Din l-iskeda informattiva tispjega s-suq intern tal-enerġija tal-UE, inklużi l-bażi legali, l-objettivi u r-regoli tiegħu għas-swieq tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu. Tiddeskrivi kif l-UE għandha l-għan li toħloq suq tal-enerġija kompetittiv, integrat u li jiffunzjona tajjeb billi tneħħi l-ostakli bejn l-Istati Membri, ittejjeb il-kummerċ transfruntier u tipproteġi lill-konsumaturi. Tenfasizza wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil u s-sorveljanza tal-politika tas-suq tal-enerġija.

Il-bażi legali

Il-politika tas-suq intern tal-enerġija tal-UE hija bbażata fuq:

  • l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jippermetti lill-Parlament u lill-Kunsill jadottaw miżuri ta’ armonizzazzjoni permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jiġi stabbilit suq intern tal-UE b’livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent u ta’ protezzjoni tal-konsumatur;
  • l-Artikolu 194 tat-TFUE, li jistabbilixxi l-politika tal-enerġija bħala kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha.
  • L-objettivi

    Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ, kompettitiv u li jiffunzjona tajjeb jiżgura prezzijiet affordabbli, jipprovdi sinjali tal-prezzijiet essenzjali għall-investimenti fl-enerġija ekoloġika, jiżgura l-provvista tal-enerġija u jistabbilixxi l-aktar perkors effettiv għan-newtralità klimatika. L-UE għandha l-għan li tilħaq dawn l-objettivi billi:

    • telimina l-ostakli għall-kummerċ u l-punti ta’ konġestjoni fl-infrastruttura transfruntiera;
    • tippromwovi l-affordabbiltà tal-enerġija, il-flessibbiltà u l-istabbiltà tal-prezzijiet;
    • tiżgura regolamenti rigorużi dwar l-ambjent u s-sikurezza;
    • tiżgura l-provvista tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista kritiċi;
    • tallinja l-politiki tat-tassazzjoni u tal-ipprezzar man-normi u l-istandards komuni.
    • It-tfassil ta’ dan is-suq tal-enerġija jiżgura aċċess ġust, in-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni b’saħħitha tal-konsumatur u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini. Iżomm ukoll livelli suffiċjenti ta’ provvista u ġenerazzjoni tal-enerġija billi jipprijoritizza l-effiċjenza enerġetika (2.3.8) u jippromwovi l-enerġija rinnovabbli (2.3.9).

      Il-kisbiet

      A. Il-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija

      Is-suq intern tal-enerġija tal-UE evolva permezz ta’ diversi pakketti leġiżlattivi, li nbidlu minn monopolji nazzjonali għal sistema miftuħa, integrata u kompetittiva. Dawn il-pakkett jinkludu:

      • l-ewwel pakkett dwar l-enerġija, adottat bejn l-1996 u l-1998, li għall-ewwel darba fetaħ is-setturi nazzjonali tal-enerġija għall-kompetizzjoni;
      • it-tieni pakkett dwar l-enerġija, adottat fl-2003, li ppermetta lill-konsumaturi industrijali u domestiċi jagħżlu l-fornituri tal-enerġija tagħhom stess minn firxa usa’ ta’ kompetituri;
      • it-tielet pakkett dwar l-enerġija, adottat fl-2009, li rregola s-separazzjoni tal-ġenerazzjoni u l-provvista tal-enerġija min-networks tat-trażmissjoni, magħrufa bħala “separazzjoni”, u saħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur fis-swieq tal-bejgħ bl-imnut. Stabbilixxa l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u n-networks Ewropej tal-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (ENTSOs) biex jissorveljaw l-ekwità tas-suq;
      • ir-raba’ pakkett dwar l-enerġija, adottat fl-2019, introduċa regoli dwar l-enerġija rinnovabbli, inċentivi għall-konsumatur u limiti fuq is-sussidji għall-impjanti tal-enerġija, bħall-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Dan kien jeħtieġ it-tħejjija ta’ pjanijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskju għall-kriżijiet tal-elettriku u żied il-kompetenzi tal-ACER fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera;
      • il-ħames pakkett dwar l-enerġija, magħruf bħala “Lesti għall-mira ta’ 55%” u adottat fl-2024, jallinja l-miri tal-enerġija tal-UE mal-għan tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55% sal-2030 u li tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. Estenda r-regoli dwar il-gass għall-gassijiet dekarbonizzati, inkluż l-idroġenu;
      • il-Pjan REPowerEU, adottat fl-2022 wara l-invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna mir-Russja, ippropona l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-enerġija fossili mir-Russja u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, introduċa miżuri għall-iffrankar tal-enerġija u aċċellera t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Fl-2023, l-UE introduċiet kuntratti fit-tul fis-suq tal-elettriku biex tistabbilizza l-prezzijiet u tipproteġi lill-konsumaturi vulnerabbli. Fl-2026, adottat regoli biex telimina gradwalment l-importazzjonijiet Russi ta’ gass naturali likwifikat (LNG) u bil-pipelines.
      • B. L-atti legali li jiddefinixxu s-suq intern tal-enerġija tal-UE

