Dikjarazzjoni ta' privatezza

Introduzzjoni

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jipproteġi d-data personali tiegħek u li jirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Parlament Ewropew jiġbor u jipproċessa ulterjorment id-data personali skont ir- Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Din l-istqarrija ta' privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif dik l-informazzjoni tintuża u liema drittijiet għandek fir-rigward tad-data personali tiegħek. Tispeċifika wkoll id-dettalji ta' kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li miegħu tista' teżerċita d-drittijiet tiegħek, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Din l-istqarrija ta’ privatezza tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali mill-Parlament Ewropew meta jkun qed jittratta applikazzjonijiet inizjali u konfermatorji għal aċċess għal dokumenti ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, imwettqa mill-"Unità tat-Trasparenza" fid-Direttorat Ġenerali għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali min-naħa tal-operaturi ta’ siti web u ta’ pjattaformi privati li ma jkunux uffiċjalment relatati mal-istituzzjoni li jkunu ntużaw biex tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament.

Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Il-Parlament Ewropew iwettaq l-operazzjoni ta’ pproċessar "Aċċess għad-Dokumenti" għall-iskopijiet ta’ trattament tal-applikazzjonijiet tiegħek għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti ppreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ta’ tfassil ta’ rapport statistiku annwali skont l-Artikolu 17(1) ta’ tali Regolament, u ta’ segwitu mogħti lil investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew jew fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji.

L-operazzjoni ta’ pproċessar "Aċċess għad-Dokumenti" tirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fir-rigward tas-segwenti:

  • verifika tal-konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u mal-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Parlament Ewropew u
  • komunikazzjoni mal-applikanti.

L-iskop tal-ipproċessar tad-data mhux obbligatorja mdaħħla mill-applikanti jikkonsisti fil-faċilitazzjoni ulterjuri tat-trattament tal-applikazzjonijiet u fit-titjib tar-rapport statistiku annwali.

L-applikanti jdaħħlu d-data tagħhom meta jippreżentaw applikazjzoni għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament permezz tas-sit web jew tal-kaxxa tal-ittra funzjonali AccesDocs@europarl.europa.eu , inkella b’ittra tradizzjonali (f’format tal-karti).

Id-data personali tiegħek mhijiex se tintuża għall-proċess deċizjonali awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

Il-Parlament Ewropew jipproċessa d-data personali tiegħek:

  • skont il-punt (a) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, għax l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku u
  • skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, għax l-ipproċessar huwa meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur.

L-ipproċessar hawn fuq imsemmi huwa bbażat fuq leġiżlazzjoni tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 .

Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data personali mhux obbligatorja li tipprovdi permezz tal-applikazzjoni tiegħek għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti huwa bbażat fuq il-kunsens tiegħek, skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Liema data personali niġbru u nipproċessaw?

Bil-għan li nwettqu l-attività hawn fuq imsemmija, niġbru u nipproċessaw:

a) id-data personali pprovduta mill-applikant permezz tal-formola ta’ applikazzjoni online:

  • data obbligatorja: l-isem u l-kunjom, iċ-ċittadinanza, it-titlu (Sur/Sa), id-dettalji ta’ kuntatt speċifiċi (l-indirizz tal-posta elettronika u dak postali, il-pajjiż ta’ residenza), is-suġġett tat-talba (jista’ jkun fiha data personali f’każ li tkun relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli);
  • data mhux obbligatorja: dettalji oħra ta’ kuntatt (numru tat-telefon), professjoni u organizzazzjoni;

b) id-data personali pprovduta mill-applikant f’applikazzjoni ppreżentata permezz ta’ format elettroniku jew tal-karti differenti;

c) id-data personali li tinsab fi kwalunkwe korrispondenza oħra mal-applikant.

Kemm indumu naħżnuha d-data personali tiegħek?

Il-Parlament Ewropew iżomm biss id-data personali tiegħek għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħaq l-iskop tal-ġbir jew tal-ipproċessar ulterjuri, jiġifieri mhux aktar minn ħames snin wara l-għeluq ta' fajl.

