Il-moviment liberu tal-merkanzija
Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa wieħed mill-erba’ libertajiet ekonomiċi fundamentali tal-UE, flimkien mal-moviment liberu tal-kapital, tas-servizzi u tal-persuni. Dan it-test jispjega l-bażi legali tiegħu, l-istorja tal-iżvilupp tiegħu, l-isfidi li nqalgħu, u l-ħidma tal-Parlament Ewropew biex jindirizzahom.
Il-bażi legali
Il-moviment liberu tal-merkanzija bejn il-fruntieri nazzjonali tal-UE għandu l-bażi legali tiegħu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
- L-Artikolu 26 ta’ dan it-trattat jobbliga lill-UE tadotta miżuri bl-għan li tistabbilixxi u tiżgura l-funzjonament tas-suq intern tagħha. Jiddefinixxi wkoll dan is-“suq intern” bħala żona mingħajr fruntieri interni “li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”.
- L-Artikoli 28-37 tat-trattat jiddeskrivu kif l-UE għandha tikseb, iżżomm u tiżviluppa s-suq intern. Il-miżuri f’dan il-qasam jinkludu l-projbizzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet bejn il-pajjiżi tal-UE, u l-applikazzjoni ta’ tariffa doganali komuni fuq prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE.
- tal-merkanzija,
- tal-persuni,
- tas-servizzi u
- tal-kapital.
- il-projbizzjoni ta’ miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi fuq importazzjonijiet fil-Komunità Ekonomika Ewropea;
- l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – il-proċess li bih il-pajjiżi tal-UE jaġġustaw il-leġiżlazzjoni tagħhom biex jallinjaw il-liġijiet tagħhom u biex jiffaċilitaw il-konformità u l-infurzar bejn il-fruntieri nazzjonali.
- tiġi applikata għal prodott jew fil-ħin tal-importazzjoni tiegħu jew sussegwentement, u
- tiġi applikata speċifikament għal prodott importat minn pajjiż ieħor tal-UE, u ma tiġix applikata għal prodott simili mmanifatturat lokalment.
- moralità pubblika,
- politika,
- sigurtà.
- is-superviżjoni fiskali effettiva,
- il-protezzjoni tas-saħħa pubblika,
- il-ġustizzja kummerċjali, u
- id-difiża tal-konsumatur.
- l-adozzjoni tal-2008 tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid, biex jissaħħu s-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti;
- l-istabbiliment tal-2020 tat-Taskforce għall-Infurzar fis-Suq Uniku, biex taħdem mal-pajjiżi tal-UE u mal-Kummissjoni Ewropea biex tiddetermina l-aktar ostakli sinifikanti u urġenti għas-suq uniku, u taħdem lejn l-eliminazzjoni tagħhom;
- l-adozzjoni tal-2024, wara l-pandemija tal-COVID-19, tal-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern, biex jiġi evitat tfixkil futur fil-kummerċ relatat mal-kriżi.
- li jiġi żgurat li l-operaturi kollha tas-suq ikunu responsabbli għall-konformità u għas-sikurezza tal-prodotti;
- li jittejbu l-viżibbiltà u l-fehim fost il-konsumaturi tal-marka CE (Conformité Européene), li tindika li prodott jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli tal-UE dwar il-prodotti.
- jallinjaw id-dispożizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi fis-settur tal-kostruzzjoni mal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid u mar-regolamenti dwar is-sorveljanza tas-suq u l-ekodisinn;
- jistabbilixxu sistema ta’ passaport diġitali tal-prodotti għall-prodotti għall-kostruzzjoni;
- japplikaw ukoll għal prodotti użati u manifatturati mill-ġdid permezz ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ddedikati.
