Il-bijodiversità, l-użu tal-art u l-forestrija
Din l-iskeda informattiva tispjega x’qed tagħmel l-UE biex tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità, l-ekosistemi, il-ħamrija u l-foresti. Tippreżenta d-diversi strateġiji dwar il-bijodiversità, il-foresti u l-ħamrija, u l-ftehimiet internazzjonali ewlenin li jiggwidaw il-politika tal-UE f’dan il-qasam. Imbagħad tagħti ħarsa ġenerali lejn l-atti leġiżlattivi ewlenin dwar il-bijodiversità, l-isfruttament tal-organiżmi selvaġġi, l-ispeċijiet aljeni invażivi, il-kondiviżjoni tal-benefiċċji, l-użu tal-art u l-forestrija. Tagħti wkoll dettalji dwar kif il-baġit tal-UE jiffinanzja proġetti tal-bijodiversità.
Il-bażi legali
- L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-UE għandha l-kompetenza esklużiva għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt il-politika tas-sajd komuni;
- L-Artikolu 11 tat-TFUE jirrikjedi li l-protezzjoni ambjentali tiġi integrata fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-objettivi u l-politiki tal-UE;
- L-Artikoli 191 u 192 tat-TFUE jiddefinixxu l-objettivi tal-politika ambjentali tal-UE u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet użati biex dawn jintlaħqu;
- L-Artikolu 193 tat-TFUE jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu miżuri ta’ protezzjoni ambjentali aktar stretti sakemm dawn ikunu kompatibbli mat-Trattati.
- L-istrateġija għall-bijodiversità għall-2030 (ippubblikata fl-20 ta’ Mejju 2020) għandha l-għan li tpoġġi l-bijodiversità fit-triq lejn l-irkupru sal-2030, billi tindirizza l-ħames fatturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità (il-bidliet fl-użu tal-art u tal-baħar, l-isfruttament żejjed, it-tibdil fil-klima, it-tniġġis u l-ispeċijiet aljeni invażivi).
- L-istrateġija għall-Foresti għall-2030 (ippubblikata fis-16 ta’ Lulju 2021) għandha l-għan li tadatta l-foresti tal-Ewropa għall-kundizzjonijiet ġodda, għall-estremitajiet tat-temp u għall-inċertezza konsiderevoli kkawżata mit-tibdil fil-klima. Din se tippermetti lill-foresti jkomplu jissodisfaw il-funzjonijiet soċjoekonomiċi tagħhom, jappoġġjaw l-ekosistemi u jikkontribwixxu għat-tneħħija tas-CO2 mill-atmosfera. Barra minn hekk, l-istrateġija tinkludi miżuri li jappoġġjaw lill-ktajjen tal-valur mingħajr deforestazzjoni.
- L-istrateġija dwar il-ħamrija għall-2030 (ippubblikata fis-17 ta’ Novembru 2021) hija ċċentrata fuq l-isfruttar tal-bosta benefiċċji li tipprovdi ħamrija b’saħħitha, inklużi l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, il-bijodiversità u r-reżiljenza għall-klima.
- il-protezzjoni legali għal mill-anqas 30% taż-żona tal-art tal-UE u 30% taż-żona tal-baħar tal-UE sal-2030;
- l-ebda deterjorament fl-istat ta’ konservazzjoni tal-ħabitats jew tal-ispeċijiet, u, sal-2030, mhux anqas minn 30% tal-ispeċijiet ikollhom stat ta’ konservazzjoni tajjeb jew tal-anqas juru sinjali ta’ titjib;
- l-ilmijiet tal-wiċċ kollha jkollhom status tajjeb, u l-ilma ta’ taħt l-art kollu jkollu status tajjeb ħafna sal-2027;
- l-ebda konverżjoni ta’ art naturali għal użu artifiċjali (“ebda teħid tal-art nett”) sal-2050;
- jiġu mħawla 3 biljun siġra addizzjonali sal-2030.
