Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol u l-governanza tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), l-istituzzjoni responsabbli għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro mill-1999. Tkopri l-korpi deċiżjonali tal-BĊE, l-objettivi tiegħu skont it-Trattati tal-UE, u r-responsabbiltajiet superviżorji tiegħu għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Tiddeskrivi wkoll kif il-Parlament Ewropew iżomm lill-BĊE responsabbli permezz ta’ djalogi u seduti ta’ smigħ regolari u rapporti annwali, u r-rwol tal-Parlament Ewropew fil-ħatra ta’ membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 3 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
  • L-Artikoli 3(1)(c), 119, 123, 127-134, 138-144, 219 u 282-284 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
  • Il-Protokolli għat-TUE u t-TFUE: il-Protokoll (Nru 4) dwar l-istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew; il-Protokoll (Nru 16) dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-Danimarka;
  • Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU));
  • Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni).
  • L-organizzazzjoni u l-operat

    Skont it-Trattati, ir-responsabbiltajiet prinċipali tal-BĊE jinkludu t-twettiq tal-politika monetarja għaż-żona tal-euro. Barra minn hekk, minn Novembru 2014, ir-Regolament dwar l-MSU kkonferixxa lill-BĊE ċerti funzjonijiet superviżorji għal istituzzjonijiet ta’ kreditu.

    A. Il-funzjoni monetarja

    Is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) hija magħmula minn:

    • il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE);
    • il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk li ma adottawx l-euro;
    • L-Eurosistema, sadanittant, tinkludi:

      • il-BĊE;
      • il-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri biss li adottaw l-euro.
      • It-TFUE jirreferi għas-SEBĊ aktar milli għall-Eurosistema, għaliex tfassal fuq il-premessa li l-Istati Membri kollha kienu eventwalment se jadottaw l-euro. Għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro (minħabba li għandhom deroga jew esklużjoni fakultattiva), ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirreferu għas-SEBĊ mhumiex applikabbli. Dan ifisser li fil-prattika r-referenzi ġenerali tat-Trattat għas-SEBĊ jirreferu prinċipalment għall-Eurosistema.

        L-indipendenza tal-BĊE hija minquxa fl-Artikolu 130 tat-TFUE: “Fl-eżerċizzju tas-setgħat u fit-twettiq tal-kompiti u d-dmirijiet tagħhom mogħtija lilhom fit-Trattati u bl-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, la l-Bank Ċentrali Ewropew, u lanqas bank ċentrali nazzjonali, jew membru tal-korpi deċiżjonali tagħhom ma għandu jfittex jew jieħu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, minn xi gvern ta’ Stat Membru jew minn xi korp ieħor”.

        1. Il-korpi deċiżjonali

        Il-korpi deċiżjonali tal-BĊE huma l-Kunsill Governattiv, il-Bord Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali. Is-SEBĊ hija mmexxija mill-korpi deċiżjonali tal-BĊE.

        a. Il-Kunsill Governattiv

        Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE huwa magħmul mill-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Jifformula l-politika monetarja u jistabbilixxi l-linji gwida neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Kunsill Governattiv jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-BĊE, jeżegwixxi funzjonijiet konsultattivi u jiddeċiedi kif is-SEBĊ għandha tiġi rrappreżentata fil-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddelega wkoll ċerti setgħat lill-Bord Eżekuttiv. Il-Kunsill Governattiv normalment jiltaqa’ darbtejn fix-xahar u għandu sistema ta’ rotazzjoni ta’ kull xahar ta’ drittijiet tal-vot. Il-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE għandhom drittijiet tal-vot permanenti, filwaqt li s-sistema ta’ votazzjoni b’rotazzjoni tapplika għall-Gvernaturi. Il-Gvernaturi mill-pajjiżi klassifikati mill-ewwel sal-ħames post skont id-daqs tal-ekonomiji tagħhom u tas-setturi finanzjarji tagħhom għandhom b’mod konġunt erba’ drittijiet tal-vot. Is-16-il pajjiż li jifdal b’mod konġunt għandhom 11-il dritt tal-vot.

        b. Il-Bord Eżekuttiv

        Il-Bord Eżekuttiv huwa magħmul mill-President tal-BĊE, il-Viċi President tal-BĊE u erba’ membri oħra. Dawn jinħatru mill-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament u mal-Kunsill Governattiv. Il-mandat huwa ta’ tmien snin u ma jistax jiġġedded. Il-Bord Eżekuttiv huwa responsabbli għall-amministrazzjoni attwali u ta’ kuljum tal-BĊE. Huwa jimplimenta l-politika monetarja skont il-linji gwida u d-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill Governattiv. Jipprovdi wkoll istruzzjonijiet lill-banek ċentrali nazzjonali u jħejji l-laqgħat tal-Kunsill Governattiv.

        c. Il-Kunsill Ġenerali

        Il-Kunsill Ġenerali huwa t-tielet korp deċiżjonali tal-BĊE, iżda biss sakemm jibqa’ Stati Membri li jkunu għadhom ma adottawx l-euro. Huwa magħmul mill-President u l-Viċi President tal-BĊE u mill-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha. Membri oħra tal-Bord Eżekuttiv jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill Ġenerali, iżda m’għandhomx drittijiet tal-vot.

