Il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni
Din l-iskeda informattiva tispjega l-evoluzzjoni tal-politiki tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni. Fi tmiem id-disgħinijiet, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali ġiet minquxa bħala objettiv ta’ politika fit-Trattati u l-UE kienet mgħammra b’għodod aktar b’saħħithom biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ittieħdu azzjonijiet importanti, bħall-istabbiliment ta’ miri għat-tnaqqis tal-faqar u tal-istrateġiji mfassla biex dawn jintlaħqu, kif ukoll il-promulgazzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni.
Il-bażi legali
- L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
- L-Artikolu 19 u l-Artikoli 145 sa 161 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
- It-Titolu III tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
- l-istrateġija tal-UE għad-drittijiet tat-tfal;
- ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal;
- il-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar;
- ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar introjtu minimu adegwat li jiżgura inklużjoni attiva;
- l-Istrateġija Ewropea għall-Kura għall-indokraturi u għal dawk li jirċievu l-kura;
- il-proposti tal-grupp ta’ livell għoli dwar il-futur tal-protezzjoni soċjali u tal-istat soċjali, li stabbilixxa 21 rakkomandazzjoni biex jittejbu s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u l-istati soċjali.
- id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali (id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000);
- id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi (id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000);
- id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali (id-Direttiva 2006/54/KE tal-5 ta’ Lulju 2006), li integrat flimkien għadd ta’ direttivi preċedenti ddedikati għall-opportunitajiet indaqs u għat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa;
- id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-20 ta’ Ġunju 2019),li tadottaperspettiva usa’ dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel;
- id-Direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost diretturi ta’ kumpaniji elenkati u miżuri relatati (id-Direttiva (UE) 2022/2381 tat-23 ta’ Novembru 2022);
- id-Direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika tagħhom, it-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, it-trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fl-aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista tagħhom (id-Direttiva (UE) 2024/1499 tas-7 ta’ Mejju 2024);
- id-Direttiva dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza fil-qasam tat-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol (id-Direttiva (UE) 2024/1500 tal-14 ta’ Mejju 2024);
- id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (id-Direttiva (UE) 2024/1385 tal-14 ta’ Mejju 2024).
- l-istrateġija ta’ ugwaljanza bejn is-sessi 2020-2025 tal-5 ta’ Marzu 2020, li segwiet l-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2016-2019;
- id-Direttiva li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar (id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-10 ta’ Mejju 2023);
- f’Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà 2021-2030. Din l-istrateġija tinkludi inizjattivi ewlenin bħaċ-ċentru tar-riżorsi AccessibleEU, il-Pjattaforma tad-Diżabbiltà, il-Karta Ewropea tad-Diżabbiltà u l-Gwida dwar l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità ta’ persuni b’diżabbiltà;
- il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu 2020-2025 tat-18 ta’ Settembru 2020;
- il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni ta’ Ottubru 2020;
- ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom tat-12 ta’ Marzu 2021;
- l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 tat-12 ta’ Novembru 2020;
- il-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2027 tal-24 ta’ Novembru 2020, li jinkludi proposti f’erba’ oqsma (l-edukazzjoni, l-impjiegi, l-akkomodazzjoni u s-saħħa), bl-għan li jiġu promossi l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tal-migranti u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta’ migrazzjoni;
- l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija 2021-2030 tal-5 ta’ Ottubru 2021.
- l-istrateġija kontra r-razziżmu 2026-2030 (Jannar 2026), li ssegwi r-riżultati ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru li jenfasizza li żewġ ċittadini minn kull tlieta għadhom iqisu d-diskriminazzjoni razzjali bħala kwistjoni mifruxa f’pajjiżhom;
- l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2026-2030, li ssegwi l-pjan direzzjonali għad-drittijiet tan-nisa adottat f’Marzu 2025.
- fl-4 ta’ Ottubru 2023, ir-riżoluzzjoni dwar is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni;
- fil-21 ta’ Novembru 2023, ir-riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali fi żminijiet ta’ kriżi għat-tfal u l-familji tagħhom;
- fil-21 ta’ Novembru 2023, ir-riżoluzzjoni dwar it-tisħiħ tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, sentejn wara l-adozzjoni tagħha.
