It-Trattat ta’ Nizza u l-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa
Din l-iskeda informattiva tispjega l-objettivi, l-isfond u l-kontenut tat-Trattat ta’ Nizza, inklużi r-riformi tiegħu tal-istituzzjonijiet tal-UE, ir-regoli tal-votazzjoni, il-proċeduri leġiżlattivi, il-kooperazzjoni msaħħa, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u s-sistema ġudizzjarja. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew u l-ħidma u l-eżitu tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa.
It-Trattat ta’ Nizza
It-Trattat ta’ Nizza, li emenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati, ġie ffirmat fis-26 ta’ Frar 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2003.
A. L-objettivi
Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ħelsinki tal-1999 kienu jesiġu li, sa tmiem l-2002, l-UE tkun tista’ tilqa’ l-Istati Membri l-ġodda li kienu lesti għall-adeżjoni. Peress li żewġ pajjiżi applikanti biss kellhom popolazzjoni akbar mill-medja tal-Istati Membri dak iż-żmien, dan kien ifisser li l-piż politiku ta’ pajjiżi b’popolazzjonijiet iżgħar kien se jiżdied b’mod konsiderevoli. Għalhekk, it-Trattat ta’ Nizza kellu l-għan li jżid l-effiċjenza u jkabbar il-leġittimità tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jħejji lill-UE għat-tkabbir li kien imiss.
B. L-isfond
Fil-konferenzi intergovernattivi tal-UE (KIG) ta’ Maastricht fl-1992 u Amsterdam fl-1997, kienu ġew indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet istituzzjonali, iżda kienu għadhom ma ġewx solvuti b’mod sodisfaċenti. Dawn il-kwistjonijiet, li saru magħrufa bħala “l-fdalijiet ta’ Amsterdam”, kienu jinkludu d-daqs u l-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, l-ippeżar tal-voti fil-Kunsill u l-estensjoni tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata. Abbażi ta’ rapport mill-Presidenza tal-Kunsill Finlandiża, fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 1999, il-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki ddeċieda li kellha tissejjaħ KIG li tindirizza dawn il-kwistjonijiet pendenti u l-bidliet l-oħrajn kollha meħtieġa bi tħejjija għat-tkabbir.
C. Il-kontenut
Il-KIG li ntalbet bdiet fl-14 ta’ Frar 2000 u temmet xogħolha f’Nizza fl-10 ta’ Diċembru 2000, u ntlaħaq qbil dwar il-kwistjonijiet istituzzjonali u dwar sensiela ta’ punti oħrajn, fosthom distribuzzjoni ġdida tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew, arranġamenti aktar flessibbli għal kooperazzjoni msaħħa, il-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri fl-UE u t-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja tal-UE.
1. L-ippeżar tal-voti fil-Kunsill
Hija u tikkunsidra s-sistema tal-votazzjoni fil-Kunsill, il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni u, sa ċertu punt, id-distribuzzjoni tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew, il-KIG tal-2000 ikkonkludiet li l-aktar ħaġa importanti kienet li jinbidel l-ippeżar relattiv tal-voti tal-Istati Membri fil-Kunsill, suġġett li l-ebda KIG oħra ma kienet indirizzat sa minn dik tal-1956-1957, li mbagħad wasslet għat-Trattat ta’ Ruma.
Ġew ikkunsidrati żewġ metodi għad-definizzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata: sistema ġdida ta’ ppeżar (li timmodifika dik eżistenti) jew l-applikazzjoni ta’ maġġoranza doppja (tal-voti u tal-popolazzjoni) – is-soluzzjoni tal-aħħar kienet proposta mill-Kummissjoni u approvata mill-Parlament. Il-KIG għażlet l-ewwel metodu. Għalkemm in-numru tal-voti żdied għall-Istati Membri kollha, is-sehem tal-aktar Stati Membri bl-akbar popolazzjonijiet naqas: waqt li qabel kien 55% tal-voti, dan naqas għal 45% meta ssieħbu l-għaxar membri l-ġodda u għal 44.5% fl-1 ta’ Jannar 2007. Dawn il-bidliet kienu akkumpanjati mill-introduzzjoni ta’ “xibka ta’ sikurezza” demografika: Stat Membru jista’ jitlob verifika li l-maġġoranza kwalifikata tirrappreżenta tal-anqas 62% tal-popolazzjoni totali tal-UE. Jekk le, id-deċiżjoni li tkun soġġetta għall-votazzjoni ma tistax tiġi adottata.
