Din l-iskeda informattiva turi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-istorja tiegħu. Tispjega kif il-Fond Soċjali Ewropew, inizjalment stabbilit biex itejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg, ġie rivedut, u dan jirrifletti l-iżviluppi f’sitwazzjonijiet ekonomiċi u ta’ impjieg nazzjonali u l-evoluzzjoni tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Illum, l-FSE+ huwa l-istrument ewlieni tal-UE li jappoġġja l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali fl-UE.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 46(d), 149, 153(2)(a), 164, 175(3) u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
  • L-objettivi

    L-għanijiet tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) huma li jiksbu livelli għoljin ta’ impjieg u protezzjoni soċjali ġusta, u jiżviluppaw forza tax-xogħol ikkwalifikata u reżiljenti, lesta għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. Il-Fond għandu l-għan li jippromwovi l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, u l-bini ta’ soċjetajiet inklużivi u koeżivi li huma kapaċi jeqirdu l-faqar. Huwa jsegwi mill-Fond Soċjali Ewropew preeżistenti u jinkorpora l-prinċipji stabbiliti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    Il-kisbiet

    A. Il-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti

    Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kien l-ewwel fond strutturali Ewropew. Fl-ewwel snin, sal-1970, il-Fond irrimborża lill-Istati Membri 50% tal-ispejjeż tat-taħriġ vokazzjonali u tal-allokazzjonijiet ta’ risistemazzjoni għall-ħaddiema milquta mir-ristrutturar ekonomiku. B’kollox, huwa għen aktar minn żewġ miljun persuna matul dan il-perjodu. Fl-1971, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/66/KEE żiedet ir-riżorsi tal-fond b’mod sostanzjali, u fl-1983 riforma ġdida irridirezzjonat lill-Fond biex jiffoka fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ u fuq l-għajnuna għal dawk ir-reġjuni l-aktar fil-bżonn. Billi inkorpora fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità, l-Att Uniku Ewropew (1986) witta t-triq għal riforma komprensiva maħsuba essenzjalment biex tintroduċi approċċ ikkoordinat għall-ġestjoni tal-fondi strutturali. It-Trattat ta’ Maastricht wessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE biex jinkludi “adattament għal tibdiliet industrijali u tibdiliet fis-sistemi ta’ produzzjoni”. Bejn l-1994 u l-1999, il-finanzjament allokat għall-koeżjoni ekonomika u soċjali ġie rduppjat.

    Bħala parti mill-Aġenda 2000, il-qafas ġenerali tal-fondi strutturali ġie ssimplifikat għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006. L-FSE, b’baġit ta’ EUR 60 biljun, ġie fdat li jikkontribwixxi kemm għall-politika ta’ koeżjoni u kemm għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (3.6.3). Huwa kkofinanzja wkoll l-Inizjattiva Komunitarja, EQUAL, li kellha bħala mira proġetti transnazzjonali innovattivi li jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-iżvantaġġi fis-suq tax-xogħol.

    Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, kien fadal biss tliet fondi strutturali: l-FSE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni. Flimkien, l-objettivi tagħhom kienu jinkludu l-konverġenza (li għaliha ġew allokati 81.5% tar-riżorsi), il-kompetittività reġjonali u l-impjieg (16% tar-riżorsi), u l-kooperazzjoni territorjali (2.5% tar-riżorsi).

    Ir-riżorsi tal-fondi strutturali jiġu allokati bejn l-Istati Membri skont formula li tqis il-popolazzjoni (u d-densità tagħha), il-prosperità reġjonali, il-qgħad u l-livelli tal-edukazzjoni. Hija tiġi nnegozjata mill-Istati Membri fl-istess ħin meta jiġi nnegozjat il-baġit fit-tul tal-UE – il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) – għal perjodu partikolari. Waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-fondi strutturali hija l-prinċipju tal-addizzjonalità, skont liema prinċipju l-Istati Membri ma jistgħux jużaw il-fondi strutturali biex jissostitwixxu l-infiq domestiku li xorta waħda jkollhom il-ħsieb jipprogrammaw.

