It-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku
Din l-iskeda informattiva tispjega l-azzjoni tal-UE biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja u t-tniġġis akustiku u tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Tiddeskrivi s-sorsi u l-impatti ewlenin tat-tniġġis, l-objettivi ta’ tniġġis żero tal-UE u l-leġiżlazzjoni ewlenija li tindirizza l-emissjonijiet mill-industrija, mit-trasport u minn setturi oħra. Tenfasizza wkoll il-progress li sar u l-isfidi li fadal fir-rigward tat-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-istorbju ambjentali.
Il-bażi legali
L-Artikoli 191 sa 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jkopru l-politika ambjentali.
Il-kuntest ġenerali
A. It-tniġġis tal-arja
It-tniġġis tal-arja għadu wieħed mill-akbar riskji għas-saħħa ambjentali madwar l-Ewropa. Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero tal-UE, adottat fl-2021, jistabbilixxi miri ambizzjużi biex, sal-2050, jitnaqqsu kemm it-tniġġis tal-arja kif ukoll it-tniġġis akustiku għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistemi naturali. Kemm il-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll network ta’ monitoraġġ fl-UE kollha għandhom l-għan li jżommu t-tniġġis taħt il-limiti kritiċi, filwaqt li standards riveduti u valutazzjonijiet kontinwi jiżguraw progress kontinwu lejn ambjenti tal-arja u akustiku aktar sikuri.
It-tniġġis tal-arja huwa l-kawża ambjentali ewlenija tal-imwiet prematuri fl-UE. Huwa marbut mal-mard tal-qalb u tal-pulmun, mal-puplesija u ma’ xi tipi ta’ kanċer. Ċerti sustanzi niġġiesa, bħalma huma l-arseniku (As), il-kadmju (Cd), il-merkurju (Hg), in-nikil (Ni) u l-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs) jistgħu jagħmlu ħsara lill-ġeni tagħna u jikkawżaw il-kanċer.
It-tniġġis tal-arja jagħmel ħsara wkoll lill-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija u lill-ekosistemi. Pereżempju, jista’ jwassal għall-ewtrofikazzjoni (abbundanza żejda ta’ fosforu, nitroġenu u nutrijenti oħra tal-pjanti f’korp tal-ilma, li tikkawża tkabbir eċċessiv tal-pjanti u tal-algi) u xita aċiduża, li tagħmel ħsara lill-foresti, lill-għelejjel u lill-bini.
Is-sorsi ewlenin tat-tniġġis tal-arja fl-UE huma:
- l-industrija;
- it-trasport;
- it-tisħin domestiku;
- il-produzzjoni tal-enerġija;
- l-agrikoltura.
- l-istandards tal-kwalità tal-arja (kemm għandha tkun nadifa l-arja li nieħdu bin-nifs);
- it-tnaqqis nazzjonali tal-emissjonijiet(il-kwantità ta’ tniġġis li kull pajjiż jista’ jarmi);
- is-sorsi speċifiċi (bħall-industrija, il-vetturi jew il-fjuwil).
- tistabbilixxi l-impenji nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2020–2029 meta mqabbla mal-livelli tal-2005 għal ħames sustanzi niġġiesa ewlenin: SO2, NOx, komposti organiċi volatili mhux metaniċi (NMVOCs), ammonijaka (NH3) u PM2.5 u miri aktar stretti mill-2030 ’il quddiem;
- tirrikjedi li l-Istati Membri jħejju programmi nazzjonali ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja;
- tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-konformità;
- issaħħaħ il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja.
- tagħmel il-valuri ta’ limitu għas-sustanzi niġġiesa ewlenin bħall-PM2.5, il-PM10 u d-diossidu tan-nitroġenu (NO2) sal-2030 aktar stretti;
- tqarreb l-istandards tal-UE lejn il-linji gwida tad-WHO;
- ittejjeb il-monitoraġġ u l-immudellar tal-kwalità tal-arja;
- issaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet tal-kwalità tal-arja.
