Din l-iskeda informattiva tispjega l-politika tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent – reġjun iffurmat mill-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja – u l-proċess ta’ adeżjoni. Tiddeskrivi l-objettivi tal-promozzjoni tal-istabbiltà, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku, l-istrumenti prinċipali bħall-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni, u l-istatus attwali tal-progress ta’ kull pajjiż lejn is-sħubija fl-UE. Tispjega wkoll kif il-Parlament Ewropew jikkontribwixxi għall-proċess tat-tkabbir permezz tas-setgħat ta’ approvazzjoni, ir-riżoluzzjonijiet u d-diplomazija parlamentari tiegħu.

Il-bażi legali

  • It-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE): jistabbilixxi l-qafas legali għall-azzjoni esterna tal-UE;
  • L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE): jirregola l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;
  • L-Artikolu 49 tat-TUE: jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni u s-sħubija.
  • L-objettivi

    L-UE għandha l-għan li tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp ekonomiku fil-Balkani tal-Punent u tiftaħ il-prospett ta’ integrazzjoni fl-UE.

    L-isfond

    Fl-1999, l-UE varat il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA), qafas għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun, kif ukoll il-Patt ta’ Stabbiltà, inizjattiva usa’ li tinvolvi l-atturi internazzjonali ewlenin kollha. Fl-2008, il-Patt ta’ Stabbiltà ġie sostitwit bil-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali. Il-Kunsill Ewropew tal-2003 f’Salonka afferma mill-ġdid li l-pajjiżi kollha tal-PSA kienu kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE. Din il-“perspettiva Ewropea” ġiet affermata mill-ġdid fl-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-Balkani tal-Punent ta’ Frar 2018 u fid-dikjarazzjonijiet ta’ wara s-Summits suċċessivi bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent.

    L-għan ta’ din il-politika huwa li tappoġġja l-integrazzjoni gradwali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-UE. Il-Kroazja saret l-ewwel mis-seba’ pajjiżi li ssieħbet fl-UE fl-1 ta’ Lulju 2013. L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja kollha għandhom status ta’ pajjiż kandidat. Il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina għadhom ma fetħux kapitoli tan-negozjar. Il-Kosovo ressqet l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-2022.

    L-istrumenti

    A. Il-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA)

    Il-PSA, li ġie varat fl-1999, huwa l-qafas strateġiku li jappoġġja t-tqarrib gradwali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent lejn l-UE. Huwa bbażat fuq relazzjonijiet kuntrattwali bilaterali, assistenza finanzjarja, djalogu politiku, relazzjonijiet kummerċjali u kooperazzjoni reġjonali.

    Ir-relazzjonijiet kuntrattwali jieħdu l-forma ta’ ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni (FSA). Dawn jipprevedu l-kooperazzjoni politika u ekonomika u l-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles mal-pajjiżi kkonċernati. Kull FSA jistabbilixxi strutturi ta’ kooperazzjoni permanenti abbażi ta’ prinċipji demokratiċi komuni, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni, li jiltaqa’ kull sena fil-livell ministerjali, jissorvelja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-ftehim ikkonċernat. Huwa megħjun mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KPSA) – Kumitat Parlamentari Konġunt fil-każ tal-Maċedonja ta’ Fuq – jiżgura l-kooperazzjoni bejn il-parlamenti tal-pajjiżi fil-fażi tal-adeżjoni u l-Parlament Ewropew.

    Wara d-dħul fis-seħħ tal-FSA mal-Kosovo f’April 2016, issa hemm fis-seħħ FSAs mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-Balkani tal-Punent kollha. Fil-każ tal-Kosovo, l-FSA huwa ftehim tal-UE biss, li ma jeħtieġx ratifika mill-Istati Membri (ħames Stati Membri ma jirrikonoxxux l-indipendenza tal-Kosovo). L-aspetti kummerċjali u dawk relatati mal-kummerċ tal-FSAs huma inklużi fi ftehimiet interim. Dawn ġeneralment jidħlu fis-seħħ malajr wara li jkunu ġew iffirmati, billi l-kummerċ huwa kompetenza “esklussiva” tal-UE.