L-objettivi
Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija wieħed mill-għanijiet speċifiċi tal-politika soċjali tal-UE u l-Istati Membri tagħha. F’konformità mal-Artikolu 153 tat-TFUE, l-inklużjoni soċjali għandha tintlaħaq biss abbażi tal-kooperazzjoni mhux leġiżlattiva, filwaqt li l-Artikolu 19 tat-TFUE jippermetti lill-UE tieħu azzjoni biex tiġġieled id-diskriminazzjoni kemm billi toffri protezzjoni legali għall-vittmi potenzjali kif ukoll billi tistabbilixxi inċentivi għall-ġlieda kontriha.
Il-kisbiet
A. Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali
Bejn l-1975 u l-1994, il-Komunità Ekonomika Ewropea (il-prekursur għall-UE) mexxiet diversi proġetti u programmi pilota mfassla biex jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali, l-azzjoni Komunitarja f’dan il-qasam kienet kontinwament ikkontestata.
Din is-sitwazzjoni nbidlet bid-dħul fis-seħħ, fl-1999, tat-Trattat ta’ Amsterdam, li kellu mnaqqax fih il-qerda tal-esklużjoni soċjali bħala objettiv tal-politika soċjali tal-UE. Fis-sena 2000, ġie stabbilit il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali biex jippromwovi l-kooperazzjoni dwar il-politiki tal-protezzjoni soċjali bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni (l-Artikolu 160 tat-TFUE).
L-Istrateġija ta’ Liżbona, imnedija wkoll fis-sena 2000, ħolqot mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u koordinazzjoni biex jiġu stabbiliti l-objettivi u jitkejjel il-faqar bl-użu ta’ firxa ta’ indikaturi. Inkludiet ukoll linji gwida għall-Istati Membri u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar, u stabbiliet qafas ġdid għall-kooperazzjoni, il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (MMK) bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-MMK huwa forma ta’ tfassil ta’ politika intergovernattiv u volontarju abbażi ta’ objettivi u indikaturi komuni maqbula. Partijiet ikkonċernati oħra, inklużi s-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, jikkooperaw ukoll fil-proċess. L-għodda ġiet aġġornata fl-2006.
Fir-rakkomandazzjoni tagħha dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni ddikjarat li l-Istati Membri għandhom “jiddisinjaw u jimplimentaw strateġija komprensiva integrata għall-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol flimkien ma’ għajnuna fid-dħul adegwata, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ kwalità”.
F’Marzu 2010, il-Kummissjoni nediet l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li introduċiet mira komuni ġdida fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li għandha tintlaħaq sal-2020: li l-għadd ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-livell tal-faqar nazzjonali jitnaqqas b’25% u li aktar minn 20 miljun ruħ jinħelsu mill-faqar.
F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni nediet il-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, waħda mis-seba’ inizjattivi emblematiċi tal-istrateġija Ewropa 2020, flimkien ma’ lista ta’ inizjattivi ewlenin, inklużi valutazzjoni tal-istrateġiji dwar l-inklużjoni attiva fil-livell nazzjonali u white paper dwar aġenda għal pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli, ippubblikata fl-2012.
Fl-2010, ġie stabbilit is-Semestru Ewropew, eżerċizzju annwali li jikkoordina l-politiki ekonomiċi u soċjali tal-UE. F’dan il-kuntest, fl-2013, il-Kummissjoni ressqet proposta bit-titolu “It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja”, b’rispons għas-sejħiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament. Komponent ewlieni huwa t-tabella ta’ valutazzjoni soċjali, li tikkonsisti f’sett ta’ indikaturi, inkluż dawk dwar l-inugwaljanza fl-introjtu, l-introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi, ir-rata tar-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, ir-rata ta’ żgħażagħ li la huma f’impjieg u lanqas f’edukazzjoni jew f’taħriġ u l-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar.
