Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

Din l-iskeda informattiva tispjega kif l-Unjoni Ewropea qed issaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet transfruntiera tad-dritt ċivili, filwaqt li tibni b’mod effettiv pontijiet bejn sistemi legali nazzjonali differenti. L-għanijiet ewlenin tal-UE huma li jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-aċċess faċli u effettiv għall-ġustizzja, sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-kapital u tal-persuni. Dan jinvolvi li tiġi identifikata b’mod ċar il-ġuriżdizzjoni kompetenti, tiġi determinata l-liġi applikabbli u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-rikonoxximent u għall-infurzar tas-sentenzi. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew huwa enfasizzat f’oqsma bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal u d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja.

Il-bażi legali

L-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); il-Protokolli Nru 21 u 22 annessi mat-Trattati.

L-objettivi

Fl-ispazju Ewropew ta’ ġustizzja, l-individwi m’għandhomx jiġu mxekkla jew skoraġġuti milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. L-inkompatibbiltà u l-kumplessità tas-sistemi legali jew amministrattivi fl-Istati Membri m’għandhomx ikunu ostaklu. Il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam sensittiv tkopri l-liġi ċivili klassika, u din tinkludi firxa wiesgħa ta’ oqsma li jvarjaw mil-liġi tal-familja sal-liġi kuntrattwali u l-liġi dwar il-bejgħ. Tkopri wkoll il-liġi proċedurali ċivili, li sa ftit ilu kienet prerogattiva esklużiva tal-Istati Membri. Il-qasam tar-regoli dwar il-liġi kuntrattwali privata fl-UE jaqa’ fl-ambitu tal-liġi ċivili tal-UE, iżda għandu rabta mill-qrib mal-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi u għaldaqstant huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-suq uniku (ara 2.1.7).

Il-liġi internazzjonali privata għandha l-għan li tindirizza l-aspetti transfruntiera tal-kwistjonijiet kollha b’rabta mar-relazzjonijiet bejn persuni privati, bħal-liġi tal-familja, il-liġi tal-proprjetà u l-liġi dwar il-kuntratti. Il-miżuri marbuta mal-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transfruntiera għandhom jiġu adottati mill-Kunsill b’mod unanimu (l-Artikolu 81(3) tat-TFUE, it-tieni subparagrafu). L-għodod ewlenin biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja transfruntiera huma l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, u l-kooperazzjoni ġudizzjarja diretta bejn il-qrati nazzjonali.

Il-liġi internazzjonali privata tinfluwenza direttament l-ordinament legali tal-UE. Pereżempju, ir-relazzjonijiet bejn pajjiżi mhux tal-UE u l-Istati Membri relatati ma’ kwistjonijiet ġudizzjarji ċivili huma ggwidati mill-qafas tal-Konvenzjonijiet multilaterali ta’ The Hague. L-UE ilha Membru tal-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (HCCH) mit-3 ta’ April 2007. Il-Konferenza ta’ The Hague hija organizzazzjoni globali, intergovernattiva bil-għan li progressivament tgħaqqad ir-regoli stabbiliti fil-liġi internazzjonali privata. Għalhekk tiżviluppa u toffri servizzi ta’ strumenti legali multilaterali, li jsiru legalment vinkolanti f’pajjiżi li huma parti għaliha. Il-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat hija komposta minn 91 Membru (90 Stat u l-Unjoni Ewropea) u tadotta konvenzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet tal-liġi ċivili bħan-notifika ta’ proċess, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda barra mill-pajjiż, l-aċċess għall-ġustizzja, il-ħtif internazzjonali tat-tfal, l-adozzjoni bejn pajjiż u ieħor, il-kunflitti tal-liġijiet relatati mal-forma tad-dispożizzjonijiet testamentarji, l-obbligi ta’ manteniment, ir-rikonoxximent tad-divorzji, u l-abolizzjoni tal-legalizzazzjoni għal dokumenti pubbliċi barranin.