- jistabbilixxi limiti aktar stretti għal diversi sustanzi niġġiesa;
- jinkludi limiti għall-emissjonijiet mill-brejkijiet u mit-tajers, li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja u għall-mikroplastiċi;
- jeżiġi li s-sistemi ta’ kontroll tal-emissjonijiet jibqgħu konformi għal mill-anqas 10 snin jew 200,000km, skont liema jiġi l-ewwel.
- tistabbilixxi limiti aktar stretti għal diversi sustanzi niġġiesa;
- testendi r-regoli għal aktar setturi, inklużi azjendi agrikoli intensivi kbar tal-bhejjem, gigafabbriki u xi attivitajiet ta’ estrazzjoni minerarja;
- tintroduċi valuri limitu tal-prestazzjoni ambjentali biex tixpruna titjib kontinwu;
- tagħmel l-kundizzjonijiet biex jingħataw derogi mil-limiti tal-emissjonijiet aktar stretti;
- issaħħaħ l-ispezzjonijiet, l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika, u d-dritt li jintalab kumpens għall-ħsara kkawżata mit-tniġġis illegali.
- jimmappjaw il-livelli tal-ħsejjes fi bliet kbar, tul toroq u ferroviji maġġuri u madwar ajruporti maġġuri fil-forma ta’ “mapep tal-ħsejjes”;
- jinformaw lill-pubbliku dwar il-livelli tal-ħsejjes;
- ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall-ħsejjes biex jitnaqqsu l-ħsejjes, fejn meħtieġ.
- vetturi bil-mutur u t-tajers tagħhom;
- mopeds u muturi;
- vetturi ferrovjarji;
- operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru f’ajruporti ewlenin;
- ċerti tipi ta’ tagħmir u makkinarju ta’ barra.
Is-sustanzi niġġiesa l-aktar problematiċi llum il-ġurnata huma l-partikoli fini (PM2.5), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-ożonu troposferiku (O₃).
Il-kwalità tal-arja tjiebet f’dawn l-aħħar deċennji, iżda ħafna nies fl-UE għadhom esposti għal livelli ta’ tniġġis mhux tajbin għas-saħħa, speċjalment fil-bliet. L-aħħar rapport dwar l-istatus tal-kwalità tal-arja tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) jistma aktar minn 180,000 mewta prematura fl-UE fl-2023 minħabba esponiment fit-tul għall-partikoli fini ogħla mil-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Il-biċċa l-kbira tan-nies li jgħixu fiż-żoni urbani (94%) għadhom esposti għal konċentrazzjonijiet ta’ PM2.5 ogħla minn dawn il-linji gwida. Dan jikkonferma l-ħtieġa ta’ miżuri addizzjonali biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa assoċjati. Fuq nota aktar pożittiva, l-EEA tiddikjara li ħafna żoni diġà għandhom konċentrazzjonijiet tal-kwalità tal-arja taħt l-istandards il-ġodda tal-UE għall-2030.
B. L-objettivi tal-UE u l-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero
Il-pjan ta’ azzjoni ta’ tniġġis żero tal-UE għall-2050 għandu l-għan li jnaqqas it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, kif ukoll it-tniġġis akustiku u t-tniġġis tal-plastik, għal livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistemi naturali. Għat-tniġġis tal-arja, l-UE stabbiliet mira għal tnaqqis tal-għadd ta’ mwiet prematuri kkawżati mill-partikoli fini b’mill-anqas 55% sal-2030 meta mqabbel mal-2005.
Dan l-għan x’aktarx li jintlaħaq, u jista’ jinkiseb tnaqqis saħansitra akbar ta’ 66% sal-2030, skont ir-rapport ta’ progress dwar il-miri ta’ tniġġis żero tal-UE ppubblikat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u mill-EEA f’Marzu 2025. Il-progress lejn dawn il-miri qed jiġi mmonitorjat u vvalutat kontinwament taħt il-qafas ta’ monitoraġġ tat-8 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.