- jistabbilixxi regoli għat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva diġitali u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali u awtoritajiet governattivi oħra inkarigati mill-infurzar tal-“formalitajiet mhux doganali” – regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għajr il-leġiżlazzjoni doganali – fil-fruntiera tal-UE f’oqsma differenti ta’ responsabbiltà tal-UE, bħas-saħħa u s-sikurezza, il-protezzjoni ambjentali, is-sajd, l-agrikoltura u s-sorveljanza tas-suq;
- jistabbilixxi sistema ċentralizzata, magħrufa bħala s-“sistema ta’ skambju taċ-ċertifikati tat-tieqa unika tal-UE għad-dwana”, biex ittejjeb il-kondiviżjoni u l-ipproċessar tad-data ppreżentata mill-operaturi ekonomiċi lid-dwana, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE, filwaqt li tiżgura li dawk l-awtoritajiet jirċievu d-data f’ħin reali;
- jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu u joperaw sett ta’ sistemi u servizzi, magħrufa bħala “ambjenti nazzjonali ta’ tieqa unika għad-dwana”, biex jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-sistemi elettroniċi tal-awtorità doganali tagħhom, tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-operaturi ekonomiċi.
- l-identifikazzjoni mtejba ta’ frodi u nuqqas ta’ konformità;
- l-iskambju ta’ data bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE;
- il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali ta’ pajjiżi differenti tal-UE.
Għaliex il-moviment liberu tal-merkanzija huwa daqstant importanti?
Il-moviment liberu tal-merkanzija huwa prinċipju tal-UE li ilu jeżisti, stabbilit biex jinkisbu l-integrazzjoni Ewropea u t-tkabbir ekonomiku permezz tal-kummerċ.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa kienet ekonomikament frammentata, maqsuma minn ostakli kummerċjali nazzjonali riġidi. Muniti, tariffi, restrizzjonijiet u standards konfliġġenti differenti xekklu l-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa u l-irkupru ta’ wara l-gwerra. Mill-istadji l-aktar bikrin tal-iżvilupp tagħha fil-ħamsinijiet, l-UE fittxet li tirrettifika dan billi toħloq suq komuni – komunità tranżnazzjonali bbażata fuq il-moviment liberu:
L-għanijiet tal-Komunità Ekonomika Ewropea (waħda mill-Komunitajiet Ewropej li ppreċediet l-UE) u s-suq komuni li stabbiliet kienu li jittrasformaw il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u l-produzzjoni madwar il-pajjiżi li kienu membri tal-komunità, u li jservu bħala pass lejn l-unifikazzjoni politika aktar mill-qrib tal-Ewropa. L-għanijiet speċifiċi tagħha b’dan il-mod kienu jinkludu titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, kummerċ ibbilanċjat u kompetizzjoni ġusta, u t-tnaqqis fid-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn id-diversi reġjuni tagħha. Kellha wkoll l-għan li gradwalment tabolixxi r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali permezz ta’ politika kummerċjali komuni.
Is-suq komuni, li aktar tard sar magħruf bħala s-“suq uniku” jew is-“suq intern” (iż-żewġ termini huma interkambjabbli), kien mutur ewlieni tal-kompetittività u tat-tkabbir tal-UE. Mit-twaqqif tagħha, l-UE konsistentement fittxet li ttejjeb il-funzjonament tagħha, billi neħħiet l-ostakli għall-kummerċ, filwaqt li tiżgura standards ta’ sikurezza għall-konsumaturi u għan-negozji. L-isforzi attwali tagħha, f’dan ir-rigward, jiffukaw fuq l-approfondiment u l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq uniku, inkluż billi tissimplifika r-regoli u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u d-dipendenzi esterni.
L-oriġini tal-moviment liberu tal-merkanzija
Il-moviment liberu ta’ żewġ tipi ta’ merkanizja – il-faħam u l-azzar – huwa ċentrali għall-istorja tal-oriġini tal-UE. Dawn ir-riżorsi kienu ħaddmu l-magni militari tal-Ewwel Gwerra Dinjija u tat-Tieni Gwerra Dinjija, b’konsegwenzi devastanti. Bħala parti minn sforz mill-gvernijiet Ewropej biex jiżguraw paċi dejjiema, fid-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman, ippreżenta dikjarazzjoni li pproponiet li tiġi stabbilita Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Dan wassal biex ir-riżorsi tal-faħam u l-azzar ta’ sitt pajjiżi nġabru flimkien: Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, in-Netherlands, il-Belġju u l-Lussemburgu. Barra minn hekk, skont id-dikjarazzjoni, dan jagħmel il-gwerra bejn dawn il-pajjiżi “mhux biss inkonċepibbli, iżda materjalment impossibbli”.
Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Pariġi fl-1951. Hija organizzat il-moviment liberu bejn il-pajjiżi parteċipanti ta’ dawk iż-żewġ riżorsi kruċjali tal-enerġija u l-infrastruttura, illiberat l-aċċess għas-sorsi tal-produzzjoni tagħhom u indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa. Stabbiliet ukoll mekkaniżmi u regoli għas-superviżjoni tas-suq, għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u għall-iżgurar tat-trasparenza tal-prezzijiet.
It-Trattat ta’ Ruma tal-1958 stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea u s-suq komuni. Ġabar flimkien dawn l-istess sitt pajjiżi u stabbilixxa skeda ta’ żmien għall-membri tiegħu biex ineħħu l-ostakli doganali, inklużi d-dazji doganali u r-restrizzjonijiet kwantitattivi (kwoti fuq l-għadd ta’ merkanzija esportata jew importata), u ppreveda l-introduzzjoni progressiva, f’din l-iskeda ta’ żmien, ta’ tariffa doganali komuni għal merkanzija importata minn pajjiżi mhux membri. Dan twettaq sal-1 ta’ Lulju 1968. Bejn l-1957 u l-1970, il-kummerċ bejn il-pajjiżi membri żdied b’sitt darbiet, u l-kummerċ tal-Komunità Ekonomika Ewropea mal-bqija tad-dinja ttrippla.
L-isfidi għall-kisba tal-moviment liberu tal-merkanzija
Kien hemm żewġ objettivi tat-Trattat ta’ Ruma li ma ntlaħqux sal-1968:
Il-kisba ta’ dawn l-objettivi saret element ċentrali fl-isforz kontinwu sabiex jinkiseb il-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE.
A. L-effett ekwivalenti
Peress li t-Trattat ta’ Ruma ma kienx iddefinixxa l-miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal dazji doganali u restrizzjonijiet kwantitattivi, il-projbizzjoni tagħhom ma nkisbitx. Id-definizzjonijiet ġew ipprovduti mill-ġurisprudenza, fis-sentenzi li ġejjin tal-Qorti tal-Ġustizzja:
Il-projbizzjoni ta’ imposti b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali
1962: Il-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea vs Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju tal-Belġju
Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li imposta tista’ titqies bħala ekwivalenti għal dazju doganali jekk:
Peress li l-prezz tal-prodott jinbidel minn pajjiż ieħor tal-UE, l-imposta jkollha l-istess effett fuq il-moviment liberu tal-prodotti bħal dazju doganali.
Il-projbizzjoni ta’ miżuri b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi
1974: Procureur du Roi vs Benoît u Gustave Dassonville
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tal-fehma li kwalunkwe regola dwar il-kummerċ ippromulgata mill-pajjiżi tal-UE li kapaċi xxekkel il-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE (kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament, kemm jekk effettivament kif ukoll jekk potenzjalment) kellha titqies bħala miżura b’effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, u għaldaqstant għandha tkun ipprojbita.
1979: Rewe-Zentral AG vs Bundesmonopolverwaltung für Branntwein
Ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja kompla jiġi żviluppat aktar fis-sentenza tagħha li saret magħrufa bħala l-kawża “Cassis de Dijon”, li stipulat il-prinċipju li kwalunkwe prodott immanifatturat u kkumerċjalizzat legalment f’pajjiż tal-UE f’konformità mar-regoli ġusti u tradizzjonali tiegħu, u bil-proċessi ta’ manifattura ta’ dak il-pajjiż, irid jitħalla jidħol fis-suq ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, mingħajr ma jkun soġġett għal projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet addizzjonali definiti fil-liġi nazzjonali ta’ dak il-pajjiż ieħor tal-UE.
