L-infiq tal-UE
Din l-iskeda informattiva tispjega kif in-nefqa tal-UE hija strutturata, iffinanzjata u ġestita. L-infiq tal-baġit huwa adottat b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill. Il-baġit annwali tal-UE jrid jikkonforma mal-limiti massimi tan-nefqa stabbiliti mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-pjan ta’ nfiq fit-tul tal-UE, għal firxa ta’ prijoritajiet. Strumenti speċjali jippermettu lill-UE tirrispondi għal ħtiġijiet mhux mistennija. Il-garanziji baġitarji u l-istrumenti finanzjarji jżidu wkoll l-impatt tal-infiq tal-UE. NextGenerationEU jikkomplementa temporanjament il-QFP 2021-2027.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 310-325 u 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 106a, 171-182 u 203 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika;
- Ir-Regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ir-Regolament Finanzjarju) (ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tat-23 ta’ Settembru 2024);
- Ir-Regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ir-Regolament QFP) (ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020);
- Ir-Regolament li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024);
- Ir-Regolament li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020);
- Il-Ftehim Interistituzzjonali (FII) tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
- approprjazzjonijiet ta’ impenn, li jkopru l-kost totali matul is-sena finanzjarja attwali b’rabta mal-obbligi legali kkuntrattati għal attivitajiet li jdumu għaddejjin għadd ta’ snin;
- approprjazzjonijiet ta’ pagament, li jkopru l-infiq marbut mal-implimentazzjoni ta’ impenji kkuntrattati matul is-sena finanzjarja attwali jew dawk ta’ qabel.
L-objettiv
L-objettiv ġenerali tal-baġit tal-UE huwa l-finanzjament tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fil-limiti tad-dixxiplina baġitarja, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri fis-seħħ. Il-baġit tal-UE huwa prinċipalment iddedikat għall-investiment. Għal din ir-raġuni, l-UE tadotta pjanijiet ta’ nfiq fuq medda twila ta’ żmien, magħrufa bħala oqfsa finanzjarji pluriennali, li jdumu minn ħames sa seba’ snin (ara hawn taħt).
Il-prinċipji bażiċi
Il-baġit tal-UE jobdi d-disa’ regoli ġenerali tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità[1], l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet (l-euro), l-universalità, l-ispeċifikazzjoni (kull approprjazzjoni hija allokata għal tip ta’ nfiq partikolari), il-ġestjoni finanzjarja tajba u t-trasparenza, skont l-Artikoli 6 sa 38 tar-Regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE.
Ir-regola tal-annwalità trid tiġi rrikonċiljata mal-ħtieġa li jkunu ġestiti azzjonijiet pluriennali, li l-importanza tagħhom żdiedet fil-baġit. Għalhekk, il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet differenzjati li jikkonsistu minn dan li ġej:
Il-FII tas-16 ta’ Diċembru 2020 jistipula li l-Kummissjoni trid tħejji rapport annwali li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-konsegwenzi finanzjarji u baġitarji ta’ diversi attivitajiet tal-UE, kemm jekk ikunu ffinanzjati mill-baġit tal-UE kif ukoll jekk le. Dan ir-rapport irid ikun fih informazzjoni dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-UE, operazzjonijiet varji ta’ għoti u teħid ta’ self - inkluż il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u l-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (2.5.8) - u mekkaniżmi futuri possibbli oħra. Barra minn hekk, ir-rapport irid jinkludi informazzjoni dwar l-infiq għall-klima, l-infiq li jikkontribwixxi għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-tnaqqis tal-bijodiversità, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti fil-programmi rilevanti kollha tal-UE.
