Il-politika ambjentali: il-prinċipji ġenerali u l-qafas tal-politika
Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi kif l-Unjoni Ewropea adattat it-Trattati fundaturi tagħha biex jirriflettu t-tħassib ambjentali u jgħinu fl-indirizzar tal-isfidi kumplessi tat-tibdil fil-klima, it-tniġġis, it-telf tal-bijodiversità u l-użu tar-riżorsi naturali. Tinkludi introduzzjoni tal-erba’ prinċipji li fuqhom hija bbażata l-politika ambjentali tal-UE u l-aktar aspetti sinifikanti tal-qafas tal-politika huma ppreżentati. L-iskeda informattiva tikkonkludi billi tindirizza r-rwol tal-Parlament Ewropew fit-tfassil tal-liġijiet u l-politiki ambjentali.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 11 u 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-UE għall-politika ambjentali. L-UE għandha s-setgħa li taġixxi f’oqsma li jinkludu t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u t-tibdil fil-klima.
- Fl-1987, l-Att Uniku Ewropew introduċa taqsima ġdida tat-trattat dwar l-ambjent. Dan ipprovda l-ewwel bażi legali għal politika ambjentali, li kellha l-għan li tippreserva l-kwalità tal-ambjent, tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u tiżgura li r-riżorsi naturali jintużaw b’mod sensibbli.
- Fl-1993, it-Trattat ta’ Maastricht għamel l-ambjent qasam ta’ politika uffiċjali tal-UE. Il-Parlament Ewropew ingħata vuċi akbar fil-politika ambjentali billi eżiġa l-approvazzjoni kemm tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jgħaddu liġijiet ġodda (ara “Ir-rwol tal-Parlament Ewropew” hawn taħt). Bidla sinifikanti oħra kienet li jsir użu akbar mill-votazzjoni b’“maġġoranza kwalifikata” fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal ħafna oqsma ta’ politika. Dan kien ifisser li l-liġijiet ambjentali u oħrajn setgħu jgħaddu b’mod aktar faċli minħabba li ma kinux għadhom jeħtieġu l-kunsens tal-pajjiżi kollha tal-UE. Illum, maġġoranza kwalifikata tfisser mill-anqas 15 mis-27 pajjiż, u l-pajjiżi li jivvutaw favur iridu jirrappreżentaw mill-anqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE. It-Trattat ta’ Maastricht ħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt ambjentali tagħhom u jirrispettaw il-prinċipju tat-tkabbir sostenibbli.
- Fl-1999, it-Trattat ta’ Amsterdam għamilha obbligatorja li l-protezzjoni ambjentali tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE speċifiċi għas-settur, biex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli.
- Fl-2007, it-Trattat ta’ Liżbona għamel it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli prijorità. Ta wkoll il-personalità legali lill-UE, li tfisser li għandha l-permess mil-liġi li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali.
- prekawzjoni: jekk azzjoni jew politika jkollha l-potenzjal li tikkawża ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa pubblika, u jkun hemm inċertezza xjentifika persistenti dwar l-effetti tagħha, din l-azzjoni ma għandhiex tiġi applikata sakemm tiġi pprovduta aktar evidenza;
- prevenzjoni: għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi antiċipata u evitata l-ħsara ambjentali, sabiex l-azzjonijiet jipprevjenu l-ħsara aktar milli jirreaġixxu għaliha;
- rettifika tat-tniġġis fis-sors: jekk il-ħsara lill-ambjent tkun diġà saret, min iniġġes huwa obbligat li jieħu l-miżuri xierqa biex jirrimedja l-ħsara fejn tkun saret;
- “min iniġġes iħallas”: jekk tkun saret ħsara lill-ambjent, min ikun responsabbli għat-tniġġis għandu jkopri l-ispiża tar-rimedju tagħha.