Dan kien ir-raġunament bażiku wara d-dibattitu dwar id-definizzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, jiġifieri li jekk il-merkanzija tissodisfa l-istandards legali meħtieġa f’pajjiż wieħed tal-UE, pajjiżi oħra tal-UE huma ġeneralment obbligati jaċċettaw dik il-merkanzija. Għalhekk, anke fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-UE, il-pajjiżi tal-UE huma obbligati jippermettu li tiċċirkola u titqiegħed fis-suq tagħhom il-merkanzija li tkun prodotta u kkummerċjalizzata legalment f’pajjiżi oħra tal-UE.
1993: is-sentenza Keck
Importanti li wieħed jinnota li l-projbizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti hija limitata minn dik li saret magħrufa bħala s-sentenza Keck. Dan il-każ iffoka fuq il-bejgħ mill-ġdid, fi Franza, ta’ prodotti fi stat mhux mibdul bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz tax-xiri attwali tagħhom. Għalkemm il-bejgħ mill-ġdid b’telf kien ipprojbit fi Franza, id-difiża argumentat li dan kien inkompatibbli mal-projbizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet u l-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti, u mal-prinċipji tal-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi, tal-kapital u tal-kompetizzjoni libera fis-suq komuni. Il-Qorti sabet li r-regoli nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu ċerti arranġamenti ta’ bejgħ x’aktarx li ma jfixklux il-kummerċ intra-UE u għalhekk, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, dment li ma jkunux diskriminatorji (jiġifieri, li japplikaw għan-negozjanti rilevanti kollha li joperaw fit-territorju nazzjonali, u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, fil-liġi u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti domestiċi u prodotti minn pajjiżi oħra tal-UE).
L-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal dak tar-restrizzjonijiet kwantitattivi
It-Trattat ta’ Ruma inkluda eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tal-miżuri b’effett ekwivalenti għal dak tar-restrizzjonijiet kwantitattivi. Dawn l-eċċezzjonijiet issa huma inkorporati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE u jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jimponu restrizzjonijiet ekwivalenti għal-limiti kwantitattivi għal raġunijiet mhux ekonomiċi, bħal:
Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett u ma jistgħux iwasslu għal diskriminazzjoni arbitrarja jew għal ostakli kummerċjali moħbija bejn il-pajjiżi tal-UE. Iridu jaqdu direttament l-interess pubbliku u jkunu proporzjonati mal-livell ta’ protezzjoni maħsub.
L-eżenzjonijiet għall-projbizzjonijiet nazzjonali jew għar-restrizzjonijiet nazzjonali
Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-kawża “Cassis de Dijon”, stabbiliet li prodott immanifatturat u kkummerċjalizzat legalment f’pajjiż wieħed tal-UE għandu jkun eliġibbli għall-bejgħ ħieles fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, mingħajr ma jkun soġġett għal projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet addizzjonali. Dan ifisser li pajjiż tal-UE jeħtieġlu jagħmel eżenzjonijiet għall-projbizzjonijiet jew għar-restrizzjonijiet nazzjonali fuq ċerti prodotti biex jiżgura l-bejgħ ħieles tagħhom, dment li l-merkanzija inkwistjoni tissodisfa rekwiżiti obbligatorji, bħal:
Eżempju wieħed huwa l-bejgħ tal-mayonnaise fil-Belġju. Skont il-liġi Belġjana, biex prodott jiġi ttikkettat u mibjugħ bħala “mayonnaise”, huwa meħtieġ li jkollu kontenut ta’ xaħam ta’ mill-anqas 70% u jkun 5% isfar tal-bajd pur. Fil-Belġju, madankollu, dawn ir-regoli jistgħu jiġu applikati biss għall-mayonnaise magħmul mill-produtturi Belġjani; Il-Belġju ma jistax iwaqqaf it-tikkettar u l-bejgħ ta’ prodott bħala “mayonnaise” jekk isir xi mkien ieħor fl-UE, anke jekk ikollu kontenut aktar baxx ta’ xaħam jew bajd, u għaldaqstant, ma jissodisfax il-kriterji Belġjani.
Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar tali eżenzjonijiet għar-regoli nazzjonali tagħhom. Ġew stabbiliti proċeduri ta’ skambju ta’ informazzjoni u sistema ta’ monitoraġġ għas-sorveljanza ta’ tali miżuri. Dawn il-proċeduri ġew aġġornati u formalizzati f’regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku, li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ April 2020. Dan ir-regolament jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi relatati mal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għall-awtoritajiet kompetenti u għan-negozji meta jkunu qed ibigħu prodotti f’pajjiż ieħor tal-UE. Huwa jiddeskrivi kif għandu jiġi applikat ir-rikonoxximent reċiproku f’każijiet individwali, inkluż permezz ta’ “dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku” volontarja. Ir-regolament għandu l-għan li jrawwem il-kooperazzjoni amministrattiva biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, pereżempju permezz tal-pjattaforma online tal-UE għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni, is-Sistema ta’ Informazzjoni u Komunikazzjoni għas-Sorveljanza tas-Suq.
B. L-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali
Biex jinkiseb il-moviment liberu tal-merkanzija, il-pajjiżi tal-UE kellhom jarmonizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom, u jaġġustawha biex jiffaċilitaw il-konformità u l-infurzar bejn il-fruntieri nazzjonali. F’Ġunju 1985, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat programm ta’ azzjoni li jfittex li, fi żmien seba’ snin, jabolixxi l-ostakli fiżiċi, tekniċi u relatati mat-taxxa kollha għall-moviment liberu fl-UE. Il-white paper tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Ġunju 1985 dwar it-tlestija tas-suq intern, sadanittant introduċiet “approċċ ġdid”, li jevita armonizzazzjoni dettaljata billi jiffoka fuq ir-rikonoxximent reċiproku tar-regolamenti nazzjonali.
Skont dan l-approċċ, l-armonizzazzjoni hija limitata għar-rekwiżiti essenzjali u sseħħ meta r-regoli nazzjonali ma jkunux ekwivalenti u jxekklu l-kummerċ. Dan il-metodu għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija billi jarmonizza teknikament setturi sħaħ u jżomm livell għoli ta’ protezzjoni tal-interess pubbliku, li jaffettwa oqsma bħall-ġugarelli, il-materjali tal-kostruzzjoni, il-makkinarju, apparat li jaħdem bil-gass, u t-tagħmir tat-telekomunikazzjoni.
L-Att Uniku Ewropew tal-1987 stabbilixxa l-qafas legali għat-tlestija tas-suq intern, bl-iskadenza għat-tneħħija tal-ostakli fiżiċi, tekniċi u relatati mat-taxxa kollha għall-moviment liberu stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 1992. Espanda wkoll l-użu tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata mill-Kunsill, u b’hekk naqqas l-għadd ta’ oqsma li jirrikjedu l-unanimità. Dan kien japplika għad-direttivi relatati mas-suq intern, li jfisser li, minflok ma l-pajjiżi kollha tal-UE jkollhom bżonn jivvutaw favur sabiex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni, il-leġiżlazzjoni tista’ tiġi adottata jekk mill-anqas 55% tal-pajjiżi tal-UE – li jirrappreżentaw mill-anqas 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE – jivvutaw favur.
Bejn l-1985 u l-1992, ġew adottati 282 liġi madwar l-UE biex jitneħħew dawn l-ostakli, u fl-1 ta’ Jannar 1993, ġie stabbilit is-suq uniku.
Il-proċess ta’ armonizzazzjoni għamilha possibbli li jitneħħew l-ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija madwar l-UE, pereżempju, billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali saru inapplikabbli, fil-każ ta’ merkanzija manifatturata legalment f’pajjiż ieħor tal-UE. Din l-armonizzazzjoni stabbiliet ukoll regoli komuni bl-għan li jiggarantixxu ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija u prodotti, u r-rispett għal objettivi oħra tal-UE, bħall-protezzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-appoġġ għall-kompetizzjoni fis-suq.