L-istruttura u l-kategoriji ta’ nfiq tal-UE
A. Taqsimiet ta’ nfiq tal-UE
Il-baġit ġenerali huwa maqsum f’10 taqsimiet li kull waħda minnhom tikkorrispondi għal istituzzjoni jew korp speċifiku tal-UE. Filwaqt li t-taqsimiet tal-istituzzjonijiet l-oħra jikkonsistu essenzjalment minn nefqa amministrattiva, it-taqsima tal-Kummissjoni (it-Taqsima III) tikkonsisti minn nefqa operazzjonali u l-kostijiet amministrattivi marbuta mal-implimentazzjoni tagħhom (l-assistenza teknika, l-aġenziji u r-riżorsi umani).
Il-Kummissjoni tuża nomenklatura baġitarja li tippreżenta r-riżorsi skont l-oqsma u l-programmi ta’ politika, filwaqt li tallinja l-oqsma tal-programmi ma’ intestaturi jew “clusters ta’ programmi” (ara hawn taħt), u b’hekk tagħmilha eħfef li jiġu vvalutati l-kost u l-effettività ta’ kull politika tal-UE.
B. Qafas finanzjarju pluriennali (QFP) (1.4.3)
Sa mill-1988, l-infiq tal-UE tqiegħed f’qafas pluriennali, li jaqsam il-baġit f’intestaturi li jikkorrispondu għal oqsma ta’ politika wesgħin, b’limiti massimi ta’ nfiq li jirriflettu l-prijoritajiet baġitarji ewlenin għall-perjodu kopert. L-ewwel perjodu ta’ programmazzjoni dam ħames snin, filwaqt li t-tul ta’ żmien tal-perjodu sussegwenti u tal-perjodu attwali huwa ta’ seba’ snin. Il-baġits annwali jridu jirrispettaw il-limiti stabbiliti fil-qafas pluriennali.
Il-baġit tal-UE huwa soġġett għall-prinċipju tal-ekwilibriju strett minqux fl-Artikolu 310 tat-TFUE u fir-Regolament Finanzjarju. Fil-prattika dan ifisser li l-baġit tal-UE huwa “immexxi mill-infiq”. Fi kliem ieħor, id-dħul aggregat jista’ jiżdied biss kemm huwa permess ex ante mil-limiti massimi tal-QFP u d-daqs tal-istrumenti speċjali lil hinn minn tali limiti massimi. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tar-Regolament QFP, tali limiti massimi huma soġġetti għal aġġustament ’il fuq awtomatiku nominali ta’ 2% fis-sena[2]. Il-QFP li jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2027 ippreveda approprjazzjonijiet ta’ impenn totali ta’ EUR 1,824.3 biljun fi prezzijiet tal-2018, li jikkonsistu f’EUR 1,074.3 biljun għall-QFP u EUR 750 biljun għall-istrument ta’ rkupru Next Generation EU (NGEU), miżjuda bi EUR 11-il biljun oħra bħala riżultat ta’ aġġustamenti speċifiċi għall-programm stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament QFP.
Wara proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim fis-6 ta’ Frar 2024, li witta t-triq għall-ewwel reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP. Dan il-ftehim se jaffettwa s-snin li fadal tal-QFP li għaddej bħalissa billi jippermetti r-reviżjoni tal-limiti massimi tal-QFP, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni u d-daqs tal-istrumenti speċjali lil hinn minn dawk il-limiti massimi. B’mod aktar speċifiku, il-ftehim jipprevedi EUR 21 biljun (fi prezzijiet tal-2024) ta’ nfiq addizzjonali f’termini nominali netti, inklużi EUR 17-il biljun ta’ għotjiet iddedikati lill-Ukrajna permezz ta’ strument speċjali ġdid lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP[3]. Din iż-żieda tikkorrispondi għal żieda ta’ 2.8% fl-infiq massimu permess għall-bqija tal-perjodu tal-QFP li għaddej.
