Din l-iskeda informattiva tispjega r-relazzjoni li qed tevolvi bejn l-UE u r-Renju Unit minn wara l-Brexit, u tiddeskrivi fil-qosor il-qafas legali li jirregola dawn ir-relazzjonijiet. Tiddeskrivi l-iżviluppi politiċi u istituzzjonali ewlenin, inkluż is-Summit bejn ir-Renju Unit u l-UE tad-19 ta’ Mejju 2025, li stabbilixxa sħubija strateġika ġdida wara r-“risettjar” tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-elezzjoni ġenerali tar-Renju Unit tal-2024, u r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit fit-trawwim tad-djalogu.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 50 huwa l-bażi legali primarja li taħtha l-UE nnegozjat il-ħruġ tar-Renju Unit. Jistabbilixxi l-proċedura għal Stat Membru biex jitlaq mill-Unjoni Ewropea u għan-negozjar u l-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħruġ.
  • Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2020, jirregola t-termini tal-ħruġ tar-Renju Unit. Huwa ssorveljat mill-Kumitat Konġunt, li huwa kopresedut mill-UE u mir-Renju Unit, u jkopri d-drittijiet taċ-ċittadini, id-dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni, il-perjodu ta’ tranżizzjoni, id-dispożizzjonijiet finanzjarji u l-qafas ta’ governanza. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jinkludi l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq li jistabbilixxi l-arranġamenti legali mfassla biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda filwaqt li tiġi protetta l-integrità tas-suq uniku tal-UE, kif ukoll protokolli relatati ma’ Ċipru u Ġibiltà. Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135, il-Kunsill tal-UE kkonkluda l-Ftehim dwar il-Ħruġ f’isem l-UE u pprovda l-bażi istituzzjonali għall-implimentazzjoni tiegħu.
  • Il-Qafas ta’ Windsor, adottat permezz tad-Deċiżjoni 1/2023 tal-Kumitat Konġunt, jistabbilixxi arranġamenti legalment vinkolanti għall-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Jaġġusta kif il-Protokoll jiġi implimentat u jinkludi sett ta’ soluzzjonijiet konġunti biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji fl-Irlanda ta’ Fuq filwaqt li jibqa’ fi ħdan il-qafas legali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u jippreserva l-integrità tas-swieq interni tal-UE u tar-Renju Unit.
  • Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK), konkluż separatament mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, jirregola r-relazzjoni usa’ ta’ wara l-Brexit bejn l-UE u r-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem. Jistabbilixxi dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi, il-kummerċ diġitali, it-trasport, l-enerġija, is-sajd, il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, u oqsma oħra. Jinkludi wkoll mekkaniżmi biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jintroduċi strutturi ta’ governanza, inkluż il-Kunsill ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit, biex jissorvelja u jiffaċilita l-kooperazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwim. L-Artikolu 11 jipprovdi l-bażi għall-istabbiliment tal-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija UE-Renju Unit. Il-Kunsill tal-UE approva l-konklużjoni tiegħu f’isem l-UE fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/689, li tistabbilixxi arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-UE fil-korpi ta’ governanza tal-FKK, inkluż il-Kunsill ta’ Sħubija.
  • Il-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

    Ir-Renju Unit ingħaqad mal-Komunità Ekonomika Ewropea – li aktar tard saret l-Unjoni Ewropea (UE) – fl-1973. Għal deċennji, hija żammet relazzjoni kumplessa iżda sinifikanti mal-blokk bħala wieħed mill-membri tiegħu. Madankollu, f’Ġunju 2016, fir-Renju Unit sar referendum dwar is-sħubija tiegħu fl-UE. Maġġoranza żgħira ta’ votanti, 51.9%, ivvutaw favur li r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Dan immarka l-bidu ta’ proċess politiku twil u spiss kontenzjuż li sar magħruf bħala l-“Brexit”. Ir-Renju Unit ħareġ formalment mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020.

    L-objettivi tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit

    L-objettiv tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit huwa li jiġi rregolat il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u r-relazzjoni sussegwenti wara l-Brexit, kif stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-FKK. Dawn il-ftehimiet jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni, jistabbilixxu l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, u jiffaċilitaw id-djalogu istituzzjonali permezz ta’ korpi ta’ governanza bħall-Kunsill ta’ Sħubija u l-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit.

    Il-kisbiet

    A. L-iżviluppi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit

    Minkejja l-ftehimiet formali, ir-relazzjonijiet fl-ewwel snin ta’ wara l-Brexit kienu taħt pressjoni. L-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq kienet sors ewlieni ta’ frizzjoni. Fi Frar 2023, seħħet żvolta permezz tal-qbil dwar il-Qafas ta’ Windsor, li wieġeb għall-isfidi li kienu feġġew fl-implimentazzjoni tal-Protokoll. Dan għen biex jiġu stabbilizzati r-relazzjonijiet u mmarka ritorn għal djalogu kostruttiv.

