Din l-iskeda informattiva tispjega r-rwol vitali li għandha l-industrija tad-difiża tal-UE biex tiżgura s-sigurtà u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, u kif tikkontribwixxi għall-kompetittività u t-tkabbir. Din tiddeskrivi l-evoluzzjoni tas-settur Ewropew tad-difiża matul is-snin, minn industrija frammentata li għal ħafna snin batiet minn dgħufijiet strutturali, li żammewha milli tipproduċi tagħmir għad-difiża bil-pass meħtieġ, għal waħda progressivament integrata li tibbilanċja s-sovranità nazzjonali u l-ħtieġa tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE. Fid-dawl tat-tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, l-UE poġġiet id-difiża fil-quċċata tal-aġenda tagħha; u għandha l-għan issaħħaħ l-industrija tad-difiża biex tagħmilha aktar reattiva, innovattiva, kompetittiva u reżiljenti.

Il-bażi legali

  • L-Artikolu 173 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi l-bażi legali għall-azzjoni tal-UE biex tappoġġa l-kompetittività tal-industrija, inkluż is-settur tad-difiża.
  • L-Artikolu 182 tat-TFUE jkopri r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku tal-UE, inkluża r-riċerka relatata mad-difiża.
  • L-Artikolu 346 tat-TFUE jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw il-miżuri relatati mad-difiża mir-regoli tas-suq intern tal-UE fejn meħtieġ biex jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom.
  • L-objettivi

    Is-settur industrijali tad-difiża Ewropew huwa s-sisien tal-prontezza tad-difiża tal-Unjoni. L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam għandha l-għan issaħħaħ il-bażi industrijali tad-difiża u l-prontezza tad-difiża tal-Unjoni. Biex tikseb dan, hija tiffoka fuq:

    • iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni industrijali tad-difiża madwar l-UE;
    • it-tisħiħ tal-investiment u t-titjib tal-aċċess għall-finanzi fis-settur tad-difiża;
    • it-tisħiħ tal-kompetittività u tal-innovazzjoni;
    • l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp kollaborattivi fil-qasam tad-difiża;
    • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fost il-kumpaniji tad-difiża madwar l-Istati Membri biex tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni u sabiex ikun jista’ jkun hemm ekonomiji ta’ skala;
    • it-tnaqqis tal-frammentazzjoni tas-suq għat-tagħmir għad-difiża, it-tnaqqis tal-ispejjeż u l-kontribut għall-iżvilupp ta’ suq uniku reali għat-tagħmir tad-difiża.
    • L-oriġini u l-iżvilupp tal-industrija tad-difiża tal-UE

      Filwaqt li s-sigurtà u d-difiża jibqgħu kompetenzi nazzjonali, ix-xenarju industrijali relatat evolva minn wieħed pjuttost frammentat għal wieħed dejjem aktar integrat fil-livell tal-UE.

      A. Għoxrin sena ta’ politika industrijali tad-difiża tal-UE, mill-bidu tas-snin 2000

      1. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

      L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) ġiet stabbilita f’Lulju 2004 fl-ambitu ta’ azzjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ministri għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża, il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fl-armamenti, it-tisħiħ tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea, il-ħolqien ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża kompetittiv fuq livell internazzjonali, u t-tisħiħ tal-effettività tar-riċerka u t-teknoloġija tad-difiża Ewropea. L-azzjoni konġunta tal-2004, l-ewwel ġiet sostitwita b’deċiżjoni tal-Kunsill f’Lulju 2011 u mbagħad ġiet riveduta f’Ottubru 2015 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-EDA.

      2. L-iżvilupp ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża

      F’Settembru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat Green Paper dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, bil-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien gradwali ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża. Il-Green Paper kienet parti mill-istrateġija “lejn politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tagħmir għad-difiża” tal-2003. L-għan kien li r-riżorsi fis-settur tad-difiża jintużaw b’mod aktar effiċjenti u tiżdied il-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa, kif ukoll li tingħata għajnuna biex isir titjib fit-tagħmir militari fil-kuntest tal-politika Ewropea ta’ sigurtà u difiża.

      Fl-2007, l-Istati Membri qablu li jsaħħu l-iżvilupp tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea bl-għajnuna ta’ strateġija ddedikata. F’Lulju 2006, tnieda r-reġim intergovernattiv biex titħeġġeġ il-kompetizzjoni fis-suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża. Dan ir-reġim intergovernattiv volontarju jopera abbażi ta’ kodiċi ta’ kondotta dwar l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, li huwa appoġġjat minn sistema ta’ rapportar u monitoraġġ li tgħin biex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fost l-Istati Membri.

      L-istandardizzazzjoni tat-tagħmir għad-difiża hija importanti għall-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali. It-tnedija ta’ portal tas-Sistema Ewropea ta’ Referenza għall-Istandards tad-Difiża (EDSTAR) fl-2012 ippermettiet li jittieħdu passi lejn l-istandardizzazzjoni. L-EDSTAR segwiet l-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar l-Istandardizzazzjoni fis-settur tad-Difiża, li hija portal għal standardizzazzjoni aktar komprensiva tal-materjal tad-difiża Ewropew immirata lejn il-promozzjoni ta’ standards tal-materjali li jew ikunu se jiġu żviluppati jew ikunu se jgħaddu minn bidla sostantiva.

