Is-suq intern: prinċipji ġenerali
Din l-iskeda informattiva tispjega l-prinċipji ġenerali tas-suq intern, l-akbar suq uniku fid-dinja. Dan huwa qasam fejn l-oġġetti, is-servizzi, in-nies u l-kapital jiċċaqilqu liberament. Huwa jrawwem il-prosperità billi joħloq l-impjiegi, jixpruna l-opportunitajiet ta’ negozju u jippromwovi l-istandards Ewropej globalment. L-UE hija ffukata fuq it-tneħħija ta’ kwalunkwe ostaklu li fadal għas-suq uniku sabiex in-negozji u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tiegħu. Din l-iskeda informattiva tispjega wkoll ir-rwol tal-Parlament fl-iżvilupp tiegħu.
Il-bażi legali
- L-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jagħti mandat għall-istabbiliment ta’ suq uniku.
- L-Artikoli 3(1)(b), 4(2)(a), 26, 27, 114 u 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li kollha jkopru diversi aspetti tas-suq intern.
- jelimina l-ostakli għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, bl-għan li żżid il-prosperità ekonomika u tikkontribwixxi għal “unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa”;
- jistabbilixxi suq intern – l-Att Uniku Ewropew tal-1986 jiddefinixxih bħala “żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun żgurat il-moviment ħieles tal-oġġetti, tan-nies, tas-servizzi u tal-kapital”.
- jiżgura kompetizzjoni ġusta – it-Trattat ta’ Ruma pprojbixxa kwalunkwe azzjoni li tipprevjeni, tirrestrinġi jew tfixkel il-kompetizzjoni, b’xi eċċezzjonijiet, u ta lill-Kummissjoni r-rwol li tinforza dawn ir-regoli (ara 2.5.12).
- jestendi l-effetti tiegħu lil hinn mill-UE, inklużi l-membri mhux tal-UE taż-Żona Ekonomika Ewropea: in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein.
L-objettivi
Is-suq komuni (aktar tard imsejjaħ is-suq uniku jew intern), maħluq bit-Trattat ta’ Ruma fl-1958, kien maħsub biex:
L-iżviluppi ewlenin
A. Is-suq komuni
Is-suq komuni, li kien l-objettiv ewlieni tat-Trattat ta’ Ruma, inkiseb permezz tal-Unjoni Doganali tal-1968, it-tneħħija tal-kwoti, il-moviment liberu taċ-ċittadini u tal-ħaddiema, u grad ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa bl-introduzzjoni ġenerali tat-taxxa fuq il-valur miżjud fl-1970. Madankollu, il-libertà ta’ kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment kienu għadhom limitati minħabba l-prattiki antikompetittivi kontinwi imposti minn awtoritajiet pubbliċi.
B. Il-varar tas-suq intern fis-snin tmenin u l-Att Uniku Ewropew
L-approċċ inizjali, spjegat fit-Trattat ta’ Ruma, ta’ armonizzazzjoni leġiżlattiva dettaljata u l-ħtieġa ta’ unanimità fil-Kunsill tqiesu bħala impedimenti għall-progress. Dan inbidel bis-saħħa tas-sentenzi ewlenin tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-snin sebgħin. Fil-kawża Dassonville (il-Kawża 8-74), il-Qorti tal-Ġustizzja wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik li għandha titqies bħala miżura li tirrestrinġi l-kummerċ fi ħdan is-suq komuni. Fil-kawżaCassis de Dijon (il-Kawża 120/78), il-Qorti introduċiet il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti manifatturati u kkummerċjalizzati legalment fl-UE. Dawn is-sentenzi taw ħajja ġdida lid-dibattitu dwar il-kummerċ interkomunitarju u mexxew il-Komunità Ekonomika Ewropea lejn l-implimentazzjoni tas-suq intern.
