Din l-iskeda informattiva tispjega l-politiki tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli, il-kisbiet tagħha sal-lum u l-miri tagħha għall-futur, u tistabbilixxi l-qafas legali għall-enerġija rinnovabbli. Tagħti dettalji dwar l-azzjonijiet tal-UE għall-promozzjoni tal-enerġija solari, mir-riħ, mill-oċeani u ġeotermali, kif ukoll il-bijofjuwils u l-idroġenu rinnovabbli, u tiddeskrivi r-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil tal-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli.

Il-bażi legali u l-objettivi tal-politika tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli

L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-objettivi li ġejjin għall-politiki tal-enerġija tal-UE:

  • tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija;
  • tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;
  • tippromwovi l-effiċjenza tal-enerġija, l-iffrankar tal-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;
  • u tippromwovi l-interkonnessjoni ta’ networks tal-enerġija.
  • Il-kisbiet tal-politika tal-enerġija rinnovabbli

    A. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Patt għal Industrija Nadifa

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, imniedi fl-2019, huwa l-pjan ambizzjuż tal-UE biex tittrasforma l-ekonomija tagħha u ssir newtrali għall-klima sal-2050, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Jindirizza l-isfidi tal-enerġija, tal-klima u tal-ambjent u għandu l-għan li jaqta’ r-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

    Fi Frar 2025, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Patt għal Industrija Nadifa. Dan għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju mill-industrija u jappoġġja l-kompetittività tan-negozji filwaqt li jħeġġiġhom jagħmlu investimenti kbar f’teknoloġiji nodfa, enerġiji rinnovabbli u kapaċità tal-manifattura.

    B. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli

    Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (id-Direttiva RED) daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2018. Hija tistabbilixxi l-mira legalment vinkolanti li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum globali tal-enerġija tal-UE jiżdied għal 42.5% sal-2030, u jitlob sforzi biex jintlaħaq il-45%, rivedut ’il fuq minn 32% fl-2023. Dan jirrifletti mhux biss l-ambizzjoni klimatika l-ġdida tal-UE, iżda wkoll il-ħtieġa li ssir tranżizzjoni malajr lil hinn mill-fjuwils fossili Russi u li l-UE ssir aktar indipendenti fl-enerġija.

    Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli se tħaffef ukoll il-proċeduri biex jingħataw permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Iż-żmien massimu biex jiġu approvati installazzjonijiet ġodda f’żoni prijoritizzati għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huwa ta’ 12-il xahar, filwaqt li fi bnadi oħra huwa ta’ 24 xahar.

    Id-Direttiva tistabbilixxi s-sottomiri settorjali li ġejjin għall-pajjiżi tal-UE:

    • Fis-settur tal-industrija (inklużi l-manifattura, l-estrazzjoni, il-kostruzzjoni u l-ipproċessar intensiv fl-enerġija): mira mhux vinkolanti li jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli b’1.6% fis-sena; mira legalment vinkolanti ta’ 42% tal-idroġenu kkunsmat fl-industrija li jiġi minn sorsi rinnovabbli sal-2030, li tiżdied għal 60% sal-2035.
    • Fis-settur tat-trasport: mira mhux vinkolanti ta’ 49% għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli użata fil-bini sal-2030. Il-miri għall-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ jiżdiedu b’0.8 punti perċentwali fis-sena sal-2025 u b’1.1 punti perċentwali mill-2026 sal-2030, li jibdew mis-sehem fl-2020.
    • Fis-settur tat-trasport: mira legalment vinkolanti ta’ 29% għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport sal-2030, jew tnaqqis ta’ 14.5% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, permezz ta’ użu akbar ta’ bijofjuwils avvanzati u fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBO), bħall-idroġenu (ara t-taqsima D.2).
    • Fit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali; mira mhux vinkolanti ta’ żieda medja annwali ta’ 2.2 punti perċentwali fis-sehem ta’ enerġija li ġejja minn sorsi rinnovabbli u sħana u kesħa mormija fit-tisħin/tkessiħ distrettwali.
    • Fir-riċerka u l-innovazzjoni; mira mhux vinkolanti ta’ 5% tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli installata reċentement li tkun ġejja minn teknoloġiji innovattivi sal-2030.
    • Id-Direttiva RED tistabbilixxi mira kollettiva legalment vinkolanti għall-UE. Minflok ma’ stabbilixxa miri nazzjonali minn fuq għal isfel, ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika jeħtieġ il-pajjiżi tal-UE jissottomettu kontributi nazzjonali konsistenti mal-mira għall-UE kollha fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-enerġija u l-klima (NECPs) għal għaxar snin, bejn l-2021 u l-2030.