2. Il-Kummissjoni
a. Il-kompożizzjoni
Kif jistipula t-Trattat ta’ Nizza, mill-2005, il-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Kummissjoni kien magħmul minn Kummissarju wieħed għal kull Stat Membru. Il-Kunsill għandu s-setgħa jiddeċiedi, unanimament, dwar l-għadd ta’ Kummissarji u dwar l-arranġamenti għal sistema ta’ rotazzjoni tal-Istati Membri, u li jiżgura li kull Kulleġġ tal-Kummissarji jirrifletti l-firxa demografika u ġeografika tal-Istati Membri.
b. L-organizzazzjoni interna
It-Trattat ta’ Nizza ta lill-President tal-Kummissjoni s-setgħa li jalloka r-responsabbiltajiet fost il-Kummissarji u li jbiddel din l-allokazzjoni tul il-mandat, kif ukoll jagħżel il-Viċi Presidenti u jiddeċiedi kemm se jkun hemm minnhom.
3. Il-Parlament Ewropew
a. Il-kompożizzjoni
It-Trattat ta’ Amsterdam kien iffissa numru massimu ta’ 700 Membru tal-Parlament Ewropew. Fl-iżvilupp tat-Trattat ta’ Nizza, il-Kunsill Ewropew ħass il-ħtieġa li, bil-ħsieb ta’ tkabbir, jirrevedi l-għadd ta’ Membri tal-PE għal kull Stat Membru. Il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Parlament intużat ukoll biex tikkumpensa għat-tibdil fl-ippeżar tal-voti fil-Kunsill. B’hekk, in-numru massimu ta’ Membri tal-Parlament Ewropew tela’ għal 732.
b. Is-setgħat
Bħall-Kunsill, bħall-Kummissjoni u bħall-Istati Membri, il-Parlament ingħata l-possibbiltà li jikkontesta legalment l-atti ta’ dawk li primarjament jieħdu d-deċiżjonijiet fl-amministrazzjoni tal-UE – fil-każ tal-Parlament, il-Kunsill jew il-Kummissjoni – inkella lill-Bank Ċentrali Ewropew minħabba nuqqas ta’ kompetenza, minħabba ksur ta’ obbligi proċedurali essenzjali, minħabba ksur tat-Trattati jew minħabba kwalunkwe kwistjoni tal-istat tad-dritt relatata mal-applikazzjoni tagħhom, jew minħabba użu ħażin tas-setgħat.
Fuq proposta tal-Kummissjoni, it-Trattat ta’ Nizza emenda l-Artikolu 191 tat-TUE biex dan isir il-bażi legali operattiva għall-adozzjoni, permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni, ta’ regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi fil-livell tal-UE u r-regoli li jirrigwardaw il-finanzjament tagħhom.
Is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament żdiedu bl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni u billi l-Parlament beda jintalab jagħti l-kunsens tiegħu biex ikun hemm kooperazzjoni msaħħa f’oqsma koperti mill-kodeċiżjoni. Il-Parlament irid jintalab ukoll jagħti l-opinjoni tiegħu meta l-Kunsill jadotta pożizzjoni dwar riskju ta’ ksur serju tad-drittijiet fundamentali fi Stat Membru.
4. Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja
a. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) ingħatat is-setgħa mit-Trattat ta’ Nizza biex tiltaqa’ b’diversi modi differenti: f’awli (bi tliet jew ħames imħallfin), f’Awla Manja (bi ħdax-il imħallef) jew bħala Qorti sħiħa. B’deċiżjoni unanima, il-Kunsill jista’ jżid l-għadd ta’ Avukati Ġenerali. Il-QĠUE żammet il-ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet imressqa għal deċiżjoni preliminari, iżda setgħet, skont l-Istatut tagħha, tirreferi firxa akbar ta’ azzjonijiet jew proċedimenti lill-Qorti Ġenerali – li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona f’Diċembru 2009, kienet il-Qorti tal-Prim’Istanza.