L-Att Uniku Ewropew daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1987. Huwa saħħaħ il-mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għas-suq intern billi daħħal il-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għat-tariffi doganali komuni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-moviment liberu tal-kapital u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Sal-1992, aktar minn 90% tal-atti leġiżlattivi elenkati fil-White Paper tal-1985 tal-Kummissjoni lill-Kunsill, bit-titolu “L-ikkompletar tas-suq intern”, kienu ġew adottati, fil-parti l-kbira tagħhom skont ir-regola tal-maġġoranza kkwalifikata. Is-suq uniku nħoloq fl-1993.
C. Iż-Żona Ekonomika Ewropea
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994, u daħħal tlieta mill-erba’ membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) – l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein – fis-suq intern tal-UE. Skont il-ftehim, il-pajjiżi taż-ŻEE jallinjaw ir-regoli tagħhom relatati mas-suq intern ma’ dawk tal-UE biex ikunu jistgħu jinnegozjaw fuq l-istess livell mal-Istati Membri tal-UE (ara 5.5.3).
Ir-raba’ membru tal-EFTA, l-Iżvizzera, mhuwiex membru taż-ŻEE iżda jinteraġixxi mas-suq intern tal-UE permezz ta’ sett estensiv ta’ ftehimiet bilaterali.
D. Lejn responsabiltà kondiviża sabiex jitlesta s-suq intern: 2003-2010
Is-suq intern ta kontribut sinifikanti għall-prosperità u l-integrazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Strateġija tas-suq intern li kienet topera bejn l-2003 u l-2010 ffokat fuq il-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġu integrati s-swieq tas-servizzi, jitnaqqas l-impatt tal-ostakli fiskali u jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju. Sar progress sostanzjali fil-ftuħ tas-servizzi tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet, tal-elettriku, tal-gass u tal-posta.
E. Il-varar mill-ġdid: strateġija ġdida għas-suq uniku u strateġija għas-suq diġitali
Wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008, kien hemm ħtieġa ċara li s-suq uniku jiġi varat mill-ġdid biex tingħata spinta lill-fiduċja u jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku. Biex jinkiseb dan, u wara r-rapport ta’ Mario Monti, ippubblikat fl-2010, il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ miżuri biex tagħti spinta lill-ekonomija tal-UE u toħloq l-impjiegi billi tqiegħed lill-pubbliku, lill-konsumaturi u lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fiċ-ċentru ta’ politika tas-suq uniku aktar ambizzjuża.
F’Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat strateġija għal suq uniku diġitali, li stabbiliet programm leġiżlattiv intensiv għall-bini ta’ ekonomija diġitali Ewropea. Fl-Aġenda tal-2019-2024 għall-UE, il-Kummissjoni poġġiet b’mod sod it-tisħiħ tas-suq uniku diġitali fil-qalba tal-linji gwida ta’ ħidma tagħha. Dan l-impenn ġie mġedded fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Frar 2020 bit-titolu “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”.
F. Is-suq intern jirreaġixxi għall-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna;
Matul il-pandemija tal-COVID-19, fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa:Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, il-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol ċentrali li d-diġitalizzazzjoni tas-suq uniku se jkollha fl-irkupru eventwali tal-blokk.
F’April 2021, l-istituzzjonijiet tal-UE qablu li jistabbilixxu l-programm tas-suq uniku bir-Regolament (UE) 2021/690, programm ta’ finanzjament tal-UE (b’valur ta’ EUR 4.2 biljun matul il-perjodu 2021-2027) biex jiġi appoġġjat l-irkupru tal-Ewropa mill-pandemija tal-COVID-19.
Barra minn hekk, b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Att dwar l-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (ir-Regolament (UE) 2024/2747), stabbilixxa sistema komprensiva ta’ tħejjija u rispons għall-kriżijiet fi ħdan is-suq uniku.
G. Is-suq uniku jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu: spinta ġdida
F’Marzu 2023, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni bit-titolu “It-30 Sena mis-Suq Uniku”, li tipproponi integrazzjoni aktar profonda billi tindirizza l-ostakli f’oqsma ewlenin bħas-setturi tas-servizzi, tal-kapital, tal-enerġija, is-settur diġitali u dak dwar id-data.
