Din l-iskeda informattiva tiddeskrivi l-objettivi tal-politika tas-saħħa pubblika tal-UE u l-kuntest li fih żviluppat. Tippreżenta l-kisbiet ewlenin tal-UE biex tippromwovi s-saħħa u tipprevjeni l-mard, b’enfasi fuq il-kanċer u l-bini tar-reżiljenza għall-mard infettiv u t-theddid transfruntier għas-saħħa. L-isfidi tas-saħħa pubblika assoċjati mat-tibdil demografiku huma indirizzati, kif inhi wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aċċess għal mediċini kritiċi. L-iżviluppi ta’ politika reċenti fis-saħħa elettronika u l-bijoteknoloġija huma ppreżentati wkoll.

Il-bażi legali

  • It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jindirizza s-saħħa pubblika fl-Artikolu 168. L-Artikolu 114 huwa wieħed mill-bażijiet legali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, filwaqt li l-Artikolu 153 huwa l-bażi legali għal diversi direttivi tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.
  • L-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u li jibbenefika minn trattament mediku fis-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa.
  • L-objettivi tal-politika tas-saħħa tal-UE

    Il-gvernijiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE (l-Istati Membri tal-UE) għandhom ir-responsabbiltà primarja li jorganizzaw u jagħtu servizzi tas-saħħa u kura medika. Il-politika tas-saħħa pubblika tal-UE tikkomplementa l-politiki nazzjonali u għandha l-għan li:

    • tipproteġi u ttejjeb is-saħħa tan-nies fl-UE;
    • tappoġġja l-modernizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tas-sistemi u l-infrastruttura tas-saħħa;
    • ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tal-UE; kif ukoll
    • tgħammar aħjar lill-pajjiżi tal-UE biex jipprevjenu u jindirizzaw pandemiji futuri.
    • Kif evolviet il-politika tas-saħħa pubblika tal-UE

      Il-bidliet fit-Trattati fundaturi tal-UE fid-disgħinijiet għamlu s-saħħa pubblika aktar prominenti fil-politiki tal-UE. Id-dritt għal-libertà ta’ moviment ifisser li kemm il-pazjenti kif ukoll il-professjonisti tas-saħħa jistgħu jiċċaqalqu liberament bejn l-Istati Membri tal-UE. Barra minn hekk, kwistjonijiet ewlenin tas-saħħa spiss jaqsmu l-fruntieri nazzjonali u għandhom konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-UE.

      Żewġ aġenziji speċjalizzati jgħinu fit-tfassil tal-politika tas-saħħa pubblika tal-UE:

      • l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini twaqqfet fl-1995 biex tevalwa l-mediċini, tissorvelja l-użu tagħhom fl-UE u timmonitorja s-sikurezza tagħhom;
      • iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, maħluq fl-2004, jiġbor data dwar mard infettiv, jivvaluta r-riskji u jipprovdi gwida biex jgħin lill-pajjiżi jipprevjenu u jirrispondu għal tifqigħat u theddid għas-saħħa pubblika.
      • Il-programm l-UE għas-Saħħa (2021–2027) ġie stabbilit biex jindirizza l-isfidi tas-saħħa fit-tul billi jagħmel is-sistemi tas-saħħa aktar b’saħħithom, aktar reżiljenti u aktar aċċessibbli. Ġie adottat bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u biex itejjeb it-tħejjija għall-kriżijiet fl-UE. Jenfasizza l-importanza tar-reżiljenza kollettiva u s-sigurtà tas-saħħa transfruntiera, u jwitti t-triq għal unjoni Ewropea tas-saħħa.

        L-Unjoni Ewropea tas-Saħħa hija qafas ta’ politika li jiffoka fuq:

        • it-tħejjija għal kriżijiet tas-saħħa futuri u theddid transfruntier għas-saħħa;
        • l-immodernizzar tal-liġijiet farmaċewtiċi tal-UE biex jittejjeb l-aċċess tan-nies għal mediċini affordabbli u innovattivi;
        • il-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-kanċer u l-għoti ta’ kura ta’ kwalità għolja għall-pazjenti bil-kanċer;
        • l-istabbiliment ta’ qafas komuni għall-użu u l-iskambju ta’ data elettronika dwar is-saħħa madwar l-UE (l-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa).
        • L-UE hija mħassba wkoll dwar is-saħħa globali u dan l-aħħar saħħet l-involviment tagħha fil-qasam bl-inizjattiva globali għar-reżiljenza tas-saħħa.

