Din l-iskeda informattiva tispjega d-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE — ir-regoli komuni li jipproteġu lill-vjaġġaturi bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur, bix-xarabank u bil-kowċ madwar l-UE. Hija tkopri d-drittijiet ewlenin (l-informazzjoni, l-assistenza, il-kumpens u l-aċċess ugwali għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa) għal kull mezz ta’ trasport. Tiddeskrivi l-iżviluppi leġiżlattivi li għaddejjin bħalissa, inklużi l-proposti dwar il-vjaġġi multimodali u l-infurzar, u tiddeskrivi r-rwol tal-Parlament fit-tfassil u t-tisħiħ ta’ dawn il-protezzjonijiet.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 91(1) u l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
  • L-objettivi

    L-UE hija l-uniku reġjun fid-dinja fejn il-passiġġieri huma protetti minn sett komprensiv ta’ drittijiet meta jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur jew bix-xarabank. L-ivvjaġġar fl-Ewropa żdied tul dawn l-aħħar deċennji, u b’mod parallel, l-UE introduċiet regoli komuni biex tipproteġi lill-passiġġieri u tevita li jkun hemm taħlita ta’ regolamenti nazzjonali differenti. Dawn id-drittijiet huma bbażati fuq tliet prinċipji ewlenin: trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni, informazzjoni ċara u f’waqtha, u assistenza xierqa meta jkun meħtieġ. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tfittex li tiżgura li l-passiġġieri jgawdu minn livell minimu u armonizzat ta’ protezzjoni, irrispettivament mill-mod ta’ trasport użat, bil-ħsieb li tiffaċilita l-mobbiltà u tinkoraġġixxi l-użu tat-trasport pubbliku.

    Il-kisbiet

    Maż-żmien, l-UE adottat korp ta’ regoli maħsub biex jipproteġi lill-passiġġieri, irrispettivament mill-mod ta’ trasport li jużaw. Dawn ir-regoli jibnu fuq leġiżlazzjoni preċedenti dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi[1] u l-vjaġġi kollox kompriż[2], u dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli[3], il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti. Madankollu, jidher li l-applikazzjoni tagħhom hija diffiċli u dan iwassal għal kawżi frekwenti fil-qorti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) għandha rwol ewlieni fl-interpretazzjoni tar-regoli.

    Ir-regoli jistabbilixxu ġabra ta’ drittijiet bażiċi komuni għall-modi kollha tat-trasport bħan-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni speċjali tal-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa[4], l-informazzjoni għall-vjaġġaturi, il-korpi nazzjonali ta’ infurzar u l-arranġamenti għall-indirizzar tal-ilmenti.

    A. It-trasport bl-ajru: ir-Regolament tal-2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 261/2004) u r-Regolament tal-2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006).

    Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 huwa l-kawża ta’ ħafna tilwim u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie ċċarat f’serje ta’ deċiżjonijiet[5].

    Imbark miċħud[6]:

    • it-trasportatur l-ewwel nett jeħtieġ jagħmel sejħa għall-voluntiera biex iċedu r-reservazzjoni tagħhom, li, minflok, jiġu offruti: (i) somma li tiġi nnegozjata b’mod liberu bħala kumpens, u (ii) l-għażla bejn rimborż fi żmien sebat ijiem (u, jekk ikun meħtieġ, titjira b’xejn lejn il-punt tat-tluq inizjali), jew li jiġu bbukkjati fuq rotta ġdida jew li jkomplu l-vjaġġ tagħhom mal-ewwel possibbiltà, jew f’data oħra li jaqblu fuqha ż-żewġ naħat;
    • il-passiġġieri li ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontà tagħhom għandhom jiġu offruti: (i) assistenza (ikla, telefonati u akkomodazzjoni jekk meħtieġ), (ii) l-għażla bejn rimborż fi żmien sebat ijiem (u, jekk ikun meħtieġ, titjira b’xejn lejn il-punt tat-tluq inizjali), jew li jiġu bbukkjati fuq rotta ġdida jew li jkomplu l-vjaġġ tagħhom mal-ewwel possibbiltà, jew f’data oħra li jaqblu fuqha ż-żewġ naħat, u (iii) somma immedjata predeterminata bħala kumpens kif ġej:
    • Titjiriet ≤ 1,500km Titjiriet 1,500km – 3,500km
      Titjiriet fl-UE ≥ 1,500km
      Titjiriet ≥ 3,500km
      EUR 250 (EUR 125 f’każ ta’ rotta ġdida u b’wasla fid-destinazzjoni finali anqas minn sagħtejn tard) EUR 400 (EUR 200 f’każ ta’ rotta ġdida u b’wasla fid-destinazzjoni finali anqas minn tliet sigħat tard) EUR 600 (EUR 300 f’każ ta’ rotta ġdida u b’wasla fid-destinazzjoni finali anqas minn erba’ sigħat tard)