      L-NECPs jiġu mmonitorjati kull sentejn b’rapporti dwar il-progress u vvalutati mill-Kummissjoni, li tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet u tieħu miżuri fil-livell tal-UE biex tiżgura li l-miri ġenerali tal-UE jintlaħqu.

      1. Il-promozzjoni tal-investiment u l-kooperazzjoni

      Id-Direttiva RED tiddeskrivi diversi modi li l-pajjiżi tal-UE jistgħu jippromwovu l-investiment fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi skemi ta’ appoġġ, garanziji ta’ oriġini, proġetti konġunti, u kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijofjuwils.

      Id-Direttiva RED tħeġġeġ ukoll il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, pereżempju: i) il-pajjiżi jistgħu jaqblu ma’ trasferimenti statistiċi, fejn ammont ta’ enerġija rinnovabbli jitnaqqas mit-total ta’ pajjiż wieħed u jiżdied ma’ ieħor, mingħajr ma l-enerġija fil-fatt tgħaddi minn id għal oħra; ii) żewġ pajjiżi tal-UE jew aktar jistgħu jikkofinanzjaw proġetti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jaqblu li jikkondividu l-enerġija prodotta u proporzjon tal-proġett jista’ jgħodd għall-miri ta’ kull pajjiż; u iii) il-pajjiżi jistgħu jikkofinanzjaw skemi ta’ appoġġ konġunt biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’pajjiż wieħed jew aktar, filwaqt li jaqsmu l-kostijiet u l-benefiċċji.

      2. Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli

      Ir-Regolament dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi jilħqu l-miri individwali u kollettivi tagħhom għall-enerġija rinnovabbli. Dan ġie stabbilit bħala parti mid-Direttiva RED.

      Il-mekkaniżmu jgħaqqad pajjiżi li jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ proġetti (pajjiżi kontribwenti) ma’ pajjiżi li jaqblu li jkollhom proġetti ġodda mibnija fit-territorji tagħhom (pajjiżi ospitanti). Proġetti bħal dawn jistgħu jitħallsu b’kontribuzzjonijiet mill-fondi tal-UE, mill-baġits nazzjonali jew mis-settur privat, u l-enerġija li jiġġeneraw tikkontribwixxi għall-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiżi parteċipanti kollha.

      C. In-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija

      In-Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E) huma politika li tiffoka fuq il-konnessjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiżi tal-UE, u tallinjaha mal-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Ir-Regolament TEN-E tal-2022 stabbilixxa r-regoli tal-UE għall-infrastruttura tal-enerġija transfruntiera.

      Huwa jidentifika:

      • 11-il kuritur prijoritarju inklużi l-interkonnessjoni tal-grilja tal-elettriku bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, l-iżvilupp ta’ grilji tal-elettriku transfruntiera lil hinn mill-kosta, l-interkonnessjoni tal-infrastruttura tal-idroġenu u l-interkonnessjoni ta’ pajjiżi u reġjuni li bħalissa għandhom grilji tal-elettriku iżolati, bħall-Irlanda u l-Peniżola Iberika;
      • tliet oqsma tematiċi prijoritarji: l-użu ta’ grilji intelliġenti tal-elettriku, grilji intelliġenti tal-gass u network transfruntier għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju;
      • proġetti ta’ interess komuni: proġetti bejn mill-anqas żewġ pajjiżi tal-UE li jtejbu b’mod sinifikanti l-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u s-sigurtà tal-provvista, u li jintegraw is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija; kif ukoll
      • proġetti ta’ interess reċiproku: simili għal proġetti ta’ interess komuni iżda mwettqa bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk il-pajjiżi mhux tal-UE eliġibbli biex jieħdu sehem f’tali proġetti; dawn iġibu benefiċċji soċjoekonomiċi netti għall-UE.
      • Barra minn hekk, dan jippromwovi l-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ġodda ta’ enerġija nadifa fis-sistema tal-enerġija, jenfasizza l-importanza tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta fid-dekabornizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija tal-UE, jeskludi proġetti ta’ gass naturali futuri mill-finanzjament tal-UE u jipproponi modi biex il-proċeduri ta’ permessi u ta’ awtorizzazzjoni jiġu ssimplifikati.

        D. Il-pjan REPowerEU

        Dan huwa l-pjan tal-UE biex telimina gradwalment l-importazzjonijiet tal-enerġija mir-Russja u tiżgura prezzijiet stabbli billi tiffranka l-enerġija, tiddiversifika l-provvisti u żżid il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Tnieda f’Mejju 2022, tliet xhur wara l-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, b’pakkett ta’ finanzjament ta’ EUR 300 biljun.

