Din l-iskeda informattiva tagħti ħarsa ġenerali lejn il-politika tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur u trawwem l-operat bla xkiel tas-suq uniku. Tindika kif, maż-żmien, l-iżviluppi wessgħu l-objettivi tas-sikurezza tal-ikel biex jinkludu l-mitigazzjoni tal-insigurtà tal-ikel ikkawżata mill-kriżi. Tħares ukoll lejn l-oqsma differenti koperti mill-politika tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u tiddeskrivi r-rwol tal-Parlament Ewropew fir-regolamentazzjoni tagħha.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 43 (l-agrikoltura u s-sajd), 114 (is-suq uniku), 168(4) (is-saħħa pubblika) u 169 (il-ħarsien tal-konsumatur) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  • L-isfond ġenerali

    Fil-bidu tas-snin 2000, wara serje ta’ kriżijiet tal-ikel u tal-għalf tal-annimali (eż. it-tifqigħa tal-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) u l-iskandli tad-diossina), il-politika tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel għaddiet minn riforma sostanzjali. Din wasslet għall-iżvilupp tal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, li tfittex li tiżgura livell għoli ta’ sikurezza fl-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni għall-prodotti kollha tal-ikel li jiġu kummerċjalizzati fl-UE, kemm jekk jiġu prodotti fl-UE kif ukoll jekk jiġu importati minn pajjiżi mhux tal-UE. Dan l-approċċ ġie inkorporat u żviluppat aktar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew ġenerali fl-2020 u għandu l-għan li jallinja l-produzzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u sikur mal-konservazzjoni ambjentali.

    F’konformità mal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, inħoloq qafas kumpless u integrat ta’ regoli li jkopru l-katina alimentari kollha – mill-għalf u s-saħħa tal-annimali, għall-protezzjoni tal-pjanti u l-produzzjoni tal-ikel, sal-ipproċessar, il-ħżin, it-trasport, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet u l-bejgħ bl-imnut. Minkejja li l-leġiżlazzjoni tal-UE żżomm standards tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf għoljin u għandha rwol ewlieni fl-iffissar tal-istandards globalment, xorta waħda għadhom iseħħu inċidenti relatati mas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf. B’reazzjoni għal dan, l-UE, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), implimentat sistema ta’ twissija robusta biex tidentifika dawn il-kwistjonijiet ta’ sikurezza u tirrispondi għalihom.

    Il-kisbiet

    A. Il-leġiżlazzjoni ġenerali

    Ir-regolament tal-2002 dwar il-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel; ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-liġi dwar l-ikel u l-għalf u jqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Introduċa wkoll is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf, li tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiskambjaw l-informazzjoni malajr u jikkoordinaw ir-reazzjonijiet tagħhom għat-theddid għas-saħħa kkawżat mill-ikel jew l-għalf. Barra minn hekk, stabbilixxa l-EFSA, li hija inkarigata li tivvaluta r-riskji kollha relatati mal-katina alimentari u li tipprovdi informazzjoni dwarhom.

    Mill-2014 sal-2018, il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel għaddiet minn kontroll tal-idoneità, jiġifieri evalwazzjoni olistika tal-politika, biex jiġi vvalutat jekk kinitx adattata għall-iskop tagħha. B’riżultat ta’ dan, u b’reazzjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej biex jiġi pprojbit il-glifosat, ir-regolament dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari (ir-Regolament (UE) 2019/1381) daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Ġunju 2019. Huwa għandu l-għan li jikkomplementa l-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u jtejjeb it-trasparenza tal-valutazzjoni tar-riskju tal-EFSA, l-indipendenza tal-istudji xjentifiċi sottostanti u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri biex jipprovdu l-esperti u d-data.

    Fil-qafas tal-aġenda ta’ simplifikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ simplifikazzjoni tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, jew “omnibus”, fis-16 ta’ Diċembru 2025. Bħalissa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qed jeżaminaw il-proposta taħt il-proċedura ta’ kodeċiżjoni.

    B. L-iġjene tal-prodotti tal-ikel

    L-UE għandha l-għan li tiżgura l-iġjene tal-ikel mill-azjendi agrikoli sal-konsumaturi. F’April 2004, ir-regolament dwar l-iġjene tal-prodotti tal-ikel (il-“Pakkett dwar l-Iġjene”) ġie adottat bħala parti mill-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”. Il-pakkett ipoġġi r-responsabbiltà primarja għall-iġjene tal-prodotti tal-ikel direttament fuq id-diversi atturi fil-katina alimentari permezz ta’ sistema awtoregolatorja bbażata fuq is-sistema tal-analiżi tal-perikli u punti kritiċi ta’ kontroll, li hija mmonitorjata minn kontrolli uffiċjali.

