Il-proċeduri intergovernattivi biex jittieħdu d-deċiżjonijiet
Din l-iskeda informattiva tispjega l-proċeduri intergovernattivi biex jittieħdu d-deċiżjonijiet. Permezz ta’ dawn il-proċeduri, l-Istati Membri jżommu l-kontroll aħħari fuq l-adozzjoni ta’ atti legali, tipikament b’vot unanimu fil-Kunsill. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom dritt ta’ veto. Proċeduri oħra jagħmlu enfasi akbar fuq il-kooperazzjoni filwaqt li ma jirrikjedux l-unanimità u għalhekk ma jikkwalifikawx bħala intergovernattivi f’sens strett.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 20, 21-46, 48 u 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
- l-Artikoli 2(4), 31, 64(3), 81, 89, 103(1), 113, 115, 118, 127, 153, 191(3), 192, 194(2), 215, 218, 220, 221, 312, 329 u 333 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
- il-ġustizzja u l-affarijiet interni: miżuri dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (l-Artikolu 89 tat-TFUE);
- is-suq intern: restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital (l-Artikolu 64(3) tat-TFUE), il-politika tal-kompetizzjoni (l-Artikolu 103(1) tat-TFUE), il-miżuri għall-armonizzazzjoni tat-taxxa (l-Artikolu 113 tat-TFUE), l-approssimazzjoni tal-liġijiet li jaffettwaw l-istabbiliment jew il-funzjonament tas-suq intern (l-Artikolu 115 tat-TFUE), u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (l-Artikolu 118 tat-TFUE);
- il-politika monetarja: l-għoti ta’ kompiti ta’ superviżjoni prudenzjali speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (l-Artikolu 127 tat-TFUE);
- oqsma oħra ta’ politika bħall-politiki soċjali u l-impjiegi (l-Artikolu 153 tat-TFUE), l-enerġija (l-Artikolu 194(2) tat-TFUE) u l-ambjent (l-Artikolu 191(3) tat-TFUE).
It-tipi ta’ proċeduri biex jittieħdu d-deċiżjonijiet
A. Il-proċedura għall-emendar tat-Trattati (l-Artikolu 48 tat-TUE)
Il-Parlament, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru jistgħu jressqu proposta lill-Kunsill.
Il-Kummissjoni tiġi kkonsultata u tipparteċipa fil-konferenza intergovernattiva.
Il-Parlament jiġi kkonsultat qabel ma tissejjaħ il-konferenza intergovernattiva (il-konferenzi jinvolvu lill-Parlament fuq bażi ad hoc, iżda b’influwenza dejjem akbar: għal xi żmien, il-Parlament kien irrappreżentat mill-President tiegħu jew minn żewġ Membri tiegħu; fl-aktar konferenza intergovernattiva reċenti fl-2007, li matulha ġie nnegozjat u ffinalizzat it-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament kellu tliet rappreżentanti).
Il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew jiġi kkonsultat fil-każ ta’ bidliet istituzzjonali fil-qasam monetarju.
Deċiżjoni: jintlaħaq ftehim bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri dwar l-emendi għat-Trattati, li mbagħad jiġu ppreżentati lill-Istati Membri għar-ratifika, f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom. Qabel ma dan ikun jista’ jseħħ, il-Kunsill Ewropew l-ewwel jeħtieġlu jiddeċiedi, b’maġġoranza sempliċi u bil-kunsens tal-Parlament, jekk isejjaħx konvenzjoni jew le.
B. Il-proċedura għall-attivazzjoni tal-klawżoli passerelle
Il-klawżoli passerelle huma mekkaniżmu biex jiġu introdotti bidliet fit-Trattat mingħajr ma tintuża l-proċedura ordinarja ta’ reviżjoni tat-trattat deskritta fit-taqsima A. Dawn il-klawżoli jimmodifikaw ir-regoli tal-Kunsill dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-adozzjoni ta’ atti billi jippermettu bidla minn votazzjoni b’unanimità għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata jew minn proċedura leġiżlattiva speċjali għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Il-Kunsill Ewropew jattiva u jiddeċiedi, b’mod unanimu, dwar l-użu tal-klawżola passerelle ġenerali (l-Artikolu 48 tat-TUE) u l-klawżola passerelle speċifika għall-qafas finanzjarju pluriennali (l-Artikolu 312 tat-TFUE). Kwalunkwe parlament nazzjonali għandu dritt għal veto skont il-klawżola ġenerali.
Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, b’mod unanimu jew b’maġġoranza kwalifikata, li juża klawżoli passerelle oħra, skont id-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattati (l-Artikolu 31 tat-TUE u l-Artikoli 81, 153, 192 u 333 tat-TFUE).
C. Il-proċedura ta’ adeżjoni (l-Artikolu 49 tat-TUE)
Kwalunkwe Stat Ewropew li jikkonforma mal-prinċipji tal-UE jista’ jippreżenta applikazzjoni (l-Artikolu 2 tat-TUE). Il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jeħtiġilhom jiġu informati b’din l-applikazzjoni. L-Istat applikant jeħtieġlu jindirizza wkoll l-applikazzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew, li jaqbel dwar il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà.
Il-Kummissjoni tiġi kkonsultata u għandha sehem attiv fit-tħejjija u fl-andament tan-negozjati.
Il-Parlament jeħtieġlu jagħti l-approvazzjoni tiegħu permezz ta’ maġġoranza assoluta tal-Membri tiegħu.
Deċiżjoni: il-ftehim bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istat applikant, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni u l-aġġustamenti meħtieġa għat-Trattati, irid jiġi approvat b’mod unanimu mill-Kunsill. Imbagħad jiġi ppreżentat lill-Istati Membri kollha għar-ratifika f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.
D. Il-proċedura ta’ ħruġ (l-Artikolu 50 tat-TUE)
Talba: kwalunkwe Stat Membru li jiddeċiedi li joħroġ jeħtieġlu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu.
Konklużjoni: wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Parlament, il-ftehim dwar il-ħruġ jiġi konkluż mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata speċjali (l-Artikolu 238(3)(b) tat-TFUE), definita bħala 72% tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti (jiġifieri, eskluż l-istat ikkonċernat), li jinkludu mill-anqas 65% tal-popolazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri.
E. Il-proċedura ta’ sanzjonijiet f’każ ta’ ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-UE minn Stat Membru (l-Artikolu 7 tat-TUE)
1. Il-proċedura prinċipali
Proposta għal deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur serju u persistenti tista’ tiġi ppreżentata jew minn terz tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni.
Il-Parlament jeħtieġlu jagħti l-kunsens tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li tkun tikkostitwixxi l-maġġoranza tal-Membri tiegħu (l-Artikolu 91(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament).
Il-Kunsill Ewropew jadotta, b’mod unanimu u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ ksur, wara li l-Istat Membru inkwistjoni jkun ġie mistieden jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni.
Il-Kunsill imbagħad jadotta, b’maġġoranza kwalifikata u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, deċiżjoni li tissospendi ċerti drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni.
2. Is-supplimentar tal-proċedura: l-istrument preventiv li introduċa t-Trattat ta’ Nizza
Fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, tal-Parlament jew ta’ terz tal-Istati Membri, tista’ tiġi ppreżentata proposta motivata għal deċiżjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-prinċipji tal-UE minn Stat Membru.
Il-Parlament jeħtieġlu jagħti l-kunsens tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li tirrappreżenta maġġoranza tal-Membri tiegħu.
Deċiżjoni: il-proposta hija adottata mill-Kunsill b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħames Membri tiegħu, wara li jkun sema’ lill-Istat Membru inkwistjoni. Il-Kunsill jista’ jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru qabel ma jieħu tali deċiżjoni.
F. Il-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa
1. Ir-regoli ġenerali (l-Artikolu 20 tat-TUE u l-Artikolu 329(1) tat-TFUE)
Il-Kummissjoni għandha d-dritt esklużiv ta’ inizjattiva biex tippreżenta proposta lill-Kunsill. L-Istati Membri li jkun beħsiebhom jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa jeħtiġilhom jagħmlu talba lill-Kummissjoni għal dan il-għan. Il-Parlament imbagħad jeħtieġlu jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Il-proposta mbagħad tiġi adottata mill-Kunsill, b’maġġoranza kwalifikata.
2. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) (l-Artikolu 329(2) tat-TFUE)
Il-kooperazzjoni msaħħa hija proċedura introdotta mit-Trattat ta’ Amsterdam biex grupp ta’ mill-anqas disa’ Stati Membri jkun jista’ jadotta regoli ta’ liġi sekondarja li jorbtu biss lill-Istati Membri parteċipanti.
L-Istati Membri kkonċernati jippreżentaw applikazzjoni lill-Kunsill. Il-proposta titressaq quddiem ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li jagħti opinjoni. Il-proposta tintbagħat ukoll lill-Parlament għal skopijiet ta’ informazzjoni. Il-Kunsill jaġixxi b’unanimità.
