Il-politika tal-enerġija: il-prinċipji ġenerali

Din l-iskeda informattiva tispjega l-qafas tal-politika tal-enerġija tal-UE u l-objettivi ewlenin tagħha tad-dekarbonizzazzjoni, il-kompetittività, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibbiltà. Hija tiddeskrivi l-leġiżlazzjoni ewlenija li tirfed l-Unjoni tal-Enerġija – mid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli sar-riforma tad-Disinn tas-Suq tal-Elettriku – u tittraċċa l-evoluzzjoni tal-politika xprunata mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-ispinta biex tintemm id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi. Tiddeskrivi wkoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew bħala koleġiżlatur u s-sejħiet tiegħu għal miri klimatiċi aktar ambizzjużi u solidarjetà transfruntiera aktar b’saħħitha fil-qasam tal-enerġija.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dispożizzjonijiet speċifiċi huma stabbiliti fl-Artikolu 122 tat-TFUE (dwar is-sigurtà tal-provvista) u fl-Artikoli 170–172 tat-TFUE (dwar in-networks tal-enerġija).
  • Dispożizzjonijiet oħra tat-TFUE li jaffettwaw il-politika tal-enerġija jinsabu:
    • fl-Artikolu 114 tat-TFUE, li jagħmilha aktar faċli li wieħed jgħaddi liġijiet interni dwar l-enerġija relatati mas-suq (eż. standards tal-effiċjenza, kodiċijiet tal-grilja) fejn l-għan huwa li jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ aktar milli jiġu ddettati l-għażliet nazzjonali dwar l-enerġija;
    • fl-Artikoli 216–218 tat-TFUE, li jagħtu s-setgħa lill-UE biex tinnegozja u tinforza ftehimiet internazzjonali dwar is-sigurtà tal-enerġija u s-sħubijiet tal-provvista, filwaqt li jiżguraw approċċ unifikat għall-isfidi globali tal-enerġija.
    • It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) huwa s-sinsla legali tal-politika nukleari tal-UE. Ma ġiex amalgamat fit-TFUE u jibqa’ qafas legali separat.
    • L-objettivi

      Skont l-Artikolu 194 tat-TFUE, l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE huma li:

      • tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;
      • tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE;
      • tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli; u
      • tippromwovi l-interkonnessjoni tan-networks tal-enerġija.
      • Fil-qalba tagħha, il-politika tixpruna l-isforzi biex tinħoloq Unjoni tal-Enerġija integrata bis-sħiħ.

        Skont l-Artikolu 194 tat-TFUE uħud mill-oqsma tal-politika tal-enerġija huma kompetenza kondiviża, li jfisser li qed noqorbu lejn politika komuni tal-enerġija. Madankollu, kull Stat Membru jżomm id-dritt tiegħu li jiddetermina t-taħlita tal-enerġija speċifika tiegħu u li jisfrutta s-sorsi tal-fjuwil tiegħu stess.

        L-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija: l-Unjoni tal-Enerġija

        Suq intern tal-enerġija integrat bis-sħiħ u li jiffunzjona tajjeb jiżgura prezzijiet tal-enerġija affordabbli, jagħti s-sinjali meħtieġa tal-prezzijiet għall-investimenti fl-enerġija ekoloġika, jiżgura l-provvisti tal-enerġija u jgħin biex tinkiseb in-newtralità klimatika bl-aktar mod kosteffettiv. Il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern tal-enerġija, kienet inizjalment ibbażata fuq il-prinċipji ta’ kooperazzjoni transfruntiera u swieq ġusti tal-bejgħ bl-imnut. Il-leġiżlazzjoni segwenti ffukat fuq it-tħejjija għar-riskji, il-koordinazzjoni, l-inċentivi għall-konsumaturi, id-dekarbonizzazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Għal aktar informazzjoni, ara l-iskeda informattiva 2.1.9 dwar is-suq intern tal-enerġija.

        It-twassil tal-aġendi tal-2030 u l-2050

        A. Il-qafas attwali tal-politika tal-enerġija

        1. Il-Patt Ekoloġiku — Lesti għall-mira ta’ 55% (2021–2024)

        Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija primarja tal-UE biex tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Dan qed jiġi implimentat permezz tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%” tal-2021, sett ta’ liġijiet imfassla biex inaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55% sal-2030.