Kollox ma’ kollox, minkejja ż-żieda nominali fil-finanzjament għall-infiq, in-nefqa tal-UE b’mod ġenerali se tonqos b’mod sinifikanti f’termini reali minħabba ż-żieda fl-inflazzjoni tal-perjodu mill-2021 sal-2023. Għall-ewwel sentejn u nofs tal-QFP attwali għall-perjodu mill-2021 sal-2027, l-inflazzjoni akkumulata fl-UE diġà hija ta’ 23.7%. Kif indikat fi studju reċenti dwar l-impatt tal-inflazzjoni fuq il-finanzi tal-UE, ikkummissjonat mill-Parlament, jekk kollox jibqa’ l-istess, dan l-iżvilupp huwa mistenni li jnaqqas il-volum tal-QFP bħala perċentwal tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE għal 0.96% sa tmiem il-perjodu fl-2027. Dan huwa ferm anqas mill-1.05% tal-introjtu nazzjonali gross li l-QFP għall-perjodu mill-2021 sal-2027 kien mistenni jirrappreżenta meta ġie adottat.
It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi tqassim tal-baġit għall-2026 skont l-oqsma ta’ politika, kif definiti fil-QFP għall-perjodu 2021-2027.
| Intestaturi | Impenji | Pagamenti |
|---|---|---|
| Il-baġit tal-UE għall-2026 (f’miljuni ta’ €) | ||
| Suq uniku, innovazzjoni u diġitali | 22,163.0 | 23,336.6 |
| Koeżjoni, Reżiljenza u Valuri | 71,649.8 | 73,166.7 |
| Riżorsi Naturali u Ambjent | 56,529.4 | 52,577.3 |
| Migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri | 5,018.9 | 3,887.9 |
| Sigurtà u difiża | 2,813.5 | 2,253.3 |
| Il-Viċinat u d-Dinja | 15,600.0 | 16,569.7 |
| Amministrazzjoni pubblika Ewropea | 13,277.5 | 13,277.5 |
| Strumenti speċjali | 5,715.9 | 5,022.5 |
| Total | 192,768.1 | 190,091.6 |
| Approprjazzjonijiet bħala % tal-ING (introjtu nazzjonali gross) | 1.00% | 0.99% |
C. L-istrumenti ta’ flessibbiltà u l-istrumenti tematiċi speċjali
Minbarra l-infiq ipprogrammat għall-finanzjament tal-politiki tal-UE fil-qafas ta’ programmi pluriennali, xi riżorsi finanzjarji ġew riżervati fil-baġit tal-UE f’każ ta’ bżonn ta’ rispons għal kriżijiet u sitwazzjonijiet mhux mistennija. L-istrumenti ta’ flessibbiltà u l-istrumenti tematiċi speċjali jistgħu jintużaw f’każ ta’ kriżijiet ekonomiċi (eż. il-FEG - il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni), diżastri naturali, kriżijiet ta’ saħħa pubblika u emerġenzi umanitarji (eż. l-SEAR - ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza) jew ħtiġijiet mhux previsti oħra (eż. l-Istrument ta’ Flessibbiltà) fl-Istati Membri tal-UE, fil-pajjiżi kandidati u f’pajjiżi barra mill-UE. Tali finanzjament jippermetti li jiġu koperti ħtiġijiet finanzjarji eċċezzjonali limitati.