C. It-tniġġis akustiku
L-istorbju ambjentali, prinċipalment mit-traffiku fit-toroq, il-ferroviji, l-inġenji tal-ajru u l-industrija, huwa wkoll kwistjoni ewlenija tas-saħħa pubblika fl-Ewropa. L-esponiment fit-tul għal livelli għoljin ta’ storbju jista’ jikkawża mard tal-qalb, pressjoni tad-demm għolja, dijabete, problemi ta’ rqad u fastidju, skont ir-rapport tal-EEA tal-2025 dwar l-istorbju ambjentali fl-Ewropa. L-EEA tistma li aktar minn 110 miljun persuna fl-Ewropa huma esposti għal livelli dannużi ta’ storbju ambjentali u li t-tniġġis akustiku jikkontribwixxi għal madwar 66,000 mewta prematura fis-sena.
L-istorbju jagħmel ħsara wkoll lill-organiżmi selvaġġi u lin-natura. Madwar 29% taż-żoni protetti ta’ Natura 2000 jesperjenzaw livelli ta’ storbju li jfixklu l-imġiba tal-annimali u jaffettwaw il-bijodiversità.
Skont il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għal tniġġis żero, l-għan huwa li jitnaqqas is-sehem ta’ persuni li huma affettwati b’mod kroniku mill-istorbju tat-trasport bi 30% sal-2030, meta mqabbel mal-2017. L-aħħar evidenza turi biss titjib żgħir s’issa (tnaqqis ta’ 3% mill-2017), li tindika ħtieġa għal aktar miżuri, bħal bidliet regolatorji jew leġiżlattivi.
Il-kisbiet fil-ġlieda kontra t-tniġġis tal-arja
Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa tjiebet b’mod sinifikanti minn meta l-Komunità Ekonomika Ewropea (il-prekursur tal-UE) bdiet tindirizza għall-ewwel darba din il-kwistjoni fis-snin sebgħin. Il-konċentrazzjonijiet ta’ sustanzi bħad-diossidu tal-kubrit (SO2), il-monossidu tal-karbonju (CO), il-benżen (C6H6) u ċ-ċomb (Pb) tnaqqsu drastikament minn dak iż-żmien ’l hawn.
Biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, l-UE għandha tliet tipi ewlenin ta’ regoli, li jkopru:
Barra minn hekk, l-UE taħdem ma’ sħab strateġiċi internazzjonali biex tindirizza t-tniġġis transfruntier tal-arja. Xi wħud minn dawn is-sħab strateġiċi jinkludu l-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-Koalizzjoni għall-Klima u għall-Arja Nadifa u l-pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira. Il-leġiżlazzjoni hija kkomplementata minn strateġiji u miżuri li jippromwovu l-protezzjoni ambjentali u l-integrazzjoni tagħha f’setturi oħra, li kollha huma elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
A. Il-kwalità tal-arja ambjentali
L-UE tistabbilixxi valuri ta’ limitu u valuri fil-mira għas-sustanzi ewlenin niġġiesa tal-arja. Dawn ir-regoli jiddefinixxu l-livelli massimi għas-sustanzi niġġiesa fl-arja ta’ barra u jirrikjedu li l-Istati Membri jimmonitorjaw il-kwalità tal-arja u jaġixxu meta jinqabżu l-istandards.
F’Diċembru 2016, l-UE adottat direttiva dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li:
Din id-direttiva daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2016, u emendat id-Direttiva 2003/35/KE u ħassret id-Direttiva preċedenti dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet. L-Istati Membri kellhom sal-1 ta’ Lulju 2018 biex jittrasponuha fil-liġi nazzjonali, b’impenji ta’ tnaqqis li kellhom jiġu ssodisfati mill-2020 ’il quddiem u b’limiti aktar stretti mill-2030.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew id-direttiva sal-iskadenza, għalkemm xi miżuri baqgħu mhux kompluti fl-2026, u l-konformità tvarja. Xi Stati Membri ma laħqux il-miri kollha tagħhom għall-2020–2029, bit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka jkun diffiċli li jinkiseb. Huma meħtieġa sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka, b’mod partikolari fis-settur agrikolu.
