Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
Din l-iskeda informattiva tispjega l-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-miżuri adottati biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-UE, immexxija minn trattati internazzjonali, bħall-Protokoll ta’ Kjoto u l-Ftehim ta’ Pariġi, adottat firxa wiesgħa ta’ politiki dwar il-klima, inklużi s-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-iskeda tiddeskrivi l-miżuri meħuda biex tintlaħaq il-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55% sal-2030 u li tilħaq in-newtralità klimatika sal-2050.
Il-bażi legali
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): l-Artikolu 191 jagħmel il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima objettiv espliċitu tal-politika ambjentali tal-UE.
L-isfond u l-kuntest internazzjonali
L-attivitajiet tal-bniedem, bħalma huma l-kombustjoni tal-fjuwils fossili, id-deforestazzjoni u l-biedja, iwasslu għall-emissjoni ta’ emissjonjiet ta’ gassijiet serra (id-diossidu tal-karbonju (CO2), il-metan (CH4), l-ossidu nitruż (N2O) u l-fluworokarburi). Dawn l-emissjonjiet ta’ gassijiet serra jimblokkaw is-sħana li jarmi l-wiċċ tad-Dinja, u b’hekk jikkawżaw it-tisħin globali. Skont is-sitt rapport ta’ sinteżi tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), l-aħjar stimi taż-żieda medja fit-temperatura globali sal-aħħar ta’ dan is-seklu jvarjaw minn 1.4°C għal 4.4°C.
It-tisħin globali diġà wassal, u mistenni li se jwassal għal avvenimenti ta’ temp aktar estremi (eż. għargħar u nixfiet), tidwib tal-għata polari tas-silġ, telf tal-bijodiversità, mard u pesti tal-pjanti, skarsezzi tal-ikel u tal-ilma ħelu, deżertifikazzjoni u spostamenti tan-nies minħabba d-diżastri. Ir-riskji ta’ bidliet irriversibbli u katastrofiċi jistgħu jiżdiedu bil-kbir jekk it-tisħin globali jaqbeż 2°C, jew saħansitra 1.5°C, fuq il-livelli preindustrijali.
Il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) ġiet adottata fl-1992 bil-għan li “tiġi evitata interferenza antropoġenika perikoluża fis-sistema tal-klima”. Flimkien mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, din kienet waħda mit-tliet konvenzjonijiet storiċi tas-Summit dwar id-Dinja li sar f’Rio de Janeiro, il-Brażil, fl-1992. L-UNFCCC saret il-pedament għal aktar azzjoni internazzjonali dwar il-klima, bħall-Protokoll ta’ Kjoto – l-ewwel trattat internazzjonali li stabbilixxa miri legalment vinkolanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-protokoll ġie adottat fl-1997 u ġie ratifikat minn 192 Parti. Il-pajjiżi industrijalizzati impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom f’konformità mal-miri individwali miftiehma skont il-prinċipju ta’ “responsabbiltà komuni iżda differenzjata u kapaċitajiet rispettivi”.
L-ewwel ftehim universali legalment vinkolanti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima ġie adottat fl-2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) għall-UNFCCC, li saret f’Pariġi. Il-Ftehim ta’ Pariġi għandu l-għan li jżomm iż-żieda fit-temperatura medja globali “sew taħt” iż-2°C, filwaqt li jipprova jżomm iż-żieda fit-temperatura fil-livell ta’ 1.5°C ogħla mil-livelli preindustrijali. Biex jilħqu dan l-għan, il-Partijiet qed jimmiraw li jilħqu l-ogħla livell ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra globali malajr kemm jista’ jkun, u li fit-tieni nofs ta’ dan is-seklu jilħqu l-livell ta’ emissjonijiet żero netti. Il-mitigazzjoni (eż. iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli) u l-adattament (eż. il-konservazzjoni tal-ilma, in-newba tal-għelejjel, il-protezzjoni mill-għargħar u s-sensibilizzazzjoni) huma rikonoxxuti bħala sfidi globali, flimkien mal-importanza li jiġu indirizzati t-“telf u l-ħsara” assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima. L-UE rratifikat formalment il-Ftehim ta’ Pariġi fil-5 ta’ Ottubru 2016, u b’hekk ippermettiet id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-4 ta’ Novembru 2016.
