Matul l-aħħar għaxar snin, l-UE esperjenzat żbilanċi makroekonomiċi kbar u diverġenzi serji fil-kompetittività. Dawn aggravaw l-effetti negattivi tal-kriżi finanzjarja li bdiet fl-2008 u evitaw l-użu effettiv ta’ miżuri ta’ politika monetarja komuni biex isolvuhom. Fl-2011, l-UE waqqfet il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku biex tidentifika u tikkoreġi dawn l-iżbilanċi fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari dawk li għandhom il-potenzjal li jinxterdu u jaffettwaw pajjiżi oħra tal-UE.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
  • l-Artikoli 119, 121 u 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
  • L-objettivi

    Il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku (MIP) hija mekkaniżmu ta’ sorveljanza u infurzar bil-għan li jipprevjeni u jikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-UE. Is-sorveljanza mwettqa hija parti mis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (2.5.4).

    Din is-sorveljanza tiddependi minn:

    • Rapport dwar il-mekkaniżmu ta’ twissija (AMR), li jitħejja mill-Kummissjoni u huwa bbażat fuq tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi u limiti minimi. L-indikaturi fit-tabella ta’ valutazzjoni jirreferu għal żbilanċi esterni (il-kontijiet kurrenti, il-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali netta, ir-rata tal-kambju effettiva reali, il-bidliet fil-kwoti tal-esportazzjoni, il-kost ta’ unità lavorattiva) u l-iżbilanċi interni (il-prezzijiet tad-djar, il-flussi ta’ kreditu tas-settur privat, id-dejn tas-settur privat, id-dejn pubbliku, ir-rata tal-qgħad u l-bidliet fl-obbligazzjonijiet tas-settur finanzjarju, kif ukoll indikaturi oħra relatati mal-impjieg u l-qgħad). L-indikaturi fit-tabella ta’ valutazzjoni huma prinċipalment ikkompilati mill-Eurostat abbażi tad-data pprovduta mill-pajjiżi tal-UE. Barra minn hekk, xi data tiġi prodotta mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DĠ ECFIN), filwaqt li inputs oħra jiġu minn istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), li jipprovdu denominaturi għal indikaturi speċifiċi, kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li jikkontribwixxi tliet indikaturi awżiljarji bbażati fuq data bankarja. Kull indikatur tat-tabella ta’ valutazzjoni huwa assoċjat ma’ limitu minimu li jissenjala li tista’ tinqala’ problema speċifika; xi limiti minimi huma differenzjati għall-Istati Membri fiż-żona tal-euro u għal dawk li mhumiex fiż-żona tal-euro. Jekk Stat Membru jaqbeż diversi limiti minimi, il-Kummissjoni twettaq rieżami fil-fond, jiġifieri analiżi ekonomika ulterjuri bl-intenzjoni li tiddetermina jekk huwiex probabbli li jinqalgħu jew jekk diġà jeżistux żbilanċi makroekonomiċi, u jekk l-iżbilanċi eżistenti ġewx korretti. Fl-2024, bħala parti mir-rieżami perjodiku tiegħu, l-indikaturi tal-MIP ġew ivvalutati f’konformità mar-Regolament 1176/2011 dwar l-MIP, bl-għan li jittejjeb is-sett ta’ indikaturi għas-sorveljanza tal-MIP, jiġi żgurat titjib fil-kwalità statistika filwaqt li jiġu ppreservati l-istabbiltà u r-rilevanza tat-tabella ta’ valutazzjoni.
    • Rakkomandazzjonijiet preventivi. Jekk, abbażi tar-riżultati tar-rieżami fil-fond, il-Kummissjoni tiskopri li jeżistu żbilanċi makroekonomiċi, jeħtiġilha tinforma lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jista’ jindirizza r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lill-Istat Membru kkonċernat, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(2) tat-TFUE. Dawn il-miżuri preventivi tal-MIP jiffurmaw parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lil kull Stat Membru f’Lulju ta’ kull sena mill-Kunsill bħala parti mis-Semestru Ewropew.
    • Rakkomandazzjonijiet korrettivi taħt il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv (EIP). Jekk, abbażi tar-rieżami fil-fond, il-Kummissjoni tiskopri li l-Istat Membru kkonċernat huwa affettwat minn żbilanċi eċċessivi, jeħtiġilha tinforma lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro, lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej rilevanti u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tiddetermina l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv u li tirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill trid tistabbilixxi n-natura u l-implikazzjonijiet tal-iżbilanċi u tispeċifika sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika li għandhom jiġu segwiti u skadenza sa meta l-Istat Membru kkonċernat jeħtieġlu jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva.
    • Pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva. L-Istat Membru li fil-konfront tiegħu tinfetaħ EIP jeħtieġlu jissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva qabel l-iskadenza speċifikata fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kunsill, abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, jeħtieġlu jivvaluta l-pjan ta’ azzjoni korrettiva fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tiegħu.
    • Valutazzjoni tal-azzjoni korrettiva. Il-Kunsill jeħtieġlu jivvaluta, abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, jekk l-Istat Membru kkonċernat ħax l-azzjoni korrettiva rakkomandata. Meta jikkunsidra li l-Istat Membru ma ħax tali azzjoni, il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jeħtieġlu jadotta deċiżjoni (abbażi ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa) li tistabbilixxi n-nonkonformità, flimkien ma’ rakkomandazzjoni li tistabbilixxi skadenzi ġodda biex tittieħed azzjoni korrettiva.
    • Sanzjonijiet finanzjarji potenzjali. L-Istati Membri taż-żona tal-euro li ma jikkonformawx mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-EIP jistgħu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet iggradati, li jvarjaw minn depożitu bl-imgħax għal multi annwali. Id-depożitu bl-imgħax jew il-multa għandhom jammontaw għal 0.1% tal-PDG.
    • Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tad-29 ta’ April 2024 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 jirriforma l-qafas tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ir-Regolament il-ġdid jinteraġixxi mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Skont dan il-qafas il-ġdid, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tagħraf il-preżenza ta’ żbilanċ eċċessiv jekk Stat Membru jonqos milli jissodisfa l-impenji ta’ riforma u investiment deskritti fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju, bil-għan li jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti skont l-MIP. Barra minn hekk, Stat Membru li għaddej minn EIP irid jissottometti pjan fiskali-strutturali rivedut fuq terminu medju, li issa jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