    B. Il-proċess tal-adeżjoni

    L-applikanti għas-sħubija fl-UE jridu jissodisfaw il-kriterji politiċi ta’ Copenhagen (ara l-iskeda informattiva dwar it-Tkabbir tal-Unjoni5.5.1). Ladarba pajjiż ikun ġie rikonoxxut bħala kandidat, jgħaddi mid-diversi fażijiet tal-proċess b’ritmu li jiddependi l-aktar fuq il-mertu u l-progress tiegħu stess.

    Il-pajjiż kandidat irid jadotta u jimplimenta l-leġiżlazzjoni kollha tal-UE (jiġifieri l-acquis communautaire). Il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress fir-rapporti annwali tagħha għal kull pajjiż. Kull deċiżjoni importanti tittieħed mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, mill-ftuħ tan-negozjati sal-għeluq tagħhom. It-trattat tal-adeżjoni jrid jiġi approvat mill-Parlament u mill-Kunsill, qabel ma jiġi ratifikat mill-Istati kontraenti kollha, inkluż il-pajjiż aderenti, permezz ta’ proċedura parlamentari rilevanti jew referendum.

    Il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jirċievu assistenza finanzjarja biex iwettqu r-riformi neċessarji. Mill-2007 ’l hawn, l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-UE saret tingħata permezz ta’ strument waħdieni unifikat: l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). F’Novembru 2023, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Tkabbir ġdid għall-Balkani tal-Punent ta’ EUR 6 biljun li jkopri s-snin 2024–2027. L-għan huwa li xi wħud mill-benefiċċji tas-sħubija fl-UE jitwasslu fir-reġjun qabel l-adeżjoni. Il-finanzjament tal-Pjan ta’ Tkabbir huwa allokat abbażi tal-aġendi ta’ riforma speċifiċi għall-pajjiż, fejn il-fondi jiġu rilaxxati biss wara li r-riformi jkunu tlestew għalkollox.

    Ħafna mill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali jistgħu jipparteċipaw ukoll fi programmi tal-UE.

    C. Il-kooperazzjoni reġjonali

    L-integrazzjoni Ewropea u l-kooperazzjoni reġjonali huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PSA huwa li jinkoraġġixxi lill-pajjiżi tar-reġjun jikkooperaw bejniethom fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, inklużi l-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra, il-kwistjonijiet dwar il-fruntieri, ir-rifuġjati u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Komponent speċifiku tal-IPA huwa ddedikat għall-kooperazzjoni reġjonali u l-programmi transfruntiera.

    Il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), ibbażat f’Sarajevo, jopera skont il-gwida tal-Proċess ta’ Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa (SEECP). Il-KKR għandu l-għan li jappoġġja l-aspirazzjonijiet Ewropej u Ewro-Atlantiċi tal-membri tiegħu li mhumiex membri tal-UE, u li jiżviluppa kooperazzjoni f’oqsma bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-enerġija u l-infrastruttura, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, is-sigurtà, il-bini tal-kapital uman u r-relazzjonijiet parlamentari. L-UE u ħafna Stati Membri individwali jappoġġjaw lill-KKR u jipparteċipaw fih.

    Inizjattiva reġjonali importanti oħra hija l-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jieħdu sehem f’għadd ta’ oqfsa reġjonali.

    D. L-eżenzjoni mill-viża tal-ivvjaġġar

    Minn Diċembru 2009, iċ-ċittadini ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (issa r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq), tal-Montenegro u tas-Serbja bdew jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-viża fiż-żona Schengen filwaqt li din l-eżenzjoni għaċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bożnija-Ħerzegovina daħlet fis-seħħ f’Novembru 2010. F’Jannar 2012, ġie varat djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Kosovo. F’Lulju 2018, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kosovo kien issodisfa l-kriterji kollha. Wara negozjati interistituzzjonali prolongati u votazzjoni finali tal-Parlament Ewropew f’April 2023, il-Kosovari se jkunu jistgħu jgawdu minn ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona Schengen minn Jannar 2024.