L-objettivi u l-kisbiet
A. Il-miri klimatiċi u l-qafas ta’ politika tal-UE
Permezz tal-qafas tagħha għall-klima u l-enerġija għall-2030, li nbeda fl-2014, qabel il-Ftehim ta’ Pariġi, l-UE impenjat ruħha li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 40% taħt il-livelli tal-1990, inkluż li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika u żżid is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-qafas tal-2030 huwa segwitu għall-“miri 20-20-20” li ntlaħaq qbil dwarhom fl-2007 mill-mexxejja tal-UE għall-2020: tnaqqis ta’ 20% fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, żieda ta’ 20% fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija, u tnaqqis ta’ 20% fil-konsum totali tal-enerġija primarja tal-UE (meta mqabbla mal-livelli tal-1990). Dawn il-miri kollha ssarrfu f’miżuri leġiżlattivi vinkolanti, li kienu marbuta wkoll mal-miri tal-UE skont il-Protokoll ta’ Kjoto.
Id-Direttiva dwar Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (id-Direttiva 2003/87/KE) stabbiliet l-ewwel – u dak li s’issa għadu – l-akbar suq internazzjonali tal-karbonju, u hija strument ewlieni tal-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Is-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS), li ġiet stabbilita fl-2005, hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “limitu u skambju”. “Limitu” jiġi stabbilit fuq l-ammont totali ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jistgħu jiġu mormija minn madwar 10,000 installazzjoni (fabbriki, impjanti tal-enerġija, eċċ.) inklużi fl-iskema. Kull installazzjoni tixtri jew tirċievi “kwoti tal-emissjonijiet” irkantati mill-Istati Membri. Jekk ma jkunux intużaw, dawn il-krediti – li kull wieħed minnhom jikkorrispondi għal tunellata ta’ CO2 – jistgħu jiġu skambjati ma’ installazzjonijiet oħra. Maż-żmien, l-għadd globali ta’ kwoti jitnaqqas progressivament. Ġew żviluppati żewġ fondi tal-UE speċifikament għall-azzjoni klimatika: fond ta’ modernizzazzjoni għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u fond għall-innovazzjoni li jappoġġja teknoloġiji innovattivi tal-enerġija. Barra minn hekk, l-Iżvizzera u l-UE qablu li jikkollegaw l-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tagħhom.
L-emissjonijiet mis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS, bħalma huma t-trasport bit-triq, l-iskart, l-agrikoltura u l-bini, huma suġġetti għal miri annwali vinkolanti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal kull Stat Membru, stabbiliti fir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ir-Regolament (UE) 2018/842). Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar miri għall-2021-2030 biex jintlaħaq l-għan tal-UE li tnaqqas bi 30% l-emissjonjiet ta’ gassijiet serra minn dawn is-setturi meta mqabbla mal-2005 u biex tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (ir-Regolament (UE) 2018/841) jirrikjedi li kull Stat Membru jiżgura li l-emissjonijiet mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija ma jaqbżux l-assorbimenti. Fi kliem ieħor, il-foresti, l-art tal-għelejjel u l-art bil-ħaxix se jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli sabiex jassorbu kemm jista’ jkun emissjonjiet ta’ gassijiet serra possibbli mill-atmosfera, u tal-anqas daqskemm jipproduċi s-settur (“regola ta’ ebda debitu”), u b’hekk jagħtu kontribut importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (id-Direttiva (UE) 2018/2001) kellha l-għan li tiżgura li sal-2030 l-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija tax-xemx, ir-riħ, l-enerġija idroelettrika u l-bijomassa, jiffurmaw mira inizjali ta’ mill-anqas 32% tal-konsum tal-enerġija totali tal-UE f’termini tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, tat-trasport, tat-tisħin u tat-tkessiħ. Kull Stat Membru huwa meħtieġ jadotta l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali tiegħu għall-enerġija rinnovabbli li jinkludi miri settorjali.