    B. Il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020

    1. Ħames fondi strutturali regolati minn regoli komuni

    Il-ħames fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, jiġifieri l-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, kienu regolati minn regoli komuni, stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni. L-oqsma ta’ intervent u partikolaritajiet oħra huma stabbiliti fir-regolamenti speċifiċi għall-fondi addizzjonali. Ir-Regolament FSE tal-2013 stabbilixxa l-missjoni tal-FSE, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta’ nfiq eliġibbli għall-għajnuna.

    B’allokazzjoni totali ta’ EUR 74 biljun, l-FSE kkofinanzja programmi operazzjonali nazzjonali jew reġjonali li baqgħu għaddejjin tul is-seba’ snin tal-QFP 2014-2020 u li kienu proposti mill-Istati Membri u approvati b’deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    Huwa ffoka fuq erba’ objettivi tematiċi:

    • il-promozzjoni tal-impjieg sostenibbli u ta’ kwalità u s-sostenn għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol;
    • il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni;
    • l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja;
    • it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika.
    • Matul il-perjodu 2014-2020, ir-rwol tal-FSE ġie msaħħaħ permezz ta’ sehem minimu legalment vinkolanti ta’ 23.1% tal-finanzjament totali ta’ koeżjoni. Kull sena, il-fond għen lil madwar 10 miljun ruħ isibu xogħol jew itejbu l-ħiliet tagħhom biex ikunu jistgħu jsibu xogħol fil-futur.

      2. Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

      Ir-Regolament tal-FSE jinkludi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI). Għall-perjodu 2021-2027, qed tappoġġja l-impjieg taż-żgħażagħ fl-Istati Membri b’baġit ta’ EUR 11-il biljun. Hija ġiet iffinanzjata minn tliet sorsi: allokazzjonijiet nazzjonali tal-FSE, baġit tal-UE speċifiku u kofinanzjament nazzjonali tal-parti tal-FSE. Għandha l-għan li tilħaq żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs).

      3. Il-COVID-19 u l-invażjoni tal-Ukrajna

      F’April 2020, il-Kummissjoni nediet żewġ pakketti: l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u s-CRII Plus biex jimmobilizzaw il-fondi strutturali tal-UE b’rispons għall-kriżi. Il-Parlament u l-Kunsill malajr adottaw iż-żewġ proposti. Ma ġew ipprovduti l-ebda riżorsi finanzjarji ġodda tal-UE, iżda kienet permessa flessibbiltà fl-użu ta’ riżorsi eżistenti li ma ntefqux u fir-ridirezzjonar tagħhom lejn fejn kienu l-aktar meħtieġa, bil-possibbiltà li l-livelli ta’ kofinanzjament jiżdiedu għal 100% għall-perjodu 2020-2021. F’Mejju 2020, il-Kummissjoni segwiet il-proposta dwar REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa), li tipprovdi EUR 50.6 biljun f’investiment addizzjonali permezz tal-FEŻR, l-FSE u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), b’EUR 19.45-il biljun allokati għall-FSE. L-Istati Membri kellhom sa tmiem l-2023 biex jonfqu dawn ir-riżorsi. L-FSE kellu rwol primarju fir-risposta immedjata għall-kriżi tal-COVID-19 billi appoġġja s-servizzi soċjali, żamm l-impjiegi fis-setturi milquta, inkluż permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, ipproteġa lill-gruppi vulnerabbli u ffinanzja l-pagi għall-persunal tal-kura tas-saħħa, it-tagħmir tal-IT u t-tagħmir protettiv personali.

      Il-pakketti tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) u CARE 2, it-tnejn imnedija f’April 2022, żiedu flessibbiltà addizzjonali għall-politika ta’ koeżjoni 2014-2020, li tirrappreżenta l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi migratorji li rriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fi Frar 2022.