        2. Il-pjan REPowerEU (2022-...)

        Il-Patt Ekoloġiku ġie mmodifikat mill-pjan REPowerEU mniedi fl-2022. L-għan tiegħu kien li gradwalment jelimina d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili Russi malajr u kompletament. Il-pjan żied b’mod sinifikanti l-miri tal-qafas “Lesti għall-mira ta’ 55%” u nbena fuq tliet pilastri ewlenin:

        • l-iffrankar tal-enerġija,
        • id-diversifikazzjoni tal-provvisti,
        • l-introduzzjoni aċċellerata ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.
        • Il-pjan immobilizza kważi EUR 300 biljun, primarjament permezz ta’ self mhux użat mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u għotjiet iffinanzjati mill-bejgħ ta’ kwoti tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS).

          3. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli (2025- ...)

          Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli, ippreżentat bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa, huwa mfassal biex inaqqas il-kostijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi u għall-industrija. Huwa mibni fuq erba’ pilastri:

          • it-tnaqqis tal-kostijiet tal-enerġija,
          • it-tlestija tal-Unjoni tal-Enerġija,
          • l-attrazzjoni tal-investiment u l-iżgurar tat-twassil,
          • it-tħejjija għall-kriżijiet.
          • Ħabbar ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi Pakkett dwar il-Grilji Ewropej, li sussegwentement ġie ppreżentat f’Diċembru 2025, bl-għan li jsolvi l-konġestjoni tal-grilja, id-dewmien fl-għoti tal-permessi, l-ippjanar frammentat, l-ostakli għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u l-lakuni fis-sigurtà tal-infrastruttura.

            4. Atti leġiżlattivi ewlenin tal-UE dwar l-enerġija

            Att Deskrizzjoni
            Il-Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (TEN-E) Adottati għall-ewwel darba fl-2013, ġew riveduti fl-2022 biex jallinjaw mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. F’Diċembru 2025 ġiet proposta reviżjoni ġdida bħala parti mill-Pakkett dwar il-Grilji.
            Huwa jidentifika u jappoġġja proġetti ta’ interess komuni (PCIs), li huma proġetti ta’ infrastruttura transfruntiera fuq skala kbira u essenzjali għal UE newtrali għall-klima.
            Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) Ir-RED-I (2009) stabbiliet l-għan li jintlaħaq sehem ta’ 20% ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija tal-UE sal-2020. Skont id-data tal-Eurostat, l-UE laħqet 22.1% tal-enerġija rinnovabbli fl-2020.
            Ir-RED-II (2018) introduċiet il-mira vinkolanti ta’ mill-anqas 32% tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-UE sal-2030.
            Ir-RED-III (2023) għolliet din il-mira għal 42.5%, b’mira ta’ aspirazzjoni ta’ 45% sal-2030.
            Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (EED) L-EED-I (2012) stabbiliet mira ta’ ffrankar tal-enerġija primarja ta’ 20% għall-2020 meta mqabbla mal-projezzjonijiet.
            L-EED-II (2018) imbagħad żiedet l-ambizzjoni għal titjib ta’ mill-anqas 32.5% fl-effiċjenza enerġetika sal-2030 meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2007.
            L-EED riveduta (2023) stabbiliet il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” u mira vinkolanti tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 11.7% fil-konsum finali tal-enerġija sal-2030.
            Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; (EPBD) L-EPBD riveduta (2024) tirrikjedi li l-bini l-ġdid kollu jkun bini b’emissjonijiet żero mill-2030 ’il quddiem, u li l-bini eżistenti jiġi ttrasformat f’bini b’emissjonijiet żero sal-2050.
            Pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat Il-pakkett tal-2024 aġġorna r-regoli li jirregolaw is-suq tal-gass naturali tal-UE, kif stabbilit fid-Direttiva dwar il-Gass u fir-Regolament dwar il-Gass, billi ħoloq qafas regolatorju għall-idroġenu u biddel l-infrastruttura tal-gass lejn gassijiet dekarbonizzati. Elimina wkoll gradwalment il-kuntratti fit-tul tal-gass fossili sal-2049.
            Disinn tas-suq tal-elettriku Pakketti suċċessivi (1998, 2003, 2009) illiberalizzaw u integraw is-suq tal-elettriku tal-UE. Id-Direttiva emendatorja tal-2024 dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku u r-Regolament emendatorju tal-2024 dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku jippromwovu kuntratti fit-tul, itejbu l-protezzjoni tal-konsumatur u jippermettu l-kondiviżjoni tal-enerġija.
            Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (ETD) Din tistabbilixxi rati minimi tat-taxxa għall-prodotti tal-enerġija bħall-elettriku, il-fjuwils tat-trasport u l-fjuwils tat-tisħin, tarmonizza t-tassazzjoni biex tappoġġja s-suq intern filwaqt li tippermetti flessibbiltà lill-Istati Membri fuq ir-rati minimi. Proposta tal-2021 biex it-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija tiġi allinjata mal-politiki ambjentali u klimatiċi tal-UE għadha qed tiġi nnegozjata.