Ir-reviżjoni tal-2018 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva (UE) 2018/2002) kienet stabbiliet mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 32.5% għall-UE (ikkalkulata permezz tax-xenarju ta’ referenza tal-2007), bi klawżola għal reviżjoni ’l fuq sal-2023. Barra minn hekk, id-Direttiva riveduta dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (id-Direttiva (UE) 2018/844) inkludiet miżuri biex jiġu aċċellerati r-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini u l-bidla favur sistemi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u sistemi intelliġenti tal-ġestjoni tal-enerġija. Minn dak iż-żmien ’l hawn, dan il-qafas ġie sostitwit b’miri aktar ambizzjużi.
Ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (ir-Regolament (UE) 2018/1999) jimplimenta proċess ta’ governanza trasparenti biex jiġi segwit il-progress lejn l-objettivi tal-azzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, inklużi r-regoli dwar il-monitoraġġ u r-rapportar. L-Istati Membri kienu obbligati li jadottaw pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima għall-perjodu 2021-2030. Il-proċess ta’ governanza jipprovdi wkoll opportunità biex kull sentejn jiġu aġġornati l-pjanijiet biex jirriflettu l-esperjenza u biex jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet ġodda għall-bqija tad-deċennju.
Id-Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju (id-Direttiva 2009/31/KE) stabbiliet qafas legali għat-teknoloġija tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju, li jissepara s-CO2 mill-emissjonijiet atmosferiċi (li jirriżultaw minn proċessi industrijali), jikkompressa s-CO2 u jittrasportah lejn post fejn jista’ jinħażen. Skont l-IPPC, dan il-proċess jista’ jneħħi 80-90% tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-impjanti tal-enerġija li jaħarqu l-fjuwils fossili. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni previsti fl-Ewropa kienet aktar diffiċli milli kien previst inizjalment, u l-ispejjeż kbar huma wieħed mill-ostakli ewlenin.
L-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fl-UE (ir-Regolament (UE) 2019/631) jistabbilixxu l-limiti li tali vetturi kellhom jikkonformaw magħhom mill-2021, b’mira għall-flotta kollha tal-UE ta’ 95g CO2/km għall-karozzi. Direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwils (id-Direttiva (UE) 2015/1513) kellha l-għan li tnaqqas l-intensità tal-emissjonjiet ta’ gassijiet serra tal-fjuwils b’6% sal-2020. Dan l-għan kellu jintlaħaq, fost miżuri oħra, permezz tal-użu tal-bijofjuwils, li wkoll kellhom jissodisfaw ċerti kriterji ta’ sostenibbiltà.
Regolament dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-vapuri (ir-Regolament (UE) 2015/757) obbliga lill-vapuri l-kbar jimmonitorjaw l-emissjonijiet verifikati tagħhom tas-CO2 li jirrilaxxaw fil-portijiet tal-UE u fi triqithom lejhom jew minnhom, kif ukoll li jirrappurtaw dwarhom kull sena flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra.
Wara l-projbizzjonijiet fuq il-klorofluworokarburi fis-snin 80 biex jitwaqqaf it-tnaqqis tas-saff tal-ożonu, il-gassijiet fluworinati (gassijiet F) illum jintużaw bħala sostituti f’firxa ta’ applikazzjonijiet industrijali bħalma huma l-arja kundizzjonata u r-refriġerazzjoni, peress li ma jagħmlux ħsara lis-saff tal-ożonu. Madankollu, dawn il-gassijiet jista’ jkollhom potenzjal ta’ tisħin globali sa 25,000 darba aktar minn dak tas-CO2. Regolament dwar l-użu tal-gassijiet F (ir-Regolament (UE) 517/2014) kellu l-għan li jikkontrollahom u li jipprojbixxi l-użu tagħhom fl-apparat ġdid tal-arja kundizzjonata u r-refriġeraturi sal-2022-2025, u b’hekk stabbilixxa r-ritmu għall-eliminazzjoni gradwali globali.
B. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew “Lesti għall-mira ta’ 55%”
Fl-2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, pakkett ambizzjuż ta’ miżuri mfassla biex jippermettu lill-UE ssir newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Il-miżuri, li kienu akkumpanjati minn pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, ivarjaw minn tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet, sa investiment fir-riċerka u fl-innovazzjoni avvanzati, u l-preservazzjoni tal-ambjent naturali tal-Ewropa. Bl-appoġġ ta’ investimenti f’teknoloġiji ekoloġiċi, soluzzjonijiet sostenibbli u negozji ġodda, il-Patt Ekoloġiku Ewropew kellu wkoll l-għan li jaġixxi bħala strateġija ġdida tal-UE dwar it-tkabbir biex l-UE tiġi ttrasformata f’ekonomija sostenibbli u kompetittiva. L-involviment u l-impenn tal-pubbliku u tal-partijiet ikkonċernati kollha kienu kruċjali għas-suċċess tiegħu.
Fost il-miżuri ewlenin proposti fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hemm il-Liġi Ewropea dwar il-Klima (ir-Regolament (UE) 2021/1119) biex jiġi żgurat li l-UE tkun newtrali għall-klima sal-2050. B’mod partikolari, din żiedet il-mira tal-2030 li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jitnaqqsu għal mill-anqas 55%, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Azzjonijiet ewlenin addizzjonali adottati huma l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-linji gwida riveduti għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll komunikazzjonijiet dwar: il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli; il-Patt Klimatiku Ewropew; strateġija tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima; u strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.
Fl-2021, il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ proposti leġiżlattivi bit-titolu “Lesti għall-mira ta’ 55%”. Dan il-pakkett, li jikkonsisti f’liġijiet ġodda u emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti, għandu l-għan li jiżgura li l-UE tilħaq il-mira tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’55 % sal-2030 u li twettaq il-bidla trasformattiva li hija meħtieġa fl-ekonomija, fis-soċjetà u fl-industrija fit-triq lejn il-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050.
C. Żviluppi leġiżlattivi reċenti
Fis-17 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar miżuri aktar ambizzjużi intiżi sabiex jirriformaw l-ETS: mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 62% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-2005. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%” saħħaħ ukoll il-fondi ta’ modernizzazzjoni u innovazzjoni, u introduċa l-mekkaniżmu l-ġdid ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntieri (CBAM) biex tiġi miġġielda r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju – ir-riskju li l-produzzjoni fis-setturi koperti mill-ETS tiġi mċaqalqa barra mill-UE minħabba l-kost tal-parteċipazzjoni fl-ETS.
Fl-2023, l-ETS ġiet estiża biex tkopri wkoll l-attivitajiet tat-trasport marittimu u ġew stabbiliti rekwiżiti għal fjuwils aktar nodfa għall-avjazzjoni u għas-settur marittimu. Regolament dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu (ir-Regolament (UE) 2023/1805) għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet mit-trasport marittimu b’20% sal-2035 u bi 80% sal-2050. Barra minn hekk, mill-anqas 2% tal-fjuwils tat-tbaħħir tal-UE se jkun meħtieġ li jiġu minn fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika sal-2030. Għall-avjazzjoni, sal-2025, 2% tal-fjuwil kien meħtieġ li jkun sostenibbli (6% sal-2030 u 70% sal-2050). Mill-2030, 1.2% tal-fjuwils iridu jkunu wkoll fjuwils sintetiċi, u dan għandu jiżdied għal 35% fl-2050.
L-emissjonijiet tal-avjazzjoni huma koperti wkoll mill-ETS (id-Direttiva (UE) 2023/958 dwar il-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Unjoni), għalkemm l-eżenzjoni attwali mill-ETS għat-titjiriet interkontinentali ġiet estiża sal-bidu tal-2027. L-ewwel fażi tal-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali, fil-qafas tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali bdiet fl-2024.
Ir-Regolament emendat dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ir-Regolament (UE) 2023/857) jimplimenta tnaqqis kollettiv tal-emissjonijiet ta’ 40% mis-setturi rilevanti kollha sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005, b’mira riveduta għal kull Stat Membru. Sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet mill-bini, mit-trasport bit-triq u minn ċerti setturi industrijali, inħolqot sistema ġdida u separata għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet – ETS2 (deskritta fid-Direttiva (UE) 2023/959) – bil-ħsieb li tibda fl-2027. L-ETS2 kienet akkumpanjata minn Fond Soċjali għall-Klima ġdid biex jittaffew il-kostijiet possibbli tiegħu għall-gruppi vulnerabbli l-aktar affettwati.
