Il-Pajjiżi Sħab tan-Nofsinhar
Din l-iskeda informattiva tispjega l-Politika Ewropea tal-Viċinat, li tirregola r-relazzjonijiet tal-UE ma’ 10 pajjiżi sieħba fil-viċinat tan-Nofsinhar tagħha: l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina, is-Sirja u t-Tuneżija. L-iskeda tħares lejn il-qafas għall-kooperazzjoni tal-UE mar-reġjun u tipprovdi dettalji dwar is-sħubijiet bilaterali bejn l-UE u kull pajjiż.
Il-bażi legali
- It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: l-Artikolu 8 jipprevedi li l-UE għandha tiżviluppa relazzjoni speċjali mal-ġirien tagħha u tista’ tikkonkludi ftehimiet speċifiċi magħhom, filwaqt li t-Titolu V jirregola l-“azzjoni esterna” tal-UE – l-involviment tal-UE fi kwistjonijiet internazzjonali u r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali.
- It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: l-Artikoli 206 u 207 ikopru l-kummerċ, filwaqt li l-Artikoli 216 sa 219 ikopru l-ftehimiet internazzjonali.
- in-nies bħala forza li tmexxi l-bidla, il-konnessjonijiet u l-innovazzjoni;
- ekonomiji aktar b’saħħithom, aktar sostenibbli u integrati;
- sigurtà, tħejjija, u ġestjoni tal-migrazzjoni.
- il-governanza u d-drittijiet fundamentali;
- l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-kummerċ;
- l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima;
- id-djalogu strateġiku u dak dwar is-sigurtà;
- id-dimensjoni umana, il-migrazzjoni u l-mobbiltà.
- l-ekonomija moderna sostenibbli u l-iżvilupp soċjali;
- is-sħubija fil-politika barranija;
- it-tisħiħ tal-istabbiltà.
- it-tisħiħ fil-kooperazzjoni dwar l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali;
- il-promozzjoni tal-istabbiltà ekonomika sostenibbli;
- it-tisħiħ tal-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
- relazzjonijiet politiċi u kooperazzjoni reġjonali;
- is-sigurtà u d-difiża;
- ir-reżiljenza ekonomika, il-kummerċ u l-investiment;
- il-kapital uman;
- il-migrazzjoni, il-protezzjoni tar-rifuġjati u l-appoġġ għalihom.
- is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
- il-governanza u l-istat tad-dritt;
- it-trawwim tat-tkabbir u l-opportunitajiet ta’ impjieg;
- il-migrazzjoni u l-mobbiltà;
- il-mekkaniżmi għal djalogu u l-koordinazzjoni reċiproka.
- il-konverġenza tal-valuri,
- il-konverġenza ekonomika u l-koeżjoni soċjali,
- għarfien kondiviż,
- djalogu politiku u kooperazzjoni msaħħa dwar is-sigurtà.
- il-programm nazzjonali ta’ appoġġ għall-politika tal-ilma (EUR 348.4 miljun);
- il-programm Terre Verte għall-iżvilupp ekoloġiku u sostenibbli (EUR 115 miljun);
- il-programm PASS III għat-tisħiħ tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tar-reazzjonijiet għall-kriżijiet (EUR 100 miljun);
- il-programm għall-ħiliet u l-intraprenditorija (EUR 78.5 miljun);
- l-appoġġ għall-Fond għall-Investiment Mohammed VI (EUR 60 miljun).
- Appoġġ għas-servizzi għall-poplu Palestinjan. Madwar EUR 620 miljun f’għotjiet ta’ assistenza diretta għandhom jitħallsu lill-baġit tal-Awtorità Palestinjana biex din tindirizza l-ħtiġijiet l-aktar urġenti tal-amministrazzjoni pubblika u tkompli tipprovdi servizzi lill-poplu tagħha.
- Appoġġ għall-irkupru u l-istabbilizzazzjoni tax-Xatt tal-Punent u Gaża. Madwar EUR 576 miljun f’għotjiet huma proposti biex jappoġġjaw proġetti speċifiċi fuq il-post sabiex jitrawmu l-irkupru ekonomiku u r-reżiljenza fix-Xatt tal-Punent, f’Ġerusalemm tal-Lvant u f’Gaża, ladarba s-sitwazzjoni fuq il-post tippermetti.
- Appoġġ għas-settur privat Bħala parti mill-Programm Komprensiv Pluriennali għall-Palestina 2025-2027, il-Kummissjoni se tappoġġja b’self is-settur privat tal-Palestinjani li jammonta sa EUR 400 miljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment għas-settur privat Palestinjan, soġġett għall-approvazzjoni tal-korpi governattivi tal-bank.
- l-istabbiltà makroekonomika,
- l-ekonomija u l-kummerċ,
- it-tranżizzjoni ekoloġika tal-enerġija,
- il-kuntatti bejn il-persuni, u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.
- jappoġġja l-investiment fi proġetti ta’ enerġija rinnovabbli u ta’ effiċjenza enerġetika;
- isaħħaħ il-ħiliet u l-kapaċitajiet teknoloġiċi;
- jippromwovi r-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tal-enerġija rinnovabbli;
- jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-interkonnettur tal-elettriku ELMED bejn it-Tuneżija u l-Italja.
L-istrumenti fil-kooperazzjoni tal-UE mas-sħab tan-Nofsinhar tagħha
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat hija implimentata permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali (imfassla apposta għal kull pajjiż), reġjonali, mal-viċinat kollu u transfruntiera (bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi tal-viċinat li jaqsmu fruntiera tal-art jew il-baħar).
Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jipprovdu l-bażi legali għar-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana u t-Tuneżija. Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni mibdi mas-Sirja qabel ir-repressjoni vjolenti tal-protesti pubbliċi mill-Gvern Sirjan fl-2011 qatt ma ġie ffirmat. In-negozjati għal ftehim qafas bejn l-UE u l-Libja ġew sospiżi fi Frar 2011 u għad iridu jitkomplew.
Fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-UE u sħabha tan-Nofsinhar (minbarra l-Libja u s-Sirja) adottaw pjanijiet ta’ azzjoni bilaterali, prijoritajiet ta’ sħubija jew aġendi ta’ assoċjazzjoni. Dawn jistabbilixxu aġendi għal riforma politika u ekonomika bi prijoritajiet fuq perjodu qasir u medju ta’ bejn tliet u ħames snin. Filwaqt li jirriflettu l-ħtiġijiet, l-interessi u l-kapaċitajiet tal-UE u ta’ kull wieħed minn sħabha, il-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat huma mmirati, b’mod partikolari, biex jiżviluppaw soċjetajiet demokratiċi, ekwi u inklużivi mil-lat soċjali, jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika u l-edukazzjoni, l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-agrikoltura, kif ukoll jiffaċilitaw il-moviment tan-nies bejn il-fruntieri.
L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kien l-istrument ta’ finanzjament ewlieni tal-UE għall-kooperazzjoni bilaterali mas-sħab tan-Nofsinhar għall-perjodu 2014-2020, filwaqt li l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali – jinkwadra l-kooperazzjoni tal-UE ma’ dawn il-pajjiżi għall-perjodu 2021-2027. Skont l-istrument NDICI Ewropa Globali, enfasi akbar fuq it-taħlit tal-għotjiet tal-UE ma’ self minn istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u internazzjonali tippermetti lill-pajjiżi sħab jisfruttaw livelli sostanzjali ta’ finanzjament konċessjonali għall-investimenti. Is-sistema l-ġdida ta’ garanziji previsti skont l-NDICI Ewropa Globali tagħti aċċess għal fondi addizzjonali mill-inklużjoni ta’ investituri kemm pubbliċi kif ukoll privati.
Ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ sħabha tan-Nofsinhar ingħataw spinta ġdida mill-Patt għall-Mediterran, li tnieda b’mod konġunt f’Barċellona mill-Istati Membri tal-UE u s-sħab tan-Nofsinhar tal-Mediterran fit-28 ta’ Novembru 2025 biex jaħbat mat-30 anniversarju tal-Proċess ta’ Barċellona u ntlaqa’ mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Novembru ta’ dik is-sena. Il-patt jistabbilixxi qafas ambizzjuż mibni fuq is-sjieda konġunta, il-ħolqien konġunt u r-responsabbiltà kondiviża, b’aktar minn 100 inizjattiva konkreta fuq tliet pilastri:
F’April 2026 tnieda pjan ta’ azzjoni ddedikat għall-Patt għall-Mediterran, li jiddeskrivi l-miżuri speċifiċi li se jittieħdu, is-sorsi ta’ finanzjament, l-iskedi ta’ żmien u l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi sħab involuti.
Il-ħolqien ta’ Direttorat Ġenerali ddedikat għal-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq u l-Golf (DĠ MENA) u l-ħatra ta’ Kummissarju għall-Mediterran (Dubravka Šuica) fl-2024 komplew jenfasizzaw l-istatus tar-reġjun bħala prijorità strateġika.
L-Unjoni għall-Mediterran, li tnediet fl-2008 biex tagħti ħajja ġdida lis-Sħubija Ewro-Mediterranja, toffri qafas reġjonali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u 15-il pajjiż tal-Mediterran, inklużi l-10 pajjiżi sħab tan-Nofsinhar.
L-istatus attwali tar-relazzjonijiet tal-UE ma’ sħabha tan-Nofsinhar
A. L-Alġerija
Bħala pajjiż ewlieni fir-reġjun u pajjiż importanti li jipproduċi l-enerġija, l-Alġerija hija sieħba ewlenija tal-UE fil-Viċinat tan-Nofsinhar. Ftehim ta’ assoċjazzjoni daħal fis-seħħ fl-2005, u l-Alġerija ilha involuta fil-Politika Ewropea tal-Viċinat sa mill-2013.
Relazzjonijiet b’saħħithom fis-settur tal-enerġija wasslu biex tiġi stabbilita s-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Alġerija dwar l-enerġija fl-2015. Din is-sħubija għandha l-għan li tiżviluppa u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija bejn iż-żewġ partijiet filwaqt li tirrispetta l-interessi tat-tnejn li huma. Hija ta’ importanza strateġika partikolari, minħabba li x-xena globali tal-enerġija qed tiffaċċja sfidi kumplessi u t-tranżizzjoni tal-enerġija qed taċċellera. Bħala parti mis-sħubija strateġika, fi Frar 2026 saret laqgħa annwali ta’ livell għoli fl-Alġier. Id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan, l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-avvanz tal-proġett tal-Kuritur SoutH2 għat-trasport tal-idroġenu ekoloġiku bejn l-Alġerija u l-Ewropa. Id-dimensjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’ din is-sħubija hija mistennija li tgħin lill-UE tikseb in-newtralità karbonika sal-2050.