Żewġ analiżijiet eminenti tal-2024 mitluba mill-mexxejja tal-UE, imressqa, rispettivament, fir-rapport ta’ Enrico Letta u fir-rapport ta’ Mario Draghi, ikkonverġew biex jenfasizzaw li s-suq uniku għadu frammentat ħafna. It-tnejn li huma identifikaw il-finanzi, l-enerġija, l-innovazzjoni, it-telekomunikazzjoni, id-difiża u l-ispazju bħala oqsma ta’ prijorità għall-approfondiment tas-suq uniku.
H. L-istrateġija tas-Suq Uniku u s-simplifikazzjoni
Kif imħabbar fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Boxxla għall-Kompetittività tal-UE”, f’Mejju 2025, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ġdida għas-suq uniku, bl-objettiv li tneħħi l-ostakli li fadal fis-suq uniku. Din tiddeskrivi dak li hija tidentifika bħala l-ostakli l-aktar dannużi li huma magħrufa bħala l-“Għaxra Terribbli”, u tiffoka b’mod partikolari fuq is-suq tas-servizzi, l-SMEs u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku. Din l-istrateġija kienet akkumpanjata minn pakkett ta’ simplifikazzjoni – wieħed minn sensiela ta’ pakketti ta’ simplifikazzjoni “Omnibus” adottati mill-Kummissjoni – li għandu l-għan li jissimplifika r-regoli u jnaqqas il-burokrazija għan-negozji.
I. Ewropa Waħda, Suq Wieħed
Filwaqt li jibnu fuq l-istrateġija tas-suq uniku, f’Marzu 2026, il-mexxejja tal-UE varaw l-aġenda tagħha “Ewropa Waħda, Suq Wieħed”, li għandha titwettaq sa tmiem l-2027. Din l-aġenda tidentifika sett ta’ miżuri speċifiċi biex tingħata spinta lill-kompetittività Ewropea u tittejjeb l-awtonomija strateġika u s-sigurtà ekonomika tal-UE, filwaqt li jiġu sostnuti l-prosperità u l-mudell soċjali tal-Ewropa.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Il-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-suq intern tal-UE tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (l-Artikolu 114 tat-TFUE), li permezz tagħha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jinnegozjaw u jadottaw b’mod konġunt liġijiet abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Parlament kien il-mutur ewlieni fil-proċess li wassal biex jiġi żviluppat is-suq intern. B’mod speċifiku, f’riżoluzzjoni tiegħu tal-1997, huwa appoġġja l-idea li sal-2002 is-suq uniku jinbidel f’suq domestiku integrat bis-sħiħ. F’diversi riżoluzzjonijiet adottati fl-2006, il-Parlament appoġġja l-idea li s-suq intern għandu jkun qafas komuni u punt ta’ referenza għal bosta politiki tal-UE.
Il-Parlament kellu rwol attiv ukoll fil-varar mill-ġdid tas-suq intern bir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2010 dwar ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, u bir-riżoluzzjonijiet tiegħu bħala reazzjoni għall-Att dwar is-Suq Uniku fl-2011: “Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku”, “Suq Uniku għall-Ewropej” u “Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir”.
Bl-istess mod il-Parlament kien attiv fuq il-governanza tas-suq uniku. Fl-2013 huwa adotta riżoluzzjoni b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku, li fiha talab li jiġi stabbilit ċiklu ta’ governanza tas-Suq Uniku bħala pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew. Fl-2014 huwa adotta riżoluzzjoni dwar il-governanza tas-suq uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew 2014, u, fl-2016, riżoluzzjoni bit-titolu “Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku”.