      • assistenza (ikla, telefonati u akkomodazzjoni, jekk meħtieġ)[7];
      • għażla bejn (i) rimborż fi żmien sebat ijiem (u, jekk ikun meħtieġ, titjira b’xejn lejn il-punt tat-tluq inizjali), jew (ii) li jiġu bbukkjati fuq rotta ġdida jew li jkomplu l-vjaġġ tagħhom mal-ewwel possibbiltà, jew (iii) f’data oħra li jaqblu fuqha ż-żewġ naħat;
      • kumpens immedjat, bħal fil-każ tal-imbark miċħud, ħlief meta l-passiġġier ikun ġie infurmat minn qabel bil-kanċellazzjoni tat-titjira[8] jew jekk ikun hemm ċirkustanzi straordinarji[9].
      • Dewmien:

        id-drittijiet tal-passiġġieri msemmija hawn taħt jirrigwardaw dewmien ta’ mill-anqas (i) sagħtejn għal titjiriet ta’ 1,500km jew anqas, (ii) tliet sigħat għal titjiriet ta’ bejn 1,500km u 3,500km, u titjiriet intra-UE ta’ aktar minn 1,500km, u (iii) erba’ sigħat għal titjiriet ta’ aktar minn 3,500km.

        • assistenza (ikla, telefonati u akkomodazzjoni, jekk meħtieġ);
        • f’każ ta’ dewmien ta’ aktar minn tliet sigħat, il-passiġġier għandu jiġi offrut rimborż tal-prezz tal-biljett fi żmien sebat ijiem (u, jekk meħtieġ, titjira b’xejn lejn il-punt tat-tluq inizjali) kif ukoll kumpens, f’każ ta’ kanċellazzjoni[10].
        • Il-QĠUE interpretat u espandiet id-dritt għal kumpens għal dewmien ta’ tliet sigħat jew aktar fil-kawża Sturgeon vs Condor Flugdienst GmbH fl-2009.
        • Assenjazzjoni ta’ klassi ogħla/klassi aktar baxxa:

          • it-trasportatur ma jista’ jitlob l-ebda ħlas addizzjonali f’każ ta’ assenjazzjoni ta’ klassi ogħla lil passiġġier;
          • fil-każ ta’ assenjazzjoni ta’ klassi aktar baxxa, fi żmien sebat ijiem, it-trasportatur jeħtieġ jirrimborża lill-passiġġier kif ġej: (i) 30% tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet ta’ 1,500km jew anqas, (ii) 50% għat-titjiriet bejn 1,500km u 3,500km u t-titjiriet intra-UE ta’ aktar minn 1,500km, u (iii) 75% għat-titjiriet ta’ aktar minn 3,500km.
          • Persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa:

            il-passiġġieri b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa u dawk li jakkumpanjawhom dejjem għandhom jingħataw prijorità għall-imbark. F’każ ta’ rifjut tal-imbark, jew f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien ta’ titjira, irrispettivament mit-tul tad-dewmien, dejjem għandhom jiġu offruti assistenza (ikel, telefonati u akkomodazzjoni, jekk meħtieġ).