It-tlestija tas-suq intern
Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1993, is-suq uniku ggarantixxa l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital madwar l-UE. Jinkludi s-27 pajjiż tal-UE u n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein, filwaqt li l-Iżvizzera għandha aċċess parzjali, irregolat minn ftehimiet bilaterali.
Madankollu, għad fadal sfidi għall-fluss ta’ merkanzija u servizzi fi ħdan is-suq uniku. Ittieħdu passi sinifikanti biex dawn jingħelbu u biex jiġu antiċipati problemi futuri, bħal:
Minkejja dan il-progress, l-ostakli persistenti għadhom jaffettwaw is-suq uniku, u jħallu impatt negattiv fuq il-kummerċ u l-investiment. Din il-problema ġiet enfasizzata fir-rapport ta’ April 2024 minn Enrico Letta, intitolat “Much more than a market” (Ħafna aktar milli suq) u fir-rapport ta’ Settembru 2024 minn Mario Draghi intitolat “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea). Dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fl-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-2025 tal-Kummissjoni Ewropea, li tidentifika sett ta’ ostakli, magħrufa bħala “Terrible Ten”, biex jiġi ssodisfat il-potenzjal tas-suq uniku. Dawn l-ostakli, li l-istrateġija għandha l-għan li żżarma, jinkludu regoli tal-UE kumplessi żżejjed, diffikultajiet fl-istabbiliment u fl-operat ta’ kumpaniji, proċeduri twal u kumplessi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali madwar il-pajjiżi tal-UE, u regoli frammentati dwar l-imballaġġ, it-tikkettar u l-iskart.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Ġeneralment, meta l-Kummissjoni Ewropea tipproponi bidliet fil-liġijiet, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE jeħtiġilhom japprovaw dawk il-bidliet, qabel ma jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ. Dan il-proċess, li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE jistgħu, fuq bażi ugwali, jipproponu bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, huwa magħruf bħala l-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”. Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew kellu rwol essenzjali fit-tfassil tar-regoli li jiddeterminaw l-iżvilupp tas-suq intern u l-moviment liberu tal-merkanzija.
C. L-armonizzazzjoni u s-sikurezza tal-prodotti
Il-Parlament Ewropew kien promotur qawwi għat-tlestija tas-suq intern. Enfasizza l-“approċċ il-ġdid” għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, deskritt fil-white paper tal-Kummissjoni Ewropea tal-1985, biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-merkanzija, u kellu rwol sinifikanti fit-tfassil tad-direttivi ta’ armonizzazzjoni, li wasslu għall-istabbiliment tas-suq uniku fl-1993.
Kien ukoll impenjat ferm fl-iżvilupp tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid. Dan huwa pakkett ta’ miżuri, adottat fl-2008, li kellu l-għan li jtejjeb is-suq intern għall-merkanzija. Saħħaħ ir-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq, li jiżguraw li l-prodotti mhux tal-ikel fis-suq tal-UE ma jipperikolawx lill-konsumaturi u lill-ħaddiema, u ta spinta lill-kwalità tal-valutazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-prodotti jissodisfaw l-istandards tal-UE. Il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew f’dan ir-rigward kienu:
Il-Parlament Ewropew kien involut ukoll fl-allinjament ta’ disa’ direttivi oħra ma’ dan il-qafas, li jirregolaw varjetà ta’ prodotti, inklużi liftijiet, oġġetti pirotekniċi u splussivi.
Bejn l-2009 u l-2011, il-Kummissjoni Ewropea bdiet taħdem fuq proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti tal-2001. Regoli u obbligi frammentati u li jikkoinċidu kienu qed joħolqu konfużjoni min-naħa tal-operaturi ekonomiċi u tal-awtoritajiet nazzjonali, u din ir-reviżjoni kellha l-għan li tirrazzjonalizza u tissimplifika l-proċessi involuti. F’Marzu 2011, il-Parlament Ewropew ħareġ riżoluzzjoni dwar din ir-reviżjoni proposta, li fiha appella biex tinħoloq sistema unifikata ta’ sorveljanza tas-suq għall-prodotti kollha. Dan wassal għall-Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq tal-2013, magħmul minn żewġ regolamenti, li kellu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-prodotti għall-konsumaturi u l-funzjonament tas-suq intern permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq.