Barra minn hekk, ir-regolament emendat dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u s-settur tal-forestrija (ir-Regolament (UE) 2023/839) jistabbilixxi mira ġdida għall-2030 biex il-bjar tal-karbonju tal-UE jiżdiedu bi 15%.
Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva (UE) 2023/1791) tistabbilixxi mira ambizzjuża tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ tnaqqis ta’ 11.7% fil-konsum finali tal-enerġija sal-2030 meta mqabbel mal-2020. Id-Direttiva aġġornata dwar l-Enerġija Rinnovabbli (id-Direttiva (UE) 2023/2413) żiedet il-mira ġenerali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE għal 42.5%, sabiex taċċellera l-adozzjoni tagħhom. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija taġġorna l-qafas regolatorju eżistenti filwaqt li tipprovdi lill-Istati Membri bil-flessibbiltà meħtieġa biex iqisu d-differenzi fl-istokk tal-bini madwar l-Ewropa. Id-Direttiva riveduta tistabbilixxi miri ambizzjużi ġodda: li l-binjiet ġodda kollha għandhom ikunu b’emissjonijiet żero sal-2030 u l-binjiet ġodda okkupati mis-settur pubbliku jew li jkunu proprjetà tiegħu għandhom ikunu b’emissjonijiet żero sal-2028. Kull Stat Membru għandu jadotta t-trajettorja nazzjonali proprja tiegħu biex inaqqas l-użu medju tal-enerġija primarja tal-bini residenzjali b’16% sal-2030 u b’20% sa 22% sal-2035.
Il-metan huwa t-tieni l-akbar kontributur għat-tibdil fil-klima wara s-CO2. Għalhekk, l-indirizzar tal-emissjonijiet tal-metan huwa essenzjali biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050. Regolament dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija (ir-Regolament (UE) 2024/1787) jimponi l-obbligu fuq l-industriji tal-gass, taż-żejt u tal-faħam li jkejlu, jimmonitorjaw, jirrapportaw u jivverifikaw kif xieraq l-emissjonijiet tal-metan tagħhom u jieħdu miżuri biex inaqqsuhom.
Bil-għan li jiġu ffrankati l-ekwivalenti ta’ 40 miljun tunnellata ta’ emissjonijiet ta’ CO2 sal-2030, ir-Regolament rivedut dwar il-gassijiet F (ir-Regolament (UE) 2024/573) se jipprojbixxi kompletament l-idrofluworokarburi mill-2050, wara li żied tnaqqis qawwi fid-disponibbiltà tagħhom fl-2025. Barra minn hekk, regolament dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (ir-Regolament (UE) 2024/590) jintroduċi miżuri aktar stretti u simplifikati biex jiġi eliminat l-użu li jifdal fl-UE ta’ tali sustanzi.
Fl-2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal qafas volontarju tal-UE biex jiġu ċċertifikati l-assorbimenti tal-karbonju. Ir-regolament li rriżulta (ir-Regolament (UE) 2024/3012) jintroduċi, fost affarijiet oħra, qafas ta’ ċertifikazzjoni għall-assorbimenti permanenti tal-karbonju, is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u l-ħżin tal-karbonju f’prodotti. Dan għandu wkoll l-għan li jiffaċilita l-investiment f’teknoloġiji innovattivi għall-assorbiment tal-karbonju u soluzzjonijiet sostenibbli tas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u jindirizza l-greenwashing.
F’April 2023, il-Parlament u l-Kunsill adottaw Regolament dwar l-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi u l-vannijiet (ir-Regolament (UE) 2023/851). Dan jispeċifika mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet għall-flotta kollha tal-UE ta’ 55% għall-karozzi ġodda u ta’ 50% għall-vannijiet ġodda sal-2030. Huma introduċew ukoll mira ta’ tnaqqis ta’ 30% tal-emissjonijiet tas-CO2 għal trakkijiet ġodda, b’mira intermedja ta’ 15% sal-2025. F’April 2024, il-Parlament u l-Kunsill adottaw regoli ġodda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, karozzi tal-linja, trakkijiet u trejlers. Fl-1 ta’ April 2025, il-Kummissjoni pproponiet emenda mmirata għar-regolament tal-2023 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda biex il-manifatturi tal-karozzi jingħataw aktar flessibbiltà biex jikkonformaw mal-miri tas-CO2 għall-2025, l-2026 u l-2027.