            F’Marzu 2013, il-Kummissjoni ppreżentat proposta li temenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 bil-għan li tkompli ttejjeb l-infurzar tar-regoli tal-UE billi tiċċara l-prinċipji ewlenin u d-drittijiet impliċiti tal-passiġġieri li wasslu għal ħafna tilwim bejn il-linji tal-ajru u l-passiġġieri. Il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fil-5 ta’ Frar 2014. Fil-Kunsill, il-proposta dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru waqfet ħesrem fl-2015 u l-progress kompla jiġi mxekkel minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fil-5 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill nieda mill-ġdid id-diskussjonijiet bil-għan li jadotta approċċ ġenerali, iżda fl-aħħar mill-aħħar iddeċieda li jagħlaq il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fi ftehim politiku approvat fis-6 ta’ Ġunju 2025. It-test tal-Kunsill ġie riferut lill-Parlament fid-9 ta’ Ottubru 2025. Wara trilogi informali u minħabba li l-pożizzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet baqgħu ’l bogħod minn xulxin, il-Parlament għalaq it-tieni qari tiegħu fil-21 ta’ Jannar 2026. L-emendi tal-Parlament ġew irrifjutati mill-Kunsill fl-24 ta’ Marzu 2026. Bħalissa, in-negozjati jinsabu għaddejjin mill-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

            B. It-trasport bil-ferrovija: ir-Regolament tal-2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ir-Regolament (UE) 2021/782).

            Fil-prinċipju, id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji tal-UE huma applikabbli għas-servizzi kollha tal-passiġġieri tal-ferroviji fl-Istati Membri kollha tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti tipi ta’ servizzi mill-applikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet skont ir-Regolament (UE) 2021/782. Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għall-ferroviji urbani, suburbani, reġjonali jew domestiċi fuq distanzi twal u għall-ferroviji li jitħaddmu strettament għal skopijiet storiċi jew marbuta mat-turiżmu. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeżentaw ukoll il-ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw mit-territorju tagħhom lejn pajjiżi mhux tal-UE – dment li l-biċċa l-kbira tal-vjaġġ iseħħ barra mill-UE u jinkludi mill-anqas waqfa skedata waħda f’pajjiż mhux tal-UE. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jeżentaw il-vjaġġi ferrovjarji internazzjonali transfruntiera bejn il-pajjiżi tal-UE.

            Fil-mument tax-xiri tal-biljett, il-kumpanija ferrovjarja jew il-bejjiegħ tal-biljetti għandhom jagħtu informazzjoni ċara dwar:

            • il-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar u kwalunkwe konnessjoni matul il-vjaġġ;
            • l-iskedi tal-ħinijiet, in-nollijiet u l-offerti speċjali;
            • l-interruzzjonijiet fl-iskeda jew dewmien (ippjanati u f’ħin reali);
            • l-aċċessibbiltà u l-faċilitajiet abbord għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa;
            • is-servizzi abbord bħall-Wi-Fi, it-toilets u l-ispazji għar-roti;
            • il-proċeduri li jirrigwardaw il-bagalji mitlufa u l-ilmenti;
            • id-drittijiet bħala passiġġieri, inkluż wieħed x’għandu jagħmel jekk il-ferrovija tiġi kkanċellata jew tkun tard.
            • Matul il-vjaġġ, l-operatur irid iżomm lill-passiġġieri aġġornati dwar is-servizzi abbord, l-istazzjon li jkun imiss, id-dewmien u l-informazzjoni dwar is-sikurezza. Jekk il-ferrovija tittardja jew tiġi kkanċellata, il-passiġġieri għandhom jirċievu aġġornamenti f’ħin reali u gwida ċara dwar id-drittijiet tagħhom u l-għażliet disponibbli għalihom.