- il-Konvenzjoni tal-1973 dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);
- il-Konvenzjoni tan-NU tal-1992 dwar it-Tibdil fil-Klima;
- il-Konvenzjoni tan-NU tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika;
- il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015;
- il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal tal-2022;
- il-Ftehim tan-NU tal-2023 fuq il-Konservazzjoni u fuq l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità Marina fiż-Żoni lil hinn mill-Ġuriżdizzjoni Nazzjonali (Ftehim BBNJ)
- il-Konvenzjoni ta’ Ramsar tal-1971 dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar tal-Ilma;
- il-Konvenzjoni ta’ Helsinki tal-1974 dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin taż-Żona tal-Baħar Baltiku;
- il-Konvenzjoni ta’ Barċellona tal-1976 għall-protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis;
- il-Konvenzjoni ta’ Bonn tal-1979 dwar il-Konservazzjoni tal-Ispeċijiet Migratorji tal-Annimali Selvaġġi;
- il-Konvenzjoni ta’ Bern tal-1981 dwar il-Ħarsien tal-Ħajja Selvaġġa u l-Ambjenti Naturali tal-Ewropa;
- il-Konvenzjoni tal-1991 dwar il-Protezzjoni tal-Alpi.
- F’Settembru 2010, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità, fid-dawl tal-objettiv ta’ wara l-2010. Huwa esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ kwalunkwe sens ta’ urġenza fl-aġenda politika internazzjonali fir-rigward tat-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, u appella għal governanza mtejba tal-bijodiversità fir-relazzjonijiet kemm interni kif ukoll esterni.
- F’Ottubru 2015, riżoluzzjoni tal-Parlament intitolata “Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f’Pariġi” appellat għall-adozzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li fakkret li t-tibdil fil-klima qed jaċċellera t-telf tal-bijodiversità u nnotat li l-użu tal-art “għandu potenzjal kosteffettiv sinifikanti għall-mitigazzjoni u għat-tisħiħ tar-reżiljenza”.
- F’Novembru 2016, huwa adotta riżoluzzjoni b’reazzjoni għall-pjan ta’ azzjoni kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, bil-għan li tiġi miġġielda din il-kriminalità organizzata u distruttiva peress li tirrappreżenta theddida għall-bijodiversità billi twassal lil ħafna speċijiet għar-riskju ta’ estinzjoni. Barra minn hekk, ġiet enfasizzata l-importanza tal-kooperazzjoni globali bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, il-pajjiżi ta’ tranżitu u l-pajjiżi ta’ destinazzjoni.
- F’Ottubru 2020, riżoluzzjoni tal-Parlament stabbiliet rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar qafas legali tal-UE biex titwaqqaf u titreġġa’ lura d-deforestazzjoni globali li l-UE hija responsabbli għaliha. Dan wassal biex il-Kummissjoni tippreżenta proposta għar-regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni f’Novembru 2021.
- F’Ġunju 2021, huwa adotta riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna, li talbet li 30% tal-art u tal-baħar tal-UE jkunu żoni protetti, jiġu stabbiliti miri vinkolanti għall-bijodiversità urbana bħal soqfa ekoloġiċi fuq bini ġdid, u tittieħed azzjoni urġenti biex jitwaqqaf it-tnaqqis fil-popolazzjoni tan-naħal u pollinaturi oħra (din ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Jannar 2023).
- Fl-2022, adotta riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja biex jiġu protetti u jiżdiedu r-reżiljenza tal-foresti u tal-ekosistema, li fiha appella għal żieda fid-diversità strutturali, funzjonali u kompożizzjonali tal-foresti, u insista li l-monokulturi ma għandhomx jiġu appoġġjati mill-fondi tal-UE.
- Fl-2022, huwa vara proċedura ta’ inizjattiva leġiżlattiva biex jemenda t-Trattati, fejn talab li tiġi stabbilita kompetenza esklużiva tal-UE għall-ambjent u l-bijodiversità, kif ukoll li jsiru negozjati dwar it-tibdil fil-klima.