Fi Frar 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt għal Industrija Nadifa, li jlaqqa’ flimkien il-klima u l-kompetittività taħt strateġija globali għat-tkabbir. Barra minn hekk, tressaq pakkett ġdid ta’ proposti biex jiġu ssimplifikati r-regoli tal-UE, tingħata spinta lill-kompetittività, u tiġi sfruttata kapaċità ta’ investiment addizzjonali.
F’Lulju 2025, il-Kummissjoni pproponiet emenda għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, biex tistabbilixxi mira klimatika għall-2040 għall-UE bħala pass intermedjarju lejn l-ilħuq tal-għanijiet tan-newtralità klimatika għall-2050. Hija rrakkomandat li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti tal-UE jitnaqqsu b’90% sal-2040 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Wara negozjati kkumplikati, fil-5 ta’ Novembru 2025, il-Kunsill qabel dwar mira ewlenija ta’ 90%, li tinkludi tnaqqis domestiku tal-UE tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra netti b’85% u l-possibbiltà li jintużaw krediti internazzjonali tal-karbonju ta’ kwalità għolja għal mhux aktar minn 5% tal-emissjonijiet netti tal-UE. L-emenda għal-Liġi Ewropea dwar il-Klima, li tistabbilixxi l-mira klimatika intermedja tal-UE għall-2040, daħlet fis-seħħ f’April 2026.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Fil-politika dwar il-klima, il-Parlament tradizzjonalment avvanza azzjoni ambizzjuża tal-UE meta pparteċipa f’negozjati interistituzzjonali mal-Kunsill bħala koleġiżlatur.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2015 bit-titolu “Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f’Pariġi”, fid-dawl tal-Ftehim ta’ Pariġi fil-COP21, il-Parlament appella għal ftehim ambizzjuż, globali u legalment vinkolanti li jillimita ż-żieda fit-temperatura għal anqas minn 2°C. Huwa tenna wkoll il-ħtieġa urġenti li “l-emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali jiġu rregolati u limitati b’mod effikaċi”.
F’votazzjoni storika f’Ottubru 2016, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika tal-UE tal-Ftehim ta’ Pariġi, li wassal biex il-ftehim jidħol fis-seħħ.
Bil-ħsieb tal-COP24, li saret f’Diċembru 2018, il-Parlament appella għal żieda fit-tnaqqis fil-mira tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-2030 b’55% fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2018. Barra minn hekk, il-Parlament qies li l-impatti profondi u x’aktarx irriversibbli ta’ żieda ta’ 2°C fit-temperaturi globali jistgħu jiġu evitati jekk tiġi segwita l-mira aktar ambizzjuża ta’ Pariġi ta’ 1.5°C. Dan ikun jirrikjedi li ż-żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra globali jitniżżlu għal żero netti sa mhux aktar tard mill-2050. Huwa għalhekk li l-Parlament talab lill-Kummissjoni tipproponi strateġija fit-tul, f’nofs is-seklu, ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti għall-UE. Il-Kummissjoni għamlet din it-talba waħda mill-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-2019.
Fl-2018, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar id-diplomazija tal-UE dwar il-klima, li fiha enfasizza r-responsabbiltà tal-UE li tmexxi l-azzjoni klimatika, kif ukoll il-prevenzjoni tal-kunflitti. Huwa saħaq li l-kapaċitajiet diplomatiċi tal-UE għandhom jissaħħu sabiex hija tippromwovi l-azzjoni klimatika fuq livell dinji, tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u tipprevjeni kunflitti relatati mat-tibdil fil-klima.
Fl-2019, il-Parlament iddikjara emerġenza klimatika u ħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom favur emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050. Il-Parlament ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti leġiżlattivi u baġitarji rilevanti kollha jkunu allinjati bis-sħiħ mal-objettiv li t-tisħin globali jiġi limitat għal taħt il-1.5°C.