              Dan ir-Regolament ġie adottat mill-Parlament fit-tieni qari f’April 2021. Fl-2024, il-Kummissjoni adottat Regolament ta’ implimentazzjoni li jissupplementa r-Regolament tal-2021 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji biex tissimplifika l-proċess biex il-passiġġieri bil-ferrovija jitolbu rimborż jew kumpens billi tinħoloq formola standard f’każ ta’ dewmien jew kanċellazzjoni fis-servizzi ferrovjarji (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/949).

              C. It-trasport marittimu u minn passaġġi fuq l-ilma interni: ir-Regolament tal-2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni (ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010).

              Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni (għal vjaġġi ta’ aktar minn 500m, bl-użu ta’ bastimenti bil-mutur li jġorru aktar minn 12-il passiġġier u 3 membri tal-ekwipaġġ) jistgħu jiġu infurzati biss jekk (1) il-port tal-imbark jew (2) il-port tad-destinazzjoni jkun jinsab fl-UE u jekk is-servizz ikun operat minn trasportatur tal-UE. Il-passiġġieri tal-bastimenti tal-kruċiera jeħtiġilhom jimbarkaw f’port tal-UE biex igawdu dawn id-drittijiet u mhumiex koperti minn ċerti dispożizzjonijiet dwar id-dewmien.

              Fil-każ li l-vjaġġ jitħassar jew jekk it-tluq jittardja b’aktar minn 90 minuta, il-passiġġieri għandhom:

              • jiġu infurmati dwar id-dewmien jew il-kanċellazzjoni sa mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat;
              • jingħataw l-għażla bejn (i) rotta ġdida jew it-tkomplija tal-vjaġġ mal-ewwel possibbiltà, jew (ii) rimborż fi żmien sebat ijiem (u, jekk meħtieġ, ritorn b’xejn għall-punt tat-tluq inizjali);
              • jingħataw assistenza (ħlief jekk il-passiġġier kien infurmat bid-dewmien qabel ma xtara l-biljett), inkluż ikliet, jekk possibbli, u akkomodazzjoni abbord jew fuq l-art, jekk meħtieġ (l-akkomodazzjoni fuq l-art hija ristretta għal tlett iljieli bi spiża ta’ EUR 80 kull lejl; ma jkunx meħtieġ li tiġi pprovduta akkomodazzjoni jekk il-kanċellazzjoni jew id-dewmien kienu kkawżati minn temp ħażin.
              • Dewmien sinifikanti mal-wasla:

                il-kumpens għandu jitħallas fi żmien xahar fuq talba tal-passiġġier, (ħlief jekk kien infurmat bid-dewmien qabel ma xtara l-biljett, jew jekk id-dewmien kien ikkawżat minn temp ħażin jew minn force majeure), kif ġej:

                Kumpens 25% tal-prezz tal-biljett imħallas 50% tal-prezz tal-biljett imħallas
                Vjaġġ ≤ 4 sigħat Dewmien ≥ siegħa Dewmien ≥ sagħtejn
                Vjaġġ ta’ bejn 4 u 8 sigħat Dewmien ≥ sagħtejn Dewmien ≥ 4 sigħat
                Vjaġġ ta’ bejn 8 sigħat u 24 siegħa Dewmien ≥ 3 sigħat Dewmien ≥ 6 sigħat
                Vjaġġ ≥ 24 siegħa Dewmien ≥ 6 sigħat Dewmien ≥ 12-il siegħa

                D. It-trasport bix-xarabank u bil-kowċ: ir-regolament tal-2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ (ir-Regolament (KE) Nru  181/2011).

                Id-drittijiet tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bix-xarabank jew bil-kowċ japplikaw fit-totalità tagħhom biss għas-servizzi regolari ta’ aktar minn 250km u meta t-tlugħ jew l-inżul ta’ passiġġieri jsir fit-territorju ta’ Stat Membru[11].

                Fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew jekk it-tluq jittardja b’aktar minn 120 minuta, il-passiġġieri għandhom:

                • jiġu infurmati dwar id-dewmien jew il-kanċellazzjoni sa mhux aktar tard minn 30 minuta wara l-ħin tat-tluq skedat;
                • jingħataw l-għażla bejn (i) rotta ġdida jew it-tkomplija tal-vjaġġ mal-ewwel possibbiltà, jew (ii) rimborż fi żmien 14-il jum (u, jekk meħtieġ, ritorn b’xejn għall-punt tat-tluq inizjali); jekk it-trasportatur ma joffrix din l-għażla lill-passiġġier, il-passiġġier jeħtieġlu jiġi rimborżat u għandu d-dritt ukoll għal kumpens li jammonta għal 50% tal-prezz tal-biljett, li għandu jitħallas fi żmien xahar;
                • jingħataw assistenza jekk il-vjaġġi ta’ aktar minn tliet sigħat, jew jekk is-servizz jittardja b’90 minuta (ikel u akkomodazzjoni, jekk meħtieġ, għal massimu ta’ żewġt iljieli bi spiża ta’ EUR 80 kull lejl; mhuwiex meħtieġ li tiġi offruta akkomodazzjoni jekk il-kanċellazzjoni jew id-dewmien ikunu kkawżati minn temp ħażin jew minn diżastru naturali.
                • E. Vjaġġi multimodali: il-proposta tal-Kummissjoni tal-2023 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri għall-vjaġġi multimodali.

                  Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament, li ġiet ippubblikata fid-29 ta’ Novembru 2023, għandha l-għan li tikkomplementa l-istandards eżistenti għall-protezzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll is-servizzi tax-xarabank u l-kowċ, billi tiżgura li l-passiġġieri jgawdu minn livell simili ta’ protezzjoni meta jaqilbu bejn dawn il-modi ta’ trasport matul vjaġġ b’biljett uniku (pereżempju ajruplan-xarabank jew ferrovija-xarabank-ajruplan).

                  Il-leġiżlazzjoni proposta tindirizza speċifikament il-kwistjonijiet tal-għoti tal-informazzjoni, l-assistenza fil-każ ta’ konnessjoni mitlufa, ir-regoli għall-protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa, il-kwalità tas-servizz u t-trattament tal-ilmenti.

                  Ir-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu tal-2025 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri multimodali ssottolinja li jekk passiġġier ikun xtara kuntratt multimodali uniku mingħand operatur wieħed, il-qlib bejn il-modi tat-trasport ma għandux ifisser li tintilef il-protezzjoni minn konnessjonijiet mitlufa u nuqqas ta’ assistenza. Jekk konnessjoni mitlufa tirriżulta f’dewmien tal-ivvjaġġar ta’ 60 minuta jew aktar, il-passiġġier għandu jiġi offrut ikel, xorb u soġġorn f’lukanda mingħajr ħlas, kif meħtieġ.

                  Peress li kuntratt multimodali uniku biss joffri protezzjoni sħiħa, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu daħħal l-obbligu li t-trasportaturi u l-intermedjarji jinfurmaw lill-vjaġġaturi dwar liema tip ta’ biljett ikunu qed jixtru (multimodali uniku, ikkombinat jew separat) qabel ma jixtru. Jekk dan ma jsirx, il-bejjiegħa jkunu responsabbli għar-rimborż tal-biljett u għal kumpens ta’ 75% jekk il-passiġġier jitlef konnessjoni.

                  Fid-9 ta’ Lulju 2025, il-Parlament iddeċieda li jidħol f’negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta. In-negozjati għadhom għaddejjin.

                  F. Reviżjoni tal-qafas regolatorju dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE

                  Fid-29 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tirrevedi l-qafas regolatorju dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-passiġġieri fl-UE meta jivvjaġġaw bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll it-trasport bix-xarabank u bil-kowċ.