      C. Il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027

      1. Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027

      Fid-29 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) għall-perjodu 2021-2027. Din ġiet emendata permezz ta’ proposta tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Jannar 2020 biex jiġi inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF), u, fit-28 ta’ Mejju 2020, wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ġew proposti emendi addizzjonali għar-RDK. L-RDK ġie adottat mill-Parlament u mill-Kunsill fit-tieni qari f’Ġunju 2021.

      L-RDK jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u d-dispożizzjonijiet komuni għal tmien fondi li huma taħt ġestjoni kondiviża, inklużi l-FSE+, il-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-JTF. Madankollu, l-RDK ma japplikax għall-fergħa tal-impjieg u l-innovazzjoni soċjali tal-FSE+, peress li din hija taħt ġestjoni diretta u indiretta.

      2. L-FSE+

      Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għall-QFP 2021-2027, inkluża proposta għal FSE+ imġedded b’baġit ta’ EUR 101 biljun. L-FSE+ kien se jgħaqqad flimkien l-FSE, il-YEI, il-FEAD, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm tal-UE għas-Saħħa. Fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni ħabbret programm tas-saħħa ġdid u separat li għandu jiġi introdott fil-QFP 2021-2027, jiġifieri l-programm EU4Health, u għalhekk il-proposta emendata għar-Regolament FSE+ ippubblikata fit-28 ta’ Mejju 2020 ma inkludietx il-programm tas-saħħa fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar it-test fit-tieni qari u l-att finali li jistabbilixxi l-FSE+ ġie ffirmat fl-24 ta’ Ġunju 2021. Il-baġit totali għall-FSE+ jammonta għal kważi EUR 99.3 biljun.

      L-objettivi speċifiċi tal-FSE+ jinkludu:

      • l-appoġġ għall-impjiegi, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, inkluż billi jgħin biex jinqered il-faqar, u b’hekk jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
      • L-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi permezz ta’ titjib fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari l-iżvilupp tal-ħiliet għal teknoloġiji abilitanti ewlenin u t-tranżizzjoni industrijali;
      • l-appoġġ għal miżuri temporanji f’ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux tas-soltu (eż. il-finanzjament ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar mingħajr l-obbligu li dawn jiġu kkombinati ma’ miżuri attivi, jew l-għoti ta’ aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluż għal persuni li mhumiex immedjatament vulnerabbli mil-lat soċjoekonomiku).
      • Id-dispożizzjonijiet tal-FSE+ jinkludu dawn li ġejjin:

        • l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-programmi ta’ nfiq tagħhom. Fl-Istati Membri fejn in-numru ta’ NEETs jaqbeż il-medja tal-UE, 12.5% tal-fond se jintefqu fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
        • mill-anqas 25% tal-baġit irid jintefaq fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, inkluża l-integrazzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE;
        • mill-anqas 3% tal-baġit irid jintefaq fuq l-għajnuna alimentari u l-assistenza materjali bażika għall-persuni l-aktar fil-bżonn;
        • l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jallokaw ammont xieraq mir-riżorsi tal-FSE+ tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal permezz ta’ azzjonijiet immirati biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal. L-Istati Membri b’livell ta’ faqar fost it-tfal ogħla mill-medja tal-UE jeħtiġilhom jużaw mill-anqas 5% tar-riżorsi tal-FSE+ tagħhom biex jindirizzaw din il-kwistjoni;
        • irid jiġi allokat finanzjament adegwat għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri, u mill-anqas 0.25% tal-fond meta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jirrikjedu dan;
        • l-operazzjonijiet kollha għandhom jintgħażlu u jiġu implimentati skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
        • Sabiex jibbenefika mill-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, kull Stat Membru jeħtieġlu jħejji ftehim ta’ sħubija. Dan huwa dokument ta’ strateġija għall-investimenti ta’ programmazzjoni li jistabbilixxi l-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif jużaw il-FEŻR, l-FSE+, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-JTF u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. Jinkludi l-allokazzjoni finanzjarja annwali indikattiva għal kull programm.