L-istrument tal-Unjoni Ewropea għall-irkupru - Next Generation EU (NGEU)
Permezz ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni mistennija timmobilizza EUR 750 biljun fi prezzijiet tal-2018, li minnhom, madwar EUR 390 biljun jistgħu jintużaw għall-għotjiet, u madwar EUR 360 biljun jistgħu jintużaw għall-għoti ta’ self, apparti l-baġit fit-tul għall-perjodu 2021-2027, sabiex jgħinu fil-bini mill-ġdid tal-UE wara l-COVID-19. Il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa, skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li tissellef fondi mis-swieq kapitali f’isem l-UE. Il-ħlas lura tal-kapital ta’ tali fondi li għandhom jintużaw għall-infiq (EUR 390 biljun fi prezzijiet tal-2018) u l-imgħax dovut relatat se jkollhom jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE, inkluż permezz ta’ dħul suffiċjenti minn riżorsi proprji ġodda introdotti b’mod gradwali mill-2021. (1.4.1)
In-NGEU jiffoka fuq (a) ir-restawr tal-impjiegi u l-ħolqien tal-impjiegi; ir-riformi u l-investimenti li jagħtu spinta ġdida lill-potenzjal għal tkabbir sostenibbli u l-impjiegi sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fost l-Istati Membri u tiżdied ir-reżiljenza tagħhom; il-miżuri għan-negozji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, milquta mill-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, u t-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fl-UE, inkluż l-investiment finanzjarju dirett fl-intrapriżi; il-miżuri għar-riċerka u l-innovazzjoni b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19; iż-żieda fil-livell ta’ tħejjija tal-UE għall-kriżijiet u l-kapaċità ta’ rispons tal-UE immedjat u effikaċi f’każ ta’ emerġenzi kbar, inklużi l-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ provvisti u tagħmir mediku essenzjali u l-akkwist tal-infrastruttura meħtieġa għar-rispons rapidu għall-kriżijiet; il-miżuri biex jiġi żgurat li tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima ma tiġix ipperikolata mill-kriżi tal-COVID-19; u (g) il-miżuri li jindirizzaw l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.
Fit-12 ta’ Frar 2021, intlaħaq ftehim dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) bil-ħsieb li tappoġġja lill-Istati Membri b’investimenti u riformi. Il-faċilità kienet inizjalment mistennija li tipprovdi sa EUR 672.5 biljun (fi prezzijiet tal-2018) għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri f’self u għotjiet, b’implimentazzjoni permezz tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza[4]. Il-pjanijiet jeħtieġ li jkun fihom riformi u investimenti li jkopru oqsma ta’ politika ewlenin (sitt pilastri[5]), imexxu ’l quddiem it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew.
Fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-Kummissjoni ppubblikat il-komunikazzjoni REPowerEU fit-18 ta’ Mejju 2022, li tistabbilixxi strateġija għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, din l-istrateġija teħtieġ investiment addizzjonali ta’ EUR 210 biljun sabiex tkun ta’ suċċess. B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni pproponiet, fost miżuri oħra[6], li temenda r-Regolament RRF biex tbiddel sa EUR 225 biljun tas-self li jifdal mill-RRF kif ukoll biex talloka sa 7.5% tal-fondi disponibbli taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fondi ta’ Koeżjoni għall-finijiet tar-REPowerEU. Barra minn hekk, sa EUR 20 biljun fi prezzijiet tal-2022 huma mistennija li jsiru disponibbli mill-irkant ta’ kwoti mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet skont id-Direttiva 2003/87/KE jew minn trasferimenti mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/1755, rilaxx ta’ fondi li sar possibbli bir-Regolament REPowerEU. Dawn ir-riżorsi mistennija jiffinanzjaw kapitlu ġdid ta’ pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li jidentifikaw miżuri speċifiċi biex jiddiversifikaw il-provvisti tal-enerġija u jnaqqsu d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, fil-forma ta’ self (sa EUR 225 biljun) u għotjiet (sa EUR 75 biljun). L-Istati Membri talbu EUR 127.24 biljun ta’ self fil-kuntest tal-RRPs riveduti sal-iskadenza stabbilita fir-Regolament REPowerEU.