          Kisbiet u żviluppi attwali fil-politika tas-saħħa pubblika

          A. Is-saħħa fil-politiki kollha u Saħħa Waħda

          Fl-2006, ġie fformulat l-approċċ tas-“saħħa fil-politiki kollha” – approċċ li jqis l-impatt fuq is-saħħa tal-politiki kollha, mhux biss dawk li jindirizzaw b’mod espliċitu s-saħħa pubblika. F’konformità mal-Artikoli 9 u 168(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 35 tal-Karta, l-implikazzjonijiet għas-saħħa għandhom jitqiesu fit-tfassil kollu tal-politika fil-livelli tal-UE, nazzjonali u lokali.

          Eżempji reċenti juru l-approċċ ta’ “saħħa fil-politiki kollha” fl-azzjoni:

          • il-pjan ta’ azzjonita’ tniġġis żero jfittex li joħloq ambjent ta’ għajxien aktar nadif u aħjar għas-saħħa;
          • il-programm l-UE għas-Saħħa (2021-2027), flimkien ma’ fondi u programmi oħra, jgħin biex jiġu indirizzati kwistjonijiet tas-saħħa minn perspettivi differenti;
          • diversi politiki għandhom l-għan li jipprevjenu l-effetti dannużi għas-saħħa minħabba t-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fl-għadd ta’ mwiet minħabba l-mewġiet ta’ sħana u d-diżastri naturali, it-tibdil fix-xejriet ta’ infezzjoni fil-mard li jinġarr mill-ilma u l-mard trażmess mill-insetti, mill-bebbux jew minn annimali oħra ta’ demmhom kiesaħ.
          • L-approċċ “Saħħa Waħda” huwa approċċ integrat u unifikanti li għandu l-għan li jibbilanċja u jottimizza b’mod sostenibbli s-saħħa tan-nies, tal-annimali u tal-ekosistemi. L-għanijiet tiegħu jinkludu l-prevenzjoni tal-mard trażmess direttament jew indirettament bejn l-annimali u l-bnedmin u t-tnaqqis tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (jiġifieri meta l-batterji, il-viruses, il-fungi u l-parassiti ma jibqgħux jirrispondu għall-mediċini użati għall-prevenzjoni jew għat-trattament tagħhom).

            B. Il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa

            L-inizjattivi tal-UE f’dan il-qasam jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ mard komunikabbli (jiġifieri infettiv) u mard mhux komunikabbli, inkluż il-kanċer, u t-tnaqqis tar-reżistenza għall-antimikrobiċi.

            1. Il-kanċer

            Il-kanċer huwa t-tieni kawża ewlenija ta’ mewt fl-UE. L-impatt tiegħu jestendi lil hinn mill-isferi personali u familjari, għax jaffettwa wkoll is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-produttività ekonomika. L-UE tindirizza l-kanċer permezz ta’ diversi inizjattivi.

            • Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, mill-2021, ikopri l-prevenzjoni, id-dijanjożi bikrija, it-trattament u s-segwitu.
            • Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat approċċ ġdid għall-iskrinjar tal-kanċer biex tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex iwettqu aktar skrinjar tal-kanċer. Il-mira tagħha kienet li tiżgura li 90% tan-nies fl-UE li jikkwalifikaw għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, kolorettali u ċervikali jiġu offruti skrinjar sal-2025.
            • Biex jappoġġjaw lil dawk li jfasslu l-politika u jgħinu ħalli l-investiment u l-kontribuzzjonijiet jiġu ggwidati lejn dan l-għan, il-Profili tal-Pajjiżi dwar il-Kanċer jenfasizzaw il-kisbiet, l-isfidi u d-disparitajiet fil-kura tal-kanċer madwar l-UE.
            • Il-Kodiċi Ewropew kontra l-Kanċer huwa sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kif in-nies fl-UE jistgħu jnaqqsu r-riskju tal-kanċer. L-edizzjoni tal-2025 taġġorna u tespandi l-linji gwida dwar il-prevenzjoni, filwaqt li tintegra l-aktar evidenza xjentifika u rakkomandazzjonijiet ta’ politika reċenti.
            • 2. Mard mhux komunikabbli ieħor

