Ir-reġimi kummerċjali applikabbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Din l-iskeda informattiva tispjega kif il-politika tal-iżvilupp tal-UE tenfasizza l-importanza tal-kummerċ u tiffoka fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, permezz ta’ skemi li jikkonformaw mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Tippreżenta l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi, arranġament ta’ kummerċ li jagħti aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE permezz ta’ tariffi mnaqqsa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tiddeskrivi wkoll kif il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika jiżguraw trattament kummerċjali preferenzjali għall-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku.

Il-bażi legali

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):

  • l-Artikolu 3 jistabbilixxi l-politika kummerċjali komuni (PKK) bħala kompetenza esklużiva tal-UE;
  • l-Artikolu 207 jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE jadottaw, bħala koleġiżlaturi, liġijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-PKK (bl-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u dan jippermetti lill-Parlament u lill-Kunsill jadottaw leġiżlazzjoni b’mod konġunt, fuq bażi ugwali;
  • l-Artikolu 218 jistabbilixxi li l-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa biex l-UE tikkonkludi ftehimiet internazzjonali, inkluż bħala Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) u jistabbilixxi d-dritt tal-Parlament li jkun infurmat immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-proċedura.
  • Il-kummerċ tal-UE u l-iżvilupp

    Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 bit-titolu “Il-kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp:it-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn” tirrifletti bidla sinifikanti fil-ħsieb dwar il-“kummerċ u l-iżvilupp” tal-UE. Għalkemm il-Kummissjoni kompliet tqiegħed il-kummerċ fiċ-ċentru tal-istrateġiji tal-iżvilupp, saħqet fuq il-ħtieġa dejjem akbar li ssir distinzjoni bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex issir enfasi fuq dawk l-aktar fil-bżonn, filwaqt li tfittex li ttejjeb is-sinerġiji bejn il-politiki kummerċjali u dawk tal-iżvilupp.

    Fil-livell multilaterali, l-UE tappoġġja l-Aġenda ta’ Żvilupp tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), imnedija f’Doha fl-2001. F’Ottubru 2015, hija rratifikat il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ konkluż fid-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Bali, u dan huwa partikolarment importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għall-pajjiżi mingħajr kosta. Fit-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Abu Dhabi (2024), ittieħdet deċiżjoni biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-ħruġ mill-istatus ta’ “pajjiż l-anqas żviluppat” u jiġi żgurat perjodu ta’ tranżizzjoni bla xkiel.

    Adottata fl-2007 u riveduta l-aħħar fl-2017, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ tikkonforma mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, mal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u mal-Istrateġija Globali tal-UE. Ir-rapport ta’ progress tal-2023 dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE jikkonferma li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-fornituri ewlenin tal-Għajnuna għall-Kummerċ fid-dinja, u li kkontribwew EUR 23 biljun fl-2020, qabel ma reġgħu laħqu l-livelli ta’ għajnuna ta’ qabel il-pandemija ta’ madwar EUR 18.5 biljun. Dan jirrappreżenta 42% tal-fondi kollha tal-Għajnuna għall-Kummerċ minn sorsi bilaterali u multilaterali, u juri tkabbir imdaqqas minn kontribuzzjoni ta’ 33% fl-2018. Madwar 140 pajjiż u territorju huma eliġibbli għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp.

    L-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi

    L-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) hija arranġament kummerċjali li jiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-UE ta’ pajjiżi u territorji li qed jiżviluppaw permezz tat-tnaqqis tad-dazju doganali fuq il-prodotti tagħhom.

    Oriġinarjament, l-UE tat preferenzi tariffarji unilaterali biex tiġġenera dħul addizzjonali mill-esportazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dan ikun jista’ jiġi investit mill-ġdid fl-iżvilupp sostenibbli tagħhom stess. Fl-ambitu tar-riforma tal-iskema SĠP tal-2012, l-iskema kienet fil-biċċa l-kbira mmirata lejn il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn – il-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) – filwaqt li nżammu t-tliet komponenti tal-iskema: l-iskema SĠP standard, SĠP+ u l-inizjattiva Kollox Minbarra Armi.

    L-iskema SĠP oriġinarjament kellha tiskadi f’Diċembru 2023, iżda ġiet estiża sa Diċembru 2027. Fit-28 ta’ April 2026, il-Parlament approva r-regoli riveduti li se jibdew japplikaw mill-2027. Ir-regolament il-ġdid se jkompli jrawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi r-rispett għall-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem, bl-għan ewlieni li jinqered il-faqar.