    Dan il-pakkett jinkludi:

    • ir-regolament li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ir-Regolament (KE) Nru 853/2004) tad-29 ta’ April 2004;
    • qafas Komunitarju għall-kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem, li minn dak iż-żmien ġie mħassar u sostitwit bir-regolament dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ir-Regolament 2017/625) tal-15 ta’ Marzu 2017;
    • regoli għat-traċċabbiltà tal-ikel skont il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, li jiddikjaraw li jekk xi prodott tal-ikel joħloq riskju għas-saħħa, in-negozji jridu jirtirawh minnufih mis-suq, jinfurmaw lill-utenti u javżaw lill-awtorità rilevanti.
    • C. Il-kontaminazzjoni tal-ikel

      Il-kontaminazzjoni tal-ikel tista’ sseħħ b’mod naturali jew tirriżulta minn prattiki ta’ kultivazzjoni jew proċessi ta’ produzzjoni. Ir-residwi fil-prodotti tal-ikel jistgħu joriġinaw ukoll minn annimali li jipproduċu l-ikel trattati b’mediċini veterinarji jew li jkunu ġew esposti għal pestiċidi jew għal prodotti bijoċidali. Sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, ir-regolament dwar il-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-ikel (ir-Regolament (UE) 2023/915) tal-25 ta’ April 2023 jistabbilixxi livelli massimi għall-kontaminanti, bħan-nitrati, il-metalli tqal u d-diossini, kemm fl-ikel tal-annimali kif ukoll f’dak ibbażat fuq il-pjanti, u jistabbilixxi limiti massimi ta’ residwi. Il-prodotti tal-ikel li jkun fihom kwantitajiet inaċċettabbli ta’ sustanzi kontaminanti ma jistgħux jiġu kummerċjalizzati fl-UE.

      Barra minn hekk, l-UE adottat ukoll regoli li jikkonċernaw il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel, inklużi materjali għat-trasport jew għall-ipproċessar tal-ikel, materjali tal-imballaġġ u oġġetti tal-kċina jew oġġetti tal-mejda:

      • ir-regolament dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel (ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004) tas-27 ta’ Ottubru 2004 jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-materjali rilevanti u l-oġġetti kollha, u jiżgura li dawn il-materjali ma jittrasferux il-komponenti tagħhom fuq l-ikel f’livelli li jikkostitwixxu ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Miżuri speċifiċi tal-UE li fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati jistgħu jiġu adottati għas-17-il materjal u oġġett li jiġu f’kuntatt mal-ikel elenkati fl-Anness I tiegħu. 
      • l-istandards ta’ prassi tajba ta’ manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel huma deskritti fir-Regolament (KE) Nru 2023/2006.
      • fl-2011, l-UE stabbiliet rekwiżiti għall-plastik użat fil-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ir-Regolament (UE) Nru 10/2011).
      • fl-2022, ġew stabbiliti regoli dwar is-sikurezza ta’ materjali u oġġetti tal-plastik riċiklat maħsuba biex jiġu f’kuntatt ma’ oġġetti tal-ikel (ir-Regolament (UE) 2022/1616). Dawn jissupplimentaw ir-regoli ġenerali stabbiliti fir-regolament qafas.
      • D. Informazzjoni dwar l-ikel

        Ir-regolament dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ir-Regolament dwar l-FIC) tal-25 ta’ Ottubru 2011 daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2014. L-obbligu li tingħata informazzjoni dwar in-nutrizzjoni ilu japplika mit-13 ta’ Diċembru 2016.

        Bħala parti mill-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, il-Kummissjoni ħabbret il-pjan tagħha biex tirrevedi r-regoli tal-UE dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi. L-għan ta’ din ir-reviżjoni jkun li tiġi żgurata informazzjoni aktar ċara dwar it-tikkettar tal-ikel biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet tal-ikel aktar tajbin għas-saħħa u aktar sostenibbli, u biex tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel. Madankollu, s’issa ma ġiet ippreżentata l-ebda proposta leġiżlattiva.

        1. It-tikkettar tal-ikel

        Il-qafas legali li jirregola t-tikkettar tal-ikel għandu l-għan li jiżgura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni ċara, li tinftiehem u tkun affidabbli dwar il-kontenut u l-kompożizzjoni tal-prodotti biex jiġu mħarsa s-saħħa u l-aħjar interessi tagħhom. L-aktar karatteristika ġdida sinifikanti tar-regolament dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi hija r-rekwiżit għall-produtturi li jindikaw il-preżenza ta’ allerġeni f’ikel mhux ippakkjat, bħal dak li jisserva fir-ristoranti u fil-canteens. Il-produtturi jridu jindikaw ukoll l-oriġini ta’ ċerti tipi ta’ laħam mhux ipproċessat u l-preżenza ta’ imitazzjonijiet tal-ikel.