b. Il-Qorti Ġenerali
Is-setgħat tal-Qorti Ġenerali żdiedu sabiex jinkludu ċerti kategoriji ta’ deċiżjonijiet preliminari, bil-possibbiltà li jiġu stabbiliti qrati speċjalizzati permezz ta’ deċiżjoni unanima tal-Kunsill. Dawn id-dispożizzjonijiet operattivi kollha, partikolarment dwar is-setgħat tal-Qorti, minn hemm ’il quddiem ġew stabbiliti fit-Trattat emendat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
5. Il-proċeduri leġiżlattivi
Għalkemm għadd konsiderevoli ta’ politiki u miżuri ġodda (27) issa bdew jirrikjedu votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, il-kodeċiżjoni ġiet estiża għal ftit oqsma minuri biss (koperti mill-Artikoli 13, 62, 63, 65, 157, 159 u 191 preċedenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea); kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 161 preċedenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea issa bdew jirrikjedu l-kunsens tal-Parlament.
6. Il-kooperazzjoni msaħħa
Bħat-Trattat ta’ Amsterdam, it-Trattat ta’ Nizza fih dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għal kull qasam ta’ kooperazzjoni msaħħa u dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tliet “pilastri” – jew kompetenzi – tal-UE stabbiliti bit-Trattat ta’ Maastricht: il-Pilastru tal-Komunitajiet Ewropej, il-pilastru tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà Komuni, u l-pilastru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni. Filwaqt li t-Trattat ta’ Amsterdam kien jipprevedi kooperazzjoni msaħħa fil-qafas tal-ewwel u t-tielet pilastru biss, it-Trattat ta’ Nizza beda jinkludi t-tliet pilastri kollha.
It-Trattat ta’ Nizza ġab miegħu bidliet oħra: ma baqgħetx teżisti l-possibbiltà ta’ rinviju lill-Kunsill Ewropew, il-kunċett ta’ “żmien raġonevoli” ġie ċċarat u l-kunsens tal-Parlament issa sar obbligatorju fl-oqsma kollha fejn il-kooperazzjoni msaħħa kienet relatata ma’ kwistjoni koperta mill-proċedura ta’ kodeċiżjoni.
7. Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali
Fit-Trattat ta’ Nizza, żdied paragrafu mal-Artikolu 7 tat-TUE, sabiex ikopri każijiet fejn ma jkunx seħħ verament ksur evidenti tad-drittijiet fundamentali iżda jkun hemm “riskju ċar” li dan jista’ jseħħ. Il-Kunsill, b’maġġoranza ta’ erba’ minn kull ħames membri u bil-kunsens tal-Parlament, jiddetermina l-eżistenza tar-riskju u jindirizza rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Istat Membru kkonċernat. Ġiet proklamata Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea mhux vinkolanti.
D. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Bħal fil-KIG ta’ qabel, il-Parlament kien involut attivament fit-tħejjijiet għall-KIG tal-2000. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Novembru 1999 dwar it-tħejjija tar-riforma tat-Trattati u l-Konferenza Intergovernattiva li jmiss u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta’ Mejju 2001 dwar it-Trattat ta’ Nizza u l-futur tal-Unjoni Ewropea, huwa ta l-fehmiet tiegħu dwar l-aġenda tal-konferenza u dwar il-progress u l-objettivi tagħha. Il-Parlament esprima wkoll l-opinjoni tiegħu dwar is-sustanza u l-implikazzjonijiet ġudizzjarji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament insista li l-KIG tal-2000 għandha tkun proċess trasparenti li jinvolvi lill-membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali u lill-Kummissjoni, kif ukoll l-opinjoni taċ-ċittadini, u li r-riżultat tagħha kellu jkun dokument ta’ natura kostituzzjonali.
Il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa
A. Il-bażi u l-objettivi
B’konformità mad-Dikjarazzjoni Nru 23 annessa mat-Trattat ta’ Nizza, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Laeken tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2001 iddeċieda li jorganizza l-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa li tlaqqa’ flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin għal dibattiti u diskussjonijiet dwar il-futur tal-UE. L-objettivi kienu li t-tħejjijiet għall-KIG li jmiss ikunu trasparenti kemm jista’ jkun u li jiġu indirizzati l-erba’ kwistjonijiet prinċipali dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-UE: qsim aħjar tal-kompetenzi; is-simplifikazzjoni tal-istrumenti ta’ azzjoni tal-UE; żieda fid-demokrazija, it-trasparenza u l-effiċjenza; u t-tfassil ta’ kostituzzjoni għaċ-ċittadini tal-UE.