Il-Konferenza ta’ The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat taħdem flimkien mal-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT), stabbilit fl-1926. L-għan tal-UNIDROIT, organizzazzjoni intergovernattiva indipendenti li għandha s-sede tagħha f’Ruma, huwa li tiżviluppa metodi biex il-liġi internazzjonali privata u kummerċjali tiġi modernizzata, armonizzata u kkoordinata u biex jiġu fformulati strumenti legali uniformi, inklużi liġijiet mudell, gwidi, prinċipji u regoli legali jew leġiżlattivi.

L-objettivi primarji tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili huma:

  • li jiġi żgurat grad għoli ta’ ċertezza legali għaċ-ċittadini fir-relazzjonijiet transfruntiera rregolati mil-liġi ċivili;
  • li ċ-ċittadini jiġu ggarantiti aċċess faċli u effettiv għall-ġustizzja ċivili sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwim transfruntier;
  • li jiġu ssimplifikati l-istrumenti ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-qrati ċivili nazzjonali;
  • li jiġi appoġġjat it-taħriġ tal-ġudikatura u l-persunal ġudizzjarju.
  • Kull att leġiżlattiv li jkun qed jitħejja jrid jintbagħat lill-parlamenti nazzjonali (l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)). Barra minn hekk, il-parlamenti nazzjonali għandhom id-dritt joġġezzjonaw għal deċiżjonijiet li jikkonċernaw ċerti aspetti tal-liġi tal-familja b’implikazzjonijiet transfruntiera. Tali deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu biss skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jekk l-ebda parlament nazzjonali ma jopponihom (l-Artikolu 81(3) tat-TFUE, it-tielet subparagrafu).

    Il-kisbiet

    A. L-iżvilupp tal-liġi primarja fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili

    Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili ma kinitx waħda mill-objettivi tal-Komunità Ewropea meta ġie adottat it-trattat fundatur. Madankollu, l-Artikolu 220 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kien jistipula li l-Istati Membri huma marbuta li jissimplifikaw “[il-]formalitajiet li jirregolaw ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati jew tat-tribunali u d-deċiżjonijiet arbitrali”. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili uffiċjalment iddaħħlet fl-isfera ta’ attività tal-UE permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, fil-kuntest intergovernattiv tal-pilastru “Ġustizzja u Affarijiet Interni” (ara 1.1.3). It-Trattat ta’ Amsterdam ġab il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili fl-isfera Komunitarja, billi ttrasferiha mit-TUE għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għalkemm m’għamilhiex soġġetta għall-metodu Komunitarju. It-Trattat ta’ Nizza (ara 1.1.4) ippermetta li jiġu adottati l-miżuri rilevanti tal-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili – bl-esklużjoni tal-liġi tal-familja – skont il-proċedura leġiżlattiva ta’ kodeċiżjoni.

    Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere (Ottubru 1999) qiegħed il-pedamenti biex jinħoloq l-Ispazju Ewropew ta’ Ġustizzja. Wara li ġie rikonoxxut li ma kienx sar biżżejjed biex dan jiġi implimentat, tnieda pjan ta’ azzjoni ġdid għas-snin 2005-2010 mill-Kunsill Ewropew ta’ The Hague (Novembru 2004). Il-Programm ta’ The Hague ssottolinja l-ħtieġa li titkompla l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku u li jiġi estiż għal oqsma ġodda bħall-proprjetà tal-familja, is-suċċessjonijiet u t-testmenti. Dan il-programm ġie segwit mill-Programm ta’ Stokkolma, li jirrappreżenta pjan direzzjonali għal żviluppi futuri fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja matul il-perjodu ta’ ħames snin mill-2010 sal-2014.

    Permezz tat-Trattat ta’ Liżbona (ara 1.1.5), il-miżuri kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili saru soġġetti għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Madankollu, skont l-Artikolu 81(3) tat-TFUE, il-liġi tal-familja tibqa’ soġġetta għal proċedura leġiżlattiva speċjali li permezz tagħha l-Kunsill jaġixxi b’mod unanimu wara konsultazzjoni mal-Parlament.