Teżisti proċedura simili għat-tnedija ta’ kooperazzjoni strutturata fil-politika tad-difiża, introdotta bit-Trattat ta’ Liżbona (ara 5.1.2).
G. Il-proċedura għal deċiżjonijiet dwar l-affarijiet barranin
It-Trattat ta’ Liżbona abolixxa l-istruttura magħmula minn tliet pilastri stabbilita mit-Trattati preċedenti, iżda żamm il-politika barranija separata mill-politiki l-oħra tal-UE. L-objettivi u d-dispożizzjonijiet tal-PESK huma inklużi fit-TUE. Illum huma abbozzati aħjar u aktar konsistenti milli kif kienu fit-Trattati preċedenti.
Bidla istituzzjonali kbira kienet il-ħolqien tal-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli, li huwa assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u li jista’ jipproponi inizjattivi fil-qafas tal-PESK. Il-PESK ġiet integrata fil-qafas tal-UE iżda ssegwi regoli u proċeduri speċifiċi (l-Artikolu 24(2) tat-TUE).
Kwalunkwe Stat Membru, ir-Rappreżentat Għoli jew il-Kummissjoni (l-Artikolu 22 tat-TUE) jistgħu jressqu proposta.
Il-Parlament jeħtieġlu jkun infurmat u kkonsultat regolarment mir-Rappreżentant Għoli fir-rigward tal-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-PESK. Skont il-ftehim interistituzzjonali dwar il-finanzjament tal-PESK, dan il-proċess ta’ konsultazzjoni jsir permezz ta’ laqgħat regolari ta’ konsultazzjoni konġunti abbażi ta’ dokument li jħares ’il quddiem.
Deċiżjoni: il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi l-prijoritajiet u l-interessi strateġiċi tal-UE, filwaqt li l-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet meħtieġa biex jimplimentahom. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet billi jużaw riżorsi nazzjonali jew tal-UE. Il-President tal-Kunsill Ewropew jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew jekk l-iżviluppi internazzjonali jirrikjedu dan.
H. Miżuri leġiżlattivi oħra (ara 2.5.8)
In-natura intergovernattiva tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tinżamm ukoll f’għadd ta’ oqsma speċifiċi u politikament sensittivi tal-politika tal-UE, b’mod partikolari:
I. Il-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja (ara 2.5.8)
Id-diffikultajiet finanzjarji serji li laqtu lil xi Stati Membri fl-2010 qajmu l-bżonn li jingħatawlhom forom differenti ta’ appoġġ. Xi komponenti tal-pakkett ta’ għajnuna huma ġestiti mill-UE, bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja. Madankollu, il-parti l-kbira tal-finanzjament, partikolarment il-kontribuzzjonijiet lill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja (EFSF), jipprovduha l-Istati Membri.
L-EFSF hija “vettura bi skop speċjali” maħluqa bi ftehim intergovernattiv fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet meħtieġa għal tali miżuri intergovernattivi kellhom jittieħdu fil-livell tal-Kunsill Ewropew jew mill-kapijiet ta’ Stat jew ta’ gvern fi ħdan il-Grupp tal-Euro, inkluża r-ratifika fl-Istati Membri f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali tagħhom. Żewġ raġunijiet importanti għal dan l-iżvilupp huma l-klawżola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju (“no bail-out”) (l-Artikolu 125 tat-TFUE) u r-reżistenza ta’ xi qrati kostituzzjonali nazzjonali għal trasferiment ulterjuri tas-setgħat finanzjarji u baġitarji lill-UE.
Emenda għall-Artikolu 136 tat-TFUE (il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika) ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-25 ta’ Marzu 2011, skont il-proċedura ta’ reviżjoni simplifikata tat-trattati, mingħajr ma ssejħet konvenzjoni (id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2011/199/UE). Din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2013, u b’hekk ippermettiet li jibdew joperaw mekkaniżmi permanenti għall-prevenzjoni tal-kriżijiet bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).
L-MES inħoloq permezz ta’ trattat intergovernattiv bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Settembru 2012. Il-proċeduri ta’ votazzjoni tal-bord eżekuttiv tiegħu jinkludu “proċedura ta’ emerġenza”, li tirrikjedi maġġoranza kwalifikata ta’ 85% jekk il-Kummissjoni u l-BĊE jikkonkludu li jkun hemm bżonn deċiżjoni urġenti dwar l-assistenza finanzjarja.