    Il-Gvern Laburista li ħa l-poter b’segwitu tal-elezzjoni ġenerali tal-2024 tar-Renju Unit, ta direzzjoni strateġika ġdida lir-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-UE. Il-ġestjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit kienet ċentralizzata fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kabinett tar-Renju Unit, u Nick Thomas-Symonds inħatar Ministru għar-Relazzjonijiet mal-UE. Filwaqt li eskluda kwalunkwe ritorn għas-suq uniku, għall-unjoni doganali jew għall-moviment liberu tal-UE, il-Gvern tar-Renju Unit enfasizza l-impenn tiegħu li jibni sħubija strateġika fit-tul mal-UE. Dan wassal għall-ewwel summit bejn l-UE u r-Renju Unit li sar f’Londra fid-19 ta’ Mejju 2025, li matulu ġiet stabbilita sħubija strateġika ġdida. Tliet dokumenti ġew adottati uffiċjalment: Summit UE-Renju Unit - Dikjarazzjoni Konġunta, Fehim Komuni dwar aġenda UE-Renju Unit imġedda, u Sħubija għas-Sigurtà u d-Difiża (SDP). Iż-żewġ partijiet qablu wkoll li jorganizzaw summit annwali. Fis-summit tal-2025, l-UE u r-Renju Unit qablu li jaħdmu lejn skema “bilanċjata” ta’ esperjenzi għaż-żgħażagħ, l-assoċjazzjoni tar-Renju Unit mal-programm Erasmus+, ftehim sanitarju u fitosanitarju (SPS) u ftehim li jgħaqqad is-sistemi tagħhom għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS).

    It-tieni summit bejn l-UE u r-Renju Unit huwa previst li jsir fl-2026 bħala segwitu għas-summit ta’ Mejju 2025, bl-għan li jiġu konklużi n-negozjati li għaddejjin dwar l-iskema ta’ esperjenzi għaż-żgħażagħ, il-ftehim SPS u l-ftehim ETS. L-UE u r-Renju Unit ikkonkludew ukoll taħditiet esploratorji dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-suq intern tal-elettriku tal-UE.

    F’Diċembru 2025, tħabbar li r-Renju Unit se jassoċja ruħu ma’ Erasmus+ għas-sena akkademika 2027-28, b’aktar parteċipazzjoni li għandha tiġi nnegozjata. Oqsma prijoritarji kondiviżi oħra jinkludu s-sigurtà u s-sikurezza marittima, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, is-sigurtà interna u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-appoġġ finanzjarju u militari lill-Ukrajna, u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari. Kooperazzjoni msaħħa dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni multilaterali kienet xprunata fil-biċċa l-kbira minn pressjonijiet ġeopolitiċi, b’mod partikolari l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u bidliet fix-xenarju usa’ tas-sigurtà.

    B. L-Assemblea ta’ Sħubija Parlamentari bejn l-UE u r-Renju Unit

    L-Assemblea ta’ Sħubija Parlamentari (ASP) bejn l-UE u r-Renju Unit, li ġiet kostitwita fl-2021, hija korp interparlamentari stabbilit fl-ambitu tal-FKK. L-ASP hija l-aktar korp dirett għall-iskrutinju parlamentari tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Isservi bħala forum għall-membri parlamentari biex jiskambjaw fehmiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit ma’ uffiċjali għolja tal-UE u r-Renju Unit. Tirċievi wkoll aġġornamenti mill-Kunsill tas-Sħubija, il-korp konġunt ewlieni bejn l-UE u r-Renju Unit li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-FKK, u toħroġ rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kunsill ta’ Sħubija biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. L-ASP hija magħmula minn 70 membru: 35 mill-Parlament tar-Renju Unit (House of Commons u House of Lords) u 35 Membru tal-Parlament Ewropew (mid-Delegazzjoni tal-Parlament għall-PPA). Tiltaqa’ darbtejn fis-sena, u hija ospitata fuq bażi li talterna bejn il-Parlament Ewropew, f’wieħed mill-postijiet tax-xogħol tas-soltu tiegħu, u l-Parlament tar-Renju Unit.

    L-ASP iltaqgħet seba’ darbiet, u l-aktar assemblea reċenti saret mis-16 sas-17 ta’ Marzu 2026 fi Brussell. Il-parlamentari ddiskutew is-sitwazzjoni attwali fil-Kunsill ta’ Sħubija, is-sigurtà ekonomika, id-dimensjonijiet lokali u reġjonali tar-relazzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni fis-sigurtà u d-difiża. Fir-rakkomandazzjoni tagħha, l-ASP laqgħat il-progress fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit u appellat liż-żewġ partijiet biex jinkludu r-rappreżentanza tal-ASP f’summits futuri bejn l-UE u r-Renju Unit. L-assemblea li jmiss hija mistennija li ssir f’Londra mis-16 sas-17 ta’ Novembru 2026.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Il-Parlament Ewropew jimmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Fis-27 ta’ Novembru 2025, adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit. Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li l-UE u r-Renju Unit għandhom jużaw il-momentum politiku mġedded wara s-summit tal-2025 biex jibnu sħubija aktar mill-qrib u aktar strutturata, ibbażata fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-Qafas ta’ Windsor u l-FKK, b’enfasi partikolari fuq is-sigurtà u d-difiża, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-enerġija, u l-kooperazzjoni regolatorja. Din hija t-tieni evalwazzjoni tal-Parlament tal-implimentazzjoni tal-FKK mid-dħul fis-seħħ tiegħu f’Mejju 2021.

    Fi Frar 2026, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola marret Londra u ħeġġet l-approfondiment tar-rabtiet bejn l-UE u r-Renju Unit b’mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża, is-sigurtà ekonomika, il-kummerċ, id-dwana, ir-riċerka, il-migrazzjoni u l-enerġija.

    Din l-iskeda informattiva titħejja mill-Unità tal-Ewropa tal-Parlament Ewropew: Tkabbir, Ewropa tal-Punent u Kooperazzjoni tat-Tramuntana. Għal aktar informazzjoni dwar l-ASP, żur is-sit web tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari ta’ Sħubija bejn l-UE u r-Renju Unit tal-Parlament Ewropew.

     

    Clotilde Chantal Claudie Sebag