    Id-Danimarka u l-Irlanda għandhom l-esklużjoni fakultattiva mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-TFUE (spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja), skont il-Protokolli Nru 21 u 22 annessi mat-Trattati. L-Irlanda għandha esklużjoni fakultattiva flessibbli mil-leġiżlazzjoni adottata f’dan l-ispazju, li tippermettilha li tagħżel jekk tipparteċipax jew le fil-leġiżlazzjoni u fl-inizjattivi leġiżlattivi skont kull każ partikolari (il-Protokoll Nru 21 anness mat-Trattati). Għall-kuntrarju, id-Danimarka għandha esklużjoni fakultattiva aktar riġida mill-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u dan ifisser li hija ma tipparteċipa xejn f’din il-politika. Fin-negozjati tat-Trattat ta’ Liżbona, id-Danimarka kisbet l-għażla li tikkonverti l-esklużjoni fakultattiva tagħha f’inklużjoni fakultattiva flessibbli abbażi tal-mudell tal-esklużjoni fakultattiva Irlandiża (il-Protokoll Nru 22). Fit-3 ta’ Diċembru 2015, sar referendum biex jiġi approvat l-eżerċizzju ta’ din l-għażla (4.2.1). Dan ġie rifjutat minn 53% tal-votanti.

    B. Il-leġiżlazzjoni ewlenija adottata

    1. Id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti; ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet f’kawżi ekstraġudizzjarji

    L-istrument ewlieni f’dan il-qasam huwa r-Regolament dwar sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, magħruf bħala r-Regolament Brussell Ia (ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012). Fil-liġi tal-familja, dan huwa ssupplimentat mir-Regolament dwar sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, magħruf bħala r-Regolament Brussell IIa (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003), li ġie riformulat fl-2019 u issa jissejjaħ ir-Regolament fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri, magħruf bħala r-Regolament Brussell IIb (ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111). Dan japplika bejn l-Istati Membri kollha tal-UE bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

    Sabiex ir-reġim ta’ rikonoxximent jiġi estiż għall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), fl-1988, dawk li kienu t-12-il Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej iffirmaw trattat ma’ dawk li kienu s-sitt membri tal-EFTA – l-Awstrija, il-Finlandja, l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera – peress li l-Istati Membri tal-EFTA ma kinux eliġibbli biex jiffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968. Dan it-trattat issa ġie kompletament sostitwit minn verżjoni tal-2007, il-Konvenzjoni ta’ Lugano (il-Konvenzjoni dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali), konkluża bejn l-UE, id-Danimarka f’isimha stess u tlieta mill-erba’ membri l-oħra tal-EFTA (l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda). Il-Liechtenstein, l-uniku Stat li aderixxa mal-EFTA wara l-1988, ma ffirmax il-konvenzjoni. Fit-2 ta’ April 2020, ir-Renju Unit talab li jerġa’ jingħaqad mal-Konvenzjoni ta’ Lugano wara l-Brexit, f’konformità mal-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, peress li ma kienx għadu parti għal din il-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikoli 70 u 72(3) tal-Konvenzjoni, hija meħtieġa aċċettazzjoni unanima mill-Istati Kontraenti – u din ingħatat mingħand kulħadd. Iżda skont l-“Opinjoni ta’ Lugano” tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (l-Opinjoni 1/03 tal-2006), kwalunkwe adeżjoni bħal din taqa’ totalment fl-isfera ta’ kompetenza esklużiva tal-UE, u għalhekk għandha tiddeċiedi dwar it-talba tar-Renju Unit għal adeżjoni mill-ġdid. Fil-valutazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Renju Unit biex jaderixxi mal-Konvenzjoni ta’ Lugano, il-Kummissjoni rrifjutat li tagħti l-adeżjoni, fuq il-bażi li l-Konvenzjoni ta’ Lugano kienet maħsuba għal Stati b’integrazzjoni regolatorja mill-qrib mal-UE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-Konvenzjoni dwar il-Ġuriżdizzjoni (il-Konvenzjoni tat-2 ta’ Lulju 2019 dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin f’materji ċivili jew kummerċjali) għandha tintuża għar-relazzjonijiet bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE li huma anqas allinjati mill-qrib u tista’ tkun qafas aħjar għal kooperazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