          Fil-qafas tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-politika ta’ koeżjoni tal-2025, fit-18 ta’ Settembru 2025, il-koleġiżlaturi emendaw ir-Regolament (UE) 2021/1057 li jistabbilixxi l-FSE+ b’regolament ġdid li jindirizza l-isfidi strateġiċi (ir-Regolament (UE) 2025/1913). Dan jinkludi prijoritajiet ġodda koperti mill-FSE+, inkluż il-kapaċitajiet tad-difiża, id-dekarbonizzazzjoni industrijali u l-appoġġ għar-reġjuni li jmissu mar-Russja, mal-Belarussja u mal-Ukrajna.

          F’Novembru 2025, il-Kummissjoni nediet il-proġett pilota għall-inizjattiva ewlenija tagħha Garanzija Ewropea tal-Ħiliet, li għandu l-għan li jappoġġja lill-ħaddiema f’riskju ta’ qgħad fit-tranżizzjoni lejn impjieg f’setturi strateġiċi. Dan huwa ffinanzjat permezz tal-FSE+.

          D. Il-perjodu ta’ programmazzjoni 2028-2034

          Fis-16 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034. Il-proposta tiffoka fuq l-innovazzjoni soċjali, it-tranżizzjoni demografika u l-indirizzar tal-privazzjoni materjali. Se taħdem flimkien ma’ Pjanijiet ġodda ta’ Sħubija Nazzjonali u Reġjonali (PSNR) biex tappoġġja l-politiki tal-impjiegi u dawk soċjali. Il-proposta l-ġdida tal-baġit tiddikjara li minflok ma jkun hemm pakkett speċifiku ddedikat għall-FSE, mill-anqas 14% tal-PSNR għandhom ikunu ddedikati għan-nefqa soċjali. Bħalissa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bħala l-koleġiżlaturi, qed jiddiskutu l-proposta.

          1. L-istrumenti għall-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol li jikkomplementaw l-FSE+

          Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) inħoloq għall-QFP 2007-2013 biex jappoġġja lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja minħabba tibdiliet strutturali fil-kummerċ dinji relatati mal-globalizzazzjoni. Filwaqt li l-FSE+ jappoġġja programmi li jimmiraw l-objettivi fit-tul li n-nies jinżammu fix-xogħol jew jiġu integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, il-FEG joffri rispons għal emerġenzi speċifiċi, bħas-sensji kollettivi, għal perjodi limitati ta’ żmien.

          Minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008, ir-Regolament dwar il-FEG tal-2006 ġie emendat temporanjament fl-2011 biex jindirizza s-sensji kkaġunati mill-kriżi, b’rati ta’ kofinanzjament bejn 50% u 65%. Din il-bidla ġiet riportata fir-Regolament dwar il-FEG tal-2013 għall-QFP 2014-2020, u żiedet ċirkostanzi ġodda għall-appoġġ. Għall-istess perjodu, il-kamp ta’ applikazzjoni ġie estiż biex jinkludi dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema b’terminu fiss. B’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà ta’ Brexit iebes, ir-Regolament dwar il-FEG ġie emendat fl-2019 biex jgħin lill-ħaddiema u lill-persuni li jaħdmu għal rashom fl-UE li kieku tilfu l-impjieg tagħhom li kieku r-Renju Unit irtira mingħajr ftehim.

          Il-FEG rivedut għall-perjodu ta’ wara l-2020, propost f’Mejju 2018 mill-Kummissjoni, introduċa ammont annwali massimu ta’ EUR 200 miljun barra mil-limiti massimi tal-QFP. Il-proposta tkopri wkoll il-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba ristrutturar fid-dawl tat-tranżizzjoni diġitali u/jew dik ekoloġika, u tbaxxi l-livell limitu għall-attivazzjoni tal-FEG minn 500 għal 250 sensja, li mbagħad naqsu għal 200 fl-att finali. F’Mejju 2020, fil-qafas tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet li żżid l-ammont annwali massimu. Il-Parlament u l-Kunsill qablu dwar it-test fit-tieni qari, u l-att finali dwar il-FEG ġie ffirmat f’April ta’ wara. Il-baġit annwali inizjali tal-FEG ta’ EUR 210 miljun għall-2021 sal-2027 tnaqqas għal EUR 35 miljun mill-2024 f’konformità mar-Regolament QFP rivedut. F’April 2025, il-Kummissjoni ħarġet proposta oħra biex temenda l-FEG bl-għan li mhux biss tappoġġja lill-ħaddiema ssensjati, iżda wkoll lill-ħaddiema affettwati minn sensji imminenti f’intrapriżi li għaddejjin minn ristrutturar. Il-proposta tinkludi wkoll xi bidliet fil-proċedura biex jiġi mobilizzat l-appoġġ ekonomiku. Bħalissa qed tiġi nnegozjata mill-koleġiżlaturi, iżda fil-bidu tal-2026 intlaħaq ftehim politiku dwar FEG usa’ li jappoġġja lill-ħaddiema.

          Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

          L-influwenza tal-Parlament fuq l-FSE kibret tul is-snin. Skont it-Trattat ta’ Maastricht, il-Parlament kellu jagħti l-kunsens tiegħu għad-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-fondi. Minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, l-adozzjoni ta’ regoli ġenerali hija soġġetta għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Il-Parlament iqis l-FSE bħala l-aktar strument importanti tal-UE fil-ġlieda kontra l-qgħad. Għaldaqstant, huwa dejjem esprima ruħu favur it-tħaddim effiċjenti tiegħu, filwaqt li appella għal leġiżlazzjoni u proċeduri aktar sempliċi, bil-għan li jittejbu l-effikaċja u l-kwalità tal-għajnuna tal-FSE.

          Il-Parlament wessa’ gradwalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE biex jinkludi l-isforzi mmirati lejn il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, billi jaġevola l-aċċess tal-gruppi vulnerabbli għall-impjieg. Huwa appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kontribut tal-FSE għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika u, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-FSE, huwa appella biex l-FSE jissaħħaħ bħala l-forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Ewropa 2020.

          Bis-saħħa tal-Parlament, fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-FSE kien jirrappreżenta 23.1% tal-finanzjament totali tal-koeżjoni tal-UE, u 20% tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull Stat Membru kellhom jintefqu fuq l-inklużjoni soċjali.

          Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Lulju 2016 dwar ir-rifuġjati, il-Parlament talab li l-FSE jsir disponibbli għal miżuri li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-swieq tax-xogħol tal-UE, bl-integrazzjoni professjonali tkun pass ’il quddiem lejn l-inklużjoni soċjali. Il-Kummissjoni kkunsidrat dan it-tħassib fil-proposta tagħha dwar l-FSE+ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 billi żiedet referenza speċifika għall-migranti u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol fl-objettivi tal-FSE+.

          Barra minn hekk, għall-FSE+ 2021-2027, l-emendi mill-Parlament jinkludu delimitazzjoni ta’ aktar finanzjament għall-għajnuna alimentari u materjali, finanzjament adegwat għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali u salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-flus tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

          Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Marzu 2025 dwar l-FSE+ wara l-2027, il-Parlament appella għal FSE+ b’saħħtu, imsaħħaħ u separat fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2028-2034, b’żieda importanti u sostanzjata fil-baġit tal-FSE+. L-istess talba hija appoġġjata f’diversi riżoluzzjonijiet wara l-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit pluriennali l-ġdid – pereżempju, ir-riżoluzzjoni ta’ Marzu 2026 dwar is-Semestru Ewropew. Rapport interim dwar il-proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali għall-2028-2034 bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament. Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport interim dwar il-proposta tal-QFP, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward ta’ tnaqqis fl-infiq soċjali f’termini reali, itenni t-talba għal FSE+ awtonomu, u jitlob baġit akbar għal dan il-fond. Il-Parlament jitlob ukoll lill-Istati Membri jallokaw mill-anqas 15% tar-riżorsi tagħhom tal-FSE+ għal azzjonijiet immirati għal impjiegi taż-żgħażagħ u edukazzjoni vokazzjonali ta’ kwalità.

          Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament Ewropew għat-Trasport, l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

           

          Cecilia NAVARRA