L-UE u l-Alġerija għadhom ma adottawx il-prijoritajiet tas-sħubija għall-2021-2027, u għalhekk il-ħidma qed titkompla abbażi tal-prijoritajiet ta’ sħubija bejn l-UE u l-Alġerija, adottati fil-laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ta’ Marzu 2017. Il-prijoritajiet ta’ sħubija stabbilew qafas imġedded għal impenn politiku u kooperazzjoni msaħħa, b’enfasi fuq:
Fl-2024, l-awtoritajiet Alġerini esprimew pubblikament l-intenzjoni tagħhom li jirrevedu l-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li huma qiesu żbilanċjat f’termini ta’ relazzjonijiet kummerċjali. Fl-2024, l-UE nediet proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim kontra l-Alġerija u talbet konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet Alġerini biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet imposti fuq l-esportazzjonijiet u l-investimenti tal-UE, li mhumiex konformi mal-impenji ta’ liberalizzazzjoni skont il-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Hemm potenzjal kbir biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Alġerija f’diversi setturi, b’mod partikolari dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà reġjonali.
F’konformità mal-istrateġija stabbilita fil-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Viċinat tan-Nofsinhar, l-akbar proġetti tal-Alġerija fl-ambiti tal-Patt għall-Mediterran huma kkonċentrati fis-settur tal-enerġija u tat-tranżizzjoni ekoloġika. Hemm enfasi partikolari fuq l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp tal-idroġenu ekoloġiku u l-ktajjen tal-valur tat-teknoloġija nadifa. Dan huwa kkomplementat minn programm ta’ riforma tas-settur tal-ilma ta’ EUR 20 miljun u sħubija ta’ investiment u ta’ tisħiħ tal-klima tan-negozju ta’ EUR 16-il miljun.
B. L-Eġittu
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu huma rregolati bi ftehim ta’ assoċjazzjoni, li ilu fis-seħħ mill-2004. F’Ġunju 2022, id-disa’ Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu kkonferma li ż-żewġ partijiet kellhom sħubija effettiva u multidimensjonali billi adottaw prijoritajiet ta’ sħubija ġodda bejn l-UE u l-Eġittu biex jiggwidaw ir-relazzjoni tagħhom sal-2027. Dawn huma konformi mal-Aġenda l-ġdida tal-UE għall-Mediterran, mal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment assoċjat u mal-Viżjoni 2030 tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Eġittu.
L-UE u l-Eġittu ddeċidew li japprofondixxu aktar id-djalogu u l-kooperazzjoni madwar tliet prijoritajiet ewlenin:
F’Marzu 2024, l-UE u l-Eġittu qablu li jelevaw ir-relazzjoni tagħhom għal sħubija strateġika u komprensiva bejn l-UE u l-Eġittu u din tkopri oqsma ta’ prijorità oħrajn bħar-relazzjonijiet politiċi, l-istabbiltà makroekonomika, l-investiment u l-kummerċ sostenibbli, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-kapital uman. Il-pakkett finanzjarju tal-UE li jirfed din is-sħubija għandu valur ta’ EUR 7.4 biljun għall-2024-2027. F’Diċembru 2024, l-UE żborżat EUR 1 biljun f’assistenza makrofinanzjarja fuq perjodu qasir. It-tieni pakkett ta’ assistenza makrofinanzjarja ta’ EUR 4 biljun ġie adottat fl-2025, bl-ewwel EUR 1 biljun żborżat f’Jannar 2026.
F’Ottubru 2025, sar l-ewwel Summit tal-Mexxejja bejn l-UE u l-Eġittu li qatt sar fi Brussell, u dan immarka punt ta’ bidla fir-relazzjonijiet bilaterali. Is-summit irriżulta fi ftehimiet f’setturi li jinkludu l-kummerċ, l-enerġija, l-innovazzjoni u s-sigurtà, flimkien mal-adeżjoni tal-Eġittu mal-programm Orizzont Ewropa tal-UE.
F’Ġunju 2025, l-UE u l-Eġittu nedew mekkaniżmu ta’ garanzija ta’ investiment ta’ EUR 1.8 biljun.
Fil-31 ta’ Marzu 2026, sar l-ewwel Djalogu dwar is-Sigurtà u d-Difiża bejn l-UE u l-Eġittu fil-Kajr, u dan kopra s-sigurtà fir-reġjun, inkluż il-Lvant Nofsani b’mod usa’, il-Libanu, Gaża, is-Sudan u l-Ukrajna.
C. Iżrael
Ir-relazzjoni bejn l-UE u Iżrael, li hija bbażata fuq il-ftehim ta’ assoċjazzjoni tal-2000, żviluppat b’mod dinamiku fis-snin sussegwenti, b’espansjoni sostanzjali f’bosta setturi. L-UE u Iżrael għandhom relazzjonijiet politiċi, kulturali, bejn il-persuni, turistiċi, kummerċjali u ta’ investiment mill-qrib, kif ukoll kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja, ta’ riċerka u innovazzjoni u ta’ sigurtà sinifikanti, inkluż dwar il-ġestjoni ta’ kriżijiet u l-protezzjoni ċivili.
Il-pjan ta’ azzjoni bejn l-UE u Iżrael, miftiehem fl-2005, huwa bbażat fuq il-valuri komuni kondiviżi tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet bażiċi, u jippromwovi l-integrazzjoni ta’ Iżrael fil-politiki u l-programmi Ewropej. Fl-2009, l-UE ddeċidiet li, sabiex ir-relazzjonijiet jiġu aġġornati għal status “avvanzat”, irid ikun hemm progress fil-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani.