      F’Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-effiċjenza u l-kompetittività tas-settur Ewropew tad-difiża u s-sigurtà, li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dettaljat u tħabbar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tas-suq għall-akkwist tad-difiża.

      3. L-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u t-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża

      L-UE stabbiliet linji gwida biex tiddefinixxi qafas tal-UE f’dan il-qasam permezz ta’ żewġ direttivi:

      • id-direttiva dwar it-trasferimenti intra-UE ta’ prodotti relatati mad-difiża (id-Direttiva 2009/43/KE) issimplifikat u armonizzat il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża madwar l-UE. Ħolqot sistema uniformi u trasparenti ta’ liċenzji (ġenerali, globali u individwali) u ppermettiet lill-kumpaniji meqjusin affidabbli jwettqu trasferimenti b’liċenzji ġenerali. L-intenzjoni kienet li l-liċenzja individwali ssir eċċezzjoni u tkun limitata biss għal każijiet li jistgħu jiġu ġġustifikati b’mod ċar.
      • id-direttiva dwar l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà (id-Direttiva 2009/81/KE) introduċiet regoli għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża, li kellhom l-għan jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji tad-difiża għas-swieq tad-difiża ta’ Stati Membri oħra. Din tipprevedi proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni minn qabel bħala l-proċedura standard, u b’hekk tippermetti aktar flessibbiltà, regoli speċifiċi dwar is-sigurtà ta’ informazzjoni sensittiva, klawżoli dwar is-sigurtà tal-provvista u regoli speċifiċi dwar is-sottokuntrattar. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-kuntratti ta’ difiża u sigurtà jekk dan ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali ta’ sigurtà tagħhom (l-Artikolu 346 tat-TFUE).
      • 4. L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża

        Minkejja l-isforzi biex jinħoloq qafas komuni għall-politika tad-difiża Ewropea, l-infiq fuq ir-riċerka dwar id-difiża Ewropea b’mod ġenerali naqas drastikament mill-2006 u reġa’ beda jiżdied biss f’dawn l-aħħar ftit snin. Fl-2015, l-Istati Membri qablu li jimxu progressivament minn riċerka ffukata esklużivament fuq it-teknoloġiji ta’ użu ċivili u doppju fil-qafas ta’ Orizzont 2020 lejn programm dedikat għar-riċerka dwar id-difiża Ewropea bħala parti mill-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF).

        L-EDF huwa l-istrument ewlieni tal-UE biex jiġu appoġġjati r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża. Dan beda jopera fl-1 ta’ Jannar 2021 b’baġit totali miftiehem ta’ kważi EUR 8 biljun għall-perjodu 2021-2027 (ir-Regolament (UE) 2021/697). L-għanijiet ewlenin tiegħu huma li jippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-atturi tar-riċerka madwar l-Unjoni. Jistinka wkoll biex jagħti spinta lill-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża permezz ta’ investimenti u biex jgħin lill-kumpaniji tal-UE jiżviluppaw teknoloġiji u tagħmir għad-difiża mill-aktar avvanzati u interoperabbli.

        L-EDF kien preċedut minn żewġ programmi ta’ ttestjar: l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża.

        B. Era ġdida għall-politika industrijali tad-difiża tal-UE

        Fl-2021, l-UE nediet analiżi tal-futur tas-sigurtà u d-difiża Ewropea. Dan il-proċess wassal għall-ħolqien tal-Boxxla Strateġika, dokument ta’ politika li jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-istrateġija ta’ sigurtà u difiża tal-UE sal-2030.

        Il-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022 immarka l-bidu ta’ era ġdida għall-politika Ewropea tad-difiża. Inkixfu sfidi sinifikanti fir-rigward tal-prontezza industrijali tad-difiża tal-UE. B’reazzjoni għal dan, f’dik l-istess sena ttieħdu żewġ miżuri fil-livell tal-UE:

        • fi Frar 2022, il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża.
        • f’Marzu, il-Kunsill irreveda b’mod sinifikanti l-Boxxla Strateġika biex iqis id-destabbilizzazzjoni tal-ordni ta’ sigurtà Ewropew u l-bidla sussegwenti fil-pożizzjoni, l-ambizzjoni u l-għodod tal-UE fil-qasam tad-difiża. (Ara 5.1.2)
        • Il-komunikazzjoni konġunta dwar id-diskrepanzi fl-investiment fid-difiża tal-2022 u, aktar reċentement, ir-rapport ta’ Draghi tal-2024 dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea wrew li n-nuqqas ta’ investiment fit-tul u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni wasslu għal lakuni kritiċi fil-kapaċità tad-difiża u industrija u suq tad-difiża Ewropej frammentati. Il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni huma baxxi ħafna u l-Istati Membri jiddependu fuq l-akkwist ta’ tagħmir għad-difiża mhux tal-UE.

