Il-proċeduri supranazzjonali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet

Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi l-proċeduri tal-Unjoni Ewropea għat-teħid ta’ deċiżjonijiet vinkolanti li, għall-kuntrarju tad-deċiżjonijiet intergovernattivi, l-Istati Membri ma jistgħux jużaw il-veto tagħhom. L-istituzzjonijiet jieħdu din is-setgħa supranazzjonali għat-teħid tad-deċiżjonijiet mit-trattati, li ġew konklużi mill-Istati Membri. Il-proċeduri deskritti hawn taħt jinkludu l-proċeduri leġiżlattivi ewlenin – ordinarja, ta’ konsultazzjoni u ta’ approvazzjoni – kif ukoll ċerti proċeduri ta’ ħatra u proċeduri għall-konklużjoni ta’ xi ftehimiet internazzjonali. Tkopri wkoll proċeduri kważi kostituzzjonali u tiddeskrivi r-rwol dejjem jikber tal-Parlament bħala koleġiżlatur.

L-istorja

Fl-1958, it-Trattat ta’ Ruma (ara 1.1.1) ta lill-Kummissjoni s-setgħat li tipproponi u tinnegozja, prinċipalment fl-oqsma tal-leġiżlazzjoni u r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni. Huwa alloka s-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (ara 1.3.7) jew, fil-każ ta’ ħatriet, lir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Il-Parlament ingħata setgħat konsultattivi iżda r-rwol tiegħu kiber gradwalment permezz ta’:

  • ir-riformi baġitarji tal-1970 u l-1975;
  • l-Att Uniku Ewropew (1987), li introduċa proċedura ġdida ta’ kooperazzjoni li wittiet t-triq għar-rwol futur tal-Parlament bħala koleġiżlatur. Ta wkoll lill-Parlament is-setgħa li jawtorizza ratifika tat-trattati tal-adeżjoni u tal-assoċjazzjoni (ara 1.1.2);
  • it-Trattat ta’ Maastricht (1993), li introduċa l-kodeċiżjoni mal-Kunsill u estenda s-setgħa tal-Parlament li jawtorizza t-trattati ta’ adeżjoni u ta’ assoċjazzjoni u xi trattati internazzjonali oħra (ara 1.1.3);
  • it-Trattat ta’ Amsterdam (1999), li għamel progress sostanzjali billi għamel il-proċedura ta’ kodeċiżjoni aktar sempliċi, estendieha għal setturi ġodda u saħħaħ ir-rwol tal-Parlament fil-ħatra tal-Kummissjoni;
  • it-Trattat ta’ Nizza (2003), li żied b’mod konsiderevoli s-setgħat tal-Parlament billi estenda l-proċedura ta’ kodeċiżjoni (li biha l-Parlament għandu l-istess setgħat li għandu l-Kunsill) kważi għas-setturi l-ġodda kollha fejn il-Kunsill kien intitolat jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Ta wkoll lill-Parlament l-istess setgħat bħall-Istati Membri fir-rigward tar-riferiment ta’ kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara 1.1.4);
  • it-Trattat ta’ Liżbona (2009), li kkostitwixxa pass kwalitattiv ulterjuri lejn ugwaljanza sħiħa mal-Kunsill fil-leġiżlazzjoni u l-finanzi tal-UE (ara 1.1.5).
  • Il-proċeduri leġiżlattivi

    A. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikoli 289 u 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE))

    1. Il-kamp ta’ applikazzjoni

    It-Trattat ta’ Liżbona[1] żied 40 dispożizzjoni legali oħra, b’mod partikolari fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ) kif ukoll fl-agrikultura, fejn il-Parlament issa jiddeċiedi fuq atti leġiżlattivi fuq l-istess livell mal-Kunsill. Għaldaqstant, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li qabel kienet tissejjaħ il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, tapplika għal 85 dispożizzjoni legali. Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja tinkludi l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) fil-Kunsill (l-Artikolu 294 tat-TFUE). Madankollu, din ma tapplikax għal diversi oqsma importanti, bħal pereżempju għall-politika fiskali li tikkonċerna t-tassazzjoni diretta jew aspetti tranżnazzjonali tal-liġi tal-familja, li jirrikjedu l-unanimità fil-Kunsill.