- il-kisba tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55% sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990) u n-newtralità klimatika sal-2050;
- it-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tadatta għat-tibdil fil-klima, it-tisħiħ tar-reżiljenza tagħha u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tagħha għat-tibdil fil-klima;
- il-mixja lejn mudell ta’ tkabbir ekonomiku li jiffoka fuq ir-riġenerazzjoni u s-sostenibbiltà, u jaċċellera t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, fejn il-prodotti, il-materjali u r-riżorsi jerġgħu jintużaw, jissewwew, jiġu manifatturati mill-ġdid jew riċiklati aktar milli jintremew;
- l-insegwiment tal-ambizzjoni ta’ tniġġis żero, inkluż għall-arja, l-ilma u l-ħamrija, kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri ta-nies fl-UE;
- il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, u t-tisħiħ tal-kapital naturali – l-arja, l-ilma, il-ħamrija, il-foresti, kif ukoll l-ekosistemi tal-baħar, tal-ilma ħelu u tal-art mistagħdra;
- it-tnaqqis tal-effetti negattivi fuq l-ambjent u l-klima u relatati mal-produzzjoni u l-konsum (b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, l-iżvilupp industrijali, il-bini u l-infrastruttura, il-mobbiltà u s-sistema tal-ikel).
- Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali teżiġi valutazzjoni tal-impatt ambjentali għal ċerti proġetti (privati jew pubbliċi) li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, pereżempju l-kostruzzjoni ta’ awtostrada jew ajruport.
- Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika teżiġi valutazzjoni simili għal firxa ta’ pjanijiet u programmi pubbliċi (eż. dwar l-użu tal-art, it-trasport, l-enerġija, l-iskart jew l-agrikoltura).
- jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali;
- ikollhom aċċess għall-informazzjoni ambjentali miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi (eż. dwar l-istat tal-ambjent jew tas-saħħa tal-bniedem, jekk affettwati minn kwistjonijiet ambjentali);
- ikollhom aċċess għall-ġustizzja meta ż-żewġ drittijiet l-oħra jkunu ġew injorati.
L-oriġini u l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE
L-1972 kienet sena importanti fuq livell internazzjonali għall-politika ambjentali. L-ewwel Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent tal-Bniedem saret fi Stokkolma u adottat prinċipji dwar il-ġestjoni tajba tal-ambjent. Fl-istess sena, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej iddikjara l-ħtieġa għal politika ambjentali Komunitarja flimkien ma’ politiki ekonomiċi. Fis-Summit ta’ Pariġi tal-1972, huwa appella għal programm ta’ azzjoni għall-protezzjoni u t-titjib tal-ambjent u għall-ġlieda kontra t-tniġġis.
Matul id-deċennji ta’ wara, il-bidliet fit-Trattati fundaturi saħħew l-impenn tal-UE għall-protezzjoni ambjentali.
Il-politika ambjentali tal-UE żviluppat f’kuntest ta’ attività internazzjonali li kienet tinkludi s-Summit storiku tal-1992 dwar id-Dinja f’Rio de Janeiro. Dan, min-naħa tiegħu, wassal għal ħafna dikjarazzjonijiet u konvenzjonijiet importanti, inklużi d-Dikjarazzjoni ta’ Rio, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
Il-prinċipji ġenerali tal-politika ambjentali tal-UE
Il-politika ambjentali tal-UE hija bbażata fuq erba’ prinċipji:
Il-qafas ta’ politika
Din it-taqsima tippreżenta l-qafas ġenerali li fih tiġi żviluppata u implimentata l-politika ambjentali. Politiki u leġiżlazzjoni speċifiċi huma diskussi f’aktar dettall fl-iskedi informattivi relatati ma’ dawk l-oqsma (il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ilma, it-tniġġis tal-arja, eċċ.).
A. Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali
Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali jistabbilixxu l-prinċipji gwida u l-għanijiet, kull darba għal perjodu ta’ diversi snin. Dawn ilhom jinħarġu mill-Kummissjoni Ewropea mill-1973. L-aktar wieħed reċenti, it-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, daħal fis-seħħ f’Mejju 2022. Huwa l-aġenda tal-UE maqbula legalment għall-politika ambjentali sa tmiem l-2030.
It-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali għandu sitt prijoritajiet:
Dawn il-prijoritajiet jibnu fuq l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija mnedija fl-2019 biex l-UE tinbidel f’ekonomija nadifa, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva.
B. L-inizjattivi transsettorjali
1. L-iżvilupp sostenibbli
L-UE introduċiet strateġija għall-iżvilupp sostenibbli għall-ewwel darba fl-2001. Fl-2015, in-NU adottaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, li kien fiha 17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) u 169 mira assoċjata. L-UE impenjat ruħha li timplimenta l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u tintegra l-SDGs fil-prijoritajiet ta’ politika tal-UE. Ħafna mill-politiki tal-UE jinkludu l-iżvilupp sostenibbli bħala objettiv, u l-UE saret mexxejja globali fl-implimentazzjoni tal-SDGs.
