Il-moviment liberu tal-ħaddiema

Din l-iskeda informattiva tispjega l-moviment liberu, waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali garantiti liċ-ċittadini tal-UE.<br/>Din tinkludi d-dritt tal-ħaddiema li jiċċaqilqu u jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE, filwaqt li l-membri tal-familja tagħhom igawdu l-istess dritt li jidħlu f’dak il-pajjiż u jissetiljaw magħhom. Ladarba jkunu hemm, l-individwi għandhom id-dritt li jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini lokali, filwaqt li jiżguraw trattament ġust fl-impjieg, fil-paga u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu, xi restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għal rwoli fl-amministrazzjoni pubblika jew fis-sigurtà nazzjonali.<br/>Biex tiddefendi dawn id-drittijiet, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) għandha rwol ewlieni fl-infurzar tar-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, billi toffri gwida u appoġġ, b’mod partikolari għall-ħaddiema stazzjonati (dawk mibgħuta temporanjament f’pajjiż ieħor tal-UE mill-impjegatur tagħhom).

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)
  • L-Artikoli 4(2)(a), 20, 26 u 45-48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
  • L-objettivi

    Il-moviment liberu tal-ħaddiema ilu wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE sa mill-bidu tagħha. Huwa stabbilit fl-Artikolu 45 tat-TFUE u huwa dritt fundamentali tal-ħaddiema, li jikkomplementa l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tas-servizzi fis-suq uniku Ewropew. Dan ifisser li kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza fir-rigward tal-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u l-impjieg hija pprojbita. Il-ħaddiema tal-UE għandhom ukoll id-dritt li jaċċettaw offerta ta’ impjieg magħmula f’pajjiż ieħor tal-UE, li jiċċaqilqu liberament fil-pajjiż, li joqogħdu għall-iskop ta’ impjieg u li jibqgħu hemm wara, skont ċerti kundizzjonijiet.

    Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) għandhom id-dritt li jaħdmu fl-UE bl-istess drittijiet u obbligi bħall-ħaddiema tal-UE. L-UE għandha wkoll ftehimiet speċjali ma’ pajjiżi oħra mhux tal-UE.

    Il-kisbiet

    L-għadd ta’ ċittadini mobbli tal-UE fl-età tax-xogħol baqa’ relattivament stabbli matul l-aħħar ħames snin. Fl-2024, iċ-ċittadini mobbli tal-UE fl-età tax-xogħol kienu jammontaw għal madwar 10.1 miljun (+1.8% fuq is-sena ta’ qabel), u ċ-ċittadin mobbli ta’ kull età kienu jammontaw għal madwar 14-il miljun. Barra minn hekk, l-għadd ta’ ħaddiema transfruntiera fl-UE laħaq madwar 1.87 miljun fl-2024, żieda ta’ 2% fuq is-sena ta’ qabel, u ġew irreġistrati 5.6 miljun ħaddiem stazzjonati, żieda żgħira meta mqabbel mal-2023 (+0.8%).

    A. Arranġamenti ġenerali attwali dwar il-libertà tal-moviment

    Id-dritt fundamentali tal-moviment liberu tal-ħaddiema ġie żviluppat f’diversi regolamenti u direttivi sa mis-snin 60. Ir-regolament fundatur dwar il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema (ir-Regolament (KEE) Nru 1612/68) u d-direttiva komplementari dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza (id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE) ġew immodernizzati bosta drabi. Bħalissa, id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-UE huma d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt ta’ moviment u r-residenza, ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, id-Direttiva 2014/54/UE dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema u r-Regolament (UE) 2019/1149 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol.

    1. Id-drittijiet ta’ moviment u residenza tal-ħaddiema

    Id-Direttiva 2004/38/KE introduċiet iċ-ċittadinanza tal-UE bħala l-istatus bażiku għaċ-ċittadini tal-Istati Membri meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-UE. Għall-ewwel tliet xhur, kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ pajjiż ieħor tal-UE mingħajr l-ebda kundizzjoni jew formalità għajr ir-rekwiżit li jkollu karta tal-identità valida jew passaport validu. Għal perjodi itwal, l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi li ċ-ċittadini jirreġistraw il-preżenza tagħhom fi żmien raġonevoli u mhux diskriminatorju.