              F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-inizjattiva “Healthier together – Inizjattiva tal-UE dwar il-mard li ma jitteħidx” biex tgħin lill-Istati Membri jnaqqsu l-piżijiet ewlenin tal-mard mhux komunikabbli u jsaħħu l-benesseri taċ-ċittadini. Qed tingħata attenzjoni partikolari lil żewġ oqsma: is-saħħa mentali u l-mard kardjovaskulari.

              a. Is-saħħa u l-benesseri mentali

              Fl-UE, aktar minn 84 miljun persuna – madwar persuna minn kull sitta – għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Is-saħħa mentali ġiet integrata fl-aġenda tal-UE dwar is-saħħa pubblika permezz ta’ inizjattivi bħall-Azzjoni Konġunta dwar is-Saħħa u l-Benesseri Mentali (2013–2016). Din wasslet, min-naħa tagħha, għall-ħolqien tal-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar is-Saħħa u l-Benesseri Mentali.

              Minħabba l-fatt li s-suwiċidju huwa t-tieni l-akbar kawża ta’ mewt ta’ dawk bejn il-15-il sena u d-29 sena, il-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni, in-nuqqas ta’ stigmatizzazzjoni u l-aċċess għall-għajnuna jibqgħu ta’ importanza ewlenija. Fl-2023, il-Kummissjoni Ewropea adottat komunikazzjoni dwar approċċ komprensiv għas-saħħa mentali. Is-saħħa mentali u d-disturbi newroloġiċi huma appoġġjati wkoll mill-inizjattiva “Healthier together”. F’Jannar 2026, tnediet sħubija Ewropea għas-saħħa tal-moħħ.

              b. Il-mard kardjovaskulari u l-fatturi ta’ stil ta’ ħajja

              Il-mard kardjovaskulari huwa l-akbar kawża ta’ mewt fl-UE.Il-konsum tad-droga, l-alkoħol u t-tabakk huma għażliet ta’ stil ta’ ħajja li jżidu b’mod sinifikanti r-riskju li jiżviluppaw kundizzjonijiet relatati mal-qalb, li għandhom impatt serju fuq is-saħħa tal-bniedem. L-indirizzar ta’ dawn il-fatturi ta’ riskju huwa enfasi ewlenija tal-politika tas-saħħa tal-UE. L-istadji importanti biex jiġi rregolat l-użu tat-tabakk jinkludu d-Direttiva dwar it-Taxxa fuq it-Tabakk fl-2011 u d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-2014. F’Lulju 2025, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq it-Tabakk biex tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal prodotti ġodda u biex iżżid ir-rati minimi tat-taxxa biex jirriflettu l-inflazzjoni u d-differenzi fil-livelli tal-prezzijiet bejn l-Istati Membri.

              F’Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea żvelat pjan dwar is-saħħa kardjovaskulari, il-Pjan għall-Qlub b’Saħħithom, li jiffoka fuq il-mard kardjovaskulari fost gruppi aktar vulnerabbli. Il-Parlament Ewropew ilu mill-2025 jaħdem fuq rapport fuq inizjattiva proprja dwar strateġija tal-UE dwar il-mard kardjovaskulari.

              3. Mard komunikabbli u theddid għas-saħħa pubblika

              Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu sistema ta’ twissija bikrija u ta’ rispons biex jidentifika u jirrispondi għal tifqigħat possibbli ta’ mard komunikabbli u theddid transfruntier għas-saħħa.

              Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-UE – magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tas-saħħa mill-Istati Membri tal-UE u l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja – jikkoordina r-rispons tal-UE għal tifqigħat u epidemiji u jikkoopera mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

              Fl-2022, ġew estiżi l-mandati tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, ġie adottat regolament ġdid dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa, u ġiet stabbilita l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA) biex ittejjeb it-tħejjija u r-rispons għal theddid transfruntier serju.

              Barra minn hekk, f’April 2025, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika biex tinforma l-istrateġija tagħha dwar prodotti mediċi użati bħala rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika. L-istrateġija se tiżgura li l-UE tkun ippreparata u tkun tista’ tirrispondi għat-theddid għas-saħħa pubblika, inkluż it-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari.