F’Ottubru 2024, l-UE adottat direttiva ġdida dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u arja iktar nadifa għall-Ewropa. Din id-direttiva:
Din id-direttiva daħlet fis-seħħ f’Diċembru 2024, u ssostitwiet u aġġornat id-direttivi preċedenti dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. L-Istati Membri jeħtiġilhom jittrasponuha fil-liġi nazzjonali sa tmiem l-2026 u jissodisfaw il-valuri ta’ limitu l-ġodda sal-2030, b’possibbiltajiet limitati li jitolbu aktar żmien taħt kundizzjonijiet stretti.
B. It-trasport bit-triq
It-trasport bit-triq huwa sors ewlieni ta’ tniġġis tal-arja fl-Ewropa, speċjalment fil-bliet. L-UE stabbiliet standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet, ix-xarabanks u l-muturi (magħrufa bħala standards Euro), u introduċiet testijiet aktar realistiċi li jirriflettu aħjar is-sewqan f’kundizzjonijiet reali.
L-istandard ta’ emissjonijiet attwali Euro 6 għall-karozzi u l-vannijiet ħfief jistabbilixxi limiti ta’ emissjonijiet għal għadd ta’ sustanzi niġġiesa tal-arja, partikolarment l-NOx u l-materja partikolata (PM). Minn Settembru 2017, l-emissjonijiet fit-triq jiġu ttestjati wkoll bl-użu tat-test tal-Emissjonijiet f’Sewqan Reali, li jirrifletti aħjar il-kundizzjonijiet reali tas-sewqan.
Fl-2024, l-UE adottat ir-Regolament Euro 7 f’konformità mal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-mobbiltà sostenibbli u intelliġenti tal-2020. Dan se japplika għall-karozzi kollha li jaħdmu bil-petrol, bid-diżil, ibridi u elettriċi, kif ukoll għall-vannijiet, għat-trakkijiet u għax-xarabanks, minn Novembru 2026, b’konformità sħiħa mas-suq meħtieġa sa Novembru 2027. Dan ir-regolament:
L-UE adottat ukoll regoli dwar il-kwalità tal-fjuwil, il-konformità waqt is-servizz tal-vetturi u s-sorveljanza tas-suq biex tiżgura li l-vetturi jkomplu jissodisfaw il-limiti tal-emissjonijiet matul il-ħajja tagħhom.
Fl-2007, ġew adottati regoli tal-approvazzjoni tat-tip għall-vetturi ħfief għall-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali u jkopru wkoll il-konformità waqt is-servizz (li tirrikjedi li l-vetturi jkomplu jikkonformaw mal-istandards waqt iċ-ċirkolazzjoni), id-durabbiltà tal-apparati tal-kontroll tat-tniġġis, is-sistemi dijanjostiċi abbord, il-kejl tal-konsum tal-fjuwil, u l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi għall-operaturi indipendenti. Regoli simili ġew adottati fl-2009, għall-vetturi heavy-duty, bħax-xarabanks u t-trakkijiet.
Regolament tal-2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2020, bil-għan li jiżdiedu l-kwalità u l-indipendenza tas-servizzi tekniċi u tiġi vverifikata l-konformità tal-vetturi diġà fiċ-ċirkolazzjoni.
C. Emissjonijiet oħra tat-trasport
It-tbaħħir, l-avjazzjoni u l-makkinarju mobbli mhux tat-triq jikkontribwixxu wkoll għat-tniġġis tal-arja u għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
Għall-vapuri, l-UE stabbiliet limiti stretti għall-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils tal-bunkers tal-baħar użati mill-bastimenti li joperaw fl-ilmijiet Ewropej. Minn Jannar 2020, il-limitu ġenerali tal-kubrit kien ta’ 0.5%, skont ir-regoli miftiehma mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. F’ċerti żoni, magħrufa bħala “żoni ta’ kontroll għall-emissjonijiet tal-kubrit”, il-limitu huwa ta’ 0.1%. Dawn jinkludu l-Baħar Baltiku, il-Kanal Ingliż, il-Baħar tat-Tramuntana, iż-żona tal-Amerika ta’ Fuq, il-Baħar tal-Karibew tal-Istati Uniti u l-Baħar Mediterran.