Il-ftehim ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP imsemmi hawn fuq introduċa b’mod partikolari “mekkaniżmu ta’ kaskata” ġdid ta’ finanzjament biex ikopri l-eċċessi relatati mal-pagamenti tal-imgħax relatati mal-NGEU. Dan il-mekkaniżmu jista’ jimmobilizza bħala l-aħħar alternattiva Strument ta’ Rkupru speċjali tematiku ġdid tal-UE lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, biss jekk l-ammonti diġà pprovduti taħt l-Intestatura 2b, minbarra d-diżimpenji, il-prijoritizzazzjoni mill-ġdid u r-riżorsi disponibbli taħt strumenti speċjali mhux tematiċi, ma jkunux biżżejjed.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament jikkondividi l-awtorità baġitarja mal-Kunsill, u s-setgħat f’dan il-qasam kienu minn fost dawk tal-ewwel li nkisbu mill-Membri tal-PE fis-snin sebgħin (1.2.5). Is-setgħat baġitarji huma relatati mal-istabbiliment tal-ammont globali u d-distribuzzjoni tal-infiq annwali tal-UE, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit.
Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament huwa responsabbli għan-negozjati dwar il-QFP u l-adozzjoni tal-baġit annwali f’isem il-Parlament u jirrappreżenta l-fehmiet tal-Parlament fin-negozjati mal-Kunsill. Normalment jirnexxilu jaċċetta żidiet prijoritarji li jirriżultaw mill-emendi tiegħu (għalkemm mhux dejjem tad-daqs inizjali tagħhom).
Fin-negozjati għall-QFP 2021-2027, il-Parlament b’mod partikolari ddefenda u fil-biċċa l-kbira, kiseb (a) żieda tal-limitu massimu tal-QFP u tisħiħ ta’ għadd ta’ programmi emblematiċi; impenn li jiġu introdotti riżorsi proprji ġodda tal-UE bl-għan li tal-anqas jiġu koperti l-kostijiet relatati mal-NGEU (kapital u mgħax); ir-rwol tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Irkupru, f’konformità mal-metodu Komunitarju; l-importanza tal-kontribut tal-baġit tal-UE għall-kisba tal-objettivi tal-klima u tal-bijodiversità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; u (e) l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu l-ġdid għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt (1.4.3).
Il-Parlament insista wkoll b’mod sistematiku fuq it-trasparenza baġitarja u l-iskrutinju xieraq tal-operazzjonijiet u l-istrumenti kollha ffinanzjati mill-baġit tal-UE.
Il-Parlament huwa l-awtorità ta’ kwittanza (l-Artikolu 319 tat-TFUE) li għaliha l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit iħejji l-ħidma kollha dwar l-iskrutinju politiku tal-implimentazzjoni baġitarja (1.4.5). Kull sena, il-proċedura tal-kwittanza tirrifletti l-konklużjonijiet tiegħu fi tmiem proċess dwar il-mod li bih il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra jkunu implimentaw il-baġit tal-UE. L-għan tagħha huwa li tivverifika jekk l-implimentazzjoni tkunx saret f’konformità mar-regoli rilevanti (il-konformità), inklużi l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (b’mod partikolari rekwiżiti relatati mal-prestazzjoni).
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament jorganizza laqgħa annwali mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (1.3.15) sabiex jifli bir-reqqa l-attivitajiet finanzjarji tiegħu, u jħejji rapport annwali li jivvaluta l-prestazzjoni u r-riżultati tal-passat tal-BEI. Il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament qablu li jipproduċu rapport annwali li jivvaluta l-azzjonijiet attwali u futuri tal-BEI; huma jalternaw bħala l-kumitat responsabbli. Filwaqt li jqis li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jkunu għodda utli sabiex jitkattar l-impatt tal-fondi tal-UE, il-Parlament saħaq fuq li dawn għandhom jiġu implimentati taħt kundizzjonijiet stretti, billi jiġu evitati riskji baġitarji. Għal dak il-għan, regoli dettaljati għall-użu tal-istrumenti finanzjarji ffinanzjati jew iggarantiti mill-baġit tal-UE ġew inklużi fir-Regolament Finanzjarju.
Il-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament huma responsabbli b’mod konġunt għall-iskrutinju tal-RRF, permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma u Djalogi dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ darbtejn fix-xahar mal-Kummissjoni.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Appoġġ Baġitarju tal-Parlament Ewropew: Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.
Francisco Padilla Olivares