    Is-sitwazzjoni attwali

    A. L-Albanija

    L-Albanija applikat għas-sħubija fl-UE fit-28 ta’ April 2009 u ngħatat l-istatus ta’ kandidat f’Ġunju 2014. Fid-dawl tal-progress tal-pajjiż, il-Kummissjoni rrakkomandat il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni. F’Ġunju 2018, il-Kunsill qabel li n-negozjati tal-adeżjoni jistgħu jinfetħu mal-Albanija f’Ġunju tas-sena ta’ wara, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati. F’Marzu 2020, huwa approva l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni, għal darb’oħra soġġett għall-issodisfar ta’ sett ta’ kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni mbagħad ippreżentat l-abbozz ta’ qafas ta’ negozjar lill-Istati Membri f’Lulju 2020. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq – trattati b’mod konġunt minħabba rakkomandazzjoni pożittiva kondiviża mingħand il-Kummissjoni - infetħu formalment f’Lulju 2022 wara dewmien twil, prinċipalment ikkawżat minn kwistjonijiet bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bulgarija fuq l-identità, il-lingwa u l-istorja. Fil-15 ta’ Ottubru 2024, l-Albanija fetħet in-negozjati dwar il-Ġabra 1 (l-elementi fundamentali), li tikkonsisti f’ħames kapitoli. Sa Novembru 2025, kienet fetħet in-negozjati dwar is-sitt ġabriet kollha tal-acquis.

    B. Il-Bożnija-Ħerzegovina

    F’Ġunju 2008, ġie nnegozjat u ffirmat FSA mal-Bożnija-Ħerzegovina, iżda ma daħalx fis-seħħ, l-aktar minħabba li l-pajjiż naqas milli jeżegwixxi sentenza fundamentali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. “Approċċ imġedded” fil-konfront tal-pajjiż, li jpoġġi aktar enfasi fuq il-governanza ekonomika, ippermetta d-dħul fis-seħħ, li kien ilu li skada, tal-FSA fl-1 ta’ Ġunju 2015. Il-Bożnija-Ħerzegovina ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għal sħubija fil-15 ta’ Frar 2016. F’Mejju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-opinjoni tagħha, inkluża lista ta’ 14-il prijorità ewlenija li għandhom jiġu ssodisfati mill-Bożnija-Ħerzegovina biex ikunu jistgħu jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni. Dawn jinkludu l-iżgurar tal-funzjonament xieraq tal-Kumitat Parlamentari ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (il-prijorità ewlenija 3). F’Ottubru 2023, tmien snin wara l-ewwel tentattiv fl-2015, saret b’suċċess f’Sarajevo l-ewwel laqgħa sħiħa tal-KPSA bejn l-UE u l-Bożnija-Ħerzegovina. Dan wassal lill-Kummissjoni biex tikkonkludi fir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2023 li l-prijorità ewlenija 3 kienet tlestiet. Minn dak iż-żmien ’l hawn, saru għadd ta’ laqgħat oħra tal-KPSA. B’riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u d-deċiżjoni tal-UE, f’Ġunju 2022, li tagħti status ta’ pajjiż kandidat lill-Moldova u lill-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti wkoll l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina f’Diċembru 2022. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina nfetħu formalment f’Marzu 2024, iżda l-progress kien limitat, kajman u aggravat minn kriżi politika domestika profonda. F’Settembru 2025, il-Bożnija-Ħerzegovina ressqet wara l-iskadenza l-aġenda ta’ riforma tal-Pjan ta’ Tkabbir tagħha lill-Kummissjoni, wara tnaqqis irriversibbli ta’ 10% fil-pakkett ta’ finanzjament tagħha f’Lulju 2025. L-aġenda tar-riforma ġiet approvata f’Diċembru 2025.