Il-kooperazzjoni għadha għaddejja abbażi tal-pjan ta’ azzjoni tal-2005, li skada f’Jannar 2025. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni qed jikkunsidra li jadotta rakkomandazzjoni biex il-validità tagħha tiġi estiża b’sentejn. Il-pożizzjoni tal-UE rigward l-adozzjoni, mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ta’ rakkomandazzjoni biex il-validità tagħha tiġi estiża b’sentejn, qed tiġi diskussa fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. L-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tipprovdi perjodu itwal biex ikun hemm involviment fi djalogu strateġiku fil-kuntest tal-kunflitt fl-Istrixxa ta’ Gaża wara l-attakki terroristiċi brutali tal-Ħamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023 u l-volatilità fir-reġjun, li ma jipprovdux ambjent li jwassal għad-dħul f’diskussjonijiet strateġiċi fuq terminu qasir.
Bħala parti mill-ġlieda tal-UE kontra l-antisemitiżmu fil-forom u fil-manifestazzjonijiet kollha tagħha, l-UE saħħet is-Seminar ta’ Livell Għoli bejn l-UE u Iżrael dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-antisemitiżmu u l-ksenofobija, koorganizzat kull sena. F’konformità mal-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija (2021-2030), id-Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar it-trawwim tal-ħajja Lhudija u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu tal-15 ta’ Ottubru 2024 tisħaq fuq id-determinazzjoni tal-UE li tiġġieled l-antisemitiżmu online, b’mod partikolari d-diskors ta’ mibegħda antisemitika, il-miti ta’ konfoffa, iċ-ċaħda u d-distorsjoni tal-Olokawstu.
B’reazzjoni għas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika f’Gaża u l-ksur possibbli tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u Iżrael, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ħabbret fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2025 li l-appoġġ bilaterali għal Iżrael se jiġi sospiż, bl-eċċezzjoni tal-finanzjament għas-soċjetà ċivili u Yad Vashem. Proposta għas-sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ ġiet ippreżentata lill-Kunsill.
D. Il-Ġordan
L-UE tqis lill-Ġordan bħala sieħeb importanti li għandu rwol ta’ stabbilizzazzjoni fil-Lvant Nofsani. Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni UE-Ġordan, li ilu fis-seħħ minn Mejju 2002, iservi ta’ bażi legali għal din ir-relazzjoni bilaterali. Il-Ġordan kien l-ewwel pajjiż sieħeb tal-Mediterran li kkonkluda negozjati tekniċi, u dawn wasslu għal “status avvanzat” mal-UE fl-2010. Fl-2012 ġie adottat pjan ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u f’Ġunju 2022 ġew miftiehma prijoritajiet ta’ sħubija ġodda bejn l-UE u l-Ġordan biex jiggwidaw ir-relazzjoni sal-2027, f’konformità mal-Aġenda l-ġdida tal-UE għall-Mediterran u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment assoċjat.
L-UE u l-Ġordan se jkomplu japprofondixxu d-djalogu u l-kollaborazzjoni tagħhom madwar tliet objettivi:
F’Jannar 2025, l-UE u l-Ġordan qablu li jżidu r-relazzjoni tagħhom, u ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta biex titnieda Sħubija Strateġika u Komprensiva ġdida bejn l-UE u l-Ġordan li tkopri ħames prijoritajiet konġunti ewlenin:
Biex tappoġġja s-sħubija, l-UE pprovdiet pakkett finanzjarju ta’ EUR 3 biljun (li jikkonsisti f’għotjiet, assistenza makrofinanzjarja u investimenti addizzjonali). Fl-20 ta’ Jannar 2026, il-Kunsill adotta deċiżjoni biex jipprovdi EUR 500 miljun oħra f’assistenza makrofinanzjarja lill-Ġordan, bħala parti minn dan il-pakkett. L-UE pprovdiet lill-Ġordan b’EUR 1.08 biljun fl-ambitu ta’ tliet programmi preċedenti ta’ assistenza makrofinanzjarja mill-2013. Bħalissa għaddej ir-raba’ programm ta’ assistenza makrofinanzjarja, b’valur ta’ EUR 500 miljun. Mill-2011, l-UE impenjat aktar minn EUR 4 biljun biex tirreaġixxi għall-kriżi Sirjana fil-Ġordan.
F’Jannar 2026 sar l-ewwel summit li qatt sar bejn l-UE u l-Ġordan f’Amman. Il-mexxejja affermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jaħdmu flimkien bħala sħab affidabbli u prevedibbli għall-istabbiltà, il-paċi u s-sigurtà, u l-prosperità kondiviża, u stqarru l-impenn tagħhom għall-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.
E. Il-Libanu
Ir-relazzjonijiet huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Libanu, fis-seħħ mill-2006, il-Prijoritajiet ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Libanu tal-2016 u l-Patt bejn l-UE u l-Libanu, li jindirizza l-impatt tal-kriżi Sirjana fuq il-Libanu. Il-validità tal-prijoritajiet ta’ sħubija eżistenti ġiet estiża sakemm prijoritajiet ġodda jistgħu jiġu miftiehma fl-ambitu tal-istrument NDICI Ewropa Globali. Il-prijoritajiet tas-sħubija jiffukaw fuq:
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Libanu tinkludi appoġġ speċifiku biex jissaħħu l-kapaċitajiet u jinbnew l-istituzzjonijiet, kif ukoll mtinkludi iżuri li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà ċivili.
Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Libanu, li sar f’Lulju 2017, qabel li jkompli d-diskussjonijiet bil-ħsieb li tiġi ffirmata Sħubija għall-Mobbiltà. Il-Libanu, pajjiż ta’ 4.4 miljun abitant, bħalissa qed jospita madwar miljun rifuġjat Sirjan. Mill-2011, l-appoġġ tal-UE għal-Libanu ammonta għal aktar minn EUR 3.5 biljun, li minnhom EUR 2.6 biljun ġew impenjati b’appoġġ għar-rifuġjati Sirjani u għall-komunitajiet ospitanti Libaniżi.
L-NDICI Ewropa Globali huwa l-istrument ewlieni għall-kooperazzjoni tal-UE mal-Libanu u għall-appoġġ għall-iżvilupp tal-UE għall-pajjiż għall-perjodu 2021-2027. L-UE qed tipprovdi pakkett ta’ assistenza finanzjarja għal-Libanu b’valur ta’ EUR 1 biljun mill-2024 sal-2027. Dan il-pakkett għandu l-għan li jsaħħaħ is-servizzi bażiċi bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u s-saħħa għan-nies fil-Libanu, jakkumpanja riformi ekonomiċi, finanzjarji u bankarji urġenti u jappoġġja l-ġestjoni tal-fruntieri. F’Awwissu 2024, il-Kummissjoni approvat l-ewwel EUR 500 miljun ta’ dan il-pakkett (2024-2025), li jkopri s-servizzi bażiċi, is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, ir-riformi ta’ governanza u l-irkupru ta’ wara l-kunflitt. It-tieni nofs (EUR 500 miljun għall-2026-2027) qed jitħejja.
Fl-ewwel parti tal-2026, l-UE ffirmat programm ta’ EUR 80 miljun biex tappoġġja r-ritorn u r-riintegrazzjoni tas-Sirjani fis-Sirja u wriet ir-rieda tagħha li tniedi diskussjonijiet dwar sħubija strateġika u komprensiva mal-Libanu ladarba l-kundizzjonijiet jippermettu.
F’Marzu 2026, wara li reġgħu bdew l-ostilitajiet fuq skala sħiħa bejn Iżrael u l-Hezbollah, l-UE mmobilizzat EUR 100 miljun f’għajnuna umanitarja ta’ emerġenza għal-Libanu bħala parti mill-EUR 458 miljun f’għajnuna umanitarja adottati għal-Lvant Nofsani usa’ fl-2026. Attivat ukoll aktar miżuri fl-ambitu tal-pakkett ta’ EUR 1 biljun. Barra minn hekk, l-UE tkompli tappoġġja l-Forzi Armati Libaniżi permezz ta’ miżura tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi ta’ EUR 60 miljun u proġett ta’ rkupru tal-komunità ta’ EUR 12.5 miljun, immexxija b’mod konġunt mal-Programm ta’ Żvilupp tan-NU, fin-Nofsinhar tal-Libanu.
F. Il-Libja
Mindu waqa’ r-reġim ta’ Gaddafi fl-2011, il-Libja bil-mod il-mod ippreċipitat f’taqlib politiku, f’instabbiltà u fi gwerra ċivili, fl-isfond ta’ firdiet kumplessi ta’ natura politika, territorjali, soċjali, u tribali. Il-Libja hija wkoll magħrufa bħala rotta ta’ tranżitu mis-Saħel għat-traffikar tal-bnedmin u għall-kuntrabandu. F’dan il-kuntest, l-UE qed tipprova tassisti lil-Libjani jistabbilixxu stat stabbli, inklużiv u paċifiku.
L-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ li tappoġġja lil-Libja u lill-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja biex javvanzaw perkors politiku trasparenti, inklużiv u mmexxi mil-Libja bbażat fuq sjieda u kunsens nazzjonali. Dan jinkludi appoġġ għall-ħidma ta’ inizjattivi politiċi mmexxija min-NU u li jappartjenu lil-Libja, bħall-istabbiliment ta’ Kumitat Konsultattiv fl-2025, l-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet muniċipali, u t-tħejjija ta’ pjan direzzjonali politiku ġdid. Il-pjan direzzjonali ġie ppreżentat minn Hanna Tetteh, il-kap tal-Missjoni ta’ Appoġġ tan-NU fil-Libja, f’Awwissu 2025, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika dejjiema bbażata fuq kunsens Libjan, li jintemmu d-diviżjonijiet li għaddejjin, li terġa’ tinkiseb il-leġittimità tal-istituzzjonijiet Libjani permezz ta’ elezzjonijiet nazzjonali, u li jitrawwem djalogu nazzjonali strutturat. L-UE tħeġġeġ b’mod konsistenti lill-partijiet ikkonċernati Libjani biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, jirrispettaw il-proċessi demokratiċi, jipproteġu liċ-ċivili, u joqogħdu lura mill-vjolenza.
Il-Libja m’għandhiex ftehim ta’ assoċjazzjoni jew ftehim kuntrattwali ieħor mal-UE, iżda l-pajjiż huwa eliġibbli għal finanzjament fl-ambitu tal-istrument NDICI Ewropa Globali u ta’ strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE. L-isfidi relatati mal-migrazzjoni jibqgħu fil-qalba tal-involviment tal-UE mal-Libja, u jeħtieġu rispons immedjat tal-UE biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet l-aktar urġenti. Għalhekk, il-Libja rċeviet finanzjament permezz tat-tieqa tal-Afrika ta’ Fuq tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika, li jindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u jipprovdi appoġġ għall-protezzjoni u għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Il-Patt għall-Mediterran joffri approċċ komplementari ma’ Sharaka (EUR 25 miljun), azzjoni ffinanzjata mill-UE li tikkontribwixxi għall-ġestjoni tal-fruntieri bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem u għal programmi ta’ tiftix u salvataġġ. Lil hinn mis-sigurtà, il-pjan ta’ azzjoni tal-Patt għall-Mediterran jalloka wkoll finanzjament għall-modernizzazzjoni ekonomika (INVEST4LIBYA, EUR 11-il miljun), il-governanza istituzzjonali (Mousanada 2, EUR 7 miljun), u l-ħiliet u l-impjegabbiltà (EU4Skills, EUR 7 miljun).