    2. Il-proċedura

    Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja ssegwi l-istess passi tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni preċedenti. Madankollu, il-kliem tat-TFUE nbidel b’mod konsiderevoli, notevolment biex jenfasizza r-rwol ugwali tal-Kunsill u tal-Parlament f’din il-proċedura, u hija kif ġej.

    a. Il-proposta tal-Kummissjoni

    Il-Kummissjoni tabbozza proposta leġiżlattiva, li tiġi ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill.

    b. L-ewwel qari fil-Parlament

    Il-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu b’maġġoranza sempliċi.

    c. L-ewwel qari fil-Kunsill

    Il-Kunsill jadotta l-pożizzjoni tiegħu permezz tal-VMK.

    Fl-oqsma tas-sigurtà soċjali u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, il-proposta tista’ tiġi ppreżentata lill-Kunsill Ewropew (ara 1.3.6) fuq talba ta’ Stat Membru wieħed (l-Artikoli 48 u 82 tat-TFUE), u din tissospendi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja sakemm il-Kunsill Ewropew jassenja mill-ġdid il-kwistjoni lill-Kunsill (mhux aktar tard minn erba’ xhur). Fil-każ tal-Artikolu 82, mill-anqas disa’ Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li jkomplu d-deliberazzjonijiet skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 326-334 tat-TFUE).

    Jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, l-att jiġi adottat bit-test tal-Parlament.

    d. It-tieni qari fil-Parlament

    Il-Parlament jirċievi l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill u għandu tliet xhur biex jieħu deċiżjoni. Għalhekk huwa jista’:

    • japprova l-proposta kif emendata mill-Kunsill jew ma jieħu l-ebda deċiżjoni; fiż-żewġ każijiet, jiġi adottat l-att emendat mill-Kunsill;
    • jirrifjuta l-pożizzjoni tal-Kunsill b’maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu; l-att ma jiġix adottat u l-proċedura tintemm;
    • jadotta, b’maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu, emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, li mbagħad jitressqu quddiem il-Kummissjoni u l-Kunsill għall-opinjoni tagħhom.
    • e. It-tieni qari fil-Kunsill

      • Jekk il-Kunsill, li jivvota b’maġġoranza kwalifikata fuq l-emendi tal-Parlament, u b’mod unanimu għal dawk li dwarhom il-Kummissjoni tat opinjoni negattiva, japprova l-emendi kollha tal-Parlament mhux aktar tard minn tliet xhur wara li dawn jaslu għandu, l-att jiġi adottat.
      • Inkella, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jiltaqa’ fi żmien sitt ġimgħat.
      • f. Il-konċiljazzjoni

        • Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni huwa magħmul minn numru ugwali ta’ rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Parlament, assistiti mill-Kummissjoni. Huwa jikkunsidra l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill u għandu sitt ġimgħat biex jaqbel dwar test konġunt bl-appoġġ ta’ maġġoranza kwalifikata tar-rappreżentanti tal-Kunsill kif ukoll tal-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-Parlament.
        • Il-proċedura tintemm u l-att ma jiġix adottat jekk il-Kumitat ma jilħaqx ftehim dwar test konġunt sal-iskadenza.
        • Jekk il-Kumitat jilħaq ftehim dwar test konġunt, dan jintbagħat lill-Kunsill u lill-Parlament għall-approvazzjoni.
        • g. Il-konklużjoni tal-proċedura (it-tielet qari)

          • Il-Kunsill u l-Parlament għandhom sitt ġimgħat biex japprovaw it-test konġunt. Il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata u l-Parlament b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħin.
          • L-att jiġi adottat jekk il-Kunsill u l-Parlament japprovaw it-test konġunt.
          • Jekk waħda mill-istituzzjonijiet ma tkunx għadha tat l-approvazzjoni tagħha sad-data ta’ skadenza, il-proċedura tintemm u l-att ma jiġix adottat.
          • Matul dawn l-aħħar ftit snin, l-għadd ta’ ftehimiet fl-ewwel qari abbażi ta’ negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament żdied b’mod sinifikanti.

            Ċerti klawsoli “passerelle” jippermettu lill-Kunsill Ewropew jestendi l-applikazzjoni tal-proċedura ordinarja f’oqsma eżentati minnha (pereżempju, il-politika soċjali skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE).

            B. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni

            Qabel ma l-Kunsill jieħu deċiżjoni, jeħtieġ iqis l-opinjoni tal-Parlament u, jekk ikun neċessarju, dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kunsill mhuwiex obbligat isegwi l-opinjoni, iżda jrid jieħu nota tagħha, peress li n-nuqqas ta’ tali konsultazzjoni jagħmel l-att illegali u dan jista’ jwassal għal annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza fil-Kawżi 138/79 u 139/79). Meta l-Kunsill ikun biħsiebu jemenda l-proposta b’mod sostanzjali, huwa meħtieġ li jerġa’ jikkonsulta lill-Parlament (sentenza fil-Kawża 65/90). Eżempju ta’ din il-proċedura huwa l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxi fuq il-fatturat, id-dazji tas-sisa u forom oħra ta’ tassazzjoni indiretta (l-Artikolu 113 tat-TFUE) u l-adozzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (l-Artikolu 103 tat-TFUE).