        2. L-objettivi u l-kompiti

        F’konformità mal-Artikolu 127(1) tat-TFUE, l-objettiv primarju kemm tal-BĊE kif ukoll tas-SEBĊ huwa li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għal dan, is-SEBĊ tappoġġja wkoll il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni bil-għan li tgħin biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, li huma elenkati fl-Artikolu 3 tat-TUE. Is-SEBĊ taġixxi skont il-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera u f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 119 tat-TFUE. Il-kompiti bażiċi mwettqa permezz tas-SEBĊ huma: id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-UE; it-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 219 tat-TFUE; iż-żamma u l-amministrazzjoni tar-riżervi monetarji uffiċjali tal-Istati Membri; u l-promozzjoni tal-ħidma mingħajr xkiel tas-sistemi ta’ pagament.

        3. Is-setgħat u l-istrumenti

        Il-BĊE għandu d-dritt esklussiv li jawtorizza l-ħruġ tal-karti tal-flus tal-euro. L-Istati Membri jistgħu joħorġu muniti tal-euro, iżda dan huwa soġġett għall-approvazzjoni mill-BĊE dwar il-volum tal-ħruġ (l-Artikolu 128 tat-TFUE). Il-BĊE joħroġ regolamenti u jieħu deċiżjonijiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lis-SEBĊ skont it-TFUE u l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE. Barra minn hekk, il-BĊE jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti opinjonijiet (l-Artikolu 132 tat-TFUE). Il-BĊE jeħtieġlu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe att propost mill-UE fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali dwar kwalunkwe abbozz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu (l-Artikolu 127(4) tat-TFUE). Huwa jista’ jippreżenta opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jiġi kkonsultat dwarhom. Il-BĊE huwa kkonsultat ukoll dwar deċiżjonijiet li jistabbilixxu pożizzjonijiet komuni u dwar miżuri marbuta mar-rappreżentazzjoni magħquda taż-żona tal-euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (l-Artikolu 138 tat-TFUE). Bl-għajnuna tal-banek ċentrali nazzjonali, il-BĊE jiġbor l-informazzjoni tal-istatistika neċessarja jew mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew direttament mingħand l-operaturi ekonomiċi (l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE). L-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jelenka l-istrumenti differenti li l-BĊE jista’ juża sabiex jissodisfa l-funzjonijiet monetarji tiegħu. Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jiftħu kontijiet għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, entitajiet pubbliċi u parteċipanti oħra tas-suq, u jaċċettaw assi bħala kollateral. Jista’ jwettaq operazzjonijiet tas-suq miftuħ u ta’ kreditu u jistabbilixxi rekwiżiti ta’ riżervi minimi. Il-Kunsill Governattiv jista’ jiddeċiedi wkoll dwar strumenti oħra ta’ kontroll monetarju b’maġġoranza ta’ żewġ terzi. Madankollu, l-Artikolu 123 tat-TFUE jipprojbixxi l-finanzjament monetarju, u jistabbilixxi limiti fuq l-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja. Biex jiżgura sistemi effiċjenti u b’saħħithom ta’ kklerjar u ta’ pagament, il-BĊE jista’ jipprovdi infrastruttura u jistabbilixxi politiki ta’ sorveljanza. Il-BĊE jista’ jistabbilixxi wkoll relazzjonijiet ma’ banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f’pajjiżi oħra u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

        4. L-Istati Membri b’deroga jew esklużjoni fakultattiva

        L-Artikoli 139-144 tat-TFUE jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċjali għal Stati Membri li skont it-Trattat huma obbligati jadottaw l-euro iżda sa issa għadhom ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet biex jagħmlu dan (“Stati Membri b’deroga”). Ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat mhumiex applikabbli għal dawn l-Istati Membri, eż. l-objettivi u l-kompiti tas-SEBĊ (l-Artikolu 127(1)-(3), (5) tat-TFUE) u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro (l-Artikolu 128 tat-TFUE). Id-Danimarka ngħatat esklużjoni fakultattiva u għalhekk mhijiex obbligata tingħaqad maż-żona tal-euro, kif definit fil-Protokoll Nru 16 mehmuż mat-TUE u mat-TFUE.

        B. Il-funzjoni superviżorja

        Il-BĊE ilu minn Novembru 2014 responsabbli mis-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSU. Il-BĊE jissorvelja direttament l-akbar banek, filwaqt li superviżuri nazzjonali jkomplu jimmonitorjaw il-banek l-oħrajn. Jikkoopera mill-qrib f’din il-funzjoni mal-entitajiet l-oħra fis-Sistema Ewropea tas-Superviżjoni Finanzjarja.(ara 2.5.14). L-MSU huwa magħmul mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jipparteċipaw fl-MSU.