- F’Novembru 2023, huwa adotta r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Inizjattiva Riveduta dwar il-Pollinaturi, filwaqt li enfasizza il-ħtieġa li jingħalqu l-lakuni fil-politiki settorjali fundamentali tal-UE li jindirizzaw it-tnaqqis tal-pollinaturi. Huwa appella għal miżuri għall-protezzjoni tal-pollinaturi fil-politiki rilevanti tal-UE, u għal projbizzjoni, sa mhux aktar tard mill-2027, fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli li jiġu prodotti bl-użu ta’ pestiċidi li huma pprojbiti fl-UE.
- Fl-aħħar nett, il-Parlament qed jieħu interess qawwi fin-negozjati dwar il-bijodiversità fil-livell globali; huwa bagħat delegazzjoni ta’ Membri għal-laqgħat tal-COP15 u tal-COP16 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
L-objettivi tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità, l-użu tal-art u l-forestrija
A. L-istrateġiji tal-UE għall-bijodiversità u għall-użu tal-art
Fil-11 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa pakkett ambizzjuż ta’ miżuri intiżi biex jagħmlu lill-UE newtrali mil-lat ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ġie kkomplementat minn tliet strateġiji dwar il-bijodiversità, il-foresti u l-ħamrija.
Id-dokumenti ta’ hawn fuq jistabbilixxu, fost affarijiet oħra, il-miri li ġejjin:
Dawn it-tliet strateġiji f’Jannar 2023 ġew ikkomplementati minn komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Reviżjoni tal-Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi – Patt ġdid għall-pollinaturi”. Hi u tibni fuq l-inizjattiva tal-UE tal-2018 dwar il-pollinaturi, tistabbilixxi objettivi għall-2030 u azzjonijiet relatati taħt tliet prijoritajiet: (1) it-titjib tal-konservazzjoni tal-pollinaturi u l-indirizzar tal-kawżi tat-tnaqqis tagħhom; (2) it-titjib tal-għarfien; (3) il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà u l-promozzjoni tal-ippjanar u l-kooperazzjoni strateġiċi.
B. L-impenji internazzjonali tal-UE għall-protezzjoni tal-bijodiversità
Għadd ta’ trattati internazzjonali għandhom l-għan li jippreservaw il-bijodiversità u l-ħabitats, u jiġġieldu kontra d-deforestazzjoni. B’mod partikolari, il-konvenzjonijiet internazzjonali li ġejjin ġew ratifikati mill-UE u jiggwidaw l-azzjoni tagħha dwar dawn is-suġġetti:
L-UE hija wkoll parti f’għadd ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u reġjonali aktar speċifiċi, b’mod partikolari:
Il-kisbiet tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità, l-użu tal-art u l-forestrija
A. Il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u l-ħabitats
Id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) jiffurmaw il-pedamenti tal-politika tal-UE dwar il-konservazzjoni tal-bijodiversità. Dawn jistabbilixxu n-network Natura 2000 ta’ żoni protetti u jagħtu lill-Istati Membri r-responsabbiltà li jżommu u jirrestawraw il-ħabitats u/jew l-ispeċijiet li jinsabu fihom. B’medda totali ta’ aktar minn 1,295,000 km2 u ’l fuq minn 27,000 sit fuq l-art u fuq il-baħar, in-network Natura 2000 huwa l-akbar network koerenti ta’ siti protetti fid-dinja.
Il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE), li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw status tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE sal-2020 u li jipproteġu l-bażi tar-riżorsi li minnha jiddependu l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali relatati mal-baħar. Barra minn hekk, fl-2025, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità marina fiż-żoni lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali. Il-proposta għandha l-għan li tipproteġi aħjar il-bijodiversità tal-baħar fl-ibħra internazzjonali, li huwa wieħed mill-obbligi tal-UE skont il-Ftehim BBNJ tan-NU tal-2023.