F’April 2019, il-Parlament Ewropew adotta regolament biex itejjeb is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta ġdida biex tkompli tiżgura s-sikurezza tal-prodotti għall-konsumatur mhux tal-ikel. Ir-regoli aġġornati, li għandhom l-għan li jiggarantixxu standards għoljin ta’ sikurezza għall-prodotti kollha mibjugħa fl-UE, kemm online kif ukoll offline, ġew approvati formalment mill-Parlament Ewropew f’Marzu 2023, u dan wassal għall-adozzjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti f’Mejju 2023.
D. L-istandardizzazzjoni
L-istandardizzazzjoni taqdi rwol ċentrali fil-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-istandards armonizzati tal-UE jgħinu biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan is-suq intern, jippermettu lin-negozji fl-UE jsiru aktar kompetittivi u jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi u l-ambjent.
Fit-2 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet strateġija għall-istandardizzazzjoni biex trawwem suq uniku reżiljenti, ekoloġiku u diġitali, filwaqt li pproponiet bidliet fir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni tal-2012. Dan wassal għall-adozzjoni ta’ regolament, f’Diċembru 2022, li jaġġorna l-qafas legali tal-UE rigward l-istandards tal-UE. Fit-23 ta’ Jannar 2023, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew organizza seduta ta’ smigħ biex jiddiskuti d-direzzjonijiet li ħadet il-politika tal-istandardizzazzjoni fil-passat u dawk li se tieħu fil-futur, b’kontributi mill-Kummissjoni Ewropea u minn diversi partijiet ikkonċernati.
Filwaqt li kompliet tibni fuq l-istrateġija għall-istandardizzazzjoni l-ġdida, fit-30 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għall-armonizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni. Il-Parlament Ewropew innegozja mal-Kunsill dwar din il-proposta, u dan wassal għall-adozzjoni ta’ regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni, tas-27 ta’ Novembru 2024. Dawn ir-regoli armonizzati ġodda:
E. L-applikazzjonijiet tas-saħħa u ta’ emerġenza
Il-Parlament Ewropew ikkonċentra wkoll sforzi fuq regolamenti dwar l-installazzjonijiet tal-funikular, l-apparati li jaħarqu l-gass, l-apparati mediċi u t-tagħmir personali protettiv.
Ivvota wkoll favur ir-Regolament eCall, li jistabbilixxi r-rekwiżiti regolatorji, tekniċi u ta’ sikurezza ta’ “eCall”, li hija sistema mmuntata fil-vettura li, fil-pajjiżi kollha tal-UE, awtomatikament twissi lill-eqreb ċentru ta’ rispons għal emerġenza f’każ ta’ inċident serju, tittrażmetti l-post, il-ħin tal-inċident, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura u d-direzzjoni tal-ivvjaġġar. Dan ir-regolament għamilha obbligatorja li s-sistema eCall tiġi installata fi kwalunkwe mudell ġdid ta’ karozza jew vettura kummerċjali ħafifa approvata għall-manifattura wara l-31 ta’ Marzu 2018.
Barra minn hekk, fl-2019, bħala parti mill-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, il-Parlament Ewropew adotta leġiżlazzjoni biex jarmonizza r-regoli tas-suq intern għall-fertilizzanti, inklużi l-fertilizzanti magħmula minn materjali riċiklati jew organiċi, u jistabbilixxi regoli għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkollhom il-marka CE, inklużi restrizzjonijiet fuq il-kontaminanti u l-mikroorganiżmi li jikkawżaw il-mard.