    Qed jiżviluppaw rabtiet familjari fost individwi ta’ nazzjonalitajiet differenti bħala riżultat ta’ żieda fil-mobbiltà. Koppji binazzjonali jeħtieġ li jkunu jafu x’isem jieħdu wliedhom, u persuni divorzjati jeħtieġ li jkunu jistgħu jibdew mill-ġdid f’pajjiż ieħor mingħajr ma jitilfu kuntatt minn ma’ wliedhom. Fir-rigward ta’ minuri li jinħatfu minn wieħed mill-ġenituri tagħhom, il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, li minn Mejju 2025 għandha 103 Stati kontraenti, inklużi l-Istati Membri tal-UE kollha, hija bbażata fuq objettiv sempliċi ħafna: ir-ritorn immedjat tal-minuri maħtuf. B’mod parallel, dak li qabel kien ir-Regolament Brussell IIa ġie riformulat fl-2019 biex jagħti r-Regolament Brussel IIb attwali. L-objettiv ewlieni tar-reviżjoni tiegħu huwa li jittejbu r-regoli tal-liġi li jipproteġu lit-tfal f’kawżi ta’ tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal dawk relatati mal-kustodja, id-drittijiet ta’ aċċess u l-ħtif ta’ minuri. Dan ir-Regolament jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, speċjalment id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif ukoll id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, u d-drittijiet tat-tfal.

    Sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru internazzjonali tal-obbligi ta’ manteniment, il-Kunsill adotta r-Regolament relatat mal-obbligi ta’ manteniment (ir-Regolament (KE) Nru 4/2009) f’Diċembru 2008. Dan ir-Regolament għaqqad fi strument wieħed ir-regoli uniformi dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

    Bl-iskop li jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-proċedimenti ta’ insolvenza transfruntiera, ir-Regolament dwar proċedimenti ta’ insolvenza ta’ Mejju 2015 (ir-Regolament (UE) 2015/848) jistabbilixxi regoli uniformi dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-liġi applikabbli f’dan il-qasam. Sabiex jitneħħa l-exequatur għad-deċiżjonijiet relatati ma’ talbiet mhux kontestati, il-Parlament u l-Kunsill adottaw Regolament li ħoloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ir-Regolament (KE) Nru 805/2004). Ir-Regolament dwar is-suċċessjoni (ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam ta’ suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) ifittex li jelimina l-ostakli li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini meta jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest tas-suċċessjonijiet internazzjonali. Il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika jiffaċilita dan il-proċess billi jippermetti lin-nies jimlew u joħolqu l-formola V (Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) online. Peress li d-Danimarka u l-Irlanda ma jipparteċipawx, il-proċeduri ta’ wirt transfruntiera indirizzati mill-awtoritajiet ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri għandhom jiġu rregolati mir-regoli nazzjonali tagħhom.

    Minħabba l-konsegwenzi legali differenti li jirriżultaw mill-karatteristiċi distinti taż-żwieġ u tas-sħubijiet reġistrati, fl-2011, il-Kummissjoni preżentat żewġ proposti separati għal regolamenti li jistabbilixxu reġimi ta’ proprjetà għall-koppji internazzjonali – wieħed għall-koppji miżżewġin u l-ieħor għas-sħubijiet reġistrati – dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati mas-sistemi li jirregolaw ir-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali.

    2. L-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt tal-liġijiet

    Ġew adottati għadd ta’ strumenti fil-livell tal-UE biex jindirizzaw il-kwistjonijiet l-aktar kruċjali b’rabta mal-liġi internazzjonali privata. L-adozzjoni tar-Regolament Ruma I (ir-Regolament (KE) Nru 593/2008) u tar-Regolament Ruma II (ir-Regolament (KE) Nru 864/2007) ippermettiet li tinħoloq ġabra uniformi ta’ regoli dwar l-għażla tal-liġijiet għall-obbligi kuntrattwali u dawk mhux kuntrattwali, rispettivament, f’materji ċivili u kummerċjali. Dawn l-atti jippruvaw itejbu ċ-ċertezza u l-prevedibbiltà legali tal-eżitu tal-litigazzjoni. Ir-regoli dwar l-għażla tal-liġijiet relatati mal-obbligi ta’ manteniment huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (ara hawn fuq). Fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, f’Diċembru 2010, il-Kunsill adotta Regolament dwar kooperazzjoni msaħħa fil-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010), li jistabbilixxi qafas legali ċar u komprensiv għad-divorzju u għas-separazzjoni legali. F’dak li jikkonċerna s-suċċessjonijiet internazzjonali, ir-regolament dwar is-suċċessjoni (ir-Regolament (UE) Nru 650/2012) jiddetermina, fost affarijiet oħra, il-liġi applikabbli.