Bl-istess mod, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE) għandha l-għan li tiżgura korpi tal-ilma ħelu tajbin għas-saħħa, billi tirregola s-sustanzi niġġiesa u tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevjenu d-deterjorament jew (jekk ikun meħtieġ) jirrestawraw il-korpi tal-ilma għal stat li jkun xieraq biex isostnu kemm il-ħtiġijiet tal-organiżmi selvaġġi kif ukoll dawk tal-bniedem. Il-Kummissjoni pproponiet li temenda din id-direttiva fl-2022 biex tintroduċi standards aktar stretti rigward is-sustanzi kimiċi tossiċi b’mod akut u persistenti, fost affarijiet oħra.
Bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, il-Parlament u l-Kunsill adottaw ir-Regolament dwar ir-Restawr tan-Natura (ir-Regolament (UE) 2024/1991) f’Ġunju 2024, sabiex jiġu restawrati l-ekosistemi li saritilhom ħsara u biex in-natura tinġieb lura madwar l-Ewropa, mill-art agrikola u l-ibħra, sal-foresti u l-ambjenti urbani. L-għan huwa li jiġu restawrati mill-anqas 20% taż-żoni tal-art u 20% taż-żoni tal-baħar tal-UE sal-2030 u li sal-2050 jiġu restawrati l-ekosistemi kollha li jeħtieġu r-restawr. Il-liġi, li daħlet fis-seħħ f’Awwissu 2024, tirrikjedi li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali tar-restawr biex jilħqu l-miri, filwaqt li tippermettilhom il-flessibbiltà li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.
Minkejja dan il-qafas regolatorju robust, ir-rapport bit-titolu “Europe’s Environment 2025” (L-ambjent tal-Ewropa 2025) tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) ivvaluta li l-bijodiversità fl-Ewropa kienet qed tonqos u, fl-2025, tinsab fi “stat ħażin fl-ekosistemi terrestri, tal-ilma ħelu u tal-baħar”. Fil-fatt, 27.5% biss tal-ispeċijiet u 14.7% tal-ħabitats għandhom stat ta’ konservazzjoni “tajjeb”. Għalkemm is-sitwazzjoni mistennija li titjieb matul l-10 snin sa 15-il sena li ġejjin, l-EEA qajmet “tħassib serju” dwar il-futur tal-ekosistemi tal-UE u appellat lill-Istati Membri biex “jimplimentaw bis-sħiħ u b’mod effettiv il-leġiżlazzjoni ambjentali” bil-għan li jagħlqu l-lakuni fl-implimentazzjoni.
B. L-isfruttament u l-kummerċ ta’ fawna u flora selvaġġi
Il-Konvenzjoni CITES tirregola l-kummerċ internazzjonali, b’mod speċifiku l-esportazzjoni (u r-riesportazzjoni) u l-importazzjoni tal-annimali u l-pjanti ħajjin u mejtin, abbażi ta’ sistema ta’ permessi u ċertifikati. L-Istati Membri kollha huma partijiet fis-CITES, u l-UE nnifisha ilha parti sa mill-2015. Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi (ir-Regolament (KE) 338/97), li ġie emendat l-aħħar fl-2023, jinkorpora l-objettivi, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni CITES fil-liġi tal-UE. Regolament ta’ implimentazzjoni jistabbilixxi regoli ta’ importazzjoni: ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/6 jipprojbixxi l-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi.
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali (id-Direttiva (UE) 2024/1203) tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw il-kummerċ u l-importazzjoni tal-ispeċijiet imsemmija fl-Annessi A, B u C tar-Regolament dwar il-protezzjoni tal-fawna u l-flora selvaġġi.
C. L-ispeċijiet aljeni invażivi
Speċi aljena invażiva hija kwalunkwe speċi introdotta barra miż-żona ġeografika li fiha tinstab b’mod naturali, u li thedded jew għandha impatt fuq il-bijodiversità jew l-ekosistemi relatati. Il-kontrolli aktar stretti fuq l-ispeċijiet aljeni invażivi huma parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2030. L-ispeċijiet aljeni invażivi jikkawżaw dannu li jammonta għal biljuni ta’ euro kull sena fl-UE, mhux biss għall-ekosistemi iżda wkoll għall-għelejjel u għall-bhejjem, u jħarbtu l-ekoloġija lokali u jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem.