          Matul l-2023, tnedew żewġ miżuri fuq terminu qasir biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet: l-Istrument għat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni biex jinċentiva l-akkwist konġunt fil-qasam tad-difiża, u l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon biex iżid il-produzzjoni tal-munizzjon u tal-missili.

          F’Marzu 2024, il-Kummissjoni nediet l-ewwel Strateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li qatt saret bil-għan li żżid l-infiq għad-difiża, ittejjeb l-akkwist konġunt, issaħħaħ l-interoperabbiltà bejn il-forzi armati tal-Ewropa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-industriji tad-difiża Ukreni. Miżura ewlenija hija l-proposta ta’ EUR 1.5 biljun għal regolament li jistabbilixxi Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li jappoġġja l-kompetittività industrijali u tad-difiża fit-tul.

          Fl-ewwel nofs tal-2025, il-Kummissjoni pproponiet tliet inizjattivi ewlenin biex iżżid il-prontezza u l-investiment fil-qasam tad-difiża.

          • Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030, ippreżentata f’Marzu 2025, tpoġġi l-politika tad-difiża tal-UE fuq livell ġdid fid-dawl tat-theddid u l-isfidi dejjem akbar għas-sigurtà. Din tipproponi diversi azzjonijiet biex tiġi kkonsolidata l-industrija Ewropea tad-difiża:
            • li jissaħħu l-kapaċitajiet industrijali madwar l-UE;
            • li tiġi żgurata l-provvista ta’ inputs kritiċi tal-industrija u jitnaqqsu d-dipendenzi;
            • li jinbena suq uniku reali tal-UE għat-tagħmir għad-difiża;
            • li jiġu ssimplifikati r-regoli eżistenti u titnaqqas il-burokrazija;
            • li jissaħħu r-riċerka u l-iżvilupp biex titrawwem l-innovazzjoni;
            • li jinżamm, jiġi attirat u jiġi żviluppat it-talent biex jittejbu l-ħiliet u l-għarfien espert fis-settur tad-difiża.
            • Il-pjan ReArm Europe, li aktar tard ingħata l-isem ġdid “Prontezza 2030”, introduċa għodod finanzjarji biex tingħata spinta lill-investiment billi:
              • tiġi attivata l-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tippermetti lill-Istati Membri jżidu l-infiq fid-difiża; kif ukoll
              • billi nieda strument ta’ self ta’ EUR 150 biljun - Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) - biex jgħin lill-pajjiżi jinvestu f’oqsma ewlenin tad-difiża.
              • Il-pakkett ta’ bidliet legali msejjaħ “mini-Omnibus għad-difiża”, adottat formalment f’Diċembru 2025, jemenda ħames programmi ewlenin tal-UE: Ewropa Diġitali, FEŻ, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) u Orizzont Ewropa. Dan jippermetti investimenti fid-difiża u b’użu doppju taħt dawn l-oqsfa.
              • Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

                Il-Parlament evolva mill-għoti ta’ sinjali politiċi bikrija għal attur ċentrali fl-industrija tad-difiża Ewropea, b’mod partikolari permezz ta’ koleġiżlazzjoni u kontroll baġitarju. B’mod partikolari:

                • il-Parlament appella għall-ħolqien ta’ aġenzija Ewropea tal-armamenti u għall-istandardizzazzjoni fid-difiża (2002);
                • għamel pressjoni biex jikkontribwixxi għall-ħolqien gradwali ta’ suq Ewropew tat-tagħmir għad-difiża (2005);
                • insista fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej għandu jissarraf ukoll fil-konsolidazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tal-industrija tad-difiża tal-Ewropa (2012);
                • appella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni industrijali Ewropea u enfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni permezz tar-riċerka u l-iżvilupp (2013);
                • ippropona li titnieda Unjoni Ewropea tad-Difiża (2016);
                • issottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament u li jissaħħu l-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża intra-UE u l-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp, u li tingħata spinta lill-interoperabbiltà bejn il-militari tal-Istati Membri (2021);
                • talab li jiżdiedu l-kontribuzzjonijiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna (2022);
                • issottolinja l-ħtieġa li jitnaqqsu d-dipendenzi fir-rigward tal-provvista tal-materjali kritiċi, li jitrawmu l-investimenti għall-innovazzjoni u l-iżvilupp, li tingħata prijorità lill-proġetti konġunti ffinanzjati mill-UE u kofinanzjati, u li jiżdied il-finanzjament (2023);
                • appella għal viżjoni magħquda u ċara fit-tul għall-industrija tad-difiża Ewropea biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ prijorità jiġu indirizzati (2025); kif ukoll
                • tenna l-ħtieġa li tingħeleb il-frammentazzjoni tax-xenarju industrijali tad-difiża tal-UE (2025).
                • Din l-iskeda informattiva hija mħejjija mid-Dipartiment Tematiku għat-Trasformazzjoni, l-Innovazzjoni u s-Saħħa tal-Parlament Ewropew. Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija.

                   

                  Anne Ploeger