    C. Il-Maċedonja ta’ Fuq

    Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (issa r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq) applikat għas-sħubija fl-UE f’Marzu 2004 u ngħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat tal-UE f’Diċembru 2005. Madankollu, għal ħafna snin, il-pajjiż ma setax jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni, l-aktar minħabba t-tilwima mal-Greċja dwar l-isem “Maċedonja”. Din it-tilwima ġiet riżolta b’suċċess permezz tal-Ftehim ta’ Prespa dwar l-isem il-ġdid tal-pajjiż – ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (jew il-Maċedonja ta’ Fuq, fil-qosor) – li daħal fis-seħħ fi Frar 2019. Mill-2009 ’l hawn, il-Kummissjoni, bl-appoġġ sod tal-Parlament, dejjem irrakkomandat li n-negozjati tal-adeżjoni jinfetħu. F’Ġunju 2018, il-Kunsill qabel li n-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq setgħu jinfetħu f’Ġunju 2019, dment li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu ġew issodisfati. F’Marzu 2020, approva l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mingħajr ma ffissa l-ebda kundizzjoni ulterjuri. Il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta’ qafas ta’ negozjar lill-Istati Membri f’Lulju 2020. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Maċedonja ta’ Fuq u mal-Albanija – ittrattati b’mod konġunt minħabba rakkomandazzjoni pożittiva kondiviża mingħand il-Kummissjoni – infetħu formalment f’Lulju 2022 wara dewmien li kien prinċipalment ikkawżat minn kwistjonijiet bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bulgarija dwar l-identità, il-lingwa u l-istorja. Il-Maċedonja ta’ Fuq lestiet il-proċess ta’ skrinjar f’Diċembru 2023, iżda għadhom ma nfetħu l-ebda ġabra/kapitolu, sakemm isseħħ il-bidla kostituzzjonali mistennija tal-pajjiż li tkun tinkludi l-minoranza Bulgara fil-preambolu tagħha, kif stipulat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2022.

    D. Il-Kosovo

    Il-Kosovo huwa kandidat potenzjali għall-adeżjoni fl-UE. Huwa ddikjara b’mod unilaterali l-indipendenza tiegħu fi Frar 2008. Ħames Stati Membri tal-UE (Ċipru, il-Greċja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja), żewġ pajjiżi fir-reġjun (is-Serbja u l-Bożnija-Ħerzegovina), it-tliet “applikanti ġodda” (il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna) u żewġ membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (iċ-Ċina u l-Federazzjoni Russa) ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo. Wara li f’April 2013 intlaħaq ftehim storiku dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina (il-Ftehim ta’ Brussell), f’Ġunju 2013, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ negozjati dwar FSA mal-Kosovo, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2016. F’Lulju 2018, sitt snin wara li nħareġ pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoni kkonfermat li l-Kosovo kien issodisfa l-kriterji kollha. L-integrazzjoni futura tal-Kosovo mal-UE – bħal dik tas-Serbja – tibqa’ marbuta mill-qrib mad-djalogu ffaċilitat mill-UE, bejn il-Kosovo u s-Serbja, li għandu jwassal għal ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom. Iż-żewġ pajjiżi jeħtieġ li jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn ftehim imġedded fil-bidu tal-2023, li għandu l-għan jerġa’ jqabbad id-djalogu staġnat.

    E. Il-Montenegro

    Il-Montenegro, li kiseb l-indipendenza fl-2006, applika għas-sħubija fl-UE f’Diċembru 2008. Dan ingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat f’Diċembru 2010 u n-negozjati ta’ adeżjoni nfetħu f’Ġunju 2012. Il-Montenegro sar l-ewwel pajjiż li ssodisfa l-parametri referenzjarji interim għall-kapitoli kruċjali dwar l-istat tad-dritt – il-Kapitolu 23 dwar ir-riforma ġudizzjarja u d-drittijiet fundamentali u l-Kapitolu 24 dwar il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja – f’Ġunju 2024. Sal-lum, infetħu t-33 kapitolu ta’ negozjar kollha, u 14 ingħalqu proviżorjament. Ir-riformi tal-integrazzjoni tal-UE aċċelleraw matul dawn l-aħħar sentejn, u b’hekk il-pajjiż issa huwa ta’ quddiem nett fin-negozjati.