            Skont il-qafas attwali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima (NECPs) għal 10 snin għall-perjodu mill-2021 sal-2030, iressqu rapport ta’ progress kull sentejn u jiżviluppaw strateġiji nazzjonali fit-tul konsistenti biex jilħqu l-miri tal-enerġija miftiehma u l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

            It-tisħiħ tar-relazzjonijiet esterni fil-qasam tal-enerġija

            Wara d-deċiżjoni li jitneħħew gradwalment l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa, il-pjan REPowerEU ppropona tnaqqis kbir u rapidu fl-użu tal-gass fossili tal-UE ta’ mill-anqas 155 biljun metru kubu, ekwivalenti għall-volum importat mir-Russja fl-2021. B’mod parallel, l-UE ħadmet mas-sħab internazzjonali biex tiddiversifika l-provvisti, tiżgura l-importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) u żżid il-kunsenji ġodda tal-gass mill-pipelines. L-istrateġija attwali tal-UE dwar il-politika tal-enerġija, kif stabbilita fil-komunikazzjoni konġunta dwar il-viżjoni globali tal-UE għall-klima u għall-enerġija, hija li taċċellera t-tranżizzjoni nadifa u sostenibbli fis-suq globali, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħha u l-aċċess tagħha għall-materja prima.

            It-titjib tas-sigurtà tal-provvista u l-interkonnessjoni tal-enerġija

            Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, is-sigurtà tal-provvista saret il-prijorità ewlenija tal-politika tal-enerġija tal-UE. Din tistrieħ fuq tliet dimensjonijiet ewlenin: ir-reżiljenza tal-infrastruttura, id-diversifikazzjoni tar-riżorsi u r-rispons koordinat f’każ ta’ emerġenza. Biex tiżgura biżżejjed provvisti tal-gass qabel il-perjodu tax-xitwa, l-UE adottat ir-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass f’Ġunju 2022, li introduċa miri vinkolanti għall-mili tal-ħażniet fl-UE kollha (90% qabel l-istaġun tat-tisħin). Oriġinarjament adottat bħala għodda ta’ emerġenza, ir-regolament ġie estiż sal-2027.

            Il-politika tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-UE hija rregolata mir-Regolamenti tan-Networks Trans-Ewropej (TENs) (ara l-iskeda informattiva 3.5.1 dwar it-TENs), li jinkludu miżuri għall-infrastruttura tal-enerġija (TEN-E). Il-politiki tat-TENs huma ffinanzjati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (ara l-iskeda informattiva 3.5.2 dwar il-finanzjament tat-TENs).

            L-effiċjenza enerġetika

            Il-pedament tal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika hija d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika l-ġdida, (EED) li stabbiliet mira ta’ 11.7% għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja (indikattiv) u finali tal-UE sal-2030, meta mqabbel mal-projezzjonijiet tal-2020. Id-Direttiva hija bbażata fuq il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, li jistabbilixxi obbligu għall-pajjiżi tal-UE li jiżguraw li s-soluzzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika jitqiesu fid-deċiżjonijiet tal-ippjanar, tal-politika u tal-investiment (ara l-iskeda informattiva 2.3.8 dwar l-effiċjenza enerġetika).

            Sabiex imexxu bl-eżempju, l-EED tistabbilixxi regoli speċifiċi biex tindirizzata l-effiċjenza enerġetika fis-settur pubbliku. Is-settur pubbliku kollu kemm hu jrid inaqqas il-konsum tal-enerġija tiegħu b’1.9% fis-sena meta mqabbel mal-2021. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jirrinovaw mill-anqas 3% tal-erja totali tal-art tal-bini li jkun proprjetà ta’ korpi pubbliċi kull sena.