G. Il-Marokk
Il-Marokk għandu sħubija dinamika ħafna mal-UE u kooperazzjoni b’saħħitha f’ħafna setturi. Ftehim ta’ assoċjazzjoni ilu fis-seħħ mill-2000 u fl-2013 ġie adottat pjan ta’ azzjoni ġdid tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-pajjiż ingħata “status avvanzat” fl-2008, u dan il-fatt jirrifletti l-ambizzjoni li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Marokk u li jingħata aktar appoġġ lir-riformi ekonomiċi u politiċi. Is-sħubija għall-mobbiltà bejn l-UE u l-Marokk tnediet f’Ġunju 2013. Fl-2021, fl-ambitu tar-rieżami l-ġdid tal-Politika Kummerċjali tal-UE, l-UE offriet li tiddiskuti l-immodernizzar tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment mal-Marokk, biex jiġu ffaċċjati aħjar l-isfidi attwali.
F’Ottubru 2024, l-UE ħadet nota tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea C-778/21 P, C-798/21 P, C-779/21 P u C-799/21 dwar l-appelli kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Settembru 2021, kif ukoll it-tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-399/22 dwar it-tikkettar tal-frott u l-ħxejjex mit-territorju tas-Saħara tal-Punent.
L-UE esprimiet l-intenzjoni tagħha li tippreserva u ssaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u l-Marokk f’dikjarazzjoni konġunta maħruġa mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fl-4 ta’ Ottubru 2024 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ottubru 2024.
Emenda ġdida għall-protokolli tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk ġiet applikata b’mod proviżorju mit-3 ta’ Ottubru 2025 sakemm tingħata l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni saħqet li l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim kienet meħtieġa biex tipprovdi ċertezza legali għan-negozjanti u tiżgura l-konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
F’Jannar 2026, il-15-il laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk affermat mill-ġdid is-sħubija strateġika u multidimensjonali bejn iż-żewġ naħat filwaqt li ssottolinjat il-progress kbir li sar fl-erba’ oqsma strutturali li jirfdu s-sħubija bejn l-UE u l-Marokk:
F’Marzu 2026, il-kooperazzjoni kompliet tissaħħaħ ukoll bl-estensjoni tal-parteċipazzjoni tal-Marokk fi PRIMA, is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran, għall-fażi tal-2025-2027. F’April, iż-żewġ naħat saħħew ir-relazzjoni tagħhom bħala sħab strateġiċi fil-qasam diġitali billi nedew id-Djalogu Diġitali bejn l-UE u l-Marokk, liema djalogu se jiffoka b’mod partikolari fuq l-IA.
Din is-sħubija hija mirfuda minn impenji sostanzjali ta’ finanzjament tal-UE skont il-pjan ta’ azzjoni tal-Patt għall-Mediterran. L-investimenti ewlenin fil-Marokk jinkludu:
H. Il-Palestina
L-UE hija s-sostenitur finanzjarju ewlieni tal-Awtorità Palestinjana, u talloka s-somma annwali preliminari ta’ madwar EUR 300 miljun b’mod bilaterali. L-objettiv ġenerali tal-appoġġ tal-UE huwa li jgħin jinbnew il-kapaċitajiet ta’ stat Palestinjan futur li jkun vijabbli, indipendenti u demokratiku u li jgħix flimkien ma’ Iżrael u mal-pajjiżi ġirien l-oħra fil-paċi u s-sigurtà.
Il-bażi legali għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Awtorità Palestinjana hija ftehim interim ta’ assoċjazzjoni dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Palestina, li ġie konkluż fl-1997. L-UE u l-Awtorità Palestinjana ffirmaw pjan ta’ azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li daħal fis-seħħ fl-2013. Fl-istess sena, l-UE offriet lil Iżrael u lill-istat futur tal-Palestina “Sħubijiet Privileġġati Speċjali” li jipprovdu pakkett bla preċedent ta’ appoġġ politiku, ekonomiku u ta’ sigurtà soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehim futur ta’ status finali. L-UE hija attiva fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani u hija membru tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, li jaħdem lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati abbażi tal-Pjan Direzzjonali għall-Paċi tal-2003.
F’Ġunju 2022, il-Kummissjoni approvat allokazzjoni bilaterali ġdida lill-Palestina b’valur ta’ EUR 224.8 miljun. Din l-allokazzjoni saret biex tappoġġja lill-Awtorità Palestinjana u proġetti kruċjali fit-territorju Palestinjan okkupat. Fl-2023, l-UE inizjalment allokat kważi EUR 28 miljun f’għajnuna umanitarja. Wara l-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru 2023, l-UE mmobilizzat EUR 75 miljun aktar. Fl-2024, l-UE allokat ’il fuq minn EUR 125 miljun f’finanzjament umanitarju għall-Palestinjani fil-bżonn, u aktar minn EUR 50 miljun minnhom qed jintużaw direttament biex jiġu miġġielda n-nuqqasijiet ta’ ikel, ikopru l-provvisti mediċi u ħtiġijiet oħra bażiċi. F’Marzu 2024, il-Kummissjoni allokat EUR 68 miljun aktar biex tappoġġja l-poplu Palestinjan madwar ir-reġjun. Il-finanzjament addizzjonali se jiġi implimentat permezz ta’ sħab internazzjonali, bħas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar. Dan jiżdied mat-EUR 92 miljun ta’ għajnuna li ġiet implimentata permezz tal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNWRA) fl-2024, li jġib it-total għal EUR 160 miljun.