        L-atti legali tal-UE li ġejjin jiddefinixxu l-prinċipji ewlenin, it-tfassil u r-regoli għall-operat tas-swieq interni tal-elettriku u tal-gass (dekarbonizzat), it-tħejjija għall-kriżijiet u l-ġestjoni tagħhom, l-integrità u t-trasparenza tas-suq, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-istatistika, u l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass Russu u t-tħejjijiet għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu:

        • id-direttiva tal-2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku;
        • id-direttiva tal-2024 dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gass rinnovabbli, il-gass naturali u l-idroġenu;
        • ir-regolament tal-2019 dwar is-suq intern tal-elettriku;
        • ir-regolament dwar is-swieq interni tal-gass rinnovabbli, tal-gass naturali u tal-idroġenu;
        • ir-regolament tal-2018 dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-azzjoni klimatika;
        • ir-regolament tal-2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija;
        • ir-regolament tal-2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku;
        • ir-regolament tal-2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa;
        • ir-regolament tal-2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku;
        • id-direttiva tal-2009 dwar livelli minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi;
        • ir-regolament tal-2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass;
        • ir-regolament tal-2026 dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu.
        • Sabiex is-suq tal-enerġija jiġi mmonitorjat b’suċċess, tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-enerġija u jiġu implimentati l-miżuri stabbiliti fil-qafas ta’ politika attwali tal-UE, ġew stabbiliti diversi regolaturi u operaturi:

          1. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)

          L-ACER tippromwovi l-kooperazzjoni bejn ir-regolaturi nazzjonali tal-enerġija kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak tal-UE, speċjalment fiż-żoni transfruntiera. L-objettivi ewlenin tagħha jinkludu:

          • il-monitoraġġ tal-iżvilupp tan-networks u s-swieq tal-enerġija;
          • l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ abbuż tas-suq;
          • il-koordinazzjoni tal-applikazzjoni tal-penali mal-pajjiżi tal-UE;
          • l-abbozzar tal-kodiċijiet tan-network u l-preżentazzjoni tal-proposti finali lill-Kummissjoni;
          • it-twettiq ta’ rwol fil-proċess tar-reviżjoni taż-żoni tal-offerti tas-suq tal-elettriku.
          • 2. In-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni

            L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni (TSOs) huma responsabbli għat-trasport tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu fin-networks tal-enerġija nazzjonali u transfruntiera u fl-infrastruttura tal-gass dekarbonizzat.

            Il-kooperazzjoni tagħhom hija żgurata min-networks Ewropej tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni (ENTSOs) li ġejjin:

            • in-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E);
            • in-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni tal-Gass (ENTSOG);
            • in-Network Ewropew tal-Operaturi ta’ Network għall-Idroġenu (ENNOH).
            • Flimkien mal-ACER, l-ENTSOs jiżviluppaw regoli dettaljati dwar l-aċċess għan-network u kodiċijiet tekniċi, imfassla biex jarmonizzaw, jintegraw u jtejbu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trażmissjoni tal-enerġija. L-ENTSOs jiżguraw ukoll il-koordinazzjoni tal-operazzjonijiet tal-grilja permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni operattiva u l-iżvilupp ta’ standards u proċeduri komuni ta’ sikurezza u ta’ emerġenza. Kull sentejn, l-ENTSOs jiżviluppaw pjan ta’ 10 snin għall-iżvilupp tan-network għall-grilja elettrika u għall-infrastruttura tal-gass dekarbonizzat tal-UE u jippreżentawh lill-ACER għal opinjoni.

              C. Il-kuntest ġeopolitiku attwali

              Il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija tal-UE ġie ttestjat minn kriżijiet reċenti tal-enerġija, li pprovokaw bidla fid-dipendenzi tal-UE fuq l-importazzjoni mill-gass bil-pipelines Russi għall-importazzjonijiet tal-LNG minn sħab affidabbli.

              L-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-2022 u ż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet tal-gass bil-pipelines wasslu lill-UE biex tidentifika lir-Russja bħala fornitur mhux affidabbli. L-UE ddeċidiet li twaqqaf l-importazzjonijiet kollha tal-faħam Russu u li timplimenta l-eliminazzjoni gradwali tal-gass, tal-LNG u taż-żejt Russi - u, fuq terminu twil, l-importazzjonijiet kollha tal-enerġija.

              Il-gwerra fl-Iran fi Frar 2026 u l-interruzzjoni sussegwenti tal-esportazzjonijiet taż-żejt u tal-LNG mill-Istrett ta’ Hormuz komplew joħolqu sfida għall-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE.