F. Il-pandemija tal-COVID-19
Meta l-pandemija tal-COVID-19 faqqgħet fl-Ewropa, fil-bidu tal-2020, is-suq intern iffaċċja sfida. Il-fatt li l-virus kien kuntaġġuż kien jeħtieġ restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-persuni fl-UE, u l-fruntieri nazzjonali saru aktar riġidi f’dan ir-rigward. F’April 2020, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni biex tikkumbatti l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, li fiha enfasizza l-ħtieġa kritika li l-fruntieri interni tal-UE jinżammu miftuħa għall-merkanzija, filwaqt li ssottolinja r-rwol tas-suq uniku fil-prosperità kollettiva tal-UE, u bħala rispons kruċjali għall-kriżi. Dan l-approċċ kollaborattiv kien kruċjali biex il-merkanzija essenzjali, inklużi l-provvisti mediċi u t-tagħmir mediku, jitħallew jiċċirkolaw madwar l-UE, u b’hekk jittaffa l-impatt tar-restrizzjonijiet imposti mill-Istat fuq il-fruntieri.
Studju ta’ Frar 2021 mill-Parlament Ewropew eżamina l-effett tal-pandemija fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u l-protezzjoni tal-konsumatur, u ssuġġerixxa miżuri addizzjonali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq uniku kontra kriżijiet futuri.
G. L-armonizzazzjoni doganali
Il-Parlament Ewropew kien strumentali fl-armonizzazzjoni tal-proċessi doganali tiegħu, u laħaq il-qofol tiegħu fl-istabbiliment, permezz ta’ regolament tal-2022, ta’ dak li huwa magħruf bħala l-“Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-Dwana”. Dan huwa sett ta’ servizzi elettroniċi li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-sistemi elettroniċi tal-awtoritajiet doganali, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE u tal-operaturi ekonomiċi.
Ir-Regolament li stabbilixxa dan ilu japplika minn Diċembru 2022, bl-eċċezzjoni ta’ xi regoli, li se japplikaw minn Diċembru 2031. Barra minn hekk, huwa:
Il-fażi li jmiss, li tibda fl-2031, se tintroduċi sistema tal-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvernijiet biex tissimplifika l-proċeduri għan-negozji involuti fl-importazzjoni jew l-esportazzjoni tal-merkanzija. Dan għandu l-għan li jnaqqas b’mod sinifikanti l-impedimenti attwali għall-kummerċ.
F’Diċembru 2022, studju mill-Parlament Ewropew analizza l-proċeduri diverġenti ta’ awtorizzazzjoni doganali tal-pajjiżi tal-UE għall-prodotti li jidħlu fl-UE. L-istudju sab li dawn il-proċeduri diverġenti jwasslu għal ostakli kummerċjali u distorsjonijiet fis-suq intern, u waħda mis-soluzzjonijiet li ssuġġerixxa għal din il-problema kienet il-ħolqien ta’ aġenzija doganali Ewropea.
Apparti hekk, f’Mejju 2023, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE, akkumpanjata minn komunikazzjoni intitolata “Riforma doganali: Inwasslu lill-Unjoni Doganali għal-livell li jmiss”, li ppreżentat approċċ komprensiv biex jiġi mmodernizzat il-qafas doganali tal-UE. Karatteristika sinifikanti tal-proposta ta’ modernizzazzjoni hija l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE, ġestita mill-Awtorità Doganali tal-UE li għadha kif ġiet introdotta. Din il-pjattaforma se tiġbor, tipproċessa, tgħaqqad u taħżen id-data rilevanti kollha, u b’hekk tiffaċilita:
F’Marzu 2024, il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta, li laqgħet l-istabbiliment futur tal-Awtorità Doganali tal-UE u tal-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE. Fis-26 ta’ Marzu 2026, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku storiku dwar din ir-riforma sinifikanti tal-liġi doganali tal-UE mill-1968, li temenda l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tintroduċi qafas doganali ġdid immexxi mid-data, Pjattaforma tad-Data Doganali ċentralizzata, status ġdid ta’ operaturi ta’ fiduċja u vverifikati (operaturi Trust and Check) u miżuri dwar pakketti ta’ valur baxx.
Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għall-Ekonomija u t-Tkabbir. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew.
Barbara MARTINELLO