F’Novembru 2017, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni esprimew l-impenn tagħhom għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) fi proklamazzjoni interistituzzjonali. L-EPSR jistabbilixxi l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali bħala wieħed mit-tliet oqsma ewlenin tiegħu (3.6.1 Il-politika soċjali u tal-impjieg: il-prinċipji ġenerali). L-EPSR kien intuża biex titnieda sensiela ta’ inizjattivi leġiżlattivi u ta’ politika, bħad-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli (id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-20 ta’ Ġunju 2019), il-pakkett dwar l-ekwità soċjali, li jinkludi r-regolament li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-20 ta’ Ġunju 2019) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom, u d-direttiva dwar pagi minimi adegwati (id-Direttiva (UE) 2022/2041 tad-19 ta’ Ottubru 2022), li għandha l-għan li tiġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu. Dawk li qed jiffaċċjaw qgħad fit-tul kienu wkoll fiċ-ċentru tal-politiki, inkluż fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol.
Il-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 ma ntlaħqux. Fil-pjan ta’ azzjoni tal-EPSR ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni stabbiliet mira ewlenija ġdida: li, sal-2030, l-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-faqar jitnaqqas b’mill-anqas 15-il miljun (inkluż mill-anqas 5 miljun tifel u tifla). Il-miri nazzjonali relatati ġew ippreżentati f’Ġunju 2022. Il-pjan ta’ azzjoni tal-EPSR ta’ Marzu 2021 wassal għal għadd ta’ inizjattivi:
Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni tal-2024 dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali enfasizza li, filwaqt li l-UE kienet fit-triq it-tajba fir-rigward ta’ xi indikaturi, kien hemm bżonn ta’ aktar azzjoni rigward it-tnaqqis tal-faqar. Filwaqt li fl-2023, kien hemm 1.6 miljun persuna anqas f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali milli fl-2019, il-mira kienet aktar ambizzjuża. Il-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2024-2029 jinkludu strateġija tal-UE kontra l-faqar biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-faqar. Din l-istrateġija hija mistennija li tiġi ppreżentata fit-tieni trimestru tal-2026.
F’Diċembru 2025, il-Kummissjoni nediet il-pjan Ewropew għal akkomodazzjoni affordabbli sabiex tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali biex joffru akkomodazzjoni affordabbli lill-Ewropej kollha. Il-pjan għandu l-għan li jżid il-provvista tal-akkomodazzjoni, jimmobilizza l-investiment fis-settur, jappoġġja gruppi vulnerabbli, bħaż-żgħażagħ, u jiġġieled il-problema ta’ persuni mingħajr dar.
Il-miżuri tal-UE spiss iffukaw fuq iż-żgħażagħ. Fl-2012, b’reazzjoni għall-għadd kbir ta’ żgħażagħ bla xogħol, il-Kummissjoni pproponiet Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, li kien segwit minn Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-2013. B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt sproporzjonat tagħha fuq iż-żgħażagħ, f’Lulju 2020, il-Kummissjoni pproponiet il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, inkluża rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (Pont għall-Impjiegi). Il-Kummissjoni nediet inizjattiva ġdida ta’ kollokament f’impjieg fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) imsejħa ALMA (Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb) biex timmira liż-żgħażagħ Ewropej vulnerabbli li ma kienu fl-ebda tip ta’ impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, sabiex tgħinhom isibu post fis-suq tax-xogħol. F’Marzu 2026, il-Kummissjoni nediet l-istrateġija tagħha dwar l-ekwità interġenerazzjonali, biex tagħti aktar spazju lill-perspettiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika.
Fir-rigward tal-miżuri tal-UE għat-tfal b’mod partikolari, l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal imsemmija hawn fuq tinkludi azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-faqar, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni li jaffettwaw lit-tfal, u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled l-esklużjoni soċjali billi tiggarantixxi li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess għal sett ta’ servizzi importanti. F’Jannar 2024, biex tikkontribwixxi għall-progress lejn il-miri tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, il-Kummissjoni ppreżentat qafas ta’ monitoraġġ ġdid li għandu jintuża mill-Istati Membri u bħala parti mis-Semestru Ewropew. Fl-2026 jaħbat il-ħames anniversarju tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-Kummissjoni hija mistennija tniedi inizjattiva biex tkompli ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-impatt tagħha.
B. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
Is-sena 1997 tista’ titqies bħala punt ta’ bidla, peress li kien żdied Artikolu ġdid (issa l-Artikolu 19 tat-TFUE) fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, liema Artikolu jagħti s-setgħa lill-Kunsill li jieħu azzjoni biex jittratta d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-età, id-diżabbiltà jew l-orjentazzjoni sesswali. Fl-2003, dan l-Artikolu ġie emendat bit-Trattat ta’ Nizza biex jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ inċentiv. Fl-2009, daħlet fis-seħħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tinkludi diversi Artikoli dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. Fl-2011, għall-ewwel darba fl-istorja, l-UE saret parti minn trattat internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà (UNCRPD). L-EPSR tal-2017 afferma mill-ġdid il-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs.
Ġew adottati għadd ta’ direttivi tal-UE f’dan il-qasam:
Proposta tal-Kummissjoni tal-2008 għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali barra mill-ambitu tal-impjieg (magħrufa bħala d-Direttiva Orizzontali Kontra d-Diskriminazzjoni) għadha ma laħqitx kunsens fil-Kunsill.
L-objettivi kontra d-diskriminazzjoni ġew segwiti kemm b’atti legali kif ukoll b’għodod oħra ta’ politika. Il-mandat tal-Kummissjoni tal-2019-2024 għamel il-bini ta’ “Unjoni ta’ Ugwaljanza” prijorità ewlenija, u dan irriżulta f’għadd ta’ inizjattivi ġodda:
Taħt il-mandat tal-Kummissjoni 2024-2029, s’issa ġew proposti żewġ strateġiji rilevanti:
C. Il-finanzjament mill-UE
F’dan ir-rigward, l-istrument prinċipali ta’ finanzjament huwa l-FSE+, li jagħmel il-finanzjament tal-UE disponibbli għall-kofinanzjament ta’ azzjonijiet li jkollhom l-għan li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni, li jikkumbattu d-diskriminazzjoni u li jgħinu lill-persuni l-aktar żvantaġġati jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol (3.6.2 Il-Fond Soċjali Ewropew Plus).
Għall-perjodu 2021-2027, il-FSE+ għandu baġit totali ta’ kważi EUR 99.3 biljun. Ir-Regolament FSE+ tal-2021 jirrikjedi li 25% tal-fondi jiġu allokati għall-inklużjoni soċjali, mill-anqas 3% minnhom jintefqu fuq l-għajnuna alimentari u l-assistenza materjali bażika għal dawk l-aktar fil-bżonn, u fl-Istati Membri fejn l-għadd ta’ tfal f’riskju għoli ta’ faqar huwa ogħla mill-medja tal-UE, minimu ta’ 5% tar-riżorsi tal-FSE+ iridu jintefqu fuq miżuri biex jitjieb l-aċċess ugwali tat-tfal għal kura tas-saħħa, edukazzjoni u indukrar tat-tfal bla ħlas, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni xierqa.
Fl-2014, ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 stabbilixxa l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Il-Fond jappoġġja l-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jipprovdu assistenza materjali, flimkien ma’ miżuri ta’ inklużjoni soċjali, lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Għall-perjodu 2021-2027, huwa integrat fil-FSE+.
F’Settembru 2020, ġie stabbilit l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) sabiex jappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-pandemija tal-COVID-19 u biex iħares l-impjiegi u l-introjtu, speċjalment permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar. Sad-data ta’ skadenza tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2022, kien ipprovda EUR 98.4 biljun f’self parallel lill-Istati Membri.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) daħlet fis-seħħ fi Frar 2021 bl-għan li tipprovdi sa EUR 723.8 biljun f’finanzjament sal-aħħar tal-2026 biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19. Tnejn mis-sitt pilastri stabbiliti fl-RRF jikkontribwixxu biex il-faqar u l-esklużjoni soċjali jiġu indirizzati.
F’Marzu 2022, wara l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni ressqet proposta biex tippermetti lill-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) tintroduċi aktar flessibbiltà fir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020. Dan ippermetta lill-Istati Membri jużaw riżorsi tal-CARE biex jiffinanzjaw miżuri ta’ emerġenza u biex jipprovdu appoġġ immedjat fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Ir-Regolament dwar l-Assistenza Flessibbli għat-Territorji (FAST-CARE) estenda l-appoġġ eżistenti pprovdut skont CARE.