            C. Il-proċedura ta’ approvazzjoni

            1. Il-kamp ta’ applikazzjoni

            Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-proċedura ta’ approvazzjoni tapplika b’mod partikolari għall-klawżola orizzontali ta’ flessibbiltà baġitarja, kif speċifikat fl-Artikolu 352 tat-TFUE (l-ex Artikolu 308 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea). Eżempji oħrajn huma l-azzjoni biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni (l-Artikolu 19(1) tat-TFUE) u s-sħubija tal-Unjoni (l-Artikoli 49 u 50 tat-TUE). Barra minn hekk, hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament għal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (l-Artikolu 217 tat-TFUE), għall-adeżjoni tal-Unjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 6(2) tat-TUE) u għal ftehimiet li jistabbilixxu qafas istituzzjonali speċifiku li jinvolvu implikazzjonijiet baġitarji kbar jew li jikkonċernaw oqsma fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikolu 218(6) tat-TFUE).

            2. Il-proċedura

            Il-Parlament iqis abbozz ta’ att imressaq mill-Kunsill u jiddeċiedi jekk japprovax l-abbozz jew le (ma jistax jemendah) b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħin. Il-Parlament ma jingħata l-ebda rwol formali mit-Trattat fil-fażijiet preċedenti tal-proċedura biex jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, iżda b’riżultat tal-arranġamenti interistituzzjonali saret in-norma li l-Parlament jiġi involut b’mod informali (ara r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u l-Ftehim Qafas Interistituzzjonali dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea ta’ Marzu 2026).

            Il-proċeduri tal-ħatra

            • Il-Parlament jeleġġi l-President tal-Kummissjoni (l-Artikolu 14(1) tat-TUE) (ara 1.3.8).
            • Il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jaħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (l-Artikolu 18(1) tat-TUE).
            • Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jadotta l-lista tal-persuni l-oħra li jipproponi għall-ħatra bħala membri tal-Kummissjoni, bi qbil komuni mal-President elett (l-Artikolu 17(7) tat-TUE).
            • Il-Kunsill jadotta l-lista:
              • tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri (l-Artikolu 286 tat-TFUE), wara li jikkonsulta lill-Parlament u skont il-proposti mressqa mill-Istati Membri;
              • tal-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li titfassal skont il-proposti magħmula minn kull Stat Membru (l-Artikoli 301, 302 u 305 tat-TFUE).
              • Il-Parlament jeleġġi lill-Ombudsman Ewropew (l-Artikolu 228 tat-TFUE).
              • Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali

                Bis-saħħa tal-personalità legali tagħha, l-UE tista’ tikkonkludi ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 218 tat-TFUE). It-Trattat ta’ Liżbona jirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fi kwalunkwe ftehim konkluż fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, kif ukoll fl-oqsma kollha ta’ politika li jaqgħu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja fi ħdan l-UE. Il-Kunsill jiddeċiedi permezz ta’ VMK, bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ adeżjoni, il-ftehimiet li għandhom ir-riskju li jippreġudikaw id-diversità kulturali u lingwistika tal-UE, u l-ftehimiet f’oqsma fejn tkun meħtieġa l-unanimità għall-adozzjoni ta’ atti interni.

                • Il-proċedura: il-Kummissjoni jew il-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) jippreżentaw rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, il-Kunsill jiddefinixxi l-mandat għan-negozjati u jinnomina n-negozjatur tal-Unjoni (rappreżentant tal-Kummissjoni jew mir-RGħ) biex imexxi n-negozjati. Il-Parlament Ewropew jeħtieġ jiġi informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura (l-Artikolu 218(10) tat-TFUE).
                • Deċiżjoni: il-Kunsill, permezz ta’ VMK, minbarra fl-oqsma msemmija hawn fuq.
                • Ir-rwol tal-Parlament: approvazzjoni għall-maġġoranza tal-ftehimiet (ara hawn fuq), konsultazzjoni għal ftehimiet li jaqgħu esklużivament fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà.
                • Il-proċeduri kważi kostituzzjonali

                  Filwaqt li t-Trattati ma jissemmewx bħala kostituzzjoni, fihom ir-regoli organizzattivi li jirregolaw kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, ir-regoli jew il-proċeduri li jiffunzjonaw bħad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali xi drabi huma deskritti bħala kważi kostituzzjonali.