        1. Il-Bord Superviżorju

        Il-Bord Superviżorju tal-BĊE huwa magħmul minn President, Viċi President, erba’ rappreżentanti tal-BĊE (li l-kompiti tagħhom jistgħu ma jkunux direttament marbuta mal-funzjoni monetarja tal-BĊE) u rappreżentant wieħed tal-awtorità nazzjonali kompetenti f’kull Stat Membru li jipparteċipa fl-MSU. Il-Parlament Ewropew jeħtieġlu japprova n-nomini tal-BĊE għal President u Viċi President. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Superviżorju jittieħdu b’maġġoranza sempliċi. Il-Bord Superviżorju huwa korp intern inkarigat mill-ippjanar, il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet ikkonferiti lill-BĊE. Jipprepara u jipproponi abbozzi kompleti ta’ deċiżjonijiet superviżorji għall-Kunsill Governattiv. Dawn jiġu adottati jekk il-Kunsill Governattiv ma jirrifjutahomx f’perjodu ta’ żmien speċifikat. Jekk Stat Membru parteċipant li mhuwiex fiż-żona tal-euro ma jaqbilx ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, tapplika proċedura speċjali u l-Istat Membru kkonċernat jista’ saħansitra jitlob it-terminazzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib.

        2. L-objettivi u l-kompiti

        Bħala superviżur bankarju, il-kompiti tal-BĊE jinkludu l-għoti u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-iżgurar tal-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali, it-twettiq ta’ rieżamijiet superviżorji u l-parteċipazzjoni f’superviżjoni supplimentari tal-konglomerati finanzjarji. Huwa wkoll inkarigat li jindirizza r-riskju sistemiku u makroprudenzjali.

        3. Is-setgħat u l-istrumenti

        Sabiex jissodisfa r-rwol superviżorju tiegħu, il-BĊE għandu setgħat investigattivi (talbiet għall-informazzjoni, investigazzjonijiet ġenerali u spezzjonijiet fuq il-post) u setgħat superviżorji speċifiċi (eż. l-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu). Il-BĊE għandu wkoll is-setgħa li jimponi penali amministrattivi. Jista’ wkoll jeżiġi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jżommu kapital ta’ lqugħ ogħla.

        C. Funzjonijiet oħra

        Bażijiet legali oħra jikkonferixxu kompiti addizzjonali lill-BĊE. It-Trattat dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (fis-seħħ minn Settembru 2012) ikkonferixxa lill-BĊE ċerti kompiti b’rabta mal-għoti ta’ assistenza finanzjarja, primarjament valutazzjoni u analiżi. Skont ir-regolamenti fundaturi tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), li huwa responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-UE, il-BĊE jipprovdi s-segretarjat għall-BERS, u l-President tal-BĊE jaġixxi wkoll bħala l-president tal-BERS. Il-BĊE għandu rwol konsultattiv fil-valutazzjoni tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fil-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-BĊE jivvaluta jekk istituzzjoni ta’ kreditu tkunx qed tfalli jew aktarx li tfalli, u jinforma lill-Kummissjoni u lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni kif xieraq.

        Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

        Il-President tal-BĊE jirrapporta lill-Parlament dwar kwistjonijiet monetarji fi Djalogu Monetarju trimestrali. Il-BĊE jipprepara wkoll rapport annwali dwar il-politika monetarja li jiġi ppreżentat fil-Parlament. Il-Parlament jadotta riżoluzzjoni dwar dan ir-rapport annwali. Il-Membri tal-PE jistgħu jressqu mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub lill-BĊE. F’Ġunju 2023, il-BĊE u l-Parlament Ewropew iffirmaw Skambju ta’ Ittri bejn iż-żewġ istituzzjonijiet li fformalizzaw dawn il-prattiki u arranġamenti informali oħra għall-interazzjoni tagħhom fil-qasam tal-banek ċentrali. Il-Parlament jiġi kkonsultat ukoll fil-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE.

        Ir-responsabbiltajiet superviżorji l-ġodda tal-BĊE huma akkumpanjati minn rekwiżiti ta’ obbligu ta’ rendikont addizzjonali skont ir-Regolament dwar l-MSU. Il-proċeduri prattiċi għal dan huma rregolati minn ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-BĊE. L-arranġamenti ta’ obbligu ta’ rendikont jinkludu l-preżenza tal-President tal-Bord Superviżorju fis-seduti ta’ smigħ tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament; it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jagħmel il-Parlament; u diskussjonijiet orali kunfidenzjali bejn il-kumitat kompetenti u l-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju, fuq talba. Barra minn hekk, il-BĊE jipprepara rapport superviżorju annwali, li jiġi ppreżentat lill-Parlament mill-President tal-Bord Superviżorju.

        Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mill-Unità tal-Iskrutinju tal-Governanza Ekonomika u l-UEM tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament.

         

        Maja Sabol / Mentor MEHMEDI