Għall-avjazzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha jipparteċipaw fl-Iskema globali ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), li għandha l-għan tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali. L-UE tippromwovi wkoll l-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli permezz tar-Regolament ReFuelEU Aviation, li huwa applikabbli minn Jannar 2024.
Għat-tbaħħir, ir-Regolament FuelEU Maritime daħal fis-seħħ f’Ottubru 2023 u għandu l-għan li jnaqqas l-intensità tal-gassijiet serra tal-enerġija użata abbord il-vapuri bi 80% sal-2050, filwaqt li jinkoraġġixxi wkoll l-adozzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Fl-2016, l-UE adottat regolament dwar makkinarju mobbli mhux tat-triq, inklużi gafef, bulldozers u lupi, kif ukoll tratturi agrikoli u forestali u opri tal-baħar għar-rikreazzjoni bħalma huma d-dgħajjes sportivi.
D. L-emissjonijiet mill-industrija
Ħafna installazzjonijiet industrijali kbar fl-UE, bħall-impjanti tal-enerġija, ir-raffineriji, is-simenteriji u l-inċineraturi tal-iskart, huma koperti mid-Direttiva tal-2010 dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED). Dawn l-installazzjonijiet jeħtieġu permess, li jinkludi kundizzjonijiet dwar il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija u l-limitazzjoni tal-istorbju.
L-IED hija bbażata fuq il-kunċett tal-“aqwa tekniki disponibbli”.Dan ifisser li l-installazzjonijiet iridu jużaw l-aktar metodi effettivi u avvanzati vijabbli ekonomikament u teknikament biex jipprevjenu jew inaqqsu t-tniġġis.Fl-2015, l-IED ġiet ikkomplementata b’direttiva dwar l-emissjonijiet minn impjanti tal-kombustjoni medji.
F’Awwissu 2024, il-Parlament u l-Kunsill adottaw reviżjoni tal-IED (imsejħa “IED 2.0”). Din id-direttiva l-ġdida:
L-Istati Membri jeħtiġilhom jittrasponu din id-direttiva fil-liġi nazzjonali fl-2026. Ir-regoli l-ġodda għandhom ikomplu jnaqqsu l-emissjonijiet dannużi, jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-effiċjenza fir-riżorsi, u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ tniġġis żero tal-UE.
Ġew introdotti penali aktar stretti għall-ksur, inklużi multi ta’ mill-anqas 3% tal-fatturat annwali. Iċ-Ċentru Ewropew tal-Innovazzjoni għat-Trasformazzjoni u l-Emissjonijiet Industrijali (INCITE) jappoġġja l-iżvilupp u l-varar ta’ teknoloġiji emerġenti għall-kontroll tat-tniġġis.
Il-Kummissjoni għandha sal-31 ta’ Diċembru 2026 biex tivvaluta jekk hemmx bżonn li jiġu indirizzati aktar l-emissjonijiet mit-trobbija tal-bhejjem, inklużi l-frat.
Il-kisbiet fir-rigward tat-tniġġis akustiku
L-UE tindirizza l-istorbju ambjentali prinċipalment permezz tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali u regoli speċifiċi għall-istorbju minn vetturi, inġenji tal-ajru, ferroviji u tagħmir għall-użu fuq barra.