        Biex jilħaq l-għan tiegħu li jwaqqaf l-importazzjonijiet kollha tal-fjuwils fossili Russi fl-UE sa tmiem l-2027, il-pjan REPowerEU huwa ffukat fuq li jħaffef it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli. Parzjalment bis-saħħa ta’ dan il-pjan, l-UE issa għandha aktar minn 400 u 300 gigawatt (GW) tal-kapaċità totali installata tal-enerġija solari installata u tal-kapaċità tal-enerġija mir-riħ kumulattiva, rispettivament.

        Aktar minn 47% tal-elettriku tal-UE issa jiġi minn sorsi rinnovabbli, u t-tkabbir fl-enerġija mir-riħ waħdu mill-2022 huwa ekwivalenti għall-produzzjoni ta’ madwar 200 impjant tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam.

        E. Ir-reviżjoni futura tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

        F’Lulju 2021, bħala parti mill-isforzi tal-UE li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għar-ristrutturar tal-qafas tal-Unjoni għat-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u tal-elettriku bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn ir-rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali tal-UE jeħtiġilhom jirreveduha u japprovawha qabel ma tkun tista’ tidħol fis-seħħ. Id-deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar it-tassazzjoni jeħtieġu l-unanimità.

        Skont il-proposta, il-fjuwils jiġu ntaxxati skont l-impatt ambjentali tagħhom aktar milli l-volum tagħhom. L-aktar fjuwils dannużi jiġu ntaxxati bl-ogħla rati, u l-eżenzjonijiet mit-taxxa għal ċerti fjuwils fossili, bħal dawk użati fit-tisħin, fit-trasport bl-ajru jew fis-sajd, jitneħħew gradwalment.

        Fi Frar 2025, bħala parti mill-Patt għal Industrija Nadifa, il-pjan ta’ azzjoni għall-enerġija affordabbli tal-Kummissjoni Ewropea appella lill-gvernijiet nazzjonali tal-UE biex ilestu r-reviżjoni tagħhom tal-proposta għal Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Biex tindirizza t-tħassib ta’ xi pajjiżi, hija enfasizzat li l-gvernijiet xorta jkunu jistgħu japplikaw ċerti taxxi (bħat-taxxi fuq il-kontijiet tal-elettriku u t-taxxa fuq il-valur miżjud) b’mod flessibbli biex iżommu l-kostijiet baxxi għaċ-ċittadini tagħhom.

        Azzjonijiet tal-UE dwar sorsi speċifiċi ta’ enerġija rinnovabbli

        F. L-enerġija solari

        L-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija solari, imnedija fl-2022 bħala pedament tal-pjan REPowerEU, kellha l-għan li tirdoppja l-kapaċità fotovoltajka solari billi ġġib online aktar minn 320 GW ta’ fotovoltajċi solari sal-2025 (aktar mid-doppju meta mqabbla mal-2020) u 600 GW sal-2030. Dan ikun biżżejjed biex jipprovdi elettriku, tisħin u tkessiħ lil madwar 45 miljun binja fl-UE.

        Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) tinkludi obbligu legali ta’ introduzzjoni gradwali biex jiġu installati pannelli solari fuq bini pubbliku, kummerċjali u residenzjali ġdid, kif ukoll strateġija biex tiġi rdoppjata r-rata tal-użu ta’ pompi tas-sħana f’sistemi ta’ tisħin distrettwali u komunali. Dan jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jidentifikaw u jadottaw pjanijiet għal żoni deżinjati ddedikati għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex jimmassimizzaw l-aċċettazzjoni pubblika u jillimitaw l-impatt fuq użi oħra tal-art u fuq l-ambjent. Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi f’dawn l-oqsma, kif ukoll fuq il-bjut eżistenti, jitqassru u jiġu ssimplifikati.

        G. L-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta

        Fid-19 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat stateġija tal-UE dwar l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. L-għan inizjali kien li tiżdied il-kapaċità tal-enerġija mir-riħ tal-UE lil hinn mill-kosta minn 12 GW fl-2020 sa aktar minn 60 GW sal-2030 u 300 GW sal-2050. L-istrateġija stabbiliet miri għall-enerġija mill-oċeani (bħall-enerġija ġġenerata mill-mewġ, l-enerġija mill-marea, il-konverżjoni tal-enerġija termali u l-enerġija blu) ta’ 1 GW sal-2030 u 40 GW sal-2050. Dawn il-miri ġew riveduti ’l fuq f’Diċembru 2024 għal total kumulattiv ta’ 88 GW mis-sorsi kollha ta’ enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta sal-2030 u 360 GW sal-2050.

        Fl-2024, l-UE kellha kapaċità totali tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta ta’ 21 GW. Dan huwa biżżejjed biex madwar 3 miljun dar ikollhom l-elettriku.