Fil-fażi inizjali, fajl jitqies magħluq wara li d-deċiżjoni inizjali tal-Parlament Ewropew issir finali (jiġifieri li t-terminu ta’ 15-il jum utli li jiddekorru minn meta tkun waslet id-deċiżjoni jkun skada u ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda applikazzjoni konfermatorja), sakemm ma jkunx meħtieġ segwitu minn investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew.

F'każ bħal dan, fajl jitqies magħluq jekk l-Ombudsman Ewropew ikun għalaq l-investigazzjoni tiegħu b'rabta mal-ilment mingħajr il-ħtieġa ta' aktar azzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti.

Fil-fażi konfermattiva, fajl jitqies magħluq wara li d-deċiżjoni konfermattiva tal-Parlament Ewropew issir finali, jiġifieri:

- it-terminu għat-tressiq ta’ proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni jkun skada jew

- il-qrati tal-Unjoni kkonfermaw id-deċiżjoni konfermattiva jew

- il-Parlament Ewropew lesta l-azzjonijiet ta’ segwitu rikjesti mill-qrati tal-Unjoni.

Fajl ma jitqiesx magħluq minkejja li d-deċiżjoni konfermattiva hija finali f’każ ta’ investigazzjoni tal-Ombudsman Ewropew li teħtieġ segwitu. F’każ bħal dan, fajl jitqies magħluq jekk l-Ombudsman Ewropew ikun għalaq l-investigazzjoni tiegħu b’rabta mal-ilment mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar azzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti.

Dan il-"perjodu ta’ utilità amministrattiva" ta’ ħames snin huwa bbażat fuq il-politika ta’ żamma tad-dokumenti u l-fajls tal-Parlament Ewropew (u d-data personali li tinsab fihom), irregolata mid-deċiżjoni tal-Bureau tat-2 ta’ Lulju 2012 dwar ir-regoli dwar l-amministrazzjoni tad-dokumenti fil-Parlament Ewropew u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati bid-Deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2013.

Tali deċiżjoni hija dokument regolatorju fil-forma ta’ kalendarju taż-żamma li jistabbilixxi l-perjodi ta’ żamma għal tipi differenti ta’ fajls tal-Parlament Ewropew.

Il-"perjodu ta’ utilità amministrattiva" huwa l-perjodu li matulu s-servizzi tal-Parlament Ewropew huma meħtieġa li jżommu fajl skont l-utilità tagħhom għall-finijiet amministrattivi u l-obbligi statutarji u ġuridiċi rilevanti. Dan il-perjodu jiddekorri mill-mument meta jingħalaq il-fajl.

Wara l-"perjodu ta’ utilità amministrattiva", fajls li jikkonċernaw talbiet għal aċċess għal dokumenti (u d-data personali li tinsab fihom) jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Arkivji Storiċi tal-Parlament Ewropew għall-finijiet storiċi (għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jikkonċernaw l-Arkivji Storiċi, ara r-referenza N. 2 tar-Reġistru tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament).

Kif nipproteġu d-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data mtellgħin elettronikament, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Parlament Ewropew jew tal-kuntratturi tiegħu.

Il-kuntratturi tal-Parlament Ewropew huma marbuta bi klawżoli kuntrattwali speċifiċi għal kwalunkwe operazzjoni ta’ pproċessar tad-data personali tiegħek f’isem il-Parlament Ewropew, u bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mit-traspożizzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-Istati Membri tal-Unjoni.

Sabiex tiġi protetta d-data personali tiegħek, il-Parlament Ewropew adotta għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jistgħu jinkludu azzjonijiet xierqa biex tiġi indirizzata s-sigurtà online, ir-riskju ta’ telf ta’ data, l-alterazzjoni ta’ data jew ta’ aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.

Id-data personali tiegħek hija pproċessata biss fit-territorju tal-Unjoni u ma tiġix trasferita lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali.

Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi divulgata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek huwa pprovdut lill-persunal awtorizzat tal-Parlament Ewropew responsabbli biex iwettaq l-operazzjoni ta’ pproċessar u skont il-prinċipju tal-"ħtieġa ta’ tagħrif". Dan il-persunal jirrispetta ftehimiet statutarji, u meta meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Id-data personali li tidher fid-dokumenti mitluba tista’ tiġi divulgata lill-pubbliku wara valutazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, b’qari flimkien mar-Regolament (UE) 2018/1725. Jekk inti residenti barra l-UE u l-Parlament Ewropew jagħti aċċess pubbliku għad-dokumenti li tlabt, id-data personali inkluża f’dawn id-dokumenti tiġi divulgata biss jekk tali trasferiment jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2018/1725 dwar it-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali.