                  Fl-4 ta’ Lulju 2025, ir-rapport tal-Kumitat tressaq għall-plenarja u fid-9 ta’ Lulju 2025 id-deċiżjoni tal-Kumitat li jidħol f’negozjati interistituzzjonali ġiet ikkonfermata fil-plenarja. Billi jindirizzaw il-lakuni fl-infurzar, itejbu l-mekkaniżmi għat-trattament tal-ilmenti b’formola Ewropea komuni u jiżguraw responsabbiltajiet ċari għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-intermedjarji, il-miżuri proposti mill-Parlament se jtejbu t-trasparenza, l-aċċessibbiltà u l-ġustizzja għall-passiġġieri. In-negozjati issa għaddejjin b’mod parallel mar-reviżjoni tar-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru (ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 1107/2006).

                  Ir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19

                  It-tixrid tal-COVID-19 wassal lill-Kummissjoni biex fit-18 ta’ Marzu 2020 tadotta Linji Gwida Interpretattivi dwar ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19 li fihom fakkret li l-passiġġieri għandhom id-dritt li jagħżlu bejn rimborż u rotta ġdida. Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni oħra dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.

                  Il-“Pjan ta’ Kontinġenza għat-Trasport” tal-2022 tal-Kummissjoni, li ġie adottat fit-23 ta’ Mejju 2022, kellu l-mira li jislet tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19 u biex iqis l-isfidi li s-settur tat-trasport kien qed jiffaċċja minħabba l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn iż-żewġ kriżijiet affettwaw b’mod qawwi t-trasport tal-merkanzija u tan-nies.

                  Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                  Il-Parlament dejjem impenja ruħu bis-sħiħ favur id-drittijiet tal-passiġġieri tal-modi kollha tat-trasport. Illum, l-għan prinċipali tiegħu huwa li jiżgura li t-testi adottati f’dawn l-aħħar snin jiġu applikati kif xieraq. Għalhekk, il-Parlament appella għal regoli li jinftiehmu b’mod aktar faċli, għall-għoti ta’ informazzjoni ċara u preċiża lill-passiġġieri qabel u waqt il-vjaġġ tagħhom, għal proċeduri ta’ lmenti sempliċi u rapidi u għal infurzar aħjar tar-regoli eżistenti.

                  Il-Parlament esprima ruħu wkoll favur li jittejbu d-drittijiet eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet qarrieqa jew inġusti fil-kuntratti tat-trasport, u li jittejjeb l-aċċess għall-infrastruttura tat-trasport għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa u li jiġu introdotti drittijiet ġodda, bħal standards jew regoli minimi dwar il-kwalità li jipproteġu lill-passiġġieri li jagħmlu vjaġġi multimodali. Dan l-aħħar punt ikun jirrikjedi li l-Istati Membri ma jibqgħux jagħmlu derogi meta japplikaw ir-regoli dwar it-trasport bil-ferrovija jew bit-triq.

                  Deċiżjonijiet ewlenin tal-Parlament Ewropew rigward id-drittijiet tal-passiġġieri:

                  • ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ falliment tal-linja tal-ajru;
                  • ir-Riżoluzzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020;
                  • ir-Riżoluzzjoni tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar il-funzjonament u l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti ta’ persuni li jivvjaġġaw bl-ajru;
                  • ir-Riżoluzzjoni tat-23 ta’ Ottubru 2012 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport;
                  • il-pożizzjoni tal-5 ta’ Frar 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 261/2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi bl-ajru, fejn jidħol it-trasport bl-ajru tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom;
                  • ir-Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar il-ħolqien ta’ sistema multimodali integrata għall-ħruġ ta’ biljetti fl-Ewropa;
                  • ir-Riżoluzzjoni tas-17 ta’ April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, li fiha l-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex tara jekk il-Linji Gwida Interpretattivi tagħha rigward ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19, ippubblikati fit-18 ta’ Marzu 2020, ġew implimentati b’mod xieraq;
                  • ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar il-pjan ta’ azzjoni biex tingħata spinta lit-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntier il-protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-passiġġieri li għandha tiġi żgurata fil-modi differenti kollha tat-trasport.
                  • Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasport, l-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu.