    A. L-iskema SĠP standard

    L-iskema SĠP standard hija arranġament kummerċjali awtonomu li permezz tiegħu l-UE toffri lil ċerti prodotti barranin aċċess preferenzjali mhux reċiproku għas-suq tal-UE fil-forma ta’ tariffi mnaqqsa jew tariffi żero.

    Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-iskema SĠP standard – liema skema toffri li jitnaqqsu d-dazji għal madwar 66% tal-linji tariffarji kollha – ġew ristretti biex jinkludu biss l-aktar pajjiżi vulnerabbli b’introjtu baxx jew medju inferjuri. Bħala riżultat, il-grupp ta’ benefiċjarji tnaqqas b’mod sostanzjali, minn 176 għal 23 tul il-perjodu 2016-2017, filwaqt li l-pajjiżi kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi b’introjtu għoli jew b’introjtu medju-superjuri tneħħew progressivament mill-iskema. Sa mill-2025, 11-il pajjiż jibbenefikaw mill-iskema SĠP. Il-pajjiżi kollha li ffirmaw u rratifikaw ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-UE awtomatikament jieqfu jgawdu minn trattament preferenzjali, ikun x’ikun il-livell ta’ żvilupp tagħhom.

    B. L-iskema SĠP+

    L-iskema SĠP+ hija arranġament speċifiku ta’ inċentiv li joffri li jitneħħew it-tariffi għal pajjiżi vulnerabbli li jkunu rratifikaw u implimentaw konvenzjonijiet internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba. L-iskema toffri dazji żero fuq madwar 66% tal-linji tariffarji kollha ddeżinjati fl-ambitu tal-iskema SĠP standard. Din l-iskema, applikabbli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkunsidrati li huma vulnerabbli, saret bil-kundizzjoni li jiġu rratifikati u implimentati 27 konvenzjoni internazzjonali rilevanti għall-iżvilupp sostenibbli, inklużi konvenzjonijiet bażiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem, konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tax-xogħol, ċerti konvenzjonijiet relatati mal-protezzjoni ambjentali u konvenzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar illegali tad-droga. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti jirriżulta f’sospensjoni tal-konċessjoni tariffarja. Il-lista tal-benefiċjarji tkopri tmien pajjiżi.

    C. L-inizjattiva Kollox Minbarra Armi (KMA)

    L-inizjattiva KMA tagħti aċċess ħieles mid-dazji u mill-kwoti għal perjodu illimitat ta’ żmien għall-prodotti kollha, minbarra għall-armi u l-munizzjon, importati mill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). Fl-2025, l-inizjattiva KMA tkopri 46 pajjiż, li minnhom 33 huma pajjiżi fl-Afrika, disgħa fl-Asja, tlieta fil-Paċifiku u pajjiż wieħed (il-Haiti) li jinsab fil-Karibew. Diversi pajjiżi benefiċjarji tal-inizjattiva KMA mistennija joħorġu mill-kategorija tal-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) fis-snin li ġejjin.

    Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE)

    FSE huwa ftehim kummerċjali u ta’ żvilupp bejn l-UE u r-reġjuni Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku. Dan sar l-istrument ewlieni kif jiġi promoss il-kummerċ fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Cotonou tal-2000. Fl-2023, l-UE, l-Istati Membri tagħha u 77 membru tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku tennew l-importanza ta’ dawn l-istrumenti u li tiġi żgurata l-kontinwità tas-sħubija permezz tal-Ftehim ta’ Samoa, ftehim li kien qed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-1 ta’ Jannar 2024. Il-FSE huma ftehimiet kummerċjali awtonomi ffukati fuq l-iżvilupp, u jiddependu fuq elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Samoa. Il-FSE huma mfassla biex ikunu kompatibbli mad-WTO, u progressivament qed jissostitwixxu r-reġim kummerċjali preferenzjali unilaterali tal-UE, l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi. Hemm tmien FSE li jkopru 33 pajjiż. Regolament tal-2016 jistabbilixxi l-arranġamenti tal-aċċess għas-suq tal-UE għal prodotti mill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku

    A. Il-FSE mal-pajjiżi tal-Karibew

    Il-FSE mal-Forum tal-Karibew (Cariforum), iffirmat f’Ottubru 2008 u approvat mill-Parlament fil-25 ta’ Marzu 2009, kien l-ewwel FSE reġjonali. Ikopri 14-il stat tal-Karibew. Attwalment fis-seħħ b’mod proviżorju, bl-istituzzjonijiet konġunti tal-FSE li ilhom jiltaqgħu b’mod regolari mill-2010, il-ftehim jiġi rieżaminat kull ħames snin. L-ewwel rieżami sar fl-2015. Fl-2014 u fl-2021 saru evalwazzjonijiet ex post indipendenti dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-FSE. In-negozjati dwar il-ftehim biex jiġu protetti indikazzjonijiet ġeografiċi partikolari għadhom għaddejjin. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi tal-Karibew għal aktar dettalji.

    B. Il-FSE mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent

    In-negozjati dwar FSE reġjonali bejn l-UE u s-16-il pajjiż tal-Afrika tal-Punent, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent ġew konklużi fi Frar 2014. L-Istati Membri kollha tal-UE u 15-il pajjiż tal-Afrika tal-Punent, minbarra n-Niġerja, iffirmaw il-FSE. Sabiex il-FSE jiġi applikat b’mod proviżorju, il-pajjiżi kollha tal-Afrika tal-Punent jeħtiġilhom jiffirmaw il-ftehim, u mill-anqas żewġ terzi jeħtiġilhom jirratifikawh.

    Il-Kosta tal-Avorju u l-Ghana ffirmaw FSE bilaterali interim fis-26 ta’ Novembru 2008 u fit-28 ta’ Lulju 2016 rispettivament. Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu, u minn dak iż-żmien ’l hawn, iż-żewġ ftehimiet interim ġew applikati b’mod proviżorju. Il-Ghana u l-UE approvaw l-offerta ta’ aċċess sħiħ għas-suq u l-iskeda proposta mill-Ghana. Il-Ghana bdiet tilliberalizza s-suq tagħha għall-prodotti tal-UE fl-2020, proċess li għandu jiġi konkluż sal-2029. F’Jannar 2024, il-Kosta tal-Avorju kompliet tilliberalizza t-tariffi, filwaqt li intensifikat l-isforzi biex tiżviluppa u tiddiversifika l-kummerċ bilaterali tagħha mal-UE, bl-aħħar tnejn minn ħames fażijiet ta’ liberalizzazzjoni tat-tariffi skedati għall-2026 u l-2029. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Afrika tal-Punent għal aktar dettalji.

    C. Il-FSE ma’ pajjiżi tal-Afrika Ċentrali

    Il-Kamerun kien l-uniku pajjiż fl-Afrika Ċentrali li ffirma FSE interim mal-UE, u dan daħal f’applikazzjoni b’mod proviżorju fl-4 ta’ Awwissu 2014, wara li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu f’Ġunju 2013.

    Għaddejjin kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-Afrika Ċentrali u l-UE dwar l-adeżjoni ta’ pajjiżi oħra tal-Afrika Ċentrali, iżda FSE reġjonali għad irid jiġi ffirmat. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Afrika Ċentrali għal aktar dettalji.

    D. Il-FSE mal-pajjiżi tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar

    L-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar jinkludi l-gżejjer tal-Oċean Indjan (il-Komoros, il-Madagascar, il-Mauritius u s-Seychelles), pajjiżi mill-Qarn tal-Afrika (id-Djibouti, l-Etjopja, l-Eritrea u s-Sudan), u ċerti pajjiżi tal-Afrika t’Isfel (il-Malawi, iż-Żambja u ż-Żimbabwe).

    Fl-2009, il-Madagascar, il-Mauritius, is-Seychelles u ż-Żimbabwe ffirmaw FSE li qed jiġi applikat b’mod proviżorju mill-14 ta’ Mejju 2012. Il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu fis-17 ta’ Jannar 2013. Il-ftehim huwa miftuħ għal pajjiżi oħra fir-reġjun. Comoros iffirma l-FSE f’Lulju 2017 u beda japplikah fis-7 ta’ Frar 2019. Għaddejjin negozjati biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE, inklużi l-kwistjonijiet kollha relatati mal-kummerċ, bħar-rabta bejn il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, u biex jiġu stabbiliti korpi konsultattivi għas-soċjetà ċivili u l-parlamenti. Il-15-il ċiklu ta’ negozjati sar fi Brussell f’Marzu 2025. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Lvant u n-Nofsinhar tal-Afrika għal aktar dettalji.