    F. Is-Serbja

    Is-Serbja ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għas-sħubija fl-UE f’Diċembru 2009, u f’Marzu 2012, ingħatat l-istatus ta’ pajjiż kandidat wara li Belgrad u Pristina laħqu ftehim dwar ir-rappreżentanza reġjonali tal-Kosovo. In-negozjati ta’ adeżjoni mas-Serbja nfetħu formalment fil-21 ta’ Jannar 2014. L-ewwel żewġ kapitoli, fosthom dak dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, infetħu f’Diċembru 2015. Il-Kapitoli 23 u 24, li huma l-kapitoli ewlenin dwar l-istat tad-dritt, infetħu fit-18 ta’ Lulju 2016. Sal-lum, infetħu 22 minn 35 kapitolu ta’ negozjar, li minnhom tnejn biss ingħalqu proviżorjament. L-erba’ kapitoli li jikkostitwixxu l-“Ġabra Erbgħa” (dwar l-aġenda ekoloġika u l-konnettività sostenibbli) infetħu f’Diċembru 2021. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ma nfetaħ l-ebda kapitolu ġdid jew ġabra ġdida. L-integrazzjoni futura tas-Serbja mal-UE – bħal dik tal-Kosovo – tibqa’ marbuta mill-qrib mad-djalogu ffaċilitat mill-UE bejn is-Serbja u l-Kosovo, li għandu jwassal għal ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejniethom. Iż-żewġ pajjiżi jeħtieġ li jwettqu l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn ftehim imġedded tal-bidu tal-2023, li għandu l-għan jerġa’ jqabbad id-djalogu staġnat.

    Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

    Il-Parlament jinsab involut bis-sħiħ fil-PSA, u l-approvazzjoni tiegħu hija meħtieġa għall-konklużjoni ta’ kull FSA (l-Artikolu 218(6) tat-TFUE). Jeħtieġ ukoll li huwa jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kwalunkwe adeżjoni ġdida mal-UE (l-Artikolu 49 tat-TUE). Barra minn hekk, permezz tas-setgħat baġitarji tiegħu, għandu influwenza diretta fuq l-ammonti allokati għall-IPA. Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament jaħtar rapporteurs permanenti għall-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali kollha. Il-Parlament jesprimi l-pożizzjonijiet tiegħu dwar it-tkabbir fil-forma ta’ riżoluzzjonijiet annwali b’rispons għar-rapporti annwali tal-pajjiż l-aktar reċenti tal-Kummissjoni.

    F’Ġunju 2020, il-Parlament ħareġ sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-Balkani tal-Punent wara s-Summit ta’ Zagreb bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent (li sar online). Fid-29 ta’ Frar 2024, huwa adotta riżoluzzjoni dwar l-approfondiment tal-integrazzjoni tal-UE fid-dawl tat-tkabbir futur. Fil-11 ta’ Marzu 2026, huwa adotta riżoluzzjoni dwar l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE, fejn jiddikjara li t-tkabbir isaħħaħ is-sigurtà tal-UE u jipprevjeni ż-żoni griżi ġeopolitiċi destabbilizzanti, u għandu jibqa’ bbażat fuq il-mertu, xprunat mill-valuri u kundizzjonali fuq ir-riformi.

    Il-Parlament irawwem ir-relazzjonijiet bilaterali mal-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent permezz tad-delegazzjonijiet tiegħu, li regolarment – fil-prinċipju, darbtejn fis-sena – jiltaqgħu mal-kontropartijiet tagħhom biex jiddiskutu kwistjonijiet rilevanti għall-Proċessi ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA) u l-proċessi tal-adeżjoni mal-UE. Meta jiġi mistieden, il-Parlament josserva l-maġġoranza tal-elezzjonijiet fis-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u diġà għamel dan fil-pajjiżi kollha. Huwa żviluppa wkoll sensiela ta’ attivitajiet u programmi dwar id-demokrazija parlamentari u l-bini tal-kapaċitajiet li huma mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-parlamenti sħab tal-Balkani tal-Punent. F’dawn l-aħħar snin, il-Parlament qed jiffaċilita wkoll rabtiet aktar mill-qrib bejn il-partiti politiċi kemm fil-Maċedonja ta’ Fuq kif ukoll fis-Serbja.

    Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Unjoni tal-Parlament Ewropew, id-Direttorat għar-Reġjuni. Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web tal-Parlament dwar is-suġġett tat-tkabbir.

     

    Igor MISKULIN