Fil-kuntest tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet żero netti, l-UE adottat sensiela ta’ miżuri biex tiżgura li l-faqar u l-inklużjoni soċjali ma jmorrux għall-agħar. Xi eżempji huma l-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li jinkludi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u l-Fond Soċjali għall-Klima.
F’Diċembru 2024, il-Parlament u l-Kunsill adottaw il-ħolqien, abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, tal-istrument ta’ finanzjament Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni (RESTORE) biex jipprovdi assistenza addizzjonali u aktar flessibbiltà lill-Istati Membri affettwati minn diżastri naturali, li jinkludi wkoll il-kura tas-saħħa u l-appoġġ soċjali (bħall-għoti ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar). Il-proposta RESTORE inizjali tal-Kummissjoni tipprevedi ammont addizzjonali għall-2025 ta’ EUR 3 biljun, li għandu jiġi żborżat fl-ambitu tal-FEŻR u l-FSE+.
F’Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet arkitettura riveduta għall-baġit fit-tul tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali. Ġew proposti bidliet sinifikanti fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew (3.6.2 il-Fond Soċjali Ewropew Plus), li x’aktarx jaffettwaw il-finanzjament dirett lejn il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament adotta diversi riżoluzzjonijiet biex isaħħaħ l-azzjoni tal-UE biex jitnaqqas il-faqar u jittejbu l-kundizzjonijiet u l-prospetti tal-persuni soċjalment żvantaġġati, pereżempju fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2020 dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro, meta esprima tħassib dwar l-effetti soċjali devastanti tal-kriżi tal-COVID-19, u fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2021 dwar is-Semestru Ewropew. F’dawn ir-riżoluzzjonijiet, il-Parlament talab biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ protezzjoni soċjali robusti u skema Ewropea ta’ riassigurazzjoni tal-qgħad. Fi Frar 2021, il-Parlament enfasizza din l-aħħar talba f’riżoluzzjoni dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b’enfasi speċjali fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, li fiha talab ukoll għal strateġija Ewropea ġenerali kontra l-faqar u talab li l-Kummissjoni tippreżenta qafas tal-UE dwar l-introjtu minimu. B’segwitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2023 dwar introjtu minimu adegwat, il-Parlament adotta riżoluzzjoni biex jitlob direttiva dwar l-introjtu minimu adegwat sabiex jissaħħaħ il-qafas legali.
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal hija l-eżitu ta’ talba tal-2015 mill-Parlament, li ġiet implimentata permezz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021. F’Marzu 2026, riżoluzzjoni tal-Parlament dwar is-Semestru Ewropew fakkret fir-rilevanza tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u ssottolinjat li kien meħtieġ baġit speċifiku ambizzjuż. It-Trattat ta’ Liżbona (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE) ta s-setgħa ta’ approvazzjoni lill-Parlament b’rabta mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Il-Parlament kien strumentali fid-dibattitu li wassal għall-inklużjoni ta’ dan l-Artikolu, u spiss stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-direttivi tal-UE kontra d-diskriminazzjoni. F’riżoluzzjoni ta’ Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi, il-Parlament esprima d-dispjaċir tiegħu għan-nuqqas ta’ progress fir-rigward tad-Direttiva Orizzontali Kontra d-Diskriminazzjoni u talab lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iniedu n-negozjati mill-ġdid. Il-Parlament tenna dawn it-talbiet f’diversi riżoluzzjonijiet sussegwenti u organizza dibattitu fil-plenarja dwar is-suġġett f’Ottubru 2019.
Il-Parlament talab ukoll biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata fil-baġits u fit-tfassil tal-politika, u biex jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneri meta tkun qed tiġi stabbilita xi politika ġdida. Ġew adottati wkoll riżoluzzjonijiet li jesprimu tħassib dwar id-dimensjoni tal-ġeneru tal-faqar u d-differenza bejn il-ġeneri fil-pensjonijiet (eż. dawk tar-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE). Riżoluzzjoni ta’ April 2018 dwar l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tas-settur diġitali appellat li jitrawwem l-aċċess tan-nisa u l-bniet għall-edukazzjoni u l-impjiegi fis-settur tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. F’riżoluzzjoni ta’ Lulju 2022 dwar il-faqar tan-nisa fl-Ewropa, il-Parlament irrikonoxxa li t-tneħħija tal-ostakli eżistenti għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għal servizzi affordabbli, bħall-kura fit-tul u l-indukrar tat-tfal, hija strateġija essenzjali biex jiġi eliminat il-faqar fost in-nisa. F’Marzu 2026, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tappella għal sforzi mmirati biex jitnaqqsu d-differenzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet, li enfasizzat il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-riskji tal-ġeneru u dawk intersezzjonali tal-faqar.