      Il-kisbiet

      Sa mill-ħolqien tal-MIP fl-2012, in-numru ta’ Stati Membri:

      • meqjusa bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi żdiedu minn 12 għal 16 bejn l-2012 u l-2015, iżda naqsu għal 11 fl-2018, għal 10 fl-2019, għal 9 fl-2020 u fl-2021, u għal 7 fl-2022 qabel ma żdiedu għal 9 fl-2023;
      • meqjusa bħala pajjiżi li qed jesperjenzaw żbilanċi eċċessivi żdiedu minn 0 għal 6 bejn l-2012 u l-2017, iżda mbagħad naqsu għal 3 fl-2018, u baqgħu l-istess sal-2022, qabel ma naqsu għal 2 fl-2023.
      • Il-Kummissjoni għadha ma pproponietx li tinbeda l-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv, minkejja li l-Kunsill u l-Bank Ċentrali Ewropew talbu li l-proċedura tintuża bil-potenzjal sħiħ tagħha, bil-parti korrettiva applikata fejn xieraq.

        Il-pajjiżi kollha bi żbilanċi huma soġġetti għal monitoraġġ speċifiku, li huwa aktar strett għal pajjiżi bi żbilanċi eċċessivi u jinvolvi djalogi mal-awtoritajiet nazzjonali, żjarat minn esperti u rapporti ta’ progress regolari. Dan għandu jgħin ukoll biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-Istati Membri kkonċernati.

        Jekk Stat Membru jitqies li jkun f’riskju ta’ żbilanċi makroekonomiċi, uħud mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew ir-rakkomandazzjonijiet kollha adottati mill-Kunsill fil-kuntest tas-Semestru Ewropew jistgħu jkunu bbażati fuq l-MIP. Matul is-snin, in-numru ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet żdied, iżda l-livell ta’ implimentazzjoni tagħhom ma żdiedx.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament sar koleġiżlatur fl-istabbiliment ta’ regoli għas-sorveljanza multilaterali (l-Artikolu 121(6) tat-TFUE).

        L-atti leġiżlattivi li jikkonċernaw is-sorveljanza makroekonomika jipprevedu djalogu ekonomiku. Sabiex jittejjeb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni – b’mod partikolari l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni – u biex jiġu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà, il-kumitat kompetenti tal-Parlament jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President tal-Kunsill Ewropew u/jew lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu d-deċiżjonijiet tagħhom jew biex jippreżentaw l-attivitajiet tagħhom fis-Semestru Ewropew. Bħala parti minn dan id-djalogu, il-Parlament jista’ jipprovdi wkoll opportunità ta’ parteċipazzjoni fi skambju ta’ fehmiet ma’ Stat Membru li jkun is-suġġett ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-EIP.

        Lejn tmiem il-ħarifa, il-Parlament jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar iċ-ċiklu li jkun għaddej tas-Semestru Ewropew (inklużi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill), filwaqt li jitqies ukoll l-eżitu ta’ laqgħa konġunta ma’ rappreżentanti tal-kumitati kompetenti tal-parlamenti nazzjonali.

        Skont l-MIP, il-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament u mal-Kunsill biex tistabbilixxi s-sett ta’ indikaturi makroekonomiċi li għandhom jiġu inklużi fit-tabella ta’ valutazzjoni użata għall-monitoraġġ ta’ żbilanċi makroekonomiċi possibbli fl-Istati Membri. Fi Frar 2020, il-Kummissjoni varat rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, inkluża evalwazzjoni tal-effikaċja tar-regolamenti dwar l-MIP u l-progress li sar lejn koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u lejn konverġenza kontinwa tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri.

        Il-Parlament jippromwovi l-involviment tal-parlamenti nazzjonali permezz ta’ laqgħat annwali mal-membri tal-kumitati rilevanti ta’ dawk il-parlamenti. Barra minn hekk, u b’konformità mal-arranġamenti legali u politiċi ta’ kull Stat Membru, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti kif xieraq fis-Semestru Ewropew u fit-tħejjija tal-programmi ta’ stabbiltà, tal-programmi ta’ konverġenza u tal-programmi nazzjonali ta’ riforma, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sjieda tad-deċiżjonijiet meħuda, kif ukoll ir-responsabbiltà għalihom.

         

        Maja Sabol / Samuel De Lemos Peixoto