              D. Il-passi li jmiss

              B’reazzjoni għal diversi xokkijiet tal-enerġija, fi Frar 2025, l-UE nediet il-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, segwiti fl-2026 mill-Istrateġija għall-Investiment fl-Enerġija Nadifa, bil-għan li jitnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija, titlesta l-Unjoni tal-Enerġija, jiġu attirati investimenti fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura, u jitwettqu t-tħejjijiet għal kriżijiet ġodda tal-enerġija.

              Il-pjan ta’ azzjoni għal enerġija affordabbli jafferma mill-ġdid is-suq intern tal-enerġija tal-UE bħala l-għodda ewlenija biex iċ-ċittadini u n-negozji jiġu protetti minn prezzijiet għoljin tal-enerġija. Jipproponi, fost miżuri oħra, li titnaqqas it-tassazzjoni tal-elettriku, jitneħħew il-komponenti tal-kost mhux tal-enerġija mill-kontijiet, u jiġu stabbiliti tariffi tan-network aktar effiċjenti.

              E. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija

              Is-sigurtà tal-enerġija fl-UE tiddependi fuq diversi miżuri fis-setturi taż-żejt, tal-gass u tal-elettriku.

              Dawn jinkludu l-kisba tal-miri li ġejjin:

              • mira ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn il-pajjiżi tal-UE ta’ mill-anqas 15% sal-2030;
              • livelli tal-ħżin tal-gass mimlija sa 90% tal-kapaċità qabel kull staġun tax-xitwa;
              • minimu ta’ ħażniet taż-żejt ekwivalenti għal 90 jum tal-importazzjonijiet netti medji ta’ kuljum, jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema jkun l-akbar;
              • koordinazzjoni u miżuri ta’ tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku.
              • F. In-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E)

                L-integrazzjoni tal-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija fl-UE hija rregolata mir-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija (3.5.1). Dan ir-regolament stabbilixxa linji gwida għall-iżvilupp tal-infrastruttura u introduċa kemm proġetti ta’ interess komuni fl-UE kif ukoll proġetti ta’ interess reċiproku ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Għall-perjodu 2021-2027, dawn il-proġetti prijoritarji huma ffinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija (3.5.2).

                Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                Fl-adozzjoni tal-pakketti leġiżlattivi kollha dwar is-swieq tal-enerġija, il-Parlament dejjem appoġġja b’mod qawwi s-separazzjoni tas-sjieda tat-trażmissjoni fis-setturi tal-elettriku, tal-gass u tal-idroġenu bħala l-aktar għodda effikaċi għall-promozzjoni tal-investiment fl-infrastruttura b’mod li mhuwiex diskriminatorju, l-aċċess ekwu għall-grilja għall-parteċipanti ġodda fis-suq u t-trasparenza fis-suq tal-enerġija.

                Il-Parlament saħaq ukoll fuq l-importanza ta’ fehma Ewropea komuni dwar l-investimenti ta’ nofs it-terminu, kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet regolatorji, il-pajjiżi tal-UE u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni, u proċess b’saħħtu għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għan-network.

                Fuq l-inizjattiva tal-Parlament, ingħatat importanza speċjali liż-żieda tad-drittijiet tal-konsumatur f’oqsma bħall-protezzjoni tal-klijenti vulnerabbli, l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, l-iżgurar tal-protezzjoni mill-iskonnessjonijiet u l-għoti ta’ fornituri tal-aħħar istanza.

                Il-Parlament insista b’mod konsisteni għal rwol imsaħħaħ tal-ACER, filwaqt li saħaq li trid tingħata s-setgħat meħtieġa biex jingħelbu l-kwistjonijiet transfruntiera li r-regolaturi nazzjonali ma jistgħux isolvu, peress li dawn jimblukkaw l-integrazzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-enerġija.

                Adotta diversi riżoluzzjonijiet b’reazzjoni għall-kriżijiet reċenti tal-enerġija, filwaqt li ppromwova b’mod konsistenti l-eliminazzjoni gradwali immedjata u sħiħa tal-importazzjonijiet kollha tal-enerġija Russa, distribuzzjoni ġusta tal-kostijiet fost il-konsumaturi kollha u protezzjoni robusta għall-konsumaturi vulnerabbli.

                Fl-2025, il-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-appelli għal ritorn għall-importazzjonijiet tal-enerġija Russa bħala parti minn soluzzjoni ta’ paċi fl-Ukrajna u saħaq fuq il-ħtieġa ta’ projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-importazzjonijiet kollha tal-gass naturali Russu sal-2027. Ikkundanna wkoll il-ħela tal-enerġija rinnovabbli minħabba l-konġestjoni tal-grilja, issottolinja l-importanza tal-investiment fl-infrastruttura, u ppropona mira vinkolanti għall-interkonnessjoni għall-2036 u l-estensjoni tal-pjanijiet għall-iżvilupp tan-network għal perjodu ta’ żmien ta’ 20 sena.

                Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

                 

                Kristin BECKER / Matteo Ciucci