Wara l-attakki terroristiċi tal-Ħamas f’Iżrael f’Ottubru 2023, il-Kummissjoni nediet rieżami urġenti tal-assistenza tal-UE għall-Palestina. Wara r-rieżami, il-kumitat NDICI tal-Kummissjoni nieda proċedura urġenti biex iħallas lill-Awtorità Palestinjana l-fondi allokati għall-programm PEGASE għall-2023, b’valur ta’ EUR 122 miljun, u warrab EUR 125 miljun f’appoġġ umanitarju għall-2024 biex jiżgura appoġġ kontinwu għall-poplu tal-Palestina. F’Jannar 2025, wara t-twaqqif mill-ġlied u l-ftehim biex jiġu rilaxxati l-ostaġġi, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ġdid ta’ għajnuna għal Gaża b’valur ta’ EUR 120 miljun.
Fl-14 ta’ April 2025, meta ġie konkluż l-ewwel djalogu politiku ta’ livell għoli li qatt sar bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awtorità Palestinjana, il-Kummissjoni ħabbret programm pluriennali għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Palestinjani b’valur sa EUR 1.6 biljun. Il-ħolqien tal-programm jerġa’ jenfasizza l-appoġġ sod tal-UE għall-poplu Palestinjan u l-impenn tagħha għal paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati. Il-programm se jsir mill-2025 sal-2027 u huwa strutturat madwar tliet pilastri:
I. Is-Sirja
Wara aktar minn għaxar snin (mill-2011) ta’ kooperazzjoni bilaterali sospiża bejn l-UE u l-Gvern tas-Sirja, il-waqgħa tar-reġim ta’ Assad fit-8 ta’ Diċembru 2024 immarkat mument storiku u fetħet il-possibbiltà li jerġgħu jibdew ir-relazzjonijiet. Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kunsill Ewropew adotta konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u dawn il-konklużjonijiet jistabbilixxu l-pożizzjoni attwali tal-UE: l-UE temmen fl-importanza ta’ proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirjani li jissodisfa l-aspirazzjonijiet tal-poplu Sirjan u li huwa konformi mal-prinċipji ewlenin tar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.
F’Mejju 2025, l-UE neħħiet is-sanzjonijiet ekonomiċi kollha fuq is-Sirja biex tappoġġja t-tranżizzjoni politika inklużiva tas-Sirja u l-irkupru ekonomiku, ir-rikostruzzjoni u l-istabbilizzazzjoni rapidi tagħha. L-UE qed iżżomm fis-seħħ sanzjonijiet relatati mar-reġim ta’ Assad f’konformità mas-sejħa tagħha għall-irfigħ tar-responsabbiltà kif ukoll għal sanzjonijiet abbażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà. Fl-istess ħin, l-UE introduċiet aktar sanzjonijiet kontra dawk li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u dawk li jinstigaw l-instabbiltà fis-Sirja. L-UE ħeġġet ukoll lill-atturi esterni kollha, mingħajr eċċezzjoni, biex jirrispettaw bis-sħiħ l-unità, l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sirja.
Bejn l-2017 u l-2024, l-UE organizzat tmien konferenzi fi Brussell bit-titlu “Appoġġ għall-futur tas-Sirja u tar-reġjun”. Id-disa’ konferenza, bit-titlu “Nappoġġaw lis-Sirja: nissodisfaw il-ħtiġijiet għal tranżizzjoni b’suċċess”, ġiet organizzata f’Marzu 2025, u rappreżentant mill-gvern tranżizzjonali Sirjan ġie mistieden għall-ewwel darba. Matul din il-konferenza nħarġet dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u s-Sirja. Bil-għan li turi b’mod ċar l-appoġġ kontinwu tagħha, matul il-konferenza l-UE impenjat kważi EUR 2.5 biljun għas-Sirja għall-2025 u għall-2026. L-UE indikat ukoll l-intenzjoni tagħha li tappoġġja avveniment mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-Sirja aktar tard fl-2025, f’konformità mal-appoġġ twil tal-UE għas-soċjetà ċivili tas-Sirja. F’dan il-kuntest, l-UE organizzat “Jum ta’ Djalogu” f’Damasku fil-15 ta’ Novembru 2025 bil-ħsieb li tagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili Sirjana biex din ikollha rwol attiv fit-tranżizzjoni paċifika u verament inklużiva tal-pajjiż.
Mill-2011, l-UE u l-Istati Membri tagħha allokaw kważi EUR 37 biljun bħala reazzjoni għall-kriżijiet fis-Sirja. Dan jinkludi kważi EUR 2.55 biljun f’assistenza tal-UE ġewwa s-Sirja. L-UE qed tkompli tipprovdi appoġġ dirett lill-popolazzjoni Sirjana, kemm ġewwa s-Sirja kif ukoll lir-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien, u lill-komunitajiet ospitanti, permezz ta’ diversi strumenti: miżuri speċjali annwali fl-ambitu tal-NDICI Ewropa Globali, il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana u l-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija. L-UE biħsiebha żżid dan l-appoġġ biex tirrifletti r-realtà l-ġdida fis-Sirja.