            L-enerġija rinnovabbli

            Il-pedament tal-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli huwa d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li stabbiliet mira vinkolanti ta’ 42.5% għas-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija tal-UE sal-2030, bl-għan li jinkiseb 45%. Id-Direttiva tippromwovi sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (enerġija solari, mir-riħ, mill-oċeani u idroelettrika, bijomassa u bijofjuwils, u enerġija ġeotermali) permezz ta’ appoġġ nazzjonali u skemi ta’ finanzjament tal-UE, peress li s-swieq tal-enerġija waħedhom ma jistgħux iwasslu l-livell mixtieq ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE (ara l-iskeda informattiva 2.3.9 dwar l-enerġija rinnovabbli).

            Biex jappoġġjaw ir-riċerka, l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji rinnovabbli tal-ġenerazzjoni li jmiss li huma essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, l-Istati Membri stabbilew mira indikattiva għal teknoloġija innovattiva tal-enerġija rinnovabbli biex sal-2030 tkun tammonta għal mill-anqas 5% tal-kapaċità kollha tal-enerġija rinnovabbli installata ġdida.

            Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

            Il-Parlament Ewropew iservi bħala koleġiżlatur fit-tiswir tal-Unjoni tal-Enerġija u insista b’mod konsistenti għal miri klimatiċi ogħla u solidarjetà transfruntiera aktar b’saħħitha. L-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-enerġija jirriflettu r-rilevanza u l-ambizzjoni dejjem akbar tiegħu fl-objettivi klimatiċi u ambjentali li jirfdu l-politika tal-UE dwar l-enerġija.

            • Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2025 dwar il-Patt għal Industrija Nadifa, il-Parlament enfasizza l-ħtieġa li titlesta l-Unjoni tal-Enerġija u stieden lill-Istati Membri, lill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni u lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-iskambji transfruntiera tal-elettriku u jistinkaw biex jilħqu l-mira attwali ta’ interkonnessjoni ta’ 15%.
            • Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Ġunju 2025 dwar il-grilji tal-elettriku, il-Parlament enfasizza li l-grilji tal-elettriku huma ċentrali għat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija kompetittiva b’emissjonijiet żero netti sal-2050, u stieden lill-Istati Membri jesploraw, jottimizzaw, jimmodernizzaw u jespandu bis-sħiħ il-kapaċità tan-network tal-elettriku tagħhom, inklużi t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni.
            • Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Lulju 2025 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE, il-Parlament saħaq fuq l-importanza li jiġu eliminati gradwalment l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi, li jinbdew interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku mill-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk tul assi mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, li jiġu ddiversifikati t-terminals tal-gass naturali likwifikat u li jiġu żviluppati l-pipelines.
            • Fis-17 ta’ Ġunju 2025, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament biex telimina gradwalment l-importazzjonijiet kollha tal-gass mill-pipelines Russi u tal-gass naturali likwifikat fl-UE sa tmiem l-2027. Matul in-negozjati, il-Membri tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA) kienu favur l-inklużjoni ta’ projbizzjoni totali fuq l-importazzjonijiet taż-żejt mir-Russja u l-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu. Fis-26 ta’ Jannar 2026 ġie adottat regolament dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-gass naturali Russu u t-tħejjija għall-eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu (ir-Regolament (UE) 2026/261). Huwa pprojbixxa l-importazzjoni tal-gass naturali likwifikat u tal-gass mill-pipelines Russi sal-ħarifa tal-2027 u talab lill-Istati Membri jippreżentaw pjanijiet ta’ diversifikazzjoni sal-1 ta’ Marzu 2026, li jagħtu dettalji dwar l-istadji importanti għas-sostituzzjoni tal-provvisti tal-enerġija Russi. Il-Parlament qed jistenna l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għal projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taż-żejt Russu lejn l-UE.

              Il-Kumitat ITRE huwa wieħed mill-akbar u l-aktar kumitati attivi tal-Parlament, b’ 90 membru. Huwa responsabbli għall-abbozzar u l-emendar ta’ leġiżlazzjoni kritika relatata mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, u l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Lil hinn mid-dmirijiet leġiżlattivi tiegħu, il-Kumitat ITRE għandu rwol ċentrali fl-iskrutinju, billi jeżamina l-proposti tal-Kummissjoni u jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija. Billi jorganizza seduti ta’ smigħ tal-esperti u jinnegozja direttament mal-Kunsill, il-Kumitat jiżgura li l-politiki tal-enerġija jibbilanċjaw il-ħtiġijiet doppji tal-kompetittività industrijali u l-affordabbiltà tal-konsumatur, filwaqt li jaġixxi bħala gwardjan għall-prosperità sostenibbli tal-Ewropa.

              Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE).

               

              Marianne Simonne Eva MAQUET / Matias Kambic