Il-politika tal-konsumatur: prinċipji u strumenti

Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi l-prinċipji u l-għodod ewlenin tal-politika tal-konsumatur. Protezzjoni effettiva tal-konsumatur tiżgura li s-suq uniku jiffunzjona bla xkiel, tippromwovi kompetizzjoni ġusta u tissalvagwardja d-drittijiet tal-konsumaturi. Billi ttejjeb l-aċċess għall-informazzjoni, il-politika tal-konsumatur tippermetti wkoll lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar infurmati u sostenibbli. L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u s-salvagwardja tal-interessi tagħhom huma għanijiet ewlenin tal-politika tal-UE.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): l-Artikoli 4(2)(f), 12, 114 u 169 jipprovdu l-qafas legali għall-politika tal-konsumatur tal-UE, filwaqt li jenfasizzaw ir-responsabbiltà kondiviża tal-UE mal-Istati Membri u jiddefinixxu l-objettivi tagħha.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 38 jiżgura li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE.
  • L-objettivi

    Biex tippromwovi l-interessi tal-konsumatur u tiżgura protezzjoni ta’ livell għoli, l-UE jeħtiġilha tissalvagwardja s-saħħa, is-sikurezza u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi. Għal dan il-għan, għandha:

    • issaħħaħ l-kapaċità tal-konsumaturi li jagħmlu għażliet infurmati; u
    • tiddefendi d-drittijiet tagħhom għall-informazzjoni u l-edukazzjoni.
    • Il-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiġi integrata fl-oqsma pertinenti kollha tal-politika tal-UE.

      L-azzjonijiet

      A. Ġenerali

      F’Novembru 2025, il-Kummissjoni ppubblikat l-Aġenda tal-Konsumatur tal-2030 u l-pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi fis-suq uniku, b’azzjonijiet speċifiċi biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur fl-UE. L-aġenda tistabbilixxi l-viżjonijiet strateġiċi tal-UE dwar il-politika tal-konsumatur, b’erba’ oqsma ta’ prijorità ewlenin.

      • Il-pjan ta’ azzjoni għall-konsumaturi: l-indirizzar tal-ostakli li jipprevjenu lill-konsumaturi milli jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq uniku, speċjalment f’oqsma bħall-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u t-trasport.
      • L-ekwità diġitali u l-protezzjoni tal-konsumatur online: l-iżgurar li l-qafas legali tal-UE jkun adattat għall-iskop tiegħu fl-era diġitali u jipproteġi aħjar lill-minorenni u lill-konsumaturi aktar vulnerabbli kemm online kif ukoll offline.
      • Il-konsum sostenibbli: l-iżgurar li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prodotti u servizzi sostenibbli u protezzjoni aħjar kontra l-greenwashing.
      • L-infurzar u r-rimedju effettivi: il-protezzjoni tal-konsumaturi mill-atturi tas-suq, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħhom. Filwaqt li l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur jaqa’ prinċipalment f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-UE għandha rwol importanti fil-koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet u l-azzjonijiet f’każijiet ta’ ksur suspettat b’dimensjoni mifruxa mal-UE kollha.
      • L-istituzzjonijiet tal-UE jużaw it-tabella ta’ valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-konsumatur biex isegwu l-politika tal-konsumatur u jivvalutaw il-kundizzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur f’oqsma bħall-għarfien, il-fiduċja, il-konformità u l-infurzar. It-tabella ta’ valutazzjoni teżamina wkoll l-integrazzjoni tas-suq bl-imnut tal-UE permezz ta’ tranżazzjonijiet transfruntiera u t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. Hija twettaq stħarriġ ta’ xerrejja reċenti biex tkejjel il-prestazzjoni ta’ aktar minn 40 suq dwar indikaturi bħall-fiduċja, il-komparabbiltà, l-għażla u s-sodisfazzjon tal-konsumatur.

        B. Miżuri settorjali (2.2.2)

        1. Il-gruppi tal-konsumaturi

        L-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu prijorità lill-involviment ta’ gruppi li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi. Il-Grupp Konsultattiv għall-Politika tal-Konsumatur (CPAG) huwa l-forum ewlieni tal-Kummissjoni biex jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u Ewropej tal-politika tal-konsumatur dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-Konsumatur ġdida.

        Il-grupp jikkomplementa entitajiet eżistenti oħra ġestiti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-Grupp ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u n-Network tal-Politika tal-Konsumatur.

        Dan huwa s-suċċessur tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Konsumaturi, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/705/KE, li l-mandat tiegħu ntemm f’Lulju 2019.

        2. Informazzjoni għall-konsumatur

        Għarfien aħjar dwar id-drittijiet tal-konsumatur jista’ jagħti spinta lill-fiduċja. L-UE waqqfet Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) biex jipprovdu pariri dwar ix-xiri u l-ilmenti transfruntiera. In-network jagħti informazzjoni u pariri lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom fl-UE u jgħinhom fit-tilwim tagħhom ma’ negozjanti f’pajjiżi oħra tal-UE. Il-Kummissjoni tmexxi kampanji ta’ informazzjoni għall-konsumatur u toffri gwidi prattiċi.

        Il-portal Your Europe għandu rwol importanti biex joffri aċċess għal informazzjoni aħjar dwar il-politika tal-konsumatur u jiġbor sorsi differenti ta’ informazzjoni f’ċentru wieħed ta’ informazzjoni ta’ referenza. L-aċċess għall-informazzjoni għaldaqstant tjieb, kif ipprovdut fir-regolament li jistabbilixxi gateway diġitali unika (ir-Regolament (UE) 2018/1724).

        Bħala parti mill-pakkett tal-ekonomija ċirkolari, id-direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar, id-Direttiva (UE) 2024/825 għandha l-għan ittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur billi tħeġġeġ xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli u tevita asserzjonijiet ambjentali qarrieqa.

        3. L-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur

        L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli biex jinfurzaw il-liġi tal-konsumatur. Biex jiġu indirizzati kwistjonijiet transfruntiera, l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu kkoordinati fil-livell tal-UE. Importanti daqs l-eżistenza tad-drittijiet tal-konsumatur huwa l-infurzar effettiv tagħhom. Ir-regolament dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament (UE) 2017/2394) jgħaqqad lil dawn l-awtoritajiet permezz ta’ network tal-UE, filwaqt li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet kollaborattivi kontra l-ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Dan in-network iwettaq investigazzjonijiet koordinati, inklużi sweeps fuq l-internet, sabiex jiżgura l-konformità ta’ sit web.

        Adottata fl-2019, id-Direttiva dwar il-Modernizzazzjoni (id-Direttiva (UE) 2019/2161) għandha l-għan issaħħaħ l-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Hija aġġornat ir-regoli eżistenti f’konformità mal-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni.

        Barra minn hekk, il-konsumaturi jistgħu jitolbu protezzjoni tal-interessi kollettivi tagħhom fl-UE permezz ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, jiġifieri azzjonijiet legali mressqa minn entitajiet rappreżentattivi f’konformità mad-direttiva dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi(id-Direttiva (UE) 2020/1828).

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        A. Ġenerali

        Il-Parlament irrakkomanda b’mod konsistenti li jissaħħu d-drittijiet tal-konsumaturi u jistinka biex jirfina r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. B’dan il-mod, il-Parlament huwa partikolarment konxju minn kwistjonijiet ġodda li jistgħu jaffettwaw lill-konsumaturi, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

        Minbarra r-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-Parlament: