Is-setgħat superviżorji 

Il-Parlament Ewropew għandu bosta setgħat ta' superviżjoni u ta' kontroll. B'dan jista' jikkontrolla istituzzjonijiet oħrajn, jara li l-baġit tal-UE jintefaq b'mod siewi u jiżgura l-implimentazzjoni tajba tal-liġi tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew 

Il-President tal-Parlament Ewropew għandu d-dritt jitkellem fil-bidu ta' kull Kunsill Ewropew u jesponi l-pożizzjoni tal-Parlament dwar it-temi li għandhom ikunu ttrattati mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern.

Wara kull samit il-President tal-Kunsill Ewropew jippreżenta lill-Parlament rapport dwar l-eżitu tiegħu.

Rwol
Il-Kunsill Ewropew huwa magħmul mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea, il-President tiegħu (elett għal ta' sentejn u nofs b'mandat li jiġġedded darba) u l-President tal-Kummissjoni Ewropea u jiddefinixxi d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-Unjoni.

Il-Kunsill tal-UE 

Fil-bidu u fit-tmiem tal-presidenza semestrali, il-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddiskuti l-programm tiegħu mal-Membri Parlamentari fis-seduta plenarja.

L-MEPs jistgħu jressqu mistoqsijiet bil-miktub u orali lill-Kunsill biex titlobha tibda politiki ġodda.

Il-Kunsill "Affarijiet Barranin" huwa ppresedut b'mod permanenti mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li hu preżenti għad-dibattiti fis-seduti plenarji li jittrattaw il-politika barranija, ta' sigurtà jew ta' difiża. Huwa jirrapporta darbtejn fis-sena lill-Parlament Ewropew dwar dawn il-politiki u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom.

Rwol
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-korp leġiżlattiv l-ieħor. Huwa magħmul mill-ministri tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni Ewropea 

Skont it-Trattat ta' Lisbona, il-Kapijiet ta' Stat jipproponu kandidat bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, u jridu jagħtu każ l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-kandidat jiġi elett mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament għandu wkoll id-dritt japprova u jxolji l-Kummissjoni. Mill-1994, il-Kummissarji nominati huma mitluba jidhru f'seduta ta' smigħ organizzata mill-kumitati tal-Parlament sabiex il-Membri tal-PE jkunu jistgħu jivvalutaw in-nominati.

Il-Parlament jista' jiċċensura l-Kummissjoni u fl-aħħar mill-aħħar ixoljiha. Sal-lum, l-ebda waħda mill-mozzjonijiet ta' ċensura mressqa quddiem il-Parlament ma ġiet adottata. Fl-1999 il-Kummissjoni Santer irriżenjat qabel ma l-Parlament ġegħilha tirriżenja.

Il-Parlament jiggarantixxi l-kontroll demokratiku fuq il-Kummissjoni. Huwa regolarment jeżamina rapporti mressqa mill-Kummissjoni fosthom rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-UE u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Darba fis-sena, il-President tal-Kummissjoni jagħti diskors dwar l-Istat tal-Unjoni fil-plenarja, u din tkun okkażjoni biex jiġu diskussi l-kisbiet tal-passat u l-prijoritajiet futuri. Il-Parlament jistieden regolarment lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal politiki ġodda u l-Kummissjoni hija obbligata twieġeb il-mistoqsijiet orali u bil-miktub imressqa mill-Membri tal-PE.

Rwol
Il-Kummissjoni Ewropea hija l-gwardjan tat-trattati u l-fergħa eżekuttiva tal-UE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja 

Il-Parlament jista' jitlob lill-Qorti tintenta azzjoni kontra l-Kummissjoni jew il-Kunsill f'każ li dawn jaġixxu b'tali mod li jmur kontra l-ispirtu tad-dritt tal-UE.

Il-Parlament, flimkien mal-Kunsill, jista' jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi qrati speċjalizzati. Pereżempju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ġie stabbilit fl-2005 biex jisma' tilwim bejn l-UE u s-servizz pubbliku.

Rwol
Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrappreżenta l-ogħla qorti fil-materja tad-dritt tal-UE. Tinterpreta u tiggarantixxi l-applikazzjoni ugwali tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha.

Il-Bank Ċentrali Ewropew 

Hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-Parlament qabel ma l-Kunsill Ewropew jaħtar il-President, il-Viċi President u l-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Il-President jippreżenta r-rapport annwali tal-BĊE fis-seduta plenarja u jipparteċipa fid-djalogu monetarju regolari mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.

Rwol
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli mit-tmexxija tal-politika monetarja taż-żona euro.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri 

Il-Qorti tal-Awdituri tippreżenta r-rapport annwali tal-baġit tas-sena preċedenti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li għandu jagħti l-approvazzjoni tiegħu. Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Parlament jiddeċiedi għandux japprova l-baġit tal-UE billi jagħti l-kwittanza tal-baġit.


Għall-ħatra tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri min-naħa tal-Kunsill tinħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.


Rwol
Il-Qorti tal-Awdituri tivverifika l-finanzi tal-UE. Bħala awditur estern, tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u taġixxi bħala gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.

L-Ombudsman Ewropew 

Il-Parlament jeleġġi l-Ombudsman Ewropew. Din il-persuna teżamina l-ilmenti dwar amministazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-UE. L-Ombudsman jista' jitneħħa mil-kariga mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament Ewropew f'ċirkostanzi partikolari. L-Ombudsman jista' jibda inkjesti fuq inizjattiva tiegħu stess.

L-Ombudsman jirrapporta lura lill-Parlament Ewropew u jippreżenta rapport annwali lill-Membri Parlamentari. F'ċirkostanzi eċċezzjonali l-Ombudsman jista' jitneħħa mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq talba tal-Parlament.

Barra minn hekk, kull ċittadin, resident, kumpanija jew organizzazzjoni tal-UE jistgħu jippreżentaw petizzjoni lill-PE marbuta mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Parlament jista' wkoll jistabbilixxi kumitat ta' inkjesta biex jeżamina l-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE min-naħa tal-Istati Membri.

Rwol
L-Ombudsman Ewropew jinvestiga lmenti dwar amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-UE.

Petitions, committees of inquiry 

Ċittadin tal-UE, resident, kumpanija jew organizzazzjoni tista' tressaq petizzjoni lill-Parlament Ewropew dwar xi liġi tal-UE.

Il-Parlament jista' jaħtar kumitat ta' inkjesta biex jistudja ksur tal-liġi tal-UE min-naħa tal-Istati Membri.