Ir-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi (ir-Regolament (UE) 1143/2014) ifittex‒ permezz tal-prevenzjoni, it-twissija bikrija u r-rispons rapidu ‒ li jipproteġi l-bijodiversità indiġena u jnaqqas kemm jista’ jkun u jtaffi l-impatt ta’ dawn l-ispeċijiet fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ekonomija. Dan jinkludi lista tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-UE, li kontrihom l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ta’ prevenzjoni, ġestjoni u eradikazzjoni.
Barra minn hekk, id-Direttiva dwar ir-Reati Ambjentali tirrikjedi li l-Istati Membri jikkriminalizzaw l-isfruttament ekonomiku jew it-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi meta jiksru r-restrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi.
D. L-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-qsim ta’ benefiċċji
Ir-Regolament dwar l-aċċess għal riżorsi ġenetiċi u l-qsim ta’ benefiċċji (ir-Regolament (UE) 511/2014) ġie adottat biex jimplimenta l-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess u l-Qsim ta’ Benefiċċji. Skont dan ir-Regolament, ir-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjati ma’ tali riżorsi jistgħu jkunu trasferiti u użati biss skont il-kundizzjonijiet miftiehma b’mod reċiproku bejn l-utenti (in-negozji, il-kollezzjonisti privati u l-istituzzjonijiet) u l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini.
E. L-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija
Is-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (LULUCF) ikopri l-ġestjoni tar-raba’, l-insedjamenti, l-artijiet bil-ħaxix, il-foresti u l-artijiet mistagħdra, kif ukoll it-tibdil fl-użu tagħhom (eż. permezz tad-deforestazzjoni jew l-iskular tat-torbiera). Filwaqt li s-settur jarmi gassijiet serra, huwa kapaċi wkoll jassorbi s-CO2 mill-atmosfera.
Sal-2020, l-Istati Membri kienu impenjati fl-ambitu tal-Protokoll ta’ Kjoto li jiżguraw li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-użu tal-art jiġu kkumpensati b’assorbiment ekwivalenti tas-CO2. L-UE naqqxet din l-hekk imsejħa regola “ta’ ebda debitu” għall-perjodu 2021-2030 fir-Regolament LULUCF.(ir-Regolament (UE) 2018/841). Dan ir-Regolament ġie emendat f’April 2023 biex tiġi ddeterminata mira ġdida għall-2030 f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’mod partikolari, l-objettiv huwa li jiġu estiżi l-bjar tal-karbonju tal-UE bi 15%, li jikkorrispondi għal 310 miljun tunnellata addizzjonali ta’ ekwivalenti ta’ CO2 mneħħija mill-atmosfera.
Barra minn hekk, il-Liġi dwar il-Monitoraġġ tal-Ħamrija (id-Direttiva (UE) 2025/2360) tistabbilixxi qafas komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tas-saħħa tal-ħamrija, ir-reżiljenza tal-ħamrija u l-ġestjoni ta’ siti kkontaminati. F’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-ħamrija, din għandha l-għan li tikkontribwixxi għal objettivi mhux vinkolanti ta’ ħamrija b’saħħitha madwar l-UE sal-2050 u l-ebda teħid nett tal-art sal-2030. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-2025 u l-Istati Membri jeħtiġilhom jittrasponuha fil-liġi nazzjonali sal-2028.
Minkejja dawn l-isforzi, ir-rapport dwar l-ambjent tal-Ewropa tal-2025 tal-EEA jistma li t-teħid tal-art żdied b’14% bejn l-2005 u l-2023. Fl-istess ħin, l-erja tas-superfiċje tal-art forestali kibret b’4% u tal-artijiet mistagħdra b’1%, għad-detriment tar-raba’ (-5%) u tal-artijiet bil-ħaxix (-1%). Peress li d-domanda għall-użu tal-art mistennija li tiżdied fil-futur, l-EEA tirrakkomanda li jiġu esplorati soluzzjonijiet għall-użu multifunzjonali tal-art biex jiġu pprevenuti l-kunflitti potenzjali, iżda tinnota li l-objettiv tal-UE ta’ “ebda teħid tal-art nett sal-2050” x’aktarx li ma jintlaħaqx.