              C. Il-bidla soċjetali u demografika

              L-UE qed tiffaċċja l-isfida li tiżgura li l-popolazzjoni tagħha li qed tixjieħ ikollha kwalità ta’ ħajja għolja u li s-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħha jkunu sostenibbli. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument ta’ diskussjoni dwar it-tixjiħ, segwit fl-2023 minn rapport intitolat “The impact of demographic change in a changing environment” (L-impatt tat-tibdil demografiku f’ambjent li qed jinbidel). Wara li identifikat l-isfidi li jirriżultaw mit-tixjiħ, mit-tnaqqis fil-popolazzjoni u minn forza tax-xogħol iżgħar, hija ppreżentat ukoll għodod ta’ politika għall-ġestjoni tat-tibdil demografiku, f’komunikazzjoni bit-titolu “Demographic change in Europe: a toolbox for action” (It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni).

              Il-kriżijiet tal-migrazzjoni jippreżentaw ukoll sfidi għall-politika tas-saħħa pubblika. Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni tagħha dwar l-integrazzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE fl-2016. Tindirizza l-iżvantaġġi relatati mas-saħħa esperjenzati mill-migranti, inkluża d-diffikultà biex jaċċessaw il-kura tas-saħħa. Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea ressqet l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, bl-għan li tarmonizza aktar il-politiki tal-UE f’dan il-qasam. Regolamenti ġodda se jkunu applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2026.

              Bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fit-tfulija f’oqsma bħas-saħħa, fl-2021 ġiet adottata Garanzija Ewropea għat-Tfulija. L-għan tagħha huwa li tipprevjeni u tiġġieled l-esklużjoni soċjali billi tiżgura aċċess effettiv għal servizzi ewlenin, inklużi kura tas-saħħa mingħajr ħlas u nutrizzjoni tajba għas-saħħa. Bħala l-ewwel pass, l-Istati Membri ppreżentaw pjanijiet nazzjonali li jiddeskrivu kif se jimplimentaw il-Garanzija Ewropea għat-Tfal sal-2030. Fi Frar 2026, il-Parlament Ewropew ippropona l-għan li jinqered il-faqar fost it-tfal sal-2035.

              D. Mediċini

              Prodott mediċinali (mediċina) huwa sustanza jew taħlita ta’ sustanzi użati għat-trattament jew għall-prevenzjoni ta’ mard fil-bnedmin (ara 2.2.5). L-UE għaddiet diversi liġijiet biex tirregola kif il-prodotti mediċinali jiġu awtorizzati, ikkummerċjalizzati u użati fl-UE. Dawn jinkludu:

              • direttiva tal-2001 dwar l-awtorizzazzjoni, il-manifattura, l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali (id-Direttiva 2001/83/KE);
              • regolament tal-2004 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti mediċinali u r-regoli għall-monitoraġġ tagħhom, u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ir-Regolament (KE) Nru 726/2004).
              • Żvilupp sinifikanti kien l-adozzjoni tal-“pakkett dwar il-farmaċewtiċi”, li għandu l-għan li jagħmel il-mediċini aktar disponibbli, aktar aċċessibbli u aktar affordabbli. L-għan tal-pakkett huwa li jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tal-pazjenti billi jagħti spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività permezz ta’ inċentivi għall-iżvilupp ta’ antimikrobiċi ġodda, mediċini għal mard rari u trattamenti għat-tfal. Il-pakkett ifittex ukoll li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, filwaqt li jiżgura d-disponibbiltà f’waqtha ta’ mediċini sikuri u affordabbli madwar l-UE.

                L-Att dwar il-Mediċini Kritiċi, li ġie propost mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu 2025, u li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea qegħdin bħalissa jinnegozjaw dwaru, għandu l-għan li jtejjeb id-disponibbiltà, il-provvista u l-produzzjoni ta’ mediċini kritiċi.

                E. Is-saħħa elettronika

                L-UE tinsab f’nofs trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħha. It-teknoloġiji diġitali u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-informazzjoni qed jiġu integrati f’diversi aspetti tal-industrija tal-kura tas-saħħa. Jinkludu l-użu ta’ rekords elettroniċi tas-saħħa, it-telemediċina, apparati li jintlibsu, apps għall-apparati mobbli, l-analitika tad-data u għodod diġitali oħra. Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-kura tas-saħħa hija parti mill-istrateġija tal-UE għal suq uniku diġitali, li għandha l-għan li tallinja l-oqfsa legali u l-infrastruttura għal sistemi diġitali bejn l-Istati Membri.

                In-Network tas-Saħħa Elettronika huwa network volontarju stabbilit skont direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transfruntiera. Jipprovdi pjattaforma biex jiġu konnessi l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-saħħa elettronika.