Iċ-ċittadini u n-negozji tal-UE, speċjalment meta jkunu fi Stati Membri tal-UE li mhumiex tagħhom, spiss isibuha diffiċli biex jifhmu r-regoli applikabbli. Il-Parlament irrakkomanda bil-qawwa l-adozzjoni ta’ “gateway diġitali uniku” (ir-Regolament (UE) 2018/1724) biex jipprovdi aċċess online għall-informazzjoni u s-servizzi ta’ assistenza li ċ-ċittadini u n-negozji tal-UE jista’ jkollhom bżonn f’pajjiż ieħor tal-UE u insista fuq it-titjib tas-SOLVIT, is-servizz madwar l-UE kollha li jipprovdi soluzzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-UE.
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwatu wisq il-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern, kif ġie innotat minn studju tal-2021 dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq is-suq intern. Il-Parlament wieġeb kmienib’riżoluzzjoni dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, u stabbilixxa, flimkien mal-Kunsill, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Barra minn hekk, fl-2023, approva l-Att dwar l-Emerġenza u r-Reżiljenza tas-Suq Intern f’riżoluzzjoni dwar il-proposta għal regolament li jistabbilixxi strument għall-emerġenzi fis-suq uniku.
F’Jannar 2023, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar it-30 anniversarju tas-suq uniku. Huwa enfasizza l-importanza tas-suq uniku bħala l-mutur tal-integrazzjoni Ewropea u s-sinsla tal-ekonomija tagħha u appella għal impenn imġedded biex dan jissaħħaħ aktar f’oqsma bħas-servizzi, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u s-suq uniku diġitali.
Sabiex jippromwovi suq uniku aktar b’saħħtu, f’Settembru 2025, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar ir-razzjonalizzazzjoni tar-regoli biex jissaħħaħ is-suq uniku tal-UE, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe sforz ta’ simplifikazzjoni ma jdgħajjifx l-istandards soċjali, ambjentali u tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-Parlament talab ukoll li tiġi evitata l-implimentazzjoni frammentata u li r-regoli tas-suq uniku jiġu infurzati b’mod aktar robust.
Il-moviment liberu tas-servizzi huwa qasam b’ħafna potenzjal għall-progress. Studju ppubblikat f’Settembru 2025 bit-titolu “Single Market Competitiveness:Advancing Cross-Border Trade in Services” (Kompetittività tas-Suq Uniku: Navvanzaw il-Kummerċ Transfruntier fis-Servizzi) sab li, minkejja li l-ostakli għall-kummerċ fost il-pajjiżi tal-UE huma ferm anqas restrittivi minn dawk li japplikaw għall-pajjiżi mhux tal-UE, is-sitwazzjoni ma tjibitx f’dawn l-aħħar 10 snin. Għad irid isir progress fir-rigward tal-proċeduri amministrattivi u l-ostakli għall-kompetizzjoni.
Studju dwar is-sorveljanza tas-suq għal protezzjoni effettiva tal-konsumatur fl-UE, mitlub mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament u ppubblikat f’Ottubru 2023, enfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiżguraw li l-prodotti jissodisfaw l-istandards tas-saħħa, tas-sikurezza u ambjentali, u pprovda rakkomandazzjonijiet ewlenin biex jimtlew il-lakuni fis-sorveljanza tas-suq u biex tiġi żgurata protezzjoni konsistenti tal-konsumatur.
Studju tal-2026 li mmappja l-lakuni fil-finanzjament fis-sorveljanza tas-suq u fl-infurzar doganali sab li l-awtoritajiet qed jiffaċċjaw ammont ta’ xogħol dejjem akbar, speċjalment minħabba ż-żieda fil-kummerċ elettroniku, li spiss twassal għal lakuni fl-infurzar. L-istudju jissuġġerixxi taħlita ta’ finanzjament nazzjonali, investiment imsaħħaħ tal-UE u strumenti ta’ finanzjament komplementari bħala l-aktar rispons xieraq għal dawn l-isfidi.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew dwar l-Ekonomija u t-Tkabbir. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
Costanza Pierdonati