    3. Il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja

    Sabiex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transfruntier, il-Kunsill adotta direttiva li tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali (id-Direttiva 2003/8/KE) għal tali tilwim. L-iskop tad-direttiva huwa li jiġi garantit livell “adegwat” ta’ għajnuna legali fit-tilwim transfruntier għal persuni li ma jkollhomx biżżejjed riżorsi. Sabiex l-aċċess għall-ġustizzja jsir aktar faċli u effettiv għaċ-ċittadini u għan-negozji Ewropej, l-UE introduċiet regoli ta’ proċedura komuni bil-ħsieb li tissimplifika u tħaffef il-litigazzjoni transfruntiera li tikkonċerna talbiet żgħar, kif ukoll l-irkupru transfruntier ta’ talbiet għal flus mhux ikkontestati fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Dawn jinsabu fir-regolament dwar l-istabbiliment ta’ Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ir-Regolament (KE) Nru 861/2007) u fir-regolament dwar il-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006). Dawn il-proċeduri huma fakultattivi u addizzjonali għall-proċeduri previsti mil-liġi nazzjonali. Hemm ukoll direttiva li tistabbilixxi regoli komuni dwar ċertu aspetti ta’ medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (id-Direttiva 2008/52/KE), li tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali sabiex iżżid iċ-ċertezza legali u għaldaqstant tinkoraġġixxi l-użu ta’ dan il-metodu ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

    4. L-istrumenti ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn il-qrati ċivili nazzjonali

    L-Artikolu 81(2)(a) u (c) tat-TFUE jagħti wkoll lill-Parlament u lill-Kunsill il-kompitu li jadottaw miżuri bl-għan li jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali fir-rigward tal-kunflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni. Ir-Regolament dwar in-notifika ta’ dokumenti (ir-Regolament (UE) 2020/1784) huwa maħsub biex jissimplifika u jħaffef it-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji bejn l-Istati Membri u b’hekk iżid l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji, filwaqt li r-Regolament dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ir-Regolament (UE) 2020/1783) huwa maħsub biex jissimplifika u jħaffef il-kooperazzjoni f’dan il-qasam. Sabiex tittejjeb, tiġi ssimplifikata u titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u biex jiġi promoss l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini involuti f’tilwim transfruntier, fit-28 ta’ Mejju 2001, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabblixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (id-Deċiżjoni 2001/470/KE). In-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali li rriżulta jikkonsisti minn punti ta’ kuntatt iddeżinjati mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ċentrali previsti f’xi strumenti tal-UE, maġistrati ta’ kollegament u kwalunkwe awtorità oħra li jkollha responsabbiltajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn atturi Statali (qrati u awtoritajiet ċentrali). Id-deċiżjoni li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew (id-Deċiżjoni 2001/470/KE) ġiet emendata bid-Deċiżjoni 568/2009/KE tat-18 ta’ Ġunju 2009 bl-għan li ttejjeb u ssaħħaħ ir-rwol tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali. Id-deċiżjoni introduċiet bidla maġġuri: l-assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw lill-prattikanti fil-qasam legali, b’mod partikolari l-avukati, is-solicitors, il-barristers, in-nutara u l-marixxalli, tħallew jingħaqdu man-network.