J. It-Tuneżija
Wara r-rivoluzzjoni Tuneżina tal-2011, l-UE tat appoġġ politiku, finanzjarju u tekniku għat-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż. Il-ftehim ta’ assoċjazzjoni, li ilu fis-seħħ mill-1998, jibqa’ l-bażi legali tar-relazzjoni bilaterali. Fl-2012, filwaqt li qiesu l-progress li kien inkiseb, l-UE u t-Tuneżija qablu li jistabbilixxu “sħubija privileġġjata” bi pjan ta’ azzjoni dettaljat bejn l-UE u t-Tuneżija għall-2013-2017. It-Tuneżija u l-UE nedew sħubija għall-mobbiltà f’Marzu 2014, li wasslet għall-ftuħ ta’ negozjati dwar il-ftehimiet ta’ faċilitazzjoni tal-viża u ta’ riammissjoni.
Minn meta l-President Kais Saied ta lilu nnifsu setgħat straordinarji f’Lulju 2021, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali ddeterjora b’mod sinifikanti fit-Tuneżija. L-UE qed tkompli tappoġġja lill-popolazzjoni Tuneżina permezz tad-diversi għodod tagħha, b’mod partikolari l-NDICI Ewropa Globali.
Ġie ffirmat memorandum ta’ qbil (MtQ) bejn l-UE u t-Tuneżija fis-16 ta’ Lulju 2023, fil-qafas tal-ftehim ta’ assoċjazzjoni. Il-memorandum ta’ qbil ikopri ħames pilastri li jiffokaw fuq l-isfidi attwali:
Fl-ambitu tal-ewwel pilastru, il-programm ta’ appoġġ baġitarju dirett b’valur ta’ EUR 150 miljun ġie adottat f’Diċembru 2023 biex jappoġġja l-istabbiltà makroekonomika tat-Tuneżija u wasal f’Marzu 2024. Fl-14 ta’ Marzu 2024, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar l-adozzjoni tal-miżura speċjali favur it-Tuneżija għall-2023, li fiha kkontesta l-ħtieġa ta’ proċedura bil-miktub urġenti biex jingħataw dawn il-fondi u ddeplora n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq konsultazzjonijiet minn qabel mal-Parlament.
Bħala parti mill-memorandum ta’ qbil komprensiv bejn l-UE u t-Tuneżija u b’mod speċifiku t-tielet pilastru tiegħu ddedikat għat-tranżizzjoni lejn enerġija ekoloġika, fit-13 ta’ Ġunju 2024 ġie ffirmat memorandum ta’ qbil speċifiku bejn l-UE u t-Tuneżija dwar l-enerġija rinnovabbli u l-forniment tal-enerġija strateġika. Il-memorandum ta’ qbil huwa mfassal biex:
It-Tuneżija tidher b’mod prominenti f’diversi inizjattivi kbar iffinanzjati mill-UE fil-Patt għall-Mediterran. L-akbar investimenti jiffukaw fuq l-enerġija u l-konnettività, kif muri mis-sistema tal-kejbil sottomarin MEDUSA (EUR 40.2 miljun). Il-Patt ikompli jsaħħaħ is-sħubija bejn l-UE u t-Tuneżija dwar il-migrazzjoni, permezz ta’ programm immirat biex itejjeb l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar (EUR 33.5 miljun). Programm kbir ta’ appoġġ għat-turiżmu u l-wirt kulturali (EUR 45 miljun) jikkompleta l-għajnuna.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew huwa involut bis-sħiħ fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Permezz tal-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin, il-Parlament Ewropew jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, b’mod partikolari permezz ta’ rapporti u ta’ rieżamijiet annwali dwar il-progress. Il-Kumitat isegwi s-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi sħab permezz ta’ skambji ta’ fehmiet regolari mal-uffiċjali tal-gvern ta’ livell għoli, ma’ esperti u ma’ partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili. Setgħat baġitarji jagħtu lill-Parlament Ewropew influwenza diretta fuq l-ammonti allokati għall-istrumenti finanzjarji rilevanti. Barra minn hekk, il-Parlament huwa meħtieġ jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jiġu konklużi l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni kollha mal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-Parlament jeħtieġlu japprova wkoll kwalunkwe ftehim kummerċjali ġdid.
Rapporti bilaterali regolari mal-parlamenti tal-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar jinżammu permezz tad-delegazzjonijiet permanenti. Ir-relazzjonijiet mal-Parlament Marokkin ġew aġġornati meta nħoloq kumitat parlamentari konġunt fl-2010, u ġew stabbiliti aktar kumitati parlamentari konġunti mat-Tuneżija fl-2016 u mal-Alġerija fl-2018. Ir-relazzjonijiet parlamentari mas-Sirja ġew sospiżi waqt il-gwerra ċivili u għadhom ma bdewx kompletament, filwaqt li s-sitwazzjoni attwali fil-Libja qed timpedixxi wkoll relazzjonijiet interparlamentari.
Il-Parlament Ewropew ħa sehem f’diversi missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE fil-pajjiżi sħab tan-Nofsinhar.
Fil-livell reġjonali, il-Parlament Ewropew jieħu sehem fl-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran, li torganizza sessjoni plenarja waħda u diversi laqgħat fis-sena fil-livell tal-kumitati. Il-Parlament Ewropew ħa f’idejh il-presidenza b’rotazzjoni tal-Assemblea Parlamentari f’Lulju 2026 u se jżommha sa Ġunju 2027.
Lorenzo SATTANINO / Camelia OAIDA