Il-Parlament semma’ leħnu dwar it-titjib tad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Fost bosta inizjattivi oħra, il-Parlament talab strateġija Ewropea ambizzjuża dwar id-diżabbiltà għal wara l-2020 u stieden lill-istituzzjonijiet tal-UE l-oħra u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-ugwaljanza inklużiva għall-persuni b’diżabbiltà fir-riżoluzzjoni tiegħu li tappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-UNCRPD. F’Novembru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija aġġornata dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, inklużi miżuri konkreti biex jiġu indirizzati d-differenzi, pereżempju fl-aċċessibbiltà u l-impjiegi.
Il-Parlament ġibed ukoll l-attenzjoni għall-kwistjonijiet li ħabbtu wiċċhom magħhom gruppi speċifiċi matul il-pandemija tal-COVID-19, u, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, appella għal strateġija komprensiva kontra l-faqar. Fit-8 ta’ Lulju 2020, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà intellettwali fil-kriżi tal-COVID-19. F’Settembru 2020, huwa stieden lill-Istati Membri jtejbu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-esklużjoni soċjali tal-komunitajiet Rom u biex jipproteġu saħħithom matul il-kriżi tal-COVID-19.
Fl-2023, il-Parlament adotta tliet riżoluzzjonijiet li jiffukaw fuq id-drittijiet tat-tfal Rom:
Iż-żieda fir-rati ta’ persuni mingħajr dar madwar l-UE u n-nuqqas ta’ akkomodazzjoni affordabbli saru suġġetti ta’ tħassib kbir għall-Parlament, kif juru r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Novembru 2020 dwar l-indirizzar tar-rati ta’ persuni mingħajr dar u r-riżoluzzjoni ta’ Jannar 2021 dwar l-akkomodazzjoni affordabbli. F’dawn ir-riżoluzzjonijiet, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-dritt għal akkomodazzjoni xierqa jkun rikonoxxut u infurzabbli bħala dritt fundamentali tal-bniedem f’leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE. Fit-18 ta’ Diċembru 2024, il-Parlament iddeċieda li jwaqqaf kumitat speċjali dwar il-kriżi tal-akkomodazzjoni bl-għan li jipproponi soluzzjonijiet għal akkomodazzjoni deċenti, sostenibbli u affordabbli (3.6.11). F’Marzu 2026, ir-riżoluzzjoni dwar il-kriżi tal-akkomodazzjoni fl-UE u r-riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali għall-2026 appellaw għal għadd ta’ miżuri biex tiġi żgurata akkomodazzjoni affordabbli.
F’Ottubru 2022, fl-isfond tal-kriżi li kienet qed tiżviluppa tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-rispons tal-UE għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, li fiha ħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li n-nies setgħu jaffordjaw isaħħnu djarhom u jevitaw l-iżgumbramenti tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli. Ir-riżoluzzjoni enfasizzat li ħafna nies diġà kienu f’sitwazzjonijiet vulnerabbli qabel il-kriżi u wissiet li l-inflazzjoni tista’ tagħmel is-sitwazzjoni intollerabbli għall-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u l-klassi medja wkoll qed tiġi dejjem aktar affettwata. B’rispons għal dan, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjoni dwar il-faqar enerġetiku f’Ottubru 2023.
Fi Frar 2026, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-istrateġija kontra l-faqar li appellat għal koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u saħqet fuq l-importanza ta’ skemi adegwati ta’ introjtu minimu, impjiegi ta’ kwalità, u aċċess għal servizzi essenzjali. Ir-riżoluzzjoni dwar il-prijoritajiet ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali għall-2026 tappella għal integrazzjoni aktar b’saħħitha tal-objettivi soċjali fil-qalba tal-governanza ekonomika tal-UE, u speċjalment fis-Semestru Ewropew.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasport, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.
Cecilia NAVARRA