Fl-aħħar nett, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG) tfassal mill-gvernijiet tal-Istati Membri u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, wara li 12-il pajjiż taż-żona tal-euro kienu rratifikawh. It-Trattat jipprevedi, b’mod partikolari, rekwiżit għal regola ta’ baġit bilanċjat f’ordnijiet legali nazzjonali (il-Patt Fiskali). 22 mis-27 parti kontraenti għat-TSKG huma formalment marbuta bil-Patt Fiskali.
J. Il-ħatriet
Il-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza kwalifikata, jaħtar il-President, il-Viċi President u l-erba’ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE (l-Artikolu 283(2) tat-TFUE).
Il-Kunsill Ewropew, b’maġġoranza kwalifikata u bil-qbil mal-President tal-Kummissjoni, jaħtar ir-Rappreżentant Għoli (l-Artikolu 18(1) tat-TUE). Fil-kapaċità tiegħu bħala Viċi President tal-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli huwa madankollu soġġett, flimkien mal-President tal-Kummissjoni u l-membri l-oħra tal-Kummissjoni, għal vot ta’ approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.
Il-gvernijiet tal-Istati Membri jaħtru l-imħallfin u l-Avukati Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bi qbil komuni (l-Artikolu 19(2) tat-TUE).
Il-Kunsill jaħtar il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri b’maġġoranza kwalifikata, fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ kull Stat Membru u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament (l-Artikolu 286(2) tat-TFUE).
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Fil-perjodu ta’ tħejjija għall-Konferenza Intergovernattiva tal-1996, il-Parlament kien diġà talab li t-tieni u t-tielet pilastru jinġiebu fl-isfera Komunitarja, sabiex il-proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet applikabbli skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jkunu japplikaw għalihom ukoll.
Wara l-isforzi kontinwi tal-Parlament matul il-Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa 2002-2003 biex dawk li qabel kienu t-tieni u t-tielet pilastru jsiru parti mill-istruttura tal-UE (ara 1.1.4), it-Trattat ta’ Liżbona estenda t-teħid ta’ deċiżjonijiet sopranazzjonali għal dak li qabel kien it-tielet pilastru (il-ġustizzja u l-affarijiet interni) u introduċa qafas istituzzjonali koerenti għall-politika estera u ta’ sigurtà, b’innovazzjonijiet importanti bħall-President tal-Kunsill Ewropew fit-tul u l-pożizzjoni tar-Rappreżentant Għoli.
F’kuntest fejn il-governanza ekonomika u fiskali qed issir dejjem aktar “intergovernattiva”, il-Parlament ta sehmu biex jiżgura l-involviment xieraq tal-istituzzjonijiet tal-UE fin-negozjati dwar it-trattat internazzjonali msemmi aktar ’il fuq fit-taqsima dwar il-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja.
Fi Frar 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-kooperazzjoni msaħħa, li fiha ħareġ rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp futur tal-kooperazzjoni msaħħa. B’mod partikolari, il-Parlament qies li kien meħtieġ li titfassal proċedura għall-awtorizzazzjoni rapida tal-kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma ta’ importanza politika kbira, li għandha titwettaq f’perjodu ta’ żmien iqsar mit-tul ta’ żmien ta’ żewġ presidenzi konsekuttivi tal-Kunsill. Stieden ukoll lill-Kummissjoni tipproponi regolament biex jissimplifika u jgħaqqad il-qafas legali rilevanti li jirregola l-kooperazzjoni msaħħa.
Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istat tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa ta’ Frar 2019, il-Parlament irrakkomanda l-użu tal-klawżoli passerelle ġenerali (l-Artikolu 48(7)(1) u 48(7)(2) tat-TUE) u ta’ klawżoli passerelle speċifiċi oħra bil-ħsieb li jgħinu biex jingħeleb l-istaġnar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ikkawżat mir-rekwiżiti ta’ votazzjoni b’unanimità, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jinstabu soluzzjonijiet intergovernattivi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati. Ir-rapport dwar ir-riżultat finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li ġie ppreżentat lill-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet fid-9 ta’ Mejju 2022, jenfasizza l-importanza li l-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet abbażi tal-unanimità jiġu rieżaminati. Fil-11 ta’ Lulju 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-klawżoli passerelle fit-Trattati tal-UE.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali.
JEREMY JULIAN OKORN / Katharina MASSAY-KOSUBEK