A. Id-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali
L-approċċ tal-UE għat-tniġġis akustiku jikkonsisti fi proċess doppju: qafas ġenerali għall-identifikazzjoni tal-livelli ta’ tniġġis akustiku li jeħtieġ azzjoni kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f’dak tal-UE; u sett ta’ leġiżlazzjoni li fil-mira tiegħu għandu s-sorsi ewlenin tal-istorbju, bħall-istorbju mit-traffiku fit-toroq, mill-avjazzjoni u ferrovjarju, u l-istorbju minn tagħmir għall-użu fuq barra.
Id-Direttiva dwar l-Ħsejjes Ambjentali (2002/49/KE) tirrikjedi li l-Istati Membri::
Dawn il-mapep u l-pjanijiet ta’ azzjoni huma rieżaminati mill-anqas kull ħames snin. L-aktar rapport reċenti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħsejjes Ambjentali, ippubblikat f’Marzu 2023, sab li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu progress, iżda li għad hemm lakuni, pereżempju fl-infurzar u l-parteċipazzjoni pubblika.
B. Ir-regoli speċifiċi għas-settur
L-UE tistabbilixxi wkoll limiti tal-istorbju għal:
Fl-2014, ġew introdotti regoli dwar il-livelli ta’ ħoss tal-vetturi bil-mutur, filwaqt li fl-2020 ġie adottat regolament li jinforza tikkettar aktar strett għat-tajers. Regolament delegat tal-2023 tal-Kummissjoni jistabbilixxi standards tekniċi dwar il-livelli u l-emissjonijiet tal-ħoss mill-mopeds u l-muturi.
Għall-avjazzjoni, ir-regoli tal-UE dwar l-istorbju mill-inġenji tal-ajru, japplikaw “approċċ bilanċjat” maħluq mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ajruporti b’aktar minn 50,000 moviment ta’ inġenji tal-ajru ċivili fis-sena (ajruporti maġġuri). Dan ifisser li l-ajruporti jridu jikkunsidraw erba’ tipi ta’ miżuri: inġenji tal-ajru aktar silenzjużi, ippjanar aħjar tal-użu tal-art, proċeduri tat-titjiriet adattati u, jekk ikun meħtieġ, restrizzjonijiet operattivi bħal projbizzjonijiet fuq titjiriet ta’ billejl.
Għall-ferroviji, ġew introdotti regoli dwar il-livelli massimi ta’ storbju li jistgħu jipproduċu vetturi ferrovjarji (konvenzjonali) ġodda permezz ta’ direttiva tal-2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja u ġiet adottata speċifikazzjoni teknika tal-2019 għall-vaguni eżistenti tal-merkanzija.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament kellu rwol deċiżiv fit-tfassil tar-regoli tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja u dak akustiku, u spiss appella għal standards aktar stretti u infurzar aħjar kif ukoll insista biex ir-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja jiġu allinjati aktar mill-qrib mal-linji gwida tad-WHO.
Il-Parlament għen biex jiġi żgurat li l-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar jitnaqqas fil-ħin u li d-direttiva l-ġdida dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent tistabbilixxi objettivi aktar ambizzjużi. Wara l-iskandlu “Dieselgate”, fejn il-Grupp Volkswagen uża software li jqarraq bit-testijiet biex ibaxxi l-emissjonijiet tal-NOx fit-testijiet tal-emissjonijiet fl-Istati Uniti, il-Parlament stabbilixxa kumitat temporanju biex jinvestiga t-testijiet tal-emissjonijiet tal-karozzi u appella għal sorveljanza tas-suq u protezzjoni tal-konsumatur aktar b’saħħithom.
Il-Parlament talab ripetutament ukoll limiti tal-istorbju aktar stretti għall-vetturi u l-inġenji tal-ajru u informazzjoni aktar trasparenti għaċ-ċittadini, bħall-introduzzjoni ta’ tikketti biex il-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-livelli tal-istorbju. Huwa jkompli jissorvelja l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE u jappella għal aktar azzjoni fejn meħtieġa biex jiġu protetti s-saħħa tan-nies u l-ambjent.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel tal-Parlament.
Victoria VALLEDOR DE VICENTE