    Id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu għal aktar minn tliet xhur jibqa’ soġġett għal ċerti kundizzjonijiet: dawk li mhumiex impjegati jew ħaddiema għal rashom jeħtiġilhom ikollhom assigurazzjoni kontra l-mard u biżżejjed riżorsi biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. L-istudenti jew dawk li jlestu taħriġ vokazzjonali wkoll għandhom id-dritt ta’ residenza, kif għandhom ukoll persuni (involontarjament) qiegħda li jkunu rreġistraw bħala qiegħda.

    Iċ-ċittadini tal-UE jiksbu d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru ospitanti wara perjodu ta’ ħames snin ta’ residenza legali kontinwa.

    Id-direttiva mmodernizzat ir-riunifikazzjoni tal-familja billi estendiet id-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” (li qabel kienet limitata għall-konjuġi, għad-dixxendenti taħt l-età ta’ 21 sena jew ulied dipendenti, u għall-axxendenti dipendenti) biex tinkludi sħab reġistrati jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tikkunsidra sħubija reġistrata bħala ekwivalenti għal żwieġ. Irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, dawn il-membri tal-familja għandhom id-dritt li jgħixu fl-istess pajjiż bħall-ħaddiem.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38/KE espressament jagħti lill-Istati Membri s-setgħa, f’każ ta’ abbuż jew frodi, li jirtiraw kwalunkwe dritt mogħti mid-Direttiva.

    2. L-impjieg

    Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 jistabbilixxi regoli għall-impjieg, għat-trattament ugwali u għall-familji tal-ħaddiema. Kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Membru għandu d-dritt ifittex impjieg fi Stat Membru ieħor f’konformità mar-regolamenti rilevanti applikabbli għall-ħaddiema nazzjonali. L-Istati Membri ma jistgħux japplikaw prattiki diskriminatorji, bħal li jillimitaw offerti tax-xogħol għaċ-ċittadini jew li jirrikjedu ħiliet lingwistiċi li jmorru lil hinn minn dak li jkun raġonevoli u meħtieġ għall-impjieg inkwistjoni. Barra minn hekk, ħaddiem mobbli huwa intitolat jirċievi l-istess għajnuna mill-uffiċċju nazzjonali tal-impjieg bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, u għandu wkoll id-dritt li joqgħod fil-pajjiż ospitanti għal perjodu twil biżżejjed biex ifittex xogħol, japplika għal impjieg u jiġi reklutat. Dan id-dritt japplika bl-istess mod għall-ħaddiema kollha, irrispettivament minn jekk ikunux fuq kuntratti permanenti, impjegati bħala ħaddiema staġjonali jew ħaddiema transfruntiera, jew jipprovdu servizzi.

    Madankollu, dawn ir-regoli ma japplikawx għall-ħaddiema stazzjonati, peress li ma jkunux qegħdin jagħmlu użu mid-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu: minflok, huma l-impjegaturi li qegħdin jużaw il-libertà tagħhom li jipprovdu servizzi sabiex jibagħtu ħaddiema barra mill-pajjiż fuq bażi temporanja. Il-ħaddiema stazzjonati huma protetti mid-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema (id-Direttiva (UE) 2018/957 li temenda d-Direttiva 96/71/KE), li tipprevedi l-istess regoli ta’ remunerazzjoni bħall-ħaddiema lokali fil-pajjiż ospitanti u tirregola l-perjodu li warajh tapplika l-liġi tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti (2.1.13).

    F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jaħdmu fi Stat Membru ieħor għandhom l-istess benefiċċji soċjali u ta’ taxxa u l-istess aċċess għall-akkomodazzjoni bħall-ħaddiema nazzjonali. Barra minn hekk, huma intitolati għal trattament ugwali meta jeżerċitaw id-drittijiet ta’ trade union.

    Japplikaw ukoll regoli kontra d-diskriminazzjoni għal ulied ħaddiem mobbli. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lil dawn l-ulied jattendu taħriġ edukattiv u taħriġ vokazzjonali sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom.

    3. Il-ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema

    Mill-introduzzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) irfinat l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE f’firxa ta’ ġurisprudenza dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Bażi tad-data online tal-Kummissjoni tippreżenta l-ġurisprudenza f’dan il-qasam.