F. Il-foresti u d-deforestazzjoni
L-UE għandha kważi 182 miljun ettaru ta’ foresti u art imsaġġra, li jkopru 43% tal-erja tal-art tagħha (kważi 30% tal-erja tas-superfiċje tan-network Natura 2000), u għalhekk għadd ta’ miżuri tal-UE huma mmirati biex jipproteġu lill-foresti.
Ir-Regolament dwar l-Injam (ir-Regolament (UE) Nru 995/2010) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-tqegħid ta’ injam u prodotti tal-injam fis-suq tal-UE u jipprojbixxi l-bejgħ ta’ injam maħsud b’mod illegali.
Ir-regolament dwar prodotti mingħajr deforestazzjoni (ir-Regolament (UE) 2023/1115) għandu l-għan li jnaqqas l-impatt tal-UE fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u fuq it-telf tal-bijodiversità fil-livell globali. Dan jiżgura li ċerti prodotti jitqiegħdu fis-suq tal-UE jew jiġu esportati biss jekk ikunu mingħajr deforestazzjoni, prodotti f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-produzzjoni u koperti b’dikjarazzjoni ta’ diliġenza dovuta. Ir-regolament ġie emendat l-aħħar fl-2025 biex jinkludi reġim simplifikat għall-operaturi mikro u żgħar u jnaqqas il-piż fuq l-operaturi downstream, fost affarijiet oħra, u d-dħul fis-seħħ tiegħu ġie pospost għat-30 ta’ Diċembru 2026.
G. L-istrumenti finanzjarji
F’konformità ma’ ftehim interistituzzjonali tal-2020 dwar kwistjonijiet baġitarji, l-UE għandha l-għan li tonfoq 7.5% tal-baġit tagħha għall-2024 u 10% tal-baġit tagħha għall-2026–2027 fuq il-bijodiversità. Dan jirrappreżenta total ta’ EUR 112.7-il biljun.
Mill-1992 ’il hawn, l-istrument ta’ finanzjament tal-UE ddedikat għall-ambjent kien il-programm għall-Ambjent u l-Azzjoni dwar il-Klima (LIFE). Il-fażi attwali tal-Programm LIFE, li tkopri l-perjodu 2021–2027, għandha baġit ta’ EUR 2.143 biljun biex tappoġġja proġetti ta’ “Natura u Bijodiversità”, jiġifieri n-network Natura 2000.
Programmi u strumenti baġitarji oħra tal-UE jappoġġjaw il-bijodiversità. B’mod partikolari, il-politika agrikola komuni tikkontribwixxi 57% tal-infiq kollu relatat mal-bijodiversità, prinċipalment permezz tal-Pilastru II tagħha (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali). Sorsi sinifikanti oħra ta’ nfiq fuq il-bijodiversità huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (madwar 14% tal-infiq kollu), u l-Fond temporanju għall-Irkupru u r-Reżiljenza (madwar 10%).
F’Lulju 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għall-pjan ta’ nfiq fit-tul li jmiss tal-UE, li jkopri l-perjodu 2028–2034. Il-proposti ma kinux jinkludu mira speċifika ta’ nfiq għall-bijodiversità, iżda mira usa’ ta’ 35% għall-objettivi klimatiċi u ambjentali. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li twaqqaf il-programm LIFE u minflok tipprovdi appoġġ għal proġetti ambjentali permezz ta’ pjanijiet ta’ sħubija nazzjonali u reġjonali, kif ukoll permezz ta’ Fond Ewropew għall-Kompetittività ġdid.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament ilu jappoġġja l-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel.
Axel GRISLIN