                     

                    [1]Inklużi d-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi, u d-Direttiva 2011/83/UE dwar drittijiet tal-konsumatur.
                    [2]Id-Direttiva 90/314/KEE dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż. Mill-1 ta’ Lulju 2018, dan it-test (inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u tad-Direttiva 2011/83/UE) ġie sostitwit b’direttiva ġdida li tqis ir-rwol ormaj dominanti tal-internet fil-kummerċjalizzazzjoni tal-vaganzi kollox kompriż (id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-25 ta’ Novembru 2015).
                    [3]Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi f’każ ta’ inċidenti ġew allinjati mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti: il-Konvenzjoni ta’ Montreal għat-trasport bl-ajru (trasposta fil-liġi tal-UE u estiża biex tkopri t-titjiriet domestiċi bir-Regolament (KE) Nru 889/2002); il-Konvenzjoni ta’ Ateni għat-trasport marittimu (id-dispożizzjonijiet rilevanti ġew trasposti fid-dritt tal-UE u estiżi biex ikopru t-trasport domestiku bir-Regolament (KE) Nru 392/2009); il-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (id-dispożizzjonijiet rilevanti ġew trasposti fid-dritt tal-UE u estiżi biex ikopru t-trasport domestiku bir-Regolament (KE) Nru 1371/2007). Fil-każijiet li mhumiex koperti minn dawn il-konvenzjonijiet jew it-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt tal-UE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti (it-trasport bix-xarabank jew bil-kowċ u t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni).
                    [4]Pereżempju, dawn jirċievu assistenza xierqa mingħajr ma jkunu obbligati jħallsu żejjed, dment li tkun ingħatat notifika minn qabel lit-trasportatur.
                    [5]F’Marzu 2013, il-Kummissjoni pproponiet li dawn ir-regoli jiġu ċċarati (u, b’mod partikolari, id-definizzjoni ta’ “ċirkustanzi straordinarji” għandha tittejjeb) biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli. Il-proposta għadha qed tiġi diskussa u għaddiet mill-ewwel qari fil-Parlament fil-5 ta’ Frar 2014 (ĠU C 93, 24.3.2017, p. 336). Sadattant, il-Kummissjoni adottat interpretazzjoni tar-regoli attwalment fis-seħħ abbażi tal-ġurisprudenza fl-10 ta’ Ġunju 2016.
                    [6]“Imbark miċħud” tfisser ir-rifjut li passiġġieri jinġarru fuq titjira, minkejja li jkunu ppreżentaw ruħhom għall-imbark taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, ħlief meta jkun hemm raġunijiet validi biex ma jitħallewx jimbarkaw, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sikurezza jew sigurtà, jew minħabba dokumentazzjoni ta’ vvjaġġar mhux adegwata.
                    [7]Il-QĠUE ddeċidiet li din l-assistenza hija dovuta irrispettivament mir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni, u mingħajr limitu ta’ żmien jew ta’ flus għajr l-ispejjeż effettivament imġarrba mill-passiġġier.
                    [8]Mill-anqas ġimagħtejn qabel id-data tat-titjira. Din l-iskadenza tista’ titqassar f’każ ta’ rotta ġdida.
                    [9]Il-ġurisprudenza tal-QĠUE llimitat dan għal każijiet ta’ force majeure.
                    [10]Il-QĠUE rrikonoxxiet li l-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom kellhom dewmien ta’ aktar minn tliet sigħat huma paragunabbli mal-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom ġew ikkanċellati. Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ippreveda biss il-possibbiltà ta’ rimborż għal dewmien ta’ aktar minn ħames sigħat.
                    [11]Ċerti drittijiet japplikaw ukoll għas-servizzi regolari li jkopru distanza qasira (informazzjoni, nondiskriminazzjoni, aċċess għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa) jew għas-servizzi okkażjonali (nondiskriminazzjoni, kumpens f’każ ta’ inċident jew ħsara tat-tagħmir speċifiku għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa).

                    Maja STRNAD MESKO