    B. Ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment

    It-TFUE jippermetti li Stat Membru jillimita l-moviment liberu tal-ħaddiema għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Tali miżuri jridu jkunu bbażati fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat, li trid tirrappreżenta theddida gravi u reali biżżejjed għall-interessi fundamentali tal-Istat. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2004/38/KE tipprevedi sensiela ta’ garanziji proċedurali.

    Skont l-Artikolu 45(4) tat-TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema ma japplikax għall-impjieg fis-settur pubbliku, għalkemm din id-deroga ġiet interpretata b’mod restrittiv ħafna mill-QĠUE.

    Matul perjodu tranżitorju wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda, jistgħu jiġu applikati ċerti kundizzjonijiet li jillimitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema minn dawn l-Istati Membri, lejhom u bejniethom. Bħalissa ma hemm l-ebda perjodu tranżitorju fis-seħħ.

    Brexit temm il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema bejn ir-Renju Unit u l-UE-27 fil-31 ta’ Diċembru 2020. Id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE-27 li kienu diġà jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit u dawk iċ-ċittadini tar-Renju Unit li kienu qed jgħixu u jaħdmu fl-UE-27 huma koperti bil-Ftehim dwar il-Ħruġ, li jippermetti d-dritt kontinwu tagħhom li jibqgħu jew li jaħdmu, jiżgura n-nondiskriminazzjoni u jipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom. L-aspetti tas-sigurtà soċjali tas-sitwazzjonijiet transfruntiera ġodda kollha li bdew mill-1 ta’ Jannar 2021 huma koperti mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.

    C. Il-miżuri biex titħeġġeġ il-libertà ta’ moviment

    L-UE għamlet sforzi kbar biex tippromwovi l-mobbiltà tal-ħaddiema, anki billi:

    • tirriforma s-sistema responsabbli għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, li tipprevedi r-rikonoxximent awtomatiku ta’ diversi professjonijiet fis-settur tas-saħħa u tal-periti (id-Direttiva 2013/55/UE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali) (2.1.6);
    • tintroduċi l-Karta Professjonali Ewropea għal professjonijiet regolati magħżula;
    • tikkoordina l-iskemi tas-sigurtà soċjali, inkluża l-portabbiltà tal-protezzjoni soċjali, permezz tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (attwalment f’fażi ta’ reviżjoni) (3.6.4);
    • tniedi proġett pilota għal Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali (ESSPASS); li se jkun segwit minn proposta leġiżlattiva fit-tieni nofs tal-2026.
    • tadotta Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa u direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali (id-Direttiva 2011/24/UE dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali);
    • ittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema mobbli għad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari (id-Direttiva 2014/50/UE);
    • tiżgura li l-proċeduri ġudizzjarji jipprovdu rimedju għall-ħaddiema li huma diskriminati u li jkun hemm fis-seħħ korpi li jippromwovu u jimmonitorjaw it-trattament ugwali (id-Direttiva 2014/54/UE);
    • inizjattivi li jiffaċilitaw il-mobbiltà ta’ ħaddiema mhux tal-UE lejn l-UE, bħad-Direttiva dwar residenti għat-tul (id-Direttiva 2003/109/KE), id-Direttiva dwar id-dħul u r-residenza għal ħaddiema bi kwalifiki għoljin (id-Direttiva (UE) 2021/1883, magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar il-Karta Blu),id- Direttiva dwar il-Permess Uniku (id-Direttiva 2011/98/UE) u l-proposta għal regolament li jistabbilixxi Riżerva ta’ Talenti tal-UE.
    • l-istabbiliment tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) fl-2019, biex tinforza r-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, filwaqt li tiżgura li l-ħaddiema u n-negozji jkunu jistgħu joperaw mingħajr xkiel bejn il-fruntieri filwaqt li jipproteġu d-drittijiet tagħhom. Tappoġġja l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar transfruntier, inklużi spezzjonijiet konġunti, u timmedja biex jissolva t-tilwim transfruntier. L-aġenzija ħadet ir-responsabbiltà li tmexxi l-portal dwar il-mobbiltà fix-xogħol, EURES (Servizzi Ewropej tax-Xogħol) u l-pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat. F’Mejju 2025, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel evalwazzjoni tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol. B’ħarsitha ’l quddiem, il-Kummissjoni hija mistennija tipproponi leġiżlazzjoni ġdida sa tmiem l-2026 biex tkompli tespandi l-mandat tal-ELA, filwaqt li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fis-salvagwardja ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti f’suq tax-xogħol Ewropew li qed jevolvi.
    • Il-Kummissjoni qed tħejji pakkett dwar il-mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol li għandu jinħareġ sa tmiem l-2026 li se jinkludi proposti leġiżlattivi biex tissaħħaħ l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali u inizjattiva dwar il-portabbiltà tal-ħiliet.