Fl-2020, il-Parlament adotta l-mandat ta’ negozjar tiegħu dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima, fejn talab li l-mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2030 tiżdied għal 60%. Għalkemm il-ftehim interistituzzjonali li ntlaħaq fil-21 ta’ April 2021 bejn il-Parlament u l-Kunsill ikkonferma l-mira ta’ 55% li pproponiet il-Kummissjoni, il-Parlament irnexxielu jagħti spinta lir-rwol u l-kontribut tal-assorbiment tal-karbonju, li għandu l-potenzjal li jsarraf dik il-mira f’57%. Barra minn hekk, f’konformità mal-mandat tal-Parlament, il-Kummissjoni ntalbet tippreżenta proposta għal mira għall-2040 mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-ewwel rendikont globali tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li tqis il-baġit indikattiv għall-emissjonjiet ta’ gassijiet serra previst tal-UE. Fl-aħħar nett, minħabba l-importanza tal-pariri xjentifiċi indipendenti, twaqqaf il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima biex jivvaluta jekk il-politika hijiex konsistenti u biex jimmonitorja l-progress, kif kien issuġġerixxa l-Parlament. F’rapport ta’ Ġunju 2023 dwar il-miri klimatiċi u l-baġits li jirrigwardaw l-emissjonjiet ta’ gassijiet serra, il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima pprovda lill-istituzzjonijiet tal-UE bi stima bbażata fuq ix-xjenza ta’ mira klimatika għall-2040 u “baġit” tal-UE għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (emissjonijiet kumulattivi li m’għadhomx jiġu superati) għall-perjodu 2030-2050. Skont dan ir-rapport, l-UE jeħtiġilha tistinka għal tnaqqis nett ta’ 90-95% sal-2040 fl-emissjonijiet, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
F’Settembru 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-konsegwenzi tan-nixfiet, tan-nirien u ta’ fenomeni meteoroloġiċi estremi oħra. Din kellha l-għan li tkompli ssaħħaħ l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2023 dwar il-COP28 f’Dubai, il-Parlament appella għal żieda fil-kontribuzzjonijiet tal-fond għall-klima, għat-tmiem tas-sussidji kollha għall-fjuwils fossili sa mhux aktar tard mill-2025, u biex l-enerġija rinnovabbli tiġi ttriplikata u l-effiċjenza enerġetika tiġi rduppjata sal-2030. Barra minn hekk, irrikonoxxa r-rabtiet bejn it-telf tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u ssottolinja l-importanza li n-natura titreġġa’ lura kif kienet qabel.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2024 dwar il-COP29 f’Baku, il-Parlament appella lill-pajjiżi kollha biex jaqblu dwar għan kollettiv kwantifikat ġdid għal wara l-2025 dwar il-finanzjament għall-klima. Ħeġġiġhom ukoll ineħħu gradwalment is-sussidji diretti u indiretti kollha għall-fjuwil fossili u minflok jallokaw mill-ġdid dawn ir-riżorsi għall-azzjoni klimatika.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2025 dwar il-COP30 f’Belém, il-Brażil, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa li l-UE tibqa’ mexxejja fin-negozjati internazzjonali dwar il-klima, u enfasizza li s-setturi kollha jridu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-kisba tan-newtralità klimatika. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkompli tiffissa objettivi ambizzjużi għall-politika tagħha dwar it-tibdil fil-klima, f’konformità mal-miri tal-UE u internazzjonali miftiehma, u li tagħti prijorità lill-kosteffettività, lill-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, lill-inklużjoni soċjali u lil livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Il-Membri tal-PE jridu li l-pajjiżi kollha jagħtu s-sehem ġust tagħhom fl-għoti ta’ finanzjament adegwat għall-klima, fl-indirizzar tal-kriżijiet tad-dejn f’ħafna pajjiżi vulnerabbli għall-klima u fis-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ finanzjament għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
Ir-riżoluzzjoni ttenni l-ħtieġa urġenti li l-UE ttemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili, telimina s-sussidji relatati u taċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha. Hija appellat ukoll lill-komunità internazzjonali biex tagħti aktar attenzjoni lill-impatt tal-konflitti fuq il-klima.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament.
Kristi Polluveer