        It-tikkettar, il-preżentazzjoni jew ir-reklamar ma jridux jiżgwidaw lill-konsumaturi. Hemm regoli ċari għall-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa awtorizzati, bħal “kontenut baxx ta’ xaħam”, stabbiliti bir-regolament dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006) tal-20 ta’ Diċembru 2006. Tali indikazzjonijiet iridu jkunu appoġġjati minn evidenza xjentifika u jistgħu jinstabu f’reġistru pubbliku tal-UE tal-Indikazzjonijiet dwar is-Saħħa. Barra minn hekk, ir-regolament tal-2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż (ir-Regolament (UE) Nru 609/2013) issostitwixxa l-kategorija wiesgħa ta’ ikel “dijetetiku” b’regoli speċifiċi għall-gruppi ta’ konsumaturi vulnerabbli, bħat-trabi, it-tfal żgħar, l-individwi b’kundizzjonijiet mediċi u dawk li jsegwu d-dieti tal-kontroll tal-piż.

        2. L-oriġini tal-ikel

        F’konformità mar-regolament dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, huwa obbligatorju li jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini għal ċerti prodotti tal-ikel.

        Erbgħa mis-sebgħa “Direttivi dwar il-Kolazzjon” ġew aġġornati f’April 2024 biex jissaħħu r-regoli dwar it-tikkettar tal-oriġini għall-għasel, il-meraq, il-ġamm tal-frott u l-ħalib imnixxef. Għall-għasel, pereżempju, il-pajjiżi tal-oriġini jridu jiġu elenkati qrib l-isem tal-prodott f’ordni dixxendenti skont il-piż, inklużi l-perċentwali rispettivi tagħhom. Regoli simplifikati japplikaw għal taħlitiet taħt it-30 gramma. Il-pajjiżi tal-UE huma obbligati japplikaw ir-regoli l-ġodda mill-14 ta’ Ġunju 2026. F’Lulju 2024, Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar din il-kwistjoni ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni. Madankollu, peress li ma laħqitx il-limitu meħtieġ ta’ miljun firma fi żmien sena, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tieħu azzjoni ulterjuri.

        3. L-immarkar tad-data u l-ħela tal-ikel

        Studju tal-Kummissjoni dwar l-immarkar tad-data u informazzjoni oħra pprovduta fuq it-tikketti tal-ikel u l-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel li sar fl-2018 ikkonkluda li sa 10% tal-ħela kollha tal-ikel iġġenerata fl-UE tista’ tkun marbuta mal-immarkar tad-dati (id-dati “best before” (uża qabel) u “use by” (uża sa). Skont l-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi r-regoli attwali tal-UE dwar l-immarkar tad-dati. Madankollu, sal-lum għadha ma ġiet ippubblikata l-ebda proposta.

        Fis-16 ta’ Ottubru 2025, daħlu fis-seħħ regoli ġodda biex titnaqqas il-ħela tal-ikel u tat-tessuti permezz tar-reviżjoni mmirata tad-direttiva dwar l-iskart (id-Direttiva (UE) 2025/1892). Skont dawn ir-regoli, l-Istati Membri huma meħtieġa jnaqqsu l-ħela tal-ikel b’10% fl-ipproċessar u fil-manifattura u bi 30% per capita fil-livell tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsum, li jinkludi ristoranti, servizzi tal-ikel u unitajiet domestiċi, sal-31 ta’ Diċembru 2030.

        E. Is-sustanzi miżjuda mal-ikel

        L-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel jew l-aromatizzanti tal-ikel – magħrufa wkoll bħala “aġenti għat-titjib tal-ikel” – huma sustanzi intenzjonalment miżjuda mal-prodotti tal-ikel biex iwettqu ċertu funzjonijiet teknoloġiċi, bħal pereżempju, jagħtu kulur, iżidu fil-ħlewwa jew jippreservaw. Jeżistu regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-użu u t-tikkettar ta’ dawn is-sustanzi.