      D. L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema

      Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal restrizzjonijiet bla preċedent fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema madwar l-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari minħabba l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Dawn ir-restrizzjonijiet affettwaw b’mod partikolari lill-ħaddiema transfruntiera, staġjonali u stazzjonati. B’reazzjoni għal dan, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida speċifiċi dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat b’dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni mir-rekwiżiti ta’ kwarantina għall-ħaddiema essenzjali.

      Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, miljuni ta’ persuni ħarbu mill-Ukrajna lejn l-UE. Il-Kummissjoni immedjatament ipproponiet l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, li tagħti lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna permess ta’ residenza u aċċess għall-edukazzjoni u għas-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ inizjattivi biex tiżgura l-integrazzjoni rapida u effettiva tar-rifuġjati Ukreni fis-suq tax-xogħol tal-UE u biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali tagħhom. Aktar minn 4.35 miljun persuna mill-Ukrajna bħalissa qed jibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ protezzjoni temporanja (ċifri ta’ Diċembru 2025).

      Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

      Il-Parlament dejjem enfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jippromwovu l-moviment liberu tal-ħaddiema.

      Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE (is-16 ta’ Jannar 2014), il-Parlament fakkar li d-dritt tal-libertà tal-moviment għal raġunijiet ta’ xogħol fl-UE ma għandux jiġi assoċjat mal-abbuż tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali u stieden lill-Istati Membri biex iżommu lura milli jieħdu azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw id-dritt tal-moviment liberu.

      Il-Parlament appoġġja l-istabbiliment ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ April 2019. Huwa ppromwova l-ħolqien ta’ portal uniku għall-moviment liberu, kif ukoll il-possibbiltà li l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tipproponi spezzjonijiet konġunti fuq inizjattiva proprja. Barra minn hekk, żied il-kooperazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat mal-kompiti ewlenin tiegħu, u għaldaqstant żgura li l-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat (stabbilita fl-2016 bl-appoġġ qawwi tal-Parlament) tkompli l-attivitajiet tagħha. B’ħarsa lejn il-futur, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tal-mandat tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol(it-18 ta’ Jannar 2024), il-Parlament identifika l-ħtieġa li l-mandat tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol jissaħħaħ u jiġi estiż.

      Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament adotta riżoluzzjonijiet dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha f’April 2020 u dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 f’Ġunju 2020. Sena wara, f’riżoluzzjoni dwar l-impatti tar-regoli tal-UE fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-servizzi (l-20 ta’ Mejju 2021), il-Parlament għal darb’oħra ġibed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tal-ħaddiema fruntaliera, stazzjonati, staġjonali, transfruntiera u ħaddiema mobbli oħra matul il-pandemija tal-COVID-19 u appella għal implimentazzjoni, infurzar u monitoraġġ imtejba tad-Direttiva riveduta dwar l-Istazzjonar ta’ Ħaddiema. Talab ukoll li jiġi stabbilit punt uniku ta’ servizz biex jipprovdi servizzi diġitali għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-istazzjonar tal-ħaddiema għall-ħaddiema u l-impjegaturi.

      Il-Parlament talab lill-Kummissjoni taċċelera l-pjanijiet tagħha għal Pass Ewropew tas-Sigurtà Soċjali (ESSPASS) diġitali biex tiffaċilita t-trasferiment tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema mobbli fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-introduzzjoni ta’ pass Ewropew tas-sigurtà soċjali (il-25 ta’ Novembru 2021).

      Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasport, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

       

      Victor Manuel Martinez Garzon