L-informazzjoni personali miġbura dwar l-applikanti li jitolbu aċċess għal dokumenti ma tingħata lil ebda parti terza, ħlief:

  • sal-punt u għall-fini li l-Parlament Ewropew jista’ jkun meħtieġ jagħmel hekk bil-liġi u
  • għall-fini li jintbagħtu id-deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-qasam tal-aċċess għad-dokumenti bil-posta rreġistrata permezz tal-proċessur DHL International (stabbilit fil-Belġju).

X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Għandek drittijiet speċifiċi bħala "suġġett tad-data" skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14 sa 25) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fir-rigward ta' din l-operazzjoni ta' pproċessar, tista' teżerċita d-drittijiet li ġejjin:

  • id-dritt li tiġi informat (Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • id-dritt ta’ aċċess għad-data personali tiegħek (Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • id-dritt ta’ rettifika, fil-każ li d-data personali tiegħek ma tkunx eżatta jew ma tkunx kompluta (Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2018/1725);
  • fejn applikabbli, id-dritt li jiġi ristrett l-ipproċessar tad-data personali tiegħek (Artikolu 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725) u d-dritt għall-portabbiltà tad-data (Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725) u
  • fejn applikabbli, id-dritt għat-tħassir tad-data personali tiegħek (Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2018/1725) u d-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħek (Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2018/1725). Dment li ma tkunx għadha nħarġet risposta għall-applikazzjoni għal aċċess pubbliku għal dokumenti, l-eżerċizzju ta’ wieħed jew tal-ieħor fost dawn iż-żewġ drittijiet ifisser li l-applikazzjoni rispettiva trid titqies irtirata.

Sa fejn l-ipproċessar tad-data personali tiegħek ikun ibbażat fuq il-kunsens tiegħek (jiġifieri dak li jikkonċerna data personali mhux obbligatorja) tista’ tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe mument billi tinnotifika lill-Kontrollur tad-Data. L-irtirar mhux se jaffettwa l-leġittimità tal-ipproċessar imwettaq qabel ma int tkun irtirajt il-kunsens.

Tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew, f’każ ta’ kunflitt, lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tirrikorri wkoll għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt it-taqsima "Kuntatt" hawn taħt.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-qafas ta’ operazzjoni ta’ pproċessar speċifika waħda jew aktar, inti mitlub(a) tagħti deskrizzjoni tagħhom fit-talba tiegħek (partikolarment billi tindika numru ta’ referenza, jekk disponibbli).

Se tirċievi informazzjoni dwar kwalunkwe talba biex teżerċita d-drittijiet hawn fuq imsemmija fi żmien xahar li jiddekorri minn meta l-Kontrollur tad-Data jirċievi t-talba tiegħek. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn oħra meta jkun meħtieġ, fid-dawl tal-kumplessità u tal-għadd tat-talbiet.

Kuntatt

Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, tista’ tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data:

European Parliament

Directorate-General for Presidency
Directorate for Inter-institutional Affairs and Legislative coordination
Transparency Unit
Rue Wiertz 60
B - 1047 BRUXELLES

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew

Tista' tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725:

European Parliament Data Protection Officer

Data Protection Service
LUX - ADENAUER 14T012
L-2929 LUXEMBOURG

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS)

Għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( edps@edps.europa.eu ) jekk taħseb li seħħ ksur ta’ drittijietek fil-qafas tar-Regolament (UE) 2018/1725 meta l-Kontrollur tad-Data pproċessa d-data personali tiegħek.

Fejn issib informazzjoni aktar dettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament Ewropew jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar dwar id-data personali mill-Parlament Ewropew, li ġew dokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċedi għar-reġistru minn dan il-link li ġej:

http://www.europarl.europa.eu/data-protect/?language=en

Din l-operazzjoni ta’ pproċessar speċifika ġiet inkluża fir-Reġistru tal-Protezzjoni tad-Data tal-Parlament bir-referenza N. 116.