                  A. Is-sistema ta’ riżorsi proprji (l-Artikolu 311 tat-TFUE)

                  • Proposta: il-Kummissjoni;
                  • Ir-rwol tal-Parlament: konsultazzjoni;
                  • Deċiżjoni: il-Kunsill, b’mod unanimu, soġġetta għall-adozzjoni mill-Istati Membri skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispettivi tagħhom.
                  • B. Id-dispożizzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament b’vot universali dirett (l-Artikolu 223 tat-TFUE)

                    • Proposta: il-Parlament;
                    • Deċiżjoni: il-Kunsill, b’mod unanimu wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament u jirrakkomanda l-proposta lill-Istati Membri għall-adozzjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.
                    • C. L-adozzjoni tal-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 223(2) tat-TFUE) u l-Istatut għall-Ombudsman (l-Artikolu 228(4) tat-TFUE)

                      • Proposta: il-Parlament;
                      • Ir-rwol tal-Kummissjoni: opinjoni;
                      • Ir-rwol tal-Kunsill: approvazzjoni (b’maġġoranza kwalifikata minbarra fejn għandhom x’jaqsmu r-regoli jew il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw l-arranġamenti fiskali għall-Membri jew għall-Membri preċedenti, f’liema każ tapplika l-unanimità);
                      • Deċiżjoni: il-Parlament.
                      • D. L-emendar tal-protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Artikolu 281 tat-TFUE)

                        • Proposta: il-Qorti tal-Ġustizzja (b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni) jew il-Kummissjoni (b’konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja);
                        • Deċiżjoni: il-Kunsill u l-Parlament (proċedura leġiżlattiva ordinarja).
                        • Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                          Fil-Konferenza Intergovernattiva tas-sena 2000, il-Parlament għamel diversi proposti biex jestendi l-oqsma fejn tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja (dik li qabel kienet “il-proċedura ta’ kodeċiżjoni”). Il-Parlament sostna wkoll ripetutament li, fejn kien hemm bidla minn unanimità għal maġġoranza kwalifikata, il-kodeċiżjoni għandha tapplika awtomatikament. It-Trattat ta’ Nizza approva din il-pożizzjoni, iżda ma allinjax kompletament il-maġġoranza kwalifikata u l-kodeċiżjoni. B’riżultat ta’ dan, il-kwistjoni tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri kienet wieħed mill-elementi prinċipali indirizzati fil-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa. Kien hemm proposti biex il-proċeduri ta’ kooperazzjoni u ta’ konsultazzjoni jitneħħew, biex il-proċedura ta’ kodeċiżjoni tiġi ssimplifikata u estiża sabiex tkopri l-qasam leġiżlattiv kollu, u biex il-proċedura ta’ kunsens tkun limitata għar-ratifika tal-ftehimiet internazzjonali. Ħafna minn dan it-titjib ġie implimentat bit-Trattat ta’ Liżbona (ara 1.1.5).

                          Fir-rigward tal-ħatriet, it-Trattat ta’ Liżbona ma rnexxilux itemm il-firxa wiesgħa ta’ proċeduri differenti, għalkemm inkisbet ċerta simplifikazzjoni. L-unanimità għadha applikata f’ċerti każijiet, u għandha t-tendenza li tipprovoka tilwim politiku u tnaqqas l-influwenza tal-Parlament. Sar progress b’mod partikolari wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza, permezz tal-bidla minn unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-ħatra tal-President tal-Kummissjoni. It-Trattat ta’ Liżbona, barra minn hekk, jipprevedi l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni mill-Parlament. Il-ħatra tal-President elett, wara konsultazzjonijiet xierqa tal-Parlament, trid tikkunsidra debitament ir-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Dan isaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà politika tal-Kummissjoni. Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014, dawn id-dispożizzjonijiet ġew implimentati għall-ewwel darba. Il-Kunsill Ewropew qabel li jaħtar lil Jean-Claude Juncker bħala President tal-Kummissjoni Ewropea minħabba li l-grupp politiku li kien jappartjeni għalih, il-Partit Popolari Ewropew, kien l-akbar grupp fil-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet.

                          Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.

                           

                          [1]Qabel, l-Att Uniku Ewropew kien ippermetta lill-Kunsill iwarrab lill-Parlament b’deċiżjoni unanima. It-Trattat ta’ Liżbona abolixxa dan.

                          JEREMY JULIAN OKORN / Katharina MASSAY-KOSUBEK