    L-iżvilupp tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jikkostitwixxi għodda oħra biex tiġi ssimplifikata l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji ċivili. Dan il-proġett tnieda f’Ġunju 2007 u wassal għal Strateġija Ewropea tal-Ġustizzja Elettronika. L-għodod tal-Ġustizzja Elettronika jkopru: il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, li huwa maħsub biex jiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u l-impriżi fl-Ewropa; l-interkonnessjoni tar-rekords kriminali fil-livell Ewropew; użu aħjar tal-vidjokonferenzi waqt il-proċedimenti ġudizzjarji; għodod innovattivi tat-traduzzjoni bħat-traduzzjoni awtomatizzata; formoli dinamiċi online; u bażi tad-data Ewropea ta’ tradutturi u interpreti legali. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li l-Kummissjoni tippubblika kull sena, hija għodda ta’ informazzjoni bl-għan li tgħin lill-UE u lill-Istati Membri jiksbu ġustizzja aktar effettiva billi tipprovdi data oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar il-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha. Data bħal din hija essenzjali biex tappoġġja r-riformi fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Ħlief għal-liġi tal-familja, meta l-Kunsill jaġixxi unanimament u l-Parlament jiġi biss ikkonsultat, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja hija applikata għall-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili. Il-Parlament Ewropew żvolġa rwol attiv fid-definizzjoni tal-kontenut tal-istrumenti leġiżlattivi msemmija hawn fuq. Fl-imgħoddi, il-Parlament innota li hemm bżonn ta’ kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina sabiex iċ-ċittadini jingħataw il-benefiċċji kollha tad-drittijiet tagħhom skont it-Trattati. Wieħed mill-aktar aspetti importanti f’dan ir-rigward huwa t-taħriġ, b’mod partikolari fil-qasam legali. F’Ġunju 2013, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja: l-għajnuna legali f’tilwim ċivili u kummerċjali transfruntier.

    Fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ta’ reġimi ta’ proprjetà ta’ koppji internazzjonali, li tkopri kemm ir-reġimi ta’ proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta’ sħubijiet reġistrati, il-Parlament kien ta l-kunsens tiegħu fl-2013, iżda ż-żewġ atti kienu baqgħu mblukkati għal snin sħaħ fil-Kunsill. Għaldaqstant, 23 Stat Membru qablu dwar il-kooperazzjoni msaħħa (l-Artikolu 20 tat-TUE) sabiex isir progress fuq l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni. Fil-bidu tal-2016, il-Kummissjoni fasslet proposti ġodda għal atti li s-sustanza tagħhom kienet ibbażata fuq il-votazzjoni tal-Parlament u l-kompromessi miksuba preċedentement. Il-Kunsill fl-aħħar adotta Regolament li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (ir-Regolament (UE) 2016/1103) fl-24 ta’ Ġunju 2016.

    Fir-rigward tal-proċeduri tal-qorti ċivili fl-Unjoni Ewropea, fl-4 ta’ Lulju 2017, il-Parlament adotta riżoluzzjoni b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar standards minimi komuni ta’ proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, biex sat-30 ta’ Ġunju 2018, tressaq proposta għal att leġiżlattiv abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-TFUE, dwar standards minimi komuni ta’ proċedura ċivili. It-test tad-direttiva proposta tal-UE annessa mar-riżoluzzjoni tal-Parlament ifittex li jqarreb is-sistemi ta’ proċedura ċivili sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-dritt ta’ proċess ġust, kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ara 4.1.2), billi jistabbilixxi standards minimi li jikkonċernaw il-bidu, it-twettiq u l-konklużjoni ta’ proċedimenti ċiviliquddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Istati Membri.

    Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal huma objettiv espliċitu tal-Unjoni Ewropea minqux fl-Artikolu 3(3) tat-TUE. Għaldaqstant, fl-1987 inħolqot il-kariga ta’ Medjatur tal-Parlament Ewropew għall-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri mill-Ġenituri sabiex tgħin lit-tfal minn żwiġijiet/relazzjonijiet binazzjonali li jisfaw vittmi ta’ ħtif ta’ minuri mill-ġenituri. It-titlu ta’ din il-kariga, li dejjem kienet okkupata minn Membru attwali tal-PE, ġie mibdul fl-2018 għal “Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal” sabiex tiġi riflessa l-evoluzzjoni tal-mandat biex jiġu koperti d-drittijiet tat-tfal.

    Ewa Kopacz ilha tokkupa l-pożizzjoni ta’ Koordinatur tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal minn Lulju 2019. Il-predeċessuri tagħha fil-kariga kienu Anna Maria Corazza Bildt (2019), Elisabeth Morin-Chartier (2017-2019), Mairead McGuinness (2014-2017), Roberta Angelilli (2009-2014), Evelyne Gebhardt (2004-2009), Mary Banotti (1995-2004) u Marie-Claude Vayssade (1987-1994).