2. Id-dekarbonizzazzjoni
F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-UE għandha l-għan li tkun newtrali għall-klima sal-2050. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, adottata fl-2021, tikkonkretizza dan l-għan f’liġi billi tistabbilixxi mira legalment vinkolanti għall-UE kollha ta’ newtralità klimatika jew emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2050. L-iskop tagħha huwa li tiżgura li l-politiki kollha tal-UE jappoġġjaw l-għan tan-newtralita klimatika u li s-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà jikkontribwixxu bl-istess mod biex din tinkiseb.
Bħala pass intermedju lejn l-għan tal-2050, l-UE stabbiliet mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 55% sal-2030 u b’90% sal-2040, meta mqabbla mal-livelli tal-1990 (ara 2.4.2 għal aktar dettalji).
Fl-2023, l-UE adottat il-pakkett ta’ liġijiet “Lesti għall-mira ta’ 55%”, li rreveda l-istrumenti ta’ politika (pereżempju, l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet) biex tgħin lis-setturi ekonomiċi kollha jilħqu l-mira tal-2030.
Fi Frar 2025, ġie ppreżentat il-Patt għal Industrija Nadifa, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għandu l-għan li jagħmel lill-UE mexxejja globali fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji nodfa u fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju, biex b’hekk id-dekarbonizzazzjoni tinbidel f’mutur għat-tkabbir.
3. Il-bijodiversità
L-UE hija parti għall-Konvenzjoni tal-1992 tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, il-ftehim internazzjonali ewlieni dwar il-bijodiversità. L-UE u l-Istati Membri tagħha jirrispettaw l-impenji tagħhom permezz ta’ strateġiji għall-bijodiversità. L-aktar strateġija reċenti għall-bijodiversità ġiet ippubblikata fl-2020 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u tkopri l-perjodu sal-2030. Hija pjan komprensiv, ambizzjuż u fit-tul biex tiġi protetta n-natura u jittejbu l-ekosistemi. Tinkludi impenn għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex jimplimentaw aktar minn 100 azzjoni sal-2030. Sal-2025, aktar minn nofshom kienu tlestew; il-progress tagħhom jista’ jiġi segwit permezz tal-Biodiversity Strategy Actions Tracker (Tracker tal-Azzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità) tal-Kummissjoni Ewropea.
F’Ġunju 2024, ġie adottat ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura. Dan għandu l-għan li jiġu restawrati mill-anqas 30% taż-żoni tal-art u tal-baħar tal-UE sal-2030 u 90% tal-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.
4. Is-sistemi tal-ikel
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, fl-2020 ġiet ippreżentata l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li s-sistemi tal-ikel ikunu ġusti, tajbin għas-saħħa u favur l-ambjent.
Fil-viżjoni tagħha tal-2025 għall-agrikoltura u l-ikel, il-Kummissjoni Ewropea timpenja lill-UE biex tkompli taħdem ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin bil-għan li s-sistemi globali tal-ikel isiru sostenibbli, f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs.
5. L-immaniġġjar tal-iskart
Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tal-2008 tiddefinixxi kunċetti ewlenin bħall-iskart, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Tistabbilixxi prinċipji bażiċi li jirrikjedu li l-iskart jiġi mmaniġġjat mingħajr ma jiġu pperikolati s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, u mingħajr ma jiġu kkawżati fastidju jew ħsara lin-natura u liż-żoni protetti. Fl-2018, id-direttiva ġiet riveduta biex taġġorna r-regoli dwar l-immaniġġjar tal-iskart u tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Barra minn hekk, f’Ottubru 2025, daħlu fis-seħħ regoli ġodda dwar l-iskart biex jipprevjenu u jnaqqsu l-ħela mill-ikel u mit-tessuti madwar l-UE (ara 2.4.6 għal aktar dettalji).
C. Il-kooperazzjoni ambjentali internazzjonali
L-UE għandha rwol kruċjali fin-negozjati ambjentali internazzjonali. Hija firmatarja ta’ bosta ftehimiet ambjentali globali, reġjonali jew subreġjonali dwar kwistjonijiet bħalma huma l-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, u t-tniġġis tal-arja jew tal-ilma li jaqsam fruntieri nazzjonali.
L-UE għenet fit-tiswir ta’ diversi ftehimiet ewlenin tan-NU adottati fl-2015, inklużi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri. Saret ukoll parti għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), u b’hekk uriet l-impenn tagħha għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u għar-restrizzjoni tal-kummerċ illeċitu ta’ organiżmi selvaġġi.