        H. Il-bijofjuwils u l-bijogass

        Il-bijofjuwils u l-bijogass huma definiti fid-Direttiva RED rispettivament bħala fjuwils likwidi u gassużi għat-trasport prodotti mill-bijomassa. Il-bijofjuwils avvanzati jsiru bl-użu ta’ bijomassa tal-iskart jew għelejjel oħra li ma għandhom l-ebda impatt fuq l-użu tal-art għall-produzzjoni tal-ikel, filwaqt li l-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni tipikament isiru minn għelejjel taż-żejt jew taz-zokkor.

        Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tinkludi sottomira kkombinata legalment vinkolanti ta’ 5.5% għall-bijofjuwils avvanzati (ġeneralment derivati minn materja prima mhux ibbażata fuq l-ikel) u għall-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (l-aktar l-idroġenu rinnovabbli u l-fjuwils sintetiċi bbażati fuq l-idroġenu) fis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fornuti lis-settur tat-trasport.

        F’din il-mira, hemm rekwiżit minimu ta’ 1% tal-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika (RFNBOs) fis-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fornuti lis-settur tat-trasport fl-2030.

        I. L-idroġenu

        L-idroġenu huwa essenzjali għal ħafna proċessi industrijali, bħar-raffinar taż-żejt u tal-gass, il-produzzjoni tal-fertilizzanti u l-manifattura kimika u tal-plastik. Għandu wkoll ħafna applikazzjonijiet bħala alternattiva ekoloġika u rinnovabbli għall-fjuwils fossili, pereżempju bħala fjuwil tat-trasport jew bħala aġent riduċenti fil-produzzjoni tal-azzar. Il-ħruq tal-idroġenu jipproduċi l-ilma bħala prodott mormi, u l-ebda gass serra.

        Madankollu, l-idroġenu tipikament isir billi l-fwar jirreaġixxi mal-metan. Il-metan innifsu mhux biss huwa gass serra qawwi, iżda dan il-proċess jarmi d-diossidu tal-karbonju bħala prodott ta’ skart.

        L-idroġenu rinnovabbli, min-naħa l-oħra, isir permezz ta’ proċess ta’ elettroliżi li jaħdem bl-enerġija rinnovabbli, u huwa newtrali għall-klima.

        F’Lulju 2020, l-istrateġija dwar l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-istrateġija għall-idroġenu introduċew l-objettiv li sal-2024 jinkisbu mill-anqas 6 GW ta’ elettrolizzaturi tal-idroġenu rinnovabbli u li jiġu prodotti sa miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli fl-UE. L-istrateġiji kienu mmirati wkoll għal 40 GW u 10 miljun tunnellata sal-2030.

        L-UE kkunsmat madwar 7.5 miljun tunnellata ta’ idroġenu fl-2023. 

        J. L-enerġija ġeotermali

        L-interess fl-enerġija ġeotermali żdied f’dawn l-aħħar snin b’rikonoxximent tal-potenzjal kbir tagħha bħala sors ta’ sħana u elettriku. Fl-2023, l-enerġija ġeotermali żdiedet mal-lista tal-UE ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

        Fl-2025, l-enerġija ġeotermali kkontribwiet għal 0.2% u għal 0.7% għall-elettriku u t-tisħin tal-UE rispettivament.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Fl-2024, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-potenzjal tal-enerġija ġeotermali bħala sors rinnovabbli ta’ tisħin u tkessiħ, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija ġeotermali tal-UE li tipprovdi gwida lill-pajjiżi tal-UE u lill-awtoritajiet lokali dwar l-użu tal-enerġija ġeotermali. Il-Parlament argumenta li dan kien meħtieġ biex jgħin lill-UE tilħaq l-objettiv tagħha li mill-anqas tittriplika s-sehem tad-domanda għall-enerġija koperta mis-sħana solari u l-enerġija ġeotermali sal-2030, kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE dwar l-enerġija solari.

        F’Ġunju 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar il-Patt għal Industrija Nadifa u dwar il-grilji tal-elettriku: is-sinsla tas-sistema tal-enerġija tal-UE. L-ewwel waħda tirrikonoxxi li l-enerġija rinnovabbli, flimkien mal-enerġija nukleari għal dawk l-Istati Membri li jiddeċiedu li jużawha, hija essenzjali biex tinkiseb taħlita ta’ enerġija nadifa u sigura. It-tieni, filwaqt li titqies żieda mistennija ta’ 60% fil-konsum tal-elettriku sal-2030, enfasizzat il-ħtieġa dejjem tikber li jiġi integrat sehem sinifikanti ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fil-grilja, li għandha tadatta għal sistema tal-elettriku aktar deċentralizzata, diġitalizzata u flessibbli.

        Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) jew il-paġna ewlenija tal-Parlament Ewropew dwar l-enerġija rinnovabbli.

         

        Matteo CIUCCI / Valentina Richard-Romei