B. L-organizzazzjoni
Il-Konvenzjoni kellha President (Valéry Giscard d’Estaing), żewġ Viċi Presidenti (Giuliano Amato u Jean-Luc Dehaene), 15-il rappreżentant tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istati Membri, 30 membru parlamentari nazzjonali (tnejn minn kull Stat Membru), 16-il Membru tal-Parlament Ewropew u żewġ Kummissarji. Il-pajjiżi li kienu applikaw biex jissieħbu fl-UE ħadu sehem fid-dibattitu wkoll fuq livell indaqs, iżda ma setgħu jimblukkaw l-ebda kunsens li seta’ jintlaħaq mill-Istati Membri. Għaldaqstant, il-Konvenzjoni kellha total ta’ 105 membri.
Il-Konvenzjoni kienet immexxija mill-Praesidium tagħha li minbarra l-President u l-Viċi Presidenti, kien magħmul minn disa’ membri tal-Konvenzjoni u rappreżentant magħżul mill-pajjiżi applikanti. Il-Praesidium kellu r-rwol li jagħti impetu lill-Konvenzjoni u jipprovdilha bażi li tista’ taħdem fuqha.
C. L-eżitu
Il-ħidma tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa kien jinkludi: “fażi ta’ smigħ”, li fiha fittxet li tidentifika l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tal-UE; fażi li fiha jiġu studjati l-ideat li jitressqu; u fażi li fiha tfasslu rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-essenza tad-dibattitu. Fi tmiem l-2002, il-11-il grupp ta’ ħidma ppreżentaw il-konklużjonijiet tagħhom lill-Konvenzjoni. Matul l-ewwel nofs tal-2003, il-Konvenzjoni fasslet u ddiskutiet test li sar l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa.
Il-Parti I tal-abbozz tat-Trattat (59 artikolu) u l-Parti II (il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; 54 artikolu) ġew ippreżentati fil-Kunsill Ewropew ta’ Thessaloniki fl-20 ta’ Ġunju 2003. Il-Parti III (politiki u funzjonament; 342 artikolu) u l-Parti IV (dispożizzjonijiet finali; 10 artikoli) ġew ippreżentati lill-Presidenza Taljana fit-18 ta’ Lulju 2003. Il-Kunsill Ewropew adotta l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa fit-18 ta’ Ġunju 2004, b’għadd konsiderevoli ta’ emendi, iżda żamm l-istruttura bażika tal-abbozz tal-Konvenzjoni. It-Trattat propost ġie approvat mill-Parlament Ewropew f’Jannar tal-2005, iżda mbagħad ġie miċħud f’referendum nazzjonali fi Franza (fid-29 ta’ Mejju 2005) u fin-Netherlands (fl-1 ta’ Ġunju 2005). Wara l-eżitu referendarju negattiv f’żewġ Stati Membri, il-proċedura tar-ratifika tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa ma ġietx kompluta.
D. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-biċċa l-kbira tal-osservaturi kienu tal-fehma li l-impatt tal-Membri tal-PE fix-xogħol tal-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa kien deċiżiv. Bis-saħħa ta’ diversi fatturi, inkluż l-esperjenza tagħhom fin-negozjati f’ambjent internazzjonali u l-fatt li l-Konvenzjoni ltaqgħet fil-bini tal-Parlament, l-Membri tal-Parlament Ewropew setgħu jħallu impatt qawwi fuq id-dibattiti u l-proċedimenti tal-Konvenzjoni. Kienu wkoll strumentali fl-iffurmar ta’ familji politiċi magħmula minn Membri tal-Parlament Ewropew u membri parlamentari nazzjonali. B’hekk il-Parlament irnexxielu jilħaq għadd konsiderevoli mill-objettivi inizjali tiegħu, li l-biċċa l-kbira minnhom issa huma minquxa fit-Trattat ta’ Liżbona.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali.
Mariusz Maciejewski