Barra minn hekk, bħala parti għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, l-UE hija impenjata favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal tal-2022, li għandu l-għan li jwaqqaf u jreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030.
D. Il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku
Żewġ liġijiet tal-UE jistabbilixxu regoli dwar il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali ta’ ċerti proġetti, pjanijiet u programmi qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu awtorizzati.
Il-konsultazzjoni mal-pubbliku hija kruċjali, u l-liġi tal-UE tiddefendi d-drittijiet tan-nies biex:
E. L-implimentazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ
L-effettività tal-politika ambjentali tal-UE tiddependi l-aktar fuq kif tiġi implimentata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-applikazzjoni u l-infurzar mhux dejjem ikunu perfetti. Huwa għalhekk kruċjali li jiġi mmonitorjat mhux biss l-istat tal-ambjent iżda wkoll il-livell ta’ implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE.
L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ġiet stabbilita fl-1990 biex tappoġġja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika ambjentali. Tipprovdi data u analiżi lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u lill-pubbliku filwaqt li kull ħames snin tippubblika rapporti dwar l-istat tal-ambjent.
In-Network tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) jipprovdi pjattaforma għal dawk li jfasslu l-politika, għall-ispetturi ambjentali u għall-uffiċjali tal-infurzar, biex jiskambjaw l-ideat u l-aħjar prattika.
Ir-Rieżami regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-Kummissjoni huwa għodda ta’ rapportar biex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġijiet u l-politiki ambjentali tal-UE.
Id-Direttiva l-ġdida dwar ir-Reati Ambjentali li daħlet fis-seħħ f’Mejju 2024 tindirizza attivitajiet li jiksru l-obbligi legali rilevanti. Dawn jinkludu reati marbuta mal-organiżmi selvaġġi u d-deterjorament tal-ħabitats, vjeġġi jew rimi illegali ta’ skart, reati ta’ tniġġis u kummerċ illegali ta’ sustanzi perikolużi.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew kellu rwol ewlieni fit-tfassil tal-politika ambjentali minn meta ġiet proposta l-ewwel politika fl-1972. It-Trattat ta’ Maastricht saħħaħ is-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament: mill-1993, il-biċċa l-kbira tal-liġijiet, inklużi l-liġijiet ambjentali, iridu jiġu approvati kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill tal-UE qabel ma jistgħu jidħlu fis-seħħ.
Matul l-aħħar deċennju, il-Parlament ittratta liġijiet dwar diversi aspetti tal-politika ambjentali, b’mod partikolari l-ekonomija ċirkolari u t-tibdil fil-klima. Dan kien jinkludi r-ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi u r-riforma tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Stabbilixxa wkoll regoli dwar l-iskart, il-batteriji, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw, ir-rimi f’landfills u l-emissjonijiet relatati mal-użu tal-art, u miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet serra.
Il-Parlament involva ruħu wkoll f’diskussjonijiet importanti dwar il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’mod partikolari għen fit-tiswir tal-Liġi Ewropea dwar il-Klima u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%”.
Suġġetti oħra indirizzati mill-Parlament jinkludu t-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart, l-effiċjenza fir-riżorsi u r-riċiklaġġ, is-sustanzi perikolużi, il-protezzjoni tal-bijodiversità, il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, l-iżvilupp sostenibbli, ir-restawr tal-ħsara ambjentali u l-protezzjoni ċivili.
Matul il-leġiżlatura attwali tiegħu (2024-2029), il-Parlament, u b’mod partikolari l-Kumitat tiegħu għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel, qed jaħdem għall-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Għandu l-għan li jikseb tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija aktar ekoloġika, li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura, u li tgħin lill-UE taffronta l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. L-iżgurar ta’ ikel aktar sikur fl-UE kollha huwa wkoll fuq quddiem fl-aġenda. Politiki importanti oħra huma dwar l-ekonomija ċirkolari, il-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija u l-użu ta’ sustanzi kimiċi u pestiċidi.
Il-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament qed jaħdem ukoll fuq pakkett ta’ simplifikazzjoni ambjentali jew “omnibus”. Dan huwa sett ta’ miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex titwettaq razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-liġijiet ambjentali, jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji u tagħmel ir-rapportar aktar faċli.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel.
Judith BÜRGER