    Fis-7 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, id-dritt applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet dwar l-istat ta’ ġenitur u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ Ġenitur. Skont il-proċedura ta’ konsultazzjoni, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament propost dwar kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur fl-14 ta’ Diċembru 2023; id-Deċiżjoni tal-Kunsill għadha pendenti.

    Fil-11 ta’ April 2024, ġiet adottata direttiva li tipprovdi protezzjoni minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPPs) (id-Direttiva (UE) 2024/1069) sabiex jissaħħu s-salvagwardji proċedurali kontra l-litigazzjoni abbużiva, b’mod partikolari f’każijiet transfruntiera, u b’hekk jissaħħaħ l-aċċess għall-ġustizzja. Id-direttiva tħejjiet b’evidenza b’saħħitha u b’appoġġ mill-akkademja Ewropea, inkluż studju dwar l-użu ta’ kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP) biex jissikktu l-ġurnalisti, l-NGOs u s-soċjetà ċivili, li ġie mitlub mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament u studju dwar kawżi SLAPP miftuħa fl-2022 u fl-2023 li ġie mitlub mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament.

    Ir-Regolament dwar il-ġustizzja elettronika (ir-Regolament (UE) 2023/2844) ġie adottat fit-13 ta’ Settembru 2023. Huwa għandu l-għan li jtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u l-effiċjenza u r-reżiljenza tal-flussi ta’ komunikazzjoni li huma essenzjali għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji f’kawżi transfruntiera tal-UE, billi jtaffi l-piżijiet amministrattivi, iqassar il-ħinijiet tal-ipproċessar tal-każijiet, jagħmel il-komunikazzjoni aktar sigura u affidabbli, u parzjalment jawtomatizza t-trattament tal-kawżi. Jistabbilixxi wkoll regoli għall-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn l-awtoritajiet kompetenti fi proċeduri ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u għall-użu ta’ komunikazzjoni elettronika bejn persuni fiżiċi jew legali u awtoritajiet kompetenti fi proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali (l-Artikolu 1). Dan għandu jitwettaq, b’mod partikolari, permezz tas-sistema tal-IT deċentralizzata (l-Artikolu 3) u l-punt ta’ aċċess elettroniku Ewropew (l-Artikolu 4).

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implikazzjonijiet politiċi tal-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali – kwistjonijiet ta’ dritt ċivili, soċjetarju, kummerċjali u tal-proprjetà intellettwali, adottata fis-17 ta’ Jannar 2024, il-Parlament iddeskriva l-isfidi ppreżentati mit-teknoloġiji emerġenti għall-prinċipju territorjali tradizzjonali tal-liġi internazzjonali privata. Sfida bħal din hija l-blockchain, bażi tad-data deċentralizzata li titqassam fost network ta’ kompjuters. Il-Parlament talab lill-Kummissjoni taġġusta l-liġi tal-UE sabiex iċ-ċittadini u l-kumpaniji ma jkollhomx għalfejn jillitigaw fil-qrati ta’ pajjiżi terzi peress li dawn jistgħu ma jiggarantux id-drittijiet sħaħ tagħhom.

    Fl-2025, il-Parlament ipparteċipa fil-Forum ta’ Livell Għoli dwar il-Ġustizzja għat-Tkabbir, organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Pollakka tal-Kunsill. Il-Forum eżamina kif il-liġi ċivili u tal-kumpaniji, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, jistgħu jappoġġjaw il-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi possibbli, inkluż l-użu tal-intelliġenza artifiċjali u għodod diġitali oħra.

    Id-dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali ħejja studju dwar il-ħtif tat-tfal mill-ġenituri lejn pajjiżi terzi u workshop dwar il-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, u t-tnejn li huma indikaw li jeħtieġu evidenza u riformi. Riċerka oħra fil-qasam tal-liġi ċivili tinkludi studju dwar talbiet transfruntiera għal arti misruqa u studju dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-responsabbiltà ċivili.

    Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku għall-Ġustizzja, il-Libertajiet Ċivili u l-Affarijiet Istituzzjonali. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.

     

    JAGODA KAROLINA MACIEJEWSKA / Mariusz Maciejewski