    E. Il-FSE mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant

    Il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant tinkludi l-Burundi, il-Kenja, ir-Rwanda, it-Tanzanija, l-Uganda u, mill-2016, is-Sudan t’Isfel. Fis-16 ta’ Ottubru 2014, ġew konklużi b’suċċess in-negozjati għall-FSE reġjonali. Fl-1 ta’ Settembru 2016, il-Kenja u r-Rwanda ffirmaw il-FSE flimkien mal-Istati Membri tal-UE u l-UE. Madankollu, il-FSE reġjonali ma ġiex applikat b’mod proviżorju, peress li mhux il-membri kollha tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant iffirmaw u rratifikaw il-ftehim, u dan huwa rekwiżit għall-applikazzjoni tiegħu.

    Fi Frar 2021, is-Summit Ordinarju tal-Kapijiet ta’ Stat tal-EAC iddeċieda li jippermetti lil pajjiżi individwali tal-EAC jimplimentaw l-FSE bejn l-UE u l-EAC bilateralment, skont il-prinċipju ta’ “ġeometrija varjabbli”. Il-Kenja kompliet in-negozjati mal-UE, bl-għan li taġġusta l-FSE bejn l-UE u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant għall-implimentazzjoni individwali. Il-FSE bejn l-UE u l-Kenja daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2024 wara li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu fid-29 ta’ Frar 2024. L-ewwel Kunsill Konġunt bejn l-UE u l-Kenja fil-livell ministerjali sar fit-12 ta’ Mejju 2025 f’Nairobi. Dan il-FSE bilaterali se jibqa’ miftuħ għall-adeżjoni ta’ Stati Sħab oħra tal-EAC. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant għal aktar dettalji.

    F. Il-FSE mal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC)

    Il-ftehim bejn l-UE u s-SADC ġie ffirmat f’Ġunju 2016 bejn l-UE u l-grupp tal-FSE tal-SADC, li jikkonsisti minn sitta mill-15-il membru tas-SADC (il-Botswana, il-Lesoto, il-Mozambique, in-Namibja, l-Eswatini u l-Afrika t’Isfel). Daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’Ottubru 2016 wara li l-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu f’Settembru 2016. Għall-Mozambique, l-applikazzjoni proviżorja bdiet fl-4 ta’ Frar 2018, wara li l-pajjiż kien irratifika l-ftehim. Fit-18 ta’ Novembru 2022, l-UE u l-Angola kkonkludew in-negozjati dwar Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli (SIFA). Il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim fis-7 ta’ Frar 2024. Mill-1 ta’ Settembru 2024, is-SIFA bejn l-UE u l-Angola hija fis-seħħ u timmarka l-ewwel ftehim tal-UE li qatt sar dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment. L-UE u l-Angola qed jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tas-SIFA. Fl-20 ta’ Novembru 2025, l-UE u l-Afrika t’Isfel iffirmaw l-ewwel sħubija li qatt saret għal kummerċ u investimenti nodfa. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) għal aktar dettalji.

    G. Il-FSE ma’ pajjiżi tal-Paċifiku

    Il-Parlament ta l-approvazzjoni tiegħu għall-FSE bejn l-UE u l-Paċifiku f’Jannar 2011. Il-Ftehim ġie rratifikat minn Papua New Guinea f’Mejju 2011. Il-Gvern ta’ Fiġi beda japplika l-ftehim f’Lulju 2014, u s-Samoa spiċċat il-proċess ta’ adeżjoni mal-FSE f’Diċembru 2018, kif għamlu wkoll il-Gżejjer Solomon f’Mejju 2020. Ara r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-Paċifiku għal aktar dettalji.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Il-Parlament Ewropew, bħala koleġiżlatur mal-Kunsill tal-UE, jifforma regolamenti relatati mal-SĠP, filwaqt li jiżgura li l-iskema tirrifletti l-valuri tal-UE.

    L-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew hija meħtieġa biex jiġi konkluż FSE, u l-Parlament irid jiġi infurmat bis-sħiħ u immedjatament fl-istadji kollha tan-negozjati, il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Permezz tal-iskrutinju u l-monitoraġġ tiegħu, il-Parlament jiżgura li l-FSE jippromwovi l-iżvilupp flimkien mal-kummerċ.

    Din l-iskeda informattiva titħejja mill-Unità tal-Analiżi u l-Appoġġ tal-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali.

     

    Rasma Kaskina