                Fl-2018, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-prijoritajiet tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u tal-kura. Dawn kienu jinkludu aċċess sigur għad-data dwar is-saħħa għan-nies madwar l-UE, mediċina personalizzata, riċerka aħjar permezz ta’ infrastruttura kondiviża tad-data, u l-għoti tas-setgħa lill-individwi permezz ta’ għodod diġitali għall-feedback tal-pazjenti u kura ċċentrata fuq il-persuna.

                L-Infrastruttura ta’ Servizzi Diġitali tas-Saħħa Elettronika tiżgura li persuni minn Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jkomplu jirċievu l-kura waqt li jivvjaġġaw fi Stati Membri oħra.

                F’Marzu 2025, daħal fis-seħħ ir-regolament għal Spazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa. Dan għandu l-għan li jagħti s-setgħa lill-individwi fl-UE biex jaċċessaw u jiġġestixxu d-data dwar is-saħħa tagħhom stess. Jippermetti wkoll li d-data dwar is-saħħa terġa’ tintuża bejn il-fruntieri, għar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jiżgura l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Din hija kisba ewlenija fl-aġenda tas-saħħa elettronika għall-UE. Bejn issa u Marzu 2027, il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija tadotta diversi atti legali ewlenin biex tispeċifika r-regoli għall-implimentazzjoni tar-regolament.

                F. Il-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa

                It-teknoloġiji tas-saħħa jinkludu l-mediċini, l-apparati mediċi, l-għodod dijanjostiċi, il-proċeduri kirurġiċi, u l-miżuri għall-prevenzjoni, id-dijanjożi jew it-trattament tal-mard. Il-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa hija evalwazzjoni sistematika ta’ data bbażata fuq l-evidenza dwar it-teknoloġiji tas-saħħa. Tintuża biex jiġi żgurat li l-politiki tas-saħħa jkunu sikuri, effettivi, iffukati fuq il-pazjent u kosteffiċjenti. Tkejjel ukoll il-valur miżjud tat-teknoloġiji tas-saħħa, billi tiggwida d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar ir-rimborż tal-ispejjeż għall-utenti. Fl-2021 ġie adottat regolament dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġiji tas-saħħa, u ilu minn Jannar 2025 jiġi applikat gradwalment.

                G. L-Att dwar il-Bijoteknoloġija u l-kompetittività Ewropea

                F’Diċembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-Att dwar il-Bijoteknoloġija, li għandu l-għan li jaċċellera l-innovazzjoni fil-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa, il-provi kliniċi u l-bijomanifattura, sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u jiġu avvanzati s-soluzzjonijiet tal-kura tas-saħħa. Bħalissa l-Kumitat għas-Saħħa Pubblika tal-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tiegħu qed jiskrutinizzawh u jiddiskutuh. Il-Kummissjoni Ewropea ġeneralment tqiegħed il-kompetittività fil-qalba tal-aġenda ekonomika tagħha biex tindirizza sfidi dejjem akbar bħat-tibdil fil-klima, l-IA u t-tensjonijiet ġeopolitiċi. Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2026, hija ħabbret Att dwar il-Bijoteknoloġija II, li huwa mistenni li jiġi propost lejn l-aħħar tal-2026.

                Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                Mill-2023 sal-2025, il-Kumitat għas-Saħħa Pubblika tal-Parlament Ewropew opera bħala sottokumitat tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel. Fi Frar 2025, sar kumitat permanenti sħiħ, il-Kumitat għas-Saħħa Pubblika, li ma baqax dipendenti fuq il-kumitat prinċipali. Jista’ jiddeskrivi l-prijoritajiet leġiżlattivi tiegħu u jirrispondi għall-proposti leġiżlattivi permezz tal-adozzjoni ta’ rapporti, jipproponi emendi għall-plenarja u jaħtar tim tan-negozjati biex imexxi n-negozjati mal-Kunsill tal-UE dwar il-leġiżlazzjoni. Huwa responsabbli għall-programmi u l-azzjonijiet fis-saħħa pubblika, l-apparati farmaċewtiċi u mediċi, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa, u s-saħħa mentali u d-drittijiet tal-pazjenti. Jissorvelja wkoll il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Jikkollabora regolarment mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

                Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, ara s-sit web tal-Kumitat għas-Saħħa Pubblika.

                 

                Anne-Marie Finnemann / Ioana-Alice POSTU