018, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Ġunju 2017 dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi fil-livell Ewropew. Fir-riżoluzzjoni, inġibdet l-attenzjoni għal nuqqasijiet fir-rigward tal-livell ta’ kofinanzjament u l-possibbiltà ta’ sħubija multipartitika tal-Membri tal-PE.

      Sabiex jiġi evitat l-użu illegali ta’ data personali, ġew adottati b’mod sussegwenti emendi għar-Regolament tal-2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ir-Regolament (UE, Euratom) 2019/493 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 rigward proċedura ta’ verifika relatata mal-ksur ta’ regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew).

      Riformulazzjoni tar-Regolament Nru 1141/2014 ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-2021, intiża biex tiffaċilita l-interazzjonijiet tal-partiti politiċi Ewropej mal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom, iżżid it-trasparenza, tnaqqas il-piżijiet amministrattivi eċċessivi u ttejjeb il-vijabbiltà finanzjarja tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Wara proċess twil ta’ negozjati mal-Kunsill, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-fajl fil-21 ta’ Ottubru u l-att finali ġie adottat fis-26 ta’ Novembru 2025.

      Barra minn hekk, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta’ Ġunju 2017 dwar il-pjattaformi online u s-suq uniku diġitali li fiha stieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà ta’ intervent leġiżlattiv biex jillimita t-tixrid tal-kontenut falz, f’April 2018, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titlu “L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew” u pproponiet Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni madwar l-UE, li ġie ffirmat minn tliet pjattaformi online, f’Settembru 2018. Il-pjan ta’ azzjoni kontra d-diżinformazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2018, fost miżuri oħra, iħeġġeġ lill-pjattaformi online jimplimentaw b’mod rapidu u effettiv l-impenji u jiffokaw fuq azzjonijiet li huma urġenti għall-elezzjonijiet Ewropej, inkluż l-eliminazzjoni ta’ profili foloz, is-sinjalazzjoni ta’ attività ta’ messaġġi minn “bots” u l-kooperazzjoni ma’ verifikaturi ta’ fatti u riċerkaturi biex jindividwalizzaw id-diżinformazzjoni u jrendu aktar viżibbli l-kontenut ivverifikat. Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni talbet lit-tliet pjattaformi firmatarji tal-kodiċi ta’ prattika jressqu rapport kull xahar dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex itejbu l-iskrutinju tat-tqegħid ta’ reklami, jiżguraw it-trasparenza tar-reklamar politiku u tematiku u jindirizzaw il-profili foloz u l-użu malizzjuż tal-bots.

      Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2020 dwar analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej, il-Parlament irrakkomanda li dawn li ġejjin jiġu eżaminati bil-ħsieb li jittejjeb il-proċess elettorali Ewropew, b’mod partikolari matul il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa:

      • metodi ġodda ta’ votazzjoni remota għaċ-ċittadini matul l-elezzjonijiet Ewropej f’ċirkostanzi speċifiċi jew eċċezzjonali;
      • regoli komuni ta’ ammissjoni għall-kandidati u regoli komuni dwar il-kampanji u l-finanzjament;
      • standards armonizzati għal drittijiet tal-vot passivi u attivi fl-Istati Membri kollha, inkluża riflessjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima tal-votanti fl-Istati Membri kollha għal 16-il sena;
      • dispożizzjonijiet dwar perjodi ta’ assenza għall-Membri tal-PE, pereżempju fil-każ ta’ liv tal-maternità, liv tal-ġenituri jew mard serju.
      • Il-Parlament stieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tagħhom li jgawdu mid-dritt li jivvutaw, inklużi ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu barra mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, il-persuni mingħajr dar u l-priġunieri li jingħataw dan id-dritt skont il-liġi nazzjonali, ikunu jistgħu jeżerċitawh.

        Il-Parlament saħħaħ l-appelli għal regoli elettorali armonizzati, trasparenza tal-kampanji diġitali, u salvagwardji kontra l-indħil barrani.

        Wara r-rapport tal-15 ta’ Ġunju 2023 mill-Kumitat ta’ Inkjesta biex jinvestiga l-użu tal-Pegasus u ta’ software ta’ spjunaġġ għas-sorveljanza ekwivalenti (il-Kumitat PEGA), il-Parlament adotta r-rakkomandazzjoni tiegħu wara investigazzjoni fl-allegat użu ta’ Pegasus, fejn stieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi task force speċjali, li tinvolvi l-kummissjonijiet elettorali nazzjonali, iddedikata għall-protezzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 fil-livell tal-Unjoni.

        Fit-12 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar proċessi elettorali inklużivi u reżiljenti fl-Unjoni u t-tisħiħ tan-natura Ewropea u t-tmexxija effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2023/2829). Fiha, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-partiti politiċi u lill-organizzazzjonijiet tal-kampanji jadottaw impenji fil-kampanji tagħhom u kodiċijiet ta’ kondotta fil-qasam tal-integrità elettorali u l-kampanji ekwi, li jkunu jinkludu pereżempju l-astensjoni minn imġiba manipulattiva li thedded jew li għandha l-potenzjal tħalli impatt negattiv fuq il-valuri, il-proċeduri u l-proċessi politiċi. Konsegwentement, fid-9 ta’ April 2024, il-partiti politiċi Ewropej kollha ffirmaw kodiċi ta’ kondotta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2024.

        Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2025 dwar ir-rendikont tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, il-Parlament ikkonkluda li d-demokrazija Ewropea tista’ tirnexxi biss dment li jissaħħu u jiġu difiżi l-proċessi demokratiċi u elettorali Ewropej. Huwa ssottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti filwaqt li tiġi protetta l-integrità tagħhom kemm kontra t-theddid intern kif ukoll kontra dak estern għad-demokrazija tal-UE. Il-Parlament enfasizza t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-influwenza ta’ xi pjattaformi tal-media soċjali għadhom mhux ikkontrollati. Barra minn hekk, issottolinja l-importanza kbira li jiġi infurzat il-qafas legali kollu attwalment fis-seħħ sabiex tiġi ssalvagwardjata l-integrità tal-proċess elettorali kollu.

        Ir-Riforma tal-Att Elettorali Ewropew

        Bil-pożizzjoni tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2022 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-PE b’vot universali dirett, il-Parlament nieda riforma tal-Att Elettorali Ewropew, li tfittex li tittrasforma s-27 elezzjoni separata u r-regoli diverġenti tagħhom f’elezzjoni Ewropea unika bi standards minimi komuni. Id-diskussjonijiet tal-Kunsill dwar il-proposta tal-Parlament tal-2022 għadhom għaddejjin, b’appoġġ emerġenti għal standards minimi dwar iċ-ċibersigurtà, it-trasparenza tal-kampanji, u listi tranżnazzjonali futuri possibbli għall-2029.

        Bis-sistema proposta tal-Parlament, kull votant ikollu żewġ voti: wieħed biex jeleġġi Membri tal-PE fil-kostitwenzi nazzjonali, u ieħor f’kostitwenza tal-UE kollha ta’ 28 siġġu addizzjonali. Biex tiġi garantita rappreżentanza ġeografika bilanċjata f’dawn il-listi, l-Istati Membri jinqasmu fi tliet gruppi skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom. Il-listi jimtlew proporzjonalment bil-kandidati meħuda minn dawk il-gruppi. Listi ta’ kandidati għall-UE kollha jiġu sottomessi mill-entitajiet elettorali Ewropej, bħall-koalizzjonijiet tal-partiti politiċi nazzjonali u/jew assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-votanti jew tal-partiti politiċi Ewropej.

        Proposti oħra jinkludu:

        • id-9 ta’ Mejju bħala l-jum ta’ votazzjoni komuni Ewropew;
        • id-dritt li l-Ewropej kollha ta’ 18-il sena jew aktar joħorġu għall-elezzjoni;
        • limitu elettorali obbligatorju ta’ mill-anqas 3.5% għall-kostitwenzi kbar ta’ 60 siġġu jew aktar;
        • aċċess ugwali għall-elezzjonijiet għaċ-ċittadini kollha, inklużi dawk b’diżabbiltà, u l-opportunità tal-votazzjoni bil-posta;
        • ugwaljanza bejn il-ġeneri obbligatorja permezz ta’ “listi zipped” jew kwoti;
        • id-dritt li ċ-ċittadini jivvutaw għall-President tal-Kummissjoni f’sistema ta’ kandidat ewlieni (Spitzenkandidaten) permezz ta’ listi għall-UE kollha.
        • Awtorità elettorali Ewropea ġdida titwaqqaf biex tissorvelja l-proċess u tiżgura l-konformità mar-regoli l-ġodda.

          Kif stabbilit fl-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-inizjattiva leġiżlattiva tal-Parlament jeħtieġ li tiġi approvata unanimament mill-Kunsill. Imbagħad terġa’ tiġi lura l-Parlament biex il-Membri tal-PE jkunu jistgħu japprovawha, qabel ma tiġi approvata mill-Istati Membri kollha f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom. In-negozjati mal-Kunsill jibdew ladarba l-Istati Membri jkunu adottaw il-pożizzjonijiet tagħhom. S’issa, madankollu, jidher li hemm wisq riżervi fil-Kunsill biex din il-proposta titmexxa ’l quddiem. Dawn ir-riżervi jirrigwardaw il-proposti għal kostitwenza fil-livell tal-UE bbażata fuq listi tranżnazzjonali u l-elementi tal-proposta li jimplikaw armonizzazzjoni tas-sistema elettorali użata fl-elezzjonijiet Ewropej. L-istituzzjonijiet tal-UE huma mistennija jippromwovu inizjattivi dwar it-trasparenza tal-IA fir-reklamar politiku, iċ-ċibersigurtà fl-elezzjonijiet, u awtorità elettorali Ewropea possibbli qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2029.

          Fit-13 ta’ Novembru 2025, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar l-emenda tal-Att Elettorali Ewropew, li tippermetti lill-Membri tal-PE jivvutaw fil-plenarja permezz ta’ prokura waqt it-tqala u wara li jwelldu. Fis-17 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill qabel fil-prinċipju u bagħat it-test lill-Parlament Ewropew għall-kunsens tiegħu. Fid-29 ta’ April 2026, il-Parlament adotta r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b’vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’ Settembru 1976. Il-proposta mbagħad reġgħet lura għand il-Kunsill għall-adozzjoni formali. Fl-aħħar nett, l-att irid jiġi ratifikat mill-Istati Membri f’konformità mal-proċeduri kostituzzjonali nazzjonali rispettivi tagħhom qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.

          Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

           

          Kristiina Milt