        • L-addittivi tal-ikel iridu jirċievu awtorizzazzjoni qabel ma jintużaw fil-prodotti tal-ikel.
        • Ladarba jiġu approvati, dawn is-sustanzi u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom huma elenkati fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati (ir-Regolament (UE) Nru 1129/2011), li temenda l-lista stabbilita fl-Anness II tar-regolament ġenerali dwar l-addittivi tal-ikel (ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008) tas-16 ta’ Diċembru 2008.
        • L-istess japplika għas-supplimenti tal-ikel bħal vitamini u minerali, li jistgħu jiġu miżjuda mal-ikel sabiex jarrikkuh jew jenfasizzaw il-karatteristiċi nutrittivi speċifiċi tiegħu, dment li dawn jidhru fuq listi speċifiċi ta’ sustanzi permessi u s-sorsi permessi tagħhom (ir-regolament dwar iż-żieda ta’ vitamini u minerali u ta’ ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006)).
        • F. Is-saħħa tal-annimali u tal-pjanti

          Ir-regoli tal-UE jinkludu dispożizzjonijiet ġenerali dwar is-sorveljanza, in-notifika u t-trattament ta’ mard infettiv u l-vetturi tiegħu bil-għan li jiżguraw is-sikurezza tal-katina alimentari. Il-Liġi tal-UE dwar is-Saħħa tal-Annimali (ir-Regolament (UE) Nru 2016/429), tad-9 ta’ Marzu 2016, applikabbli minn April 2021, tiffoka fuq il-prevenzjoni u l-qerda tal-mard trażmissibbli tal-annimali billi tikkjarifika r-responsabbiltajiet u tiżgura l-identifikazzjoni bikrija u l-kontroll. Dan ir-regolament jikkonsolida bosta dispożizzjonijiet legali dwar is-saħħa tal-annimali f’liġi unifikata. Dan huwa kkomplementat mir-regolament dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ir-Regolament (UE) Nru 2017/625).

          Is-saħħa tal-pjanti hija rregolata b’mod aktar speċifiku mil-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti (ir-Regolament (UE) 2016/2031) tas-26 ta’ Ottubru 2016, li għandha l-għan li tipproteġi l-għelejjel, il-frott, il-ħaxix u l-foresti kontra l-introduzzjoni jew it-tixrid ta’ pesti jew mard tal-pjanti. Ittejjeb ukoll il-kontrolli tal-importazzjoni għall-pjanti minn pajjiżi mhux tal-UE u tistandardizza l-passaporti tal-pjanti, filwaqt li tespandi r-rekwiżiti b’rabta mal-passaporti għal firxa usa’ ta’ pjanti maħsuba għat-tħawwil. Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar is-Saħħa tal-Pjanti saru applikabbli f’Diċembru 2019.

          G. Il-leġiżlazzjoni dwar l-għalf tal-annimali u t-tikkettar tal-għalf

          L-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jiżguraw li l-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni taħt il-kontroll tagħhom ikunu konformi mar-regolament li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ir-Regolament (KE) Nru 183/2005) tat-12 ta’ Jannar 2005 u jiggarantixxu traċċabbiltà sħiħa. Dan jinkludi l-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-għalf lejn u minn pajjiżi mhux tal-UE u l-ħtieġa li r-riskju ta’ kontaminazzjoni tal-għalf, tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali jinżamm baxx kemm jista’ jkun raġonevolment possibbli. Id-direttiva dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali (id-Direttiva 2002/32/KE) tas-7 ta’ Mejju 2002 tistabbilixxi l-limiti massimi għal sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf tal-annimali, inklużi metalli tqal, u tipprojbixxi d-dilwizzjoni ta’ materjali tal-għalf ikkontaminati. Ir-regoli dwar it-tikkettar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għalf huma stabbiliti biex jiżguraw livell għoli ta’ sikurezza tal-għalf u tas-saħħa pubblika u biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-utenti u l-konsumaturi. Leġiżlazzjoni ulterjuri tirregola l-użu tal-mediċini veterinarji (ir-Regolament (UE) 2019/6) tal-11 ta’ Diċembru 2018 u l-għalf medikat (ir-Regolament (UE) 2019/4) tal-11 ta’ Diċembru 2018.

          H. L-ikel ġdid

          L-ikel ġdid, jiġifieri ikel mhux ikkunsmat fl-UE b’mod sinifikanti qabel Mejju 1997 (eż. proteini alternattivi, supplimenti tal-ikel, eċċ.) għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tas-sikurezza qabel ma jiġi kkummerċjalizzat fl-UE. Ir-regolament dwar ikel ġdid (ir-Regolament (UE) 2015/2283) tal-25 ta’ Novembru 2015 ġie rivedut biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal ikel innovattiv filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel. Huwa jintroduċi proċedura ta’ awtorizzazzjoni online simplifikata u ċentralizzata madwar l-UE għal ikel ġdid u ikel tradizzjonali minn pajjiżi mhux tal-UE (li huwa meqjus bħala ikel ġdid fl-UE). Qabel ma ikel bħal dan jiġi awtorizzat mill-Kummissjoni, l-EFSA twettaq evalwazzjoni tas-sikurezza xjentifika ċentralizzata, li fiha tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-użu, id-deżinjazzjoni tiegħu bħala ikel u r-rekwiżiti tat-tikkettar. L-ikel ġdid awtorizzat kollu se jiġi inkluż f’lista pożittiva.

          I. L-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM)

          OĠM huwa definit bħala “organiżmu, bl-eċċezzjoni ta’ bnedmin, li fihom il-materjal ġenetiku jkun ġie modifikat b’tali manjiera li ma jseħħx fin-natura b’akkoppjar u/jew rikombinazzjoni naturali” (l-Artikolu 2(2) tad-direttiva dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament) (id-Direttiva 2001/18/KE tat-12 ta’ Marzu 2001). Il-pjanti jistgħu jiġu modifikati ġenetikament permezz tal-bijoteknoloġija moderna, biex jiġu magħmula reżistenti għall-mard jew biex jiżdied ir-rendiment tagħhom. Skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-UE stabbiliet qafas legali strett li jirregola l-kultivazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-OĠM li jintużaw fl-ikel jew fl-għalf:

          • Qabel ma kwalunkwe OĠM ikun jista’ jitqiegħed fis-suq, l-EFSA u l-korpi xjentifiċi tal-Istati Membri, iwettqu valutazzjoni xjentifika tar-riskju biex jiżguraw li m’hemm l-ebda periklu kemm għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali kif ukoll għall-ambjent.
          • Malli tirċievi l-opinjoni tal-EFSA, il-Kummissjoni tħejji abbozz ta’ deċiżjoni li fuqu jivvota kumitat espert magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Kwalunkwe ikel jew għalf awtorizzat magħmul minn jew li jkun fih OĠM irid ikun traċċabbli u ttikkettat b’mod ċar bħala tali sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.
          • Skont id-Direttiva (UE) 2015/412, l-Istati Membri huma permessi jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni ta’ għelejjel li jkun fihom OĠM fuq it-territorju tagħhom stess, anke jekk din tkun permessa fil-livell tal-UE.
          • Fil-5 ta’ Lulju 2023, il-Kummissjoni ppubblikat proposta biex tirregola l-pjanti maħluqa permezz ta’ metodi ġenomiċi speċifiċi għal skopijiet ta’ ikel u għalf. Dan isegwi sentenza tal-2018 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li ddeċidiet li l-organiżmi żviluppati permezz ta’ dawn it-tekniki għandhom jiġu rregolati bħala “OĠM” skont id-Direttiva 2001/18/KE, id-Direttiva eżistenti tal-UE dwar l-OĠM. Il-proposta bħalissa qed tiġi diskussa f’negozjati interistituzzjonali.

            Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

            Wara l-iskandlu tal-laħam taż-żiemel u każijiet oħra ta’ frodi tal-ikel, il-Parlament talab li l-oriġini tiġi indikata b’mod obbligatorju, speċjalment laħam użat bħala ingredjent f’ikel ipproċessat. Il-Parlament huwa partikolarment viġilanti wkoll fir-rigward tat-theddid lis-saħħa tal-konsumatur relatat mal-annimali kklonati u n-nanomaterjali jew l-organiżmi ġenetikament modifikati. Huwa spiss jiskrutinizza u jopponi b’mod regolari abbozzi ta’ proposti għall-awtorizzazzjoni jew it-tiġdid ta’ pjanti ġodda ġenetikament modifikati bħall-qamħirrum jew il-fażola tas-sojja.

            B’rispons għat-tħassib dwar is-sustanza erbiċida, il-glifosat, fl-2018 il-Parlament waqqaf kumitat speċjali biex jeżamina l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-UE għall-pestiċidi. Matul ir-reviżjoni tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel, li l-għan tagħha huwa li tiżgura trasparenza akbar fil-katina alimentari kollha, il-Parlament iġġieled biex jiżgura li l-istudji dwar is-sikurezza jiġu ppubblikati qabel ma prodott jiġi awtorizzat għat-tqegħid fis-suq. L-iżgurar ta’ ikel aktar sikur għall-Ewropej kollha għadu fuq quddiem fl-aġenda tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel. Dan huwa rifless fil-ħidma attwali tagħha dwar il-proċessi leġiżlattivi li għaddejjin, bħall-abbozz ta’ regolament dwar tekniki ġenomiċi ġodda u l-pakkett ta’ simplifikazzjoni tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf.

            